EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0110

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2013 tas- 6 ta’ Frar 2013 li jdaħħal isem fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Gruyère (IĠP)]

ĠU L 36, 7.2.2013, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/110/oj

7.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 36/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 110/2013

tas-6 ta’ Frar 2013

li jdaħħal isem fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Gruyère (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(3)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (2), l-applikazzjoni ta’ Franza għar-reġistrazzjoni tal-isem “Gruyère” bħala indikazzjoni ġeografika protetta ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3).

(2)

L-Awstralja u n-New Zealand kif ukoll id-Dairy Export Council tal-Istati Uniti flimkien man-National Milk Producers Federation tal-Istati Uniti, iddikjaraw li jopponu din ir-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Dawn l-oġġezzjonijiet tqiesu li setgħu jintlaqgħu abbażi tal-Artikolu 7(3) tal-istess Regolament.

(3)

Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni jikkonċernaw in-nuqqas ta’ rispett tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, b’mod partikolari fir-rigward tal-fatt li l-isem ma jirreferix għal żona ġeografika. Ġew invokati wkoll in-natura ġenerika tal-isem u l-ħsara kkawżata lill-ismijiet, lill-marki kummerċjali jew lill-prodotti li ġew ikkumerċjalizzati legalment minn tal-anqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista bl-Artikolu 6(2). Ġie indikat ukoll fid-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni li r-reġistrazzjoni tal-isem inkwistjoni mhix se tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

(4)

Bl-ittri tat-23 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni stiednet lil Franza u lill-partijiet li joġġezzjonaw ir-reġistrazzjoni biex ifittxu ftehim bejniethom.

(5)

Peress li ma nltaħaq l-ebda ftehim fi żmien l-iskadenzi previsti, jeħtieġ li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni.

(6)

Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-isem “Gruyère” ma jikkonformax mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li dan l-isem jikkostitwixxi isem tradizzjonali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, u għalhekk jista’ jiġi rreġistrat.

(7)

Dawk li qed joġġezzjonaw ressqu diversi provi li skonthom juru li l-isem inkwistjoni huwa ġeneriku. Madankollu jidher ċar li l-inklużjoni ta’ terminu mogħti fl-Anness B tal-Konvenzjoni ta’ Stresa tal-1951 ma jimplikax li t-terminu meqjus ikun sar ipso facto ġeneriku. Il-kodiċijiet tariffarji jew dispożizzjonijiet oħra simili rigward l-isem “Gruyère” huma relatati speċifikament ma’ kwistjonijiet doganali u għalhekk mhuma bl-ebda mod rilevanti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali jew għall-protezzjoni tal-konsumaturi. Barra minn hekk, id-dejta mressqa rigward il-produzzjoni tal-“Gruyère” barra l-Unjoni Ewropea mhijiex rilevanti meta jitqies il-prinċipju ta’ territorjalità, li skontu n-natura ġenerika trid tiġi evalwata b’rabta mat-territorju tal-Unjoni.

(8)

Ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet omonimi hija permessa bil-kundizzjoni li l-isem li jiġi rreġistrat sussegwentement ikun distint biżżejjed minn dak li diġà jkun soġġett għall-protezzjoni. F’konformità mad-dikjarazzjoni konġunta annessa mal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi (4), Franza u l-Isvizzera ġew ikkonsultati f’dan ir-rigward bl-għan li jiġu identifikati l-miżuri ta’ tikkettar addizzjonali meħtieġa sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu żgwidati.

(9)

Wara l-konsultazzjonijiet ikkonċernati deher neċessarju li fuq it-tikketti, il-pajjiż tal-oriġini - f’dan il-każ Franza - ikun indikat fl-istess parti fejn jidher l-isem “Gruyère”, u dan b’ittri tal-istess daqs ta’ dawk użati għal dan l-isem. Barra minn hekk, l-użu, fuq it-tikketti, ta’ kull tip ta’ bandiera, emblema, sinjal u rappreżentazzjoni grafika oħra huwa pprojbit jekk ikun suxxettibbli li jiżgwida lill-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-karatteristiki, tal-oriġini u tal-provenjenza tal-prodott.

(10)

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-isem “Gruyère” għandu għalhekk jiddaħħal fir-“Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti”.

(11)

Bir-reġistrazzjoni tal-isem “Gruyère” għal Franza skont dan ir-Regolament, la l-għoti u lanqas il-medda tal-perjodu tranżizzjonali ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 8(3) tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera mhuma qed jiġi ddubitati.

(12)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-indikazzjonijiet ġeografiċi u għad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isem fl-Anness ta’ dan ir-Regolament jiddaħħal fir-reġistru.

Artikolu 2

It-tikketti li jkun fihom l-isem li jinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament jindikaw il-pajjiż tal-oriġini kkonċernat fl-istess parti fejn jidher l-isem, u b’ittri tal-istess daqs tal-isem.

L-użu, fuq it-tikketti, ta’ kull tip ta’ bandiera, emblema, sinjal u rappreżentazzjoni grafika oħra suxxettibbli li jiżgwidaw lill-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-karatteristiki, tal-oriġini u tal-provenjenza tal-prodott, huwa pprojbit.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Frar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(3)  ĠU C 298, 4.11.2010, p. 14.

(4)  ĠU L 297, 16.11.2011, p. 3.


ANNESS

Il-prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum uman elenkati fl-Anness I tat-Trattat:

Klassi 1.3.   Ġobnijiet

FRANZA

Gruyère (IĠP)


Top