Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0393

    2014/393/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 20 ta' Ġunju 2014 li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/283/UE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fil-Belġju

    ĠU L 186, 26.6.2014, p. 72–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/393/oj

    26.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 186/72


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-20 ta' Ġunju 2014

    li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/283/UE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fil-Belġju

    (2014/393/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fit-2 ta' Diċembru 2009, wara li saret rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, fid-Deċiżjoni 2010/283/UE (1) li fil-Belġju kien jeżisti defiċit eċċessiv. Il-Kunsill innota li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ppjanat għall-2009 kien ta' 5,9 % tal-PDG, u għalhekk iktar mill-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat, filwaqt li d-dejn pubbliku gross kien ippjanat li jilħaq is-97,6 % tal-PDG fl-2009, u b'hekk iktar mill-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG skont it-Trattat. Id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għall-2009 ġew irreveduti sussegwentement għal 5,6 % u 95,7 % tal-PDG rispettivament.

    (2)

    Fit-2 ta' Diċembru 2009, skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, bagħat Rakkomandazzjoni lill-Belġju bil-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2012. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata.

    (3)

    Fil-21 ta' Ġunju 2013, abbażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 126(8) tat-Trattat, li l-Belġju ma kienx ħa azzjoni effettiva skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009 biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv tiegħu sal-2012, u ddeċieda, skont l-Artikolu 126(9) tat-Trattat, li jibgħat avviż lill-Belġju sabiex itemm is-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2013. Il-Belġju ngħata l-iskadenza tal-15 ta' Settembru biex jirrapporta dwar il-miżuri meħudin sabiex jikkonforma ma' din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 5(1a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97. Fil-15 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Belġju kien ħa azzjoni effettiva, u li f'dak il-mument, ma kien meħtieġ l-ebda pass ieħor fl-proċedura tad-defiċit eċċessiv.

    (4)

    Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni ta' din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern tagħhom kif ukoll dwar varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (3).

    (5)

    Meta jiġi biex jikkunsidra jekk deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandhiex tiġi revokata, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni fuq il-bażi tad-dejta notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha titħassar biss jekk it-tbassir tal-Kummissjoni jindika li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż il-livell ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat tul il-perjodu ta' tbassir (4).

    (6)

    Abbażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 wara n-notifika mill-Belġju qabel l-1 ta' April 2014, u abbażi tal-Programm ta' Stabbiltà tal-2014 u t-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

    Wara li laħaq l-ogħla livell ta' 5,6 % tal-PDG fl-2009, li minnu madwar 0,7 % tal-PDG kien dovut għal fatturi ta' darba, id-defiċit pubbliku tal-Belġju tniżżel għal 2,6 % tal-PDG fl-2013, bi qbil mad-deċiżjoni tal-Kunsill 2013/370/UE (5). Dan it-titjib kien dovut għal konsolidament fiskali sinifikanti, kif ukoll għal titjib fil-kundizzjonijiet ċikliċi.

    Il-Programm ta' Stabbiltà għall-perjodu 2014-17, sottomess mill-gvern tal-Belġju fit-30 ta' April 2014, jippjana li d-defiċit jinżel sa 2,15 tal-PDG fl-2014, imbagħad ikompli nieżel sa 1,4 % tal-PDG fl-2015. Abbażi ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, it-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2014 ibassar defiċit ta' 2,6 % tal-PDG fl-2014, u ta' 2,8 % tal-PDG fl-2015. B'hekk, id-defiċit mistenni li jibqa' taħt il-valur ta' referenza tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' tbassir.

    Wara li tjieb b'0,7 % tal-PDG fl-2013, il-bilanċ strutturali, jiġifieri aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku, u l-ammont nett ta' miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra, hu mbassar li se jibqa' stabbli fl-2014, u li se jmur lura ftit fl-2015, abbażi ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika. F'dak il-kuntest, jidher li hemm qabża emerġenti ta' 0,5 % tal-PDG meta mqabbla mal-aġġustament rikjest tal-bilanċ strutturali lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju (MTO) fl-2014; dan jissuġġerixxi li jeħtieġ li jissaħħu l-miżuri baġitarji sabiex tiġi żgurata l-konformità sħiħa mal-parti preventiva tal-patt, fid-dawl tar-riskju emerġenti ta' devjazzjoni mit-triq ta' aġġustament rikjest u ta' ksur tal-livell ta' referenza tad-dejn.

    Il-proporzjon bejn id-dejn u l-PDG tela' b'madwar 5 punti perċentwali bejn 2009 u l-2013, sa 101,5 %, parzjalment minħabba l-kontribut tal-Belġju lejn l-għajnuna finanzjarja lil Stati Membri taż-żona tal-euro. Id-dejn pubbliku mbassar li jibqa' xi ftit jew wisq qrib dan il-livell fl-2014 u l-2015.

    (7)

    Mill-2014, li hija s-sena ta' wara dik li fiha saret il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv il-Belġju huwa soġġett għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u għandu jimxi lejn l-għan fuq terminu medju tiegħu b'pass xieraq, filwaqt li jirrispetta l-livell ta' referenza tal-infiq, u għandu jagħmel progress biżżejjed lejn il-konformità mal-kriterju tad-dejn skont l-Artikolu 2(1a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97.

    (8)

    Skont l-Artikolu 126(12) tat-Trattat, deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata meta, fil-fehma tal-Kunsill, tkun saret korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat.

    (9)

    Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fil-Belġju ġie kkoreġut u d-Deċiżjoni 2010/283/UE għalhekk għandha tiġi revokata,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Minn valutazzjoni globali jsegwi li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fil-Belġju ġiet ikkorreġuta.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni 2010/283/UE hija b'dan revokata.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' Ġunju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. A. HARDOUVELIS


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/283/UE tat-2 ta' Diċembru 2009 dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fil-Belġju (ĠU L 125, 21.5.2010, p. 34).

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

    (3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).

    (4)  B'konformità ma' “Speċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-Linji Gwida dwar il-format u l-kontenut ta' Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza”, tat-3 ta' Settembru 2012. Ara: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/code_of_conduct_en.pdf

    (5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/370/UE tal-21 ta' Ġunju 2013 li tavża lill-Belġju biex jieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huwa meqjus neċessarju biex jagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 190, 11.7.2013, p. 87).


    Top