EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013H0105

2013/105/KE: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad- 9 ta’ Ottubru 2009 dwar il-mobilizzazzjoni tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal ekonomija b'użu effiċjenti tal-enerġija u b’livell baxx ta' karbonju

ĠU L 51, 23.2.2013, p. 18–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2013/105/oj

23.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 51/18


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta’ Ottubru 2009

dwar il-mobilizzazzjoni tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal ekonomija b'użu effiċjenti tal-enerġija u b’livell baxx ta' karbonju

(2013/105/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 211 tiegħu,

Billi:

(1)

F'April 2006, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw Direttiva dwar Effiċjenza fl-Użu Finali tal-Enerġija u s-Servizzi ta' Enerġija (1), li tistabbilixxi qafas għal-miżuri li jindirizzaw il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija fis-setturi tal-użu aħħari tal-enerġija mhux koperti mill-Iskema tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS).

(2)

Il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Effiċjenza Enerġetika (NEEAPs) meħtieġa mid-Direttiva 2006/32/KE għandhom rwol ċentrali fl-ippjanar u r-rapportar dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri nazzjonali li jindirizzaw l-effiċjenza enerġetika bl-eċċezzjoni tal-ETS. Fl-ewwel NEEAPs tagħhom għadd ta' Stati Membri tal-UE indikaw pjanijiet biex jiġi indirizzat il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija tal-ICT (2).

(3)

F'Ottubru 2006, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni Pjan ta' Azzjoni dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija: Nirrealizzaw il-potenzjal  (3) li tissottolinja l-ħtieġa għal bidla radikali sabiex jinbidlu l-modi ta' mġiba tas-soċjetajiet tagħna ħalli nużaw anqas enerġija filwaqt li nżommu l-kwalità tal-ħajja tagħna.

(4)

Sussegwentament, f'Marzu 2007 il-Kunsill Ewropew ikkonferma l-mira li jitnaqqas b'20 % il-konsum tal-enerġija tal-UE meta mqabbel mal-previżjonijiet għall-2020 u approva l-mira li jitnaqqsu b'20 % l-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020. Il-Kunsill Ewropew sejjaħ ukoll għall-iżvilupp ta' politika sostenibbli tal-UE għall-klima u l-enerġija b'għarfien tar-rabta bejn il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-karbonju. L-użu tal-potenzjal biex jitnaqqas b'20 % il-konsum tal-UE tal-enerġija huwa mistenni li jirriżulta f'ifrankar sinifikanti fl-ispejjeż u benefiċċji ambjentali.

(5)

F'Jannar 2008, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni 20 għal darbtejn sal-2020: l-opportunità dwar it-tibdil fil-klima għall-Ewropa, li tipproponi pakkett wiesa' ta' proposti konkreti li jindikaw li l-miri maqbula għall-klima huma teknoloġikament kif ukoll ekonomikament fattibbli u jipprovdu opportunità kummerċjali unika għal eluf ta’ kumpaniji Ewropej (4). Il-proposti ġew approvati mill-Kunsill Ewropew (5) u mill-Parlament Ewropew f'Diċembru 2008.

(6)

F'Mejju 2008, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni Nindirizzaw l-isfida tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni  (6) fejn irrikonoxxiet il-potenzjal tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) li jipprovdu mezzi kosteffikaċi għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika fl-industrija u fis-soċjetà ċivili b'mod ġenerali.

(7)

F'Lulju 2008 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli Pjan ta' Azzjoni  (7) (SCP/SIP), bi proposti li għandhom l-għan li jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u jżidu d-domanda għal oġġetti aktar sostenibbli, filwaqt li tħeġġeġ lill-industrija tal-UE biex tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet għall-innovazzjoni.

(8)

b'appoġġ għall-Pjan ta' Azzjoni tas-SCP/SIP u abbażi ta' mandat relatat fil-Komunikazzjoni Politika Integrata għall-Prodotti: Nibnu fuq il-Filosofija taċ-Ċiklu tal-Ħajja Ambjentali  (8), permezz taċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta tagħha, il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa manwal ta' gwida (9) dwar il-kwantifikazzjoni u l-analiżi ambjentali tal-impatt taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u l-proċessi, fosthom l-emissjonijiet tal-karbonju u l-effiċjenza enerġetika.

(9)

F'Novembru 2008, il-Kummissjoni adottat Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku (10) ħalli l-ekonomija terġa' tibda tikber aktar malajr, b'enfasi fuq il-ħtieġa immedjata għal investiment fl-effiċjenza enerġetika u t-teknoloġiji nodfa. Sabiex timplimenta dan il-pjan, fil-Komunikazzjoni Ninvestu llum għall-Ewropa ta' għada  (11), il-Kummissjoni proponiet pakkett ta' miżuri ħalli twassal għajnuna finanzjarja lin-netwerks tal-enerġija u tal-broadband b’veloċità għolja ħafna.

(10)

Bħala parti mill-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku, il-Kummissjoni nediet Sħubijiet Pubbliċiprivati li għandhom l-għan li jiżviluppaw aktar it-teknoloġoji ekoloġiċi u l-infrastrutturi intelliġenti tal-enerġija fid-dominji tal-bini, il-manufattura u t-trasport: l-Inizjattivi tal-Bini b'Effiċjenza Enerġetika, il-Fabbriki tal-Futur u l-Karozzi Ekoloġiċi rispettivament.

(11)

F'Diċembru 2008, il-Kummissjoni adottat, bħala parti mill-inizjattiva Trasport Ekoloġiku, Pjan ta' Azzjoni għall-Iżvilupp ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fl-Ewropa u flimkien ma' Proposta għal Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-adozzjoni tas-Sistemi Intelliġenti tat-Trasport (ITS) fil-qasam tat-trasport bit-triq u l-interfaċċji ma' modi oħra ta' trasport (12). Il-Kummissjoni proponiet miżuri speċifiċi bil-għan li jaċċelleraw l-iżvilupp tal-adozzjoni tal-ITS bil-għan li titjieb l-effiċjenza enerġetika fis-sistemi tat-trasport.

(12)

L-użu tal-enerġija mill-apparat u s-servizzi tal-ICT jirrapreżenta xi 8 % tal-enerġija elettrika fl-UE, u xi 2 % tal-emissjonijiet tal-karbonju (13). Id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 dwar it-twaqqif ta' qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-eko-disinn ta' prodotti li jużaw l-enerġija (14) jipprovdu regoli għall-UE kollha għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li jużaw l-enerġija, fosthom il-prodotti tal-ICT, f'rabta mal-effiċjenza enerġetika tagħhom u l-prestazzjoni ambjentali matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom. Id-Direttiva toffri wkoll opportunitajiet għal inizjattivi volontarji mfassla mill-industrija.

(13)

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-mobilizzazzjoni tat-Teknoloġiji tal-Informatika u l-Komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal ekonomija b'użu effiċjenti tal-enerġija u b'livell baxx ta' karbonju  (15), il-Kummissjoni ssottolinjat il-potenzjal mhux sfruttat tas-settur tal-ICT biex jikkonċentra fuq titjib sistematiku għall-proċess tiegħu stess, fosthom l-operat, il-manufattura, provvediment ta' servizzi u l-ġestjoni tal-katina tal-provvista.

(14)

Ir-riżultati ta' konsultazzjoni pubblika (16) ppubblikata f'Settembru 2009 ikkonfermaw li kumpaniji differenti attwalment isegwu strateġiji differenti sabiex itejbu l-enerġija tagħhom u l-prestazzjoni ambjentali. Approċċ koordinat jenfasizza aħjar l-opportunitajiet, jikkonċentra l-investiment u jrendi benefiċċji ekonomiċi għas-settur kollu, kif ukoll jikkontribwixxi għall-miri tal-effiċjenza enerġetika.

(15)

L-istabbiliment ta' miri ambizjużi mis-settur tal-ICT sabiex tittejjeb il-prestazzjoni enerġetika u ambjentali tal-proċessi tagħha hija tal-akbar importanza. Il-progress lejn dawn il-miri għandu jkun miżurabbli u verifikabbli. Il-miri għandhom jiġu aġġornati hekk kif ssir disponibbli dejta bażika aktar affidabbli. Is-settur tal-ICT esprima interess biex jistabbilixxi Forum tal-ICT għall-Effiċjenza Enerġetika (ICT4EE) li għandu jaħdem ħalli jadotta u jimplimenta qafas għal kejl tal-enerġija u tal-marka tal-karbonju tas-settur, jistibbilixxi miri u jkejjel il-progress.

(16)

Għall-għanijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni, is-settur tal-ICT isemmi lill-industriji tal-manufattura tal-ICT, l-industriji tan-negozju tal-ICT u s-servizzi industrijali tal-ICT kif iddefiniti mill-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Ekonomika (17).

(17)

Huwa stmat li t-titjib iffaċilitat mill-ICT f'setturi oħra jista' jiffranka madwar 15 % tal-emissjonijiet totali tal-karbonju sal-2020 (18). Hu mistenni li jsiru kisbiet sinifikanti ffaċilitati mill-ICT fl-effiċjenza enerġetika u li jkunu kapaċi jinkisbu fil-perjodu qasir taż-żmien fil-bini u l-kostruzzjoni, il-loġistika tat-trasport u fl-użu aħħari tal-enerġija.

(18)

Is-settur tal-ICT jista' joffri għodod għas-simulazzjoni, il-mudellar, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-viżwalizzazzjoni li huma assolutament meħtieġa sabiex jiffaċilitaw approċċ sħiħ tal-bini fid-disinn u l-operat tal-bini li jqis il-ħafna fatturi li jinfluwenzaw id-domanda għall-enerġija. Madankollu l-investimenti huma mfixxkla min-nuqqas ta' mezzi fis-settur kollu li huma affidabbli u trasparenti għall-kwantifikazzjoni u l-ittraċċar tal-enerġija u l-iffrankar ta' spejjeż matul iż-żmien, li idealment joffru l-bażi tal-istrateġiji u l-għodod tad-disinn.

(19)

L-industriji tat-trasport u l-loġistika jiddependu ħafna fuq l-użu tal-ICT għall-funzjonament u l-ottimizzar tal-operat globali tagħhom, partikolarment ir-rekwiżiti tat-trasportazzjoni u l-ħżin. Huma għalhekk f'pożizzjoni tajba biex jieħdu rwol ewlieni fl-ottimizzar tal-marki tal-enerġija u l-karbonju tas-servizzi tagħhom u jipprovdu informazzjoni rilevanti lill-konsumaturi.

(20)

Fid-dominji tal-bini u l-kostruzzjoni, u t-trasport u l-loġistika, diġà ġew identifikati metodoloġiji komparabbli għall-kejl tal-prestazzjoni enerġetika u l-emissjonijiet tal-karbonju, u x-xogħol f'din id-direzzjoni diġà beda. Metodoloġiji komuni għandhom iservu biex jipprovdu dejta affidabbli u bażi fuq liema l-għodod tal-ICT ikunu jistgħu jiġu żviluppati.

(21)

Sħubijiet bejn is-setturi jistgħu jaċċelleraw l-iżvilupp u l-firxa fuq skala kbira tas-soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ICT għall-monitoraġġ, il-ġestjoni u l-kejl tal-użu tal-enerġija u l-emissjonijiet fl-attivitajiet li jużaw l-enerġija, u b'hekk jipprovdu bażi affidabbli għad-deċiżjonijiet dwar l-iffrankar tal-enerġija u t-tnaqqis tal-emissjonijiet.

(22)

Il-metraġġ intelliġenti jista' jipprovdi fluss ta' informazzjoni f'ħin reali u l-possibbiltà ta' ċirkwiti ġodda ta' kontroll, u b'hekk jippermettu ġestjoni u kontroll aħjar tal-enerġija, u jinfluwenzaw il-konsum aħħari mill-konsumaturi, partikolarment meta l-metraġġ issir flimkien ma' fatturazzjoni informattiva. Diversi Stati Membri daħħlu, jew qegħdin iqisu obbligi legali għall-introduzzjoni tal-metraġġ intelliġenti. Azzjoni kkoordinata mill-Istati Membri biex jiġu stipulati speċifikazzjonijiet funzjonali minimi għall-metraġġ intelliġenti tgħin sabiex jiġu evitati ostakli tekniċi, tiġi żgurata l-interoperabbiltà u jingħata permess għall-introduzzjoni tal-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-ICT għall-ġestjoni tal-użu aħħari tal-enerġija.

(23)

Il-metraġġ intelliġenti u l-ismart grids huma mezzi importanti sabiex jiġi mmassimizzat l-iffrankar fil-bini, għall-adozzjoni wiesgħa ta' vetturi elettriċi, u għall-provvista u d-distribuzzjoni effiċjenti tal-enerġija u għall-integrazzjoni tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija. L-applikazzjonijiet u s-servizzi li joħorġu minn dawn l-iżviluppi x'aktarx li joħolqu setturi oħra ta' attività ekonomika, li jinvolvu atturi kemm mis-settur tal-enerġija kif ukoll minn dak tal-ICT. Il-kundizzjonijiet li jwasslu biex ifaqqsu swieq ġodda għandhom jitqiesu flimkien ma' skemi pilota u inizjattivi esplorattivi oħra.

(24)

Għall-għanijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni, id-dematerjalizzazzjoni tal-ICT għandha tfisser it-tnaqqis tal-bżonn tal-apparat fiżiku li huwa implikat fil-provvediment tas-servizzi elettroniċi. Id-dematerjalizzazzjoni hija ta' relevanza partikolari għall-akkwist pubbliku tal-ICT. Dan jista' jinkiseb billi jiġi ottimizzat l-użu tar-riżorsi fiżiċi eżistenti, billi tiġi ottimizzata l-konfigurazzjoni tas-sistemi tal-ICT, u bl-iżgurar li l-estensjonijiet jew l-aġġornar ta' dawn is-sistemi eżistenti ma jkunux kuntrattwalment jew teknikament limitati.

(25)

Il-livelli kollha tal-gvern huma lesti li jinvolvu ruħhom f'attivitajiet biex titjieb l-effiċjenza enerġetika u jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju, kif uriet il-konsultazzjoni pubblika msemmija fil-premessa 14. Ir-rwol tal-ICT li jintlaħqu dawn l-għanijiet huwa wkoll iċ-ċentru ta' inizjattivi li għaddejjin fl-awtoritajiet pubbliċi madwar l-Ewropa kollha. Kooperazzjoni effettiva bejn il-livelli nazzjonali, reġonali u lokali tal-gvernijiet tal-Istati Membri hija meħtieġa sabiex tkun żgurata l-koerenza bejn il-miżuri, tkun esplojtata s-sinerġija pożittiva ta' bejniethom u jinbena korp ta' għarfien kollettiv mill-kondiviżjoni tar-riżultati tal-esperjenza.

(26)

Huwa stimat li l-użu usa' tal-applikazzjonijiet, tas-servizzi u l-applikazzjonijiet pubbliċi onlajn, u t-teknoloġiji kollaborattivi avvanzati jistgħu jiffrankaw tal-anqas minn 1 sa 2 % tat-total tal-użu tal-enerġija sal-2020 madwar id-dinja kollha (19). Biex l-UE tiġġenera ffrankar fuq skala kbira, se tkun essenzjali infrastruttura tal-broadband fl-Ewropea kollha.

(27)

L-ebda organizzazzjoni jew grupp ta' partijiet interessati ma jista' jaġixxi b'mod effikaċi waħdu. Azzjoni minn ħafna organizzazzjonijiet u kkoordinata, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, fosthom is-sħubijiet fil-livelli tal-bliet u reġjunali, tista' tkun il-pijunier fit-tibdil sistematiku fis-soċjetà. Iżjed minn hekk, il-Kummissjoni tixtieq tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiċi fl-użu tas-soluzzjonijiet tal-ICT ħalli ttejjeb l-effiċjenza enerġetika.

(28)

Jeħtieġ impenn f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali biex isir progress reali. Hija għalhekk ir-responsabbiltà ta' dawk li jfasslu l-politika nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri biex jikkonfermaw l-impenn sħiħ tagħhom biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni f'waqtha tal-miżuri stipulati f'din il-Komunikazzjoni.

B'HEKK TIRRAKKOMANDA li s-settur tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni

Sabiex inaqqas s-sehem dejjem jikber tiegħu fl-emissjonijiet globali tal-karbonju u jsaħħaħ il-potenzjal tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) li jkollhom rwol ċentrali u kritiku fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'effiċjenza enerġetika u b'livelli baxxi ta' karbonju,

(1)

jimpenja ruħu għall-dekarbonizzazzjoni progressiva li twassal għal tnaqqis miżurabbli u verifikabbli fl-intensità tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-karbonju tal-proċessi involuti fil-produzzjoni, it-trasport u l-bejgħ tal-apparat u l-komponenti tal-ICT.

(2)

jipprateċipa, permezz tal-assoċjazzjonijiet tas-settur tiegħu, f'eżerċizju li għandu jinbeda mill-Kumissjoni bil-għan li:

(a)

jiġi żviluppat qafas biex titkejjel il-prestazzjoni enerġetika u ambjentali tiegħu, għal liema s-settur ser ikun mistenni jikkontribwixxi d-dejta bażika sal-2010;

(b)

jadotta u jimplimenta metodoloġiji komuni għal dan il-għan sal-2011;

(c)

jidentifika, sal-2011, miri għall-effiċjenza enerġetika li jimmiraw li jaqbżu l-miri tal-UE tal-2020 sal-2015;

(d)

joħorġu pjan ta' direzzjoni fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, u minn hemm il-quddiem rapporti annwali;

(3)

jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea u entitajiet pubbliċi u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra relevanti sabiex jiżviluppaw qafas għall-awditjar u l-verifika li jivvaluta jekk u kif il-miri tat-tnaqqis tal-intensità enerġetika u l-emissjonijiet tal-karbonju se jintlaħqu minn kumpaniji individwali.

(4)

f'kooperazzjoni mill-qrib mas-settur tal-bini u l-kostruzzjoni jidentifika soluzzjonijiet tal-ICT ħalli jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali u enerġetika tal-bini ġdid u eżistenti, u tal-prattiki tal-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni, li jwasslu għal pjan ta' direzzjoni konġunt għall-adozzjoni fuq skala kbira ta' dawn is-soluzzjonijiet.

(5)

f'kooperazzjoni mill-qrib mas-settur tal-bini u l-kostruzzjoni jindirizza l-ostakli għall-użu usa' tal-mudellar u l-għodod ta' simulazzjoni tal-ICT u applikazzjonijiet relevanti oħra li jiffaċilitaw u jassistu l-konformità mar-reġimi regolatorji applikabbli li jirregolaw il-prestazzjoni tal-bini.

(6)

f'kooperazzjoni mill-qrib mas-settur tat-trasport u l-loġistika jidentifika soluzzjonijiet tal-ICT ħalli jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali u enerġetika tas-servizzi tagħhom li jwasslu għal pjan ta' direzzjoni konġunt għall-adozzjoni fuq skala kbira ta' dawn is-soluzzjonijiet, b'koordinazzjoni mal-ħidma mwettqa skont il-Pjan ta' Azzjoni għall-ITS.

(7)

f'kooperazzjoni mill-qrib mas-settur tat-trasport u l-loġistika jabbozza qafas sistematiku ħalli jipprovdi dejta komprensiva, komparabbli u affidabbli dwar il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-karbonju tal-operati tat-trasport u s-servizzi lill-utenti potenzjali kollha.

B'HEKK TIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

Sabiex jiżguraw koerenza sħiħa mal-politiki tal-ICT mal-approċċi nazzjonali, lokali u reġjonali fit-twettiq tat-tranżizzjoni għal ekonomija b'effiċjenza enerġetika u b'livelli baxxi ta' karbonju,

(8)

permezz tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom:

(a)

sal-aħħar tal-2010 l-aktar tard, jaqblu dwar speċifikazzjoni funzjonali minima komuni għall-metraġġ intelliġenti li jiffoka li jipprovdi lill-konsumaturi b'informazzjoni aħjar dwar u b'kapaċitajiet imtejba biex jikkontrollaw il-konsum tagħhom tal-enerġija;

(b)

sal-aħħar tal-2012, l-aktar tard, jistabbilixxu qafas ta' żmien koerenti biex jinfirex il-metraġġ intelliġenti.

(9)

jadottaw u jimplimentaw prattiki ta' akkwist pubbliku li juża s-saħħa tad-domanda tas-settur pubbliku biex jippromwovi d-dematerjalizzazzjoni tal-oġġetti u s-servizzi tal-ICT.

(10)

jiffaċilitaw, fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni, l-użu tal-għodod relevanti tal-ICT għall-fehim aħjar tal-implikazzjonijiet tal-politiki differenti u jevitaw effetti sekondarji negattivi mill-interazzjoni tagħhom.

(11)

jħeġġu l-użu tas-simulazzjoni u l-mudellar tal-enerġija fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-professjonisti f'setturi kritiċi, partikolarment:

(a)

il-periti, il-bennejja u l-istallaturi;

(b)

awdituri tal-enerġija;

(c)

loġistika u t-trasport ta' oġġetti jew persuni;

(d)

servizzi pubbliċi, ippjanar u l-funzjonijiet politiċi.

(12)

permezz tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, isegwu u fejn neċessarju, jaġġornaw strateġiji għall-firxa ta' infrastruttura tal-broadband affidabbli u b'veloċità għolja sabiex jiġu ffaċilitati l-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-konsum, id-distribuzzjoni u l-produzzjoni tal-enerġija fosthom dik rinnovabbli u l-introduzzjoni ta' sistemi fil-komunità kollha bħall-metraġġ intelliġenti, is-smart grids u l-bliet intelliġenti.

(13)

barra mill-obbligu tagħhom previst fl-Artikolu 3.11 u l-Anness I.2 tad-Direttiva 2009/72/KE għas-suq intern fl-elettriku (20) jinvolvu lill-partijiet interessati kollha fi proġetti pilota fuq skala kbira u wirjiet ta' metraġġ intelliġenti u smart grids, biex jinkiseb kunsens dwar ir-rekwiżiti għal feġġ ta' innovazzjonijiet futuri ffaċilitati mill-ICT.

(14)

permezz tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, jużaw pjattaformi diġitali miftuħa ħalli jiffaċilitaw approċċ integrat għall-ippjanar urban u l-provvista tas-servizzi pubbliċi, u biex isostnu l-kondiviżjoni tal-għarfien, katalgi tal-aħħar prattiki, u ż-żamma ta' ġabriet aċċessibbli tal-informazzjoni.

(15)

permezz tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jiftħu opportunitajiet għal forom kreattivi ta' kollaborazzjoni u soluzzjoni tal-problemi fil-livell komunitarju permezz ta' sejħiet għal ideat, kompetizzjonijiet u fejn possibbli billi jipprovdu aċċess miftuħ għal firxa wiesgħa ta' riżorsi pubbliċi diġitali u dejta pubblika.

(16)

permezz tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jestendu lis-segmenti kollha tal-komunitajiet tagħhom il-benefiċċji tal-bidla mill-proċessi amministrattivi offlajn ma' applikazzjonijiet u servizzi onlajn, li jsarrfu f'titjib fl-effiċjenza enerġetika.

B'HEKK JISTIEDNU lill-Istati Membri:

biex jinfurmaw lill-Kummissjoni b'azzjonijiet meħuda b'rispons għal din ir-Rakkomandazzjoni fi żmien 12-il xahar mill-pubblikazzjoni tagħha, u darba fis-sena minn hemm 'il quddiem.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 64.

(2)  Kif imsemmi fis-Sinteżi tal-valutazzjoni sħiħa tas-27 Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Effiċjenza Enerġetika kollha, "Nimxu 'il quddiem flimkien fl-iffrankar tal-enerġija", SEC(2009)889 finali, meħtieġ mid-Direttiva 2006/32/EC.

(3)  COM(2006) 545.

(4)  COM(2008) 30.

(5)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 11 u 12 ta' Diċembru 2008 - Il-konklużjonijiet tal-Presidenza, 17271/1/08 REV 1, 13 ta' Frar 2009.

(6)  COM(2008) 241.

(7)  COM(2008) 397.

(8)  COM(2003) 302.

(9)  The International Reference Life Cycle Reference System (ILCD) Handbook and supporting Data Network. http://lct.jrc.ec.europa.eu/eplca/deliverables/international-reference-life-cycle-data-system-ilcd-handbook.

(10)  COM(2008) 800 Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku.

(11)  COM(2009) 36.

(12)  COM (2008) 886 – Pjan ta' Azzjoni għall-Skjerament ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fl-Ewropa u COM(2008) 887, Proposta għal Direttiva: Qafas għall-varar ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport.

(13)  Bio Intelligence "Impacts of Information and Communication Technologies on Energy Efficiency".

(14)  ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.

(15)  COM(2009) 111 finali.

(16)  Konsultazzjoni pubblika dwar it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni għal Soċjetà b'Livell Baxx ta' Karbonju, Marzu 30 - Ġunju 14, 2009.

(17)  OECD Guide to Measuring the Information Society, Rev. July 2009. www.oecd.org/sti/measuring-infoeconomy/guide.

(18)  SMART 2020: Insostnu l-ekonomija b'livell baxx ta' karbonju fl-era tal-informazzjoni, rapport mill-Grupp tal-Klima f'isem l-Inizjativa Globali Sostenibbiltà-e (GeSI).

(19)  SMART 2020: Insostnu l-ekonomija b'livell baxx ta' karbonju fl-era tal-informazzjoni, rapport mill-Grupp tal-Klima f'isem l-Inizjativa Globali Sostenibbiltà-e (GeSI).

(20)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.


Top