This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014D0039
2014/39/EU: Commission Decision of 27 January 2014 confirming the participation of Greece in enhanced cooperation in the area of the law applicable to divorce and legal separation
2014/39/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Jannar 2014 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Greċja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali
2014/39/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Jannar 2014 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Greċja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali
ĠU L 23, 28.1.2014, p. 41–42
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
28.1.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 23/41 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-27 ta’ Jannar 2014
li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Greċja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali
(2014/39/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 328(1) u 331(1) tiegħu,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/405/UE tat-12 ta’ Lulju 2010 li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (1),
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (2),
Wara li kkunsidrat in-notifika mill-Greċja tal-intenzjoni tagħha li tipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali,
Billi:
(1) |
Fit-12 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza kooperazzjoni msaħħa bejn il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali. |
(2) |
Fl-20 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 1259/2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali. |
(3) |
Fil-21 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2012/714/UE li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Litwanja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali (3). |
(4) |
Il-Greċja nnotifikat l-intenzjoni tagħha li tipparteċipa f’kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali b’ittra datata l-14 ta’ Ottubru 2013, li l-Kummissjoni rreġistrat li rċevietha fil-15 ta’ Ottubru 2013. |
(5) |
Il-Kummissjoni tinnota li la d-Deċiżjoni 2010/405/UE u lanqas ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 ma jippreskrivu ebda kundizzjoni partikolari tal-parteċipazzjoni f’kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali u li l-parteċipazzjoni tal-Greċja għandha ssaħħaħ il-benefiċċji ta’ din il-kooperazzjoni msaħħa. |
(6) |
Il-parteċipazzjoni tal-Greċja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali għandha għalhekk tiġi kkonfermata. |
(7) |
Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri tranżitorji għall-Greċja meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010. |
(8) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu jidħol fis-seħħ fil-Greċja fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Parteċipazzjoni tal-Greċja f’kooperazzjoni msaħħa
1. Il-parteċipazzjoni tal-Greċja f’kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni 2010/405/UE hija kkonfermata.
2. Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu japplika għall-Greċja skont din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Informazzjoni li għandha tingħata mill-Greċja
Mid-29 ta’ Ottubru 2014 il-Greċja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha, jekk ikun hemm, dwar:
(a) |
ir-rekwiżiti formali applikabbli għall-ftehimiet dwar l-għażla tal-liġi applikabbli skont l-Artikolu 7(2) sa (4) tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010; u |
(b) |
il-possibbiltà li tintgħażel il-liġi applikabbli skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010. |
Artikolu 3
Dispożizzjonijiet tranżitorji għall-Greċja
1. Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu japplika għall-Greċja biss fir-rigward tal-proċedimenti ġuridiċi mibdija kif ukoll għall-ftehimiet tat-tip imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010 konklużi mid-29 ta’ Lulju 2015.
Madankollu, għandu jingħata effett ukoll għall-Greċja għal ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli, konkluż qabel id-29 ta’ Lulju 2015, sakemm ikun konformi mal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010.
2. Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu japplika għall-Greċja bla preġudizzju għall-ftehimiet dwar l-għażla tal-liġi applikabbli konkluża skont il-liġi tal-Istat Membru li quddiem il-qorti tiegħu jittella’ l-każ qabel id-29 ta’ Lulju 2015.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010 fil-Greċja
Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 jidħol fis-seħħ fil-Greċja fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 japplika għall-Greċja mid-29 ta’ Lulju 2015.
Artikolu 5
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 189, 22.7.2010, p. 12.
(2) ĠU L 343, 29.12.2010, p. 10.
(3) ĠU L 323, 22.11.2012, p. 18.