Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0774

    2013/774/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta’ Diċembru 2013 li tapprova restrizzjonijiet ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti bijoċidali li fihom il-bromadjolon innotifikati mill-Ġermanja skont id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2013) 9030)

    ĠU L 343, 19.12.2013, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/774/oj

    19.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 343/42


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-17 ta’ Diċembru 2013

    li tapprova restrizzjonijiet ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti bijoċidali li fihom il-bromadjolon innotifikati mill-Ġermanja skont id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument C(2013) 9030)

    (It-test Ġermaniż biss huwa awtentiku)

    (2013/774/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE fih il-lista tas-sustanzi attivi approvati fil-livell tal-Unjoni għall-inklużjoni fi prodotti bijoċidali. Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/92/KE (2) żiedet is-sustanza attiva bromadjolon għall-użu fi prodotti li huma prodotti tat-tip 14, Rodentiċidi, kif iddefinit fl-Anness V għad-Direttiva 98/8/KE.

    (2)

    Il-bromadjolon huwa rodentiċida antikoagulanti magħruf li joħloq riskji ta’ inċidenti aċċidentali li jinvolvu t-tfal, kif ukoll riskji għall-annimali li mhumiex fil-mira u għall-ambjent. Ġie identifikat bħala potenzjalment persistenti, b’tendenza ta’ bijoakkumulazzjoni u tossiku (“PBT”), jew persistenti ħafna u b’tendenza kbira ta’ bijoakkumulazzjoni (“vPvB”).

    (3)

    Għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika u iġjene, madankollu nstab li l-inklużjoni tal-bromadjolon u rodentiċidi antikoagulanti oħra fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE kienet iġġustifikata, u b’hekk l-Istati Membri setgħu jawtorizzaw prodotti bbażati fuq il-bromadjolon. Madankollu, l-Istati Membri kienu obbligati biex jiżguraw, meta jagħtu awtorizzazzjoni ta’ prodotti li jkun fihom il-bromadjolon, li l-esponiment primarju kif ukoll dak sekondarju tal-bnedmin, tal-annimali li mhumiex fil-mira u tal-ambjent jiġi mminimizzat, billi jitqiesu u jiġu applikati l-miżuri kollha xierqa u disponibbli ta’ mitigazzjoni tar-riskji. Il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji msemmija fid-Direttiva 2009/92/KE għalhekk, fost l-oħrajn, jinkludu restrizzjoni għal użu professjonali biss.

    (4)

    Il-kumpanija Belgagri SA (“l-applikant”) skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/8/KE, issottomettiet applikazzjoni lill-Irlanda għall-awtorizzazzjoni ta’ erba’ rodentiċidi li fihom il-bromadjolon (“il-prodotti”).

    (5)

    L-Irlanda tat l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti fit-30 ta’ Settembru 2012. Il-prodotti ġew awtorizzati b’xi restrizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE ġew issodisfati fl-Irlanda. Dawk ir-restrizzjonijiet ma kinux jinkludu restrizzjoni għal utenti professjonali mħarrġa jew liċenzjati.

    (6)

    Fil-5 ta’ Frar 2013, l-applikant issottometta applikazzjonijiet kompluti lill-Ġermanja għal rikonoxximent reċiproku tal-ewwel awtorizzazzjonijiet fir-rigward tal-prodotti.

    (7)

    Fit-17 ta’ April 2013, il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra u lill-applikant dwar il-proposta tagħha li tirrestrinġi l-ewwel awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 98/8/KE. Il-Ġermanja pproponiet li tiġi imposta restrizzjoni fuq il-prodotti biex jintużaw minn professjonisti mħarrġa jew liċenzjati.

    (8)

    Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri l-oħra u lill-applikant biex jissottomettu kummenti bil-miktub rigward in-notifika fi żmien 90 jum skont l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 98/8/KE. Ma ġie sottomess l-ebda kumment fi żmien dik l-iskadenza. In-notifika ġiet diskussa wkoll bejn il-Kummissjoni u l-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri għall-prodotti bijoċidali waqt il-laqgħa tal-Grupp li Jiffaċilita l-Awtorizzazzjoni tal-Prodotti u r-Rikonoxximent Reċiproku, li saret fl-14 ta’ Mejju 2013.

    (9)

    Skont id-Direttiva 98/8/KE, awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti bijoċidali li fihom il-bromadjolon għandhom ikunu soġġetti għall-miżuri kollha xierqa u disponibbli ta’ mitigazzjoni tar-riskji, inkluża r-restrizzjoni għall-użu professjonali biss. L-evalwazzjoni xjentifika li wasslet għall-inklużjoni tal-bromadjolon fid-Direttiva 98/8/KE kkonkludiet li l-utenti professjonali biss setgħu jkunu mistennija li jsegwu l-istruzzjonijiet li jimminimizzaw ir-riskju ta’ avvelenament sekondarju ta’ annimali li mhumiex fil-mira, u li jużaw il-prodotti b’mod li jipprevjeni l-għażla u t-tixrid tar-reżistenza. Għalhekk restrizzjoni għal utenti professjonali għandha fil-prinċipju titqies li hija miżura xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskji, b’mod partikolari fl-Istati Membri fejn tokkorri reżistenza għall-bromadjolon.

    (10)

    Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni li tmur kontra dan, ir-restrizzjoni għal utenti professjonali hija għalhekk miżura xierqa u disponibbli ta’ mitigazzjoni tar-riskji għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti li fihom il-bromadjolon fil-Ġermanja. Din il-konklużjoni hija rrinfurzata minn argumenti mressqa mill-Ġermanja li nstabet reżistenza kontra l-bromdjolon fil-firien u huwa maħsub li din qed tiżviluppa fil-pajjiż. Barra minn hekk, il-Ġermanja għandha infrastruttura ta’ operaturi mħarrġa ta’ kontroll ta’ annimali ta’ ħsara u ta’ professjonisti liċenzjati li tiffunzjona tajjeb, bħall-bdiewa, il-ġardinara u l-forestiera li rċevew taħriġ professjonali, li jfisser li r-restrizzjoni proposta ma tfixkilx il-prevenzjoni tal-infezzjoni.

    (11)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ġermanja tista’ tirrestrinġi l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/8/KE għall-prodotti msemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni biex jintużaw minn professjonisti mħarrġa jew liċenzjati.

    Artikolu 2

    Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Janez POTOČNIK

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/92/KE tal-31 ta’ Lulju 2009 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi l-bromadjolon bħala sustanza attiva fl-Anness I tagħha (ĠU L 201, 1.8.2009, p. 43).


    ANNESS

    Il-prodotti li għalihom il-Ġermanja tista’ tirrestrinġi l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/8/KE biex jintużaw minn professjonisti mħarrġa jew liċenzjati:

    Isem il-prodott fl-Irlanda

    In-numru ta’ referenza tal-applikazzjoni tal-lrlanda fir-Reġistru tal-Prodotti Bijoċidali

    Isem il-prodott fil-Ġermanja

    In-numru ta’ referenza tal-applikazzjoni tal-Ġermanja fir-Reġistru tal-Prodotti Bijoċidali

    Control

    2011/6289/13066/IE/AA/21745

    Control

    2011/6289/13066/DE/MA/21749

    Control Bloc

    2011/6289/13146/IE/AA/21805

    Control Bloc

    2011/6289/13146/DE/MA/21809

    Control Pasta

    2011/6289/13126/IE/AA/21785

    Control Pasta

    2011/6289/13126/DE/MA/21788

    Control Bar

    2011/6289/13166/IE/AA/21825

    Control Bar

    2011/6289/13166/DE/MA/21829


    Top