Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0485

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/485/PESK tat- 22 ta' Lulju 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2012/389/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR)

    ĠU L 217, 23.7.2014, p. 39–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/485/oj

    23.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 217/39


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/485/PESK

    tat-22 ta' Lulju 2014

    li temenda d-Deċiżjoni 2012/389/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-16 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/389/PESK (1). Dik id-Deċiżjoni tiskadi fil-15 ta' Lulju 2014.

    (2)

    Fit-18 ta' Marzu 2014, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) irrakkomanda li l-Missjoni tiġi estiża sat-12 ta' Diċembru 2016 f'konformità mar-Reviżjoni Strateġika.

    (3)

    EUCAP NESTOR ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif imniżżel fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2012/389/PESK hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 2 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Dikjarazzjoni tal-Missjoni

    EUCAP NESTOR għandha tassisti lill-pajjiżi fil-Qarn tal-Afrika u l-Oċean Indjan tal-Punent fit-tisħiħ tal-kapaċità tas-sigurtà marittima sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu kontra l-piraterija b'mod aktar effettiv. EUCAP NESTOR ser ikollha konċentrazzjoni ewlenija fuq is-Somalja, u konċentrazzjoni sekondarja fuq il-Ġibuti, is-Seychelles u t-Tanzanija.”.

    (2)

    L-Artikolu 3 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 3

    Objettivi u kompiti

    1.   Sabiex tinkiseb id-Dikjarazzjoni tal-Missjoni kif tinsab fl-Artikolu 2, EUCAP NESTOR għandha:

    (a)

    ittejjeb il-kapaċità tal-Istati msemmijin fl-Artikolu 2 sabiex tiġi eżerċitata governanza marittima effettiva mal-kosta, l-ilmijiet interni, l-ibħra territorjali u ż-żoni ekonomiċi esklussivi tagħhom;

    (b)

    tappoġġa lil dawn l-Istati biex jieħdu r-responsabbiltà tal-ġlieda kontra l-piraterija f'konformità mal-istandards tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem;

    (c)

    issaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali u l-koordinazzjoni tas-sigurtà marittima;

    (d)

    tagħmel kontribut immirat u speċifiku għall-isforzi internazzjonali kontinwi.

    2.   Biex tikseb l-objettivi, l-EUCAP NESTOR għandha topera skont il-linji ta' operat u kompiti stipulati fid-dokumenti ta' ppjanar operattiv approvati mill-Kunsill.

    3.   EUCAP NESTOR ma għandha twettaq l-ebda funzjoni eżekuttiva.”.

    (3)

    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   EUCAP NESTOR għandha tkun strutturata f'konformità mad-dokumenti tal-ippjanar tagħha.”;

    (b)

    il-paragrafu 3 jitħassar.

    (4)

    L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun ir-rappreżentant tal-EUCAP NESTOR fiż-żona tal-azzjonijiet tagħha. Il-Kap tal-Missjoni jista' jiddelega kompiti ta' ġestjoni fi kwistjonijiet ta' persunal u kwistjonijiet finanzjarji lill-membri tal-persunal ta' EUCAP NESTOR, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu/tagħha.”;

    (b)

    il-paragrafu 4 jitħassar.

    (c)

    il-paragrafu 8 jitħassar.

    (5)

    Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “4.   Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti li għandhom jiġu konklużi bejn il-EUCAP NESTOR u l-membru tal-persunal ikkonċernat.”.

    (6)

    Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (*)

    (*)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1.).”."

    (7)

    Jiżdied l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 12a

    Arranġamenti legali

    EUCAP NESTOR għandha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, tikkonkludi kuntratti u arranġamenti amministrattivi, timpjega persunal, jkollha kontijiet bankarji, takkwista u tiddisponi mill-assi, tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha, u li tkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni.”.

    (8)

    L-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 13

    Arranġamenti Finanzjarji

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP NESTOR mis-16 ta' Lulju 2012 sal-15 ta' Novembru 2013 għandu jkun EUR 22 880 000.

    L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP NESTOR għall-perijodu mis-16 ta' Novembru 2013 sal-15 ta' Ottubru 2014 għandu jkun EUR 11 950 000.

    2.   In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f'konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Iċ-ċittadini ta' Stati terzi u ċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti għandhom jitħallew iressqu offerti għal kuntratti. Soġġetta għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, l-EUCAP NESTOR tista' tikkonkludi arranġamenti tekniċi ma' Stati Membri, l-Istat ospitanti, Stati terzi parteċipanti u ma' atturi internazzjonali oħra fir-rigward tal-provvista ta' tagħmir, servizzi u siti lill-EUCAP NESTOR.

    3.   EUCAP NESTOR għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħha. Għal dan il-għan, EUCAP NESTOR għandha tiffirma ftehim mal-Kummissjoni.

    4.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-istatus ta' EUCAP NESTOR u l-persunal tagħha, EUCAP NESTOR għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat li jibda mis-16 ta' Lulju 2014, bl-eċċezzjoni ta' kwalunkwe pretensjoni relatata ma' mġiba ħażina ħafna mill-Kap tal-Missjoni, li għalihom il-Kap tal-Missjoni għandu jġorr ir-responsabbiltà.

    5.   L-implimentazzjoni tal-arranġamenti finanzjarji għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand kif previst fl-Artikoli 4, 5 u 6 u r-rekwiżiti operazzjonali tal-missjoni EUCAP NESTOR, inkluż il-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tat-timijiet tagħha.

    6.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli mis-16 ta' Lulju 2012.”.

    (9)

    Jiżdied l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 13a

    Ċellula ta' proġetti

    1.   EUCAP NESTOR għandu jkollha Ċellula ta' Proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. EUCAP NESTOR għandha, kif meħtieġ, tikkoordina, tiffaċilita u tipprovdi konsulenza dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u l-Istati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom, f'oqsma relatati mal-EUCAP NESTOR u b'appoġġ tal-objettivi tagħha.

    2.   EUCAP NESTOR għandha tkun awtorizzata li tuża l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri jew ta' Stati terzi għall-implimentazzjoni ta' proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw lil azzjonijiet oħra ta' EUCAP NESTOR b'mod konsistenti, jekk il-proġett ikun:

    (a)

    previst fid-dikjarazzjoni finanzjarja relatata ma' din id-Deċiżjoni; jew

    (b)

    integrat matul il-mandat permezz ta' emenda għad-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-Kap tal-Missjoni.

    EUCAP NESTOR għandha tikkonkludi arranġament ma' dawk l-Istati, li jkopri b'mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta' kull ilment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata minħabba atti jew ommissjonijiet minn EUCAP NESTOR fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati. L-Istati Membri li jikkontribwixxu ma jistgħu f'ebda ċirkostanza jżommu lill-Unjoni jew lir-RGħ responsabbli għal atti jew ommissjonijiet minn EUCAP NESTOR fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.

    3.   Il-KPS għandu jaqbel dwar l-aċċettazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Istati terzi għaċ-Ċellula ta' Proġetti.”.

    (10)

    Fl-Artikolu 15, ir-referenza “Deċiżjoni 2011/292/UE” tiġi sostitwita b'“Deċiżjoni 2013/488/UE”.

    (11)

    Fl-Artikolu 16, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Dan għandu japplika sat-12 ta' Diċembru 2016.”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tapplika mis-16 ta' Lulju 2014.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Lulju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  ĠU L 187, 17.7.2012, p. 40.


    Top