Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0673

    2013/673/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 14 ta’ Ottubru 2013 dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lejn il-programm ta’ kontroll tas-sajd tal-Kroazja għall-2013 (notifikata bid-dokument C(2013) 6606)

    ĠU L 315, 26.11.2013, p. 78–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/673/oj

    26.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 315/78


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-14 ta’ Ottubru 2013

    dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lejn il-programm ta’ kontroll tas-sajd tal-Kroazja għall-2013

    (notifikata bid-dokument C(2013) 6606)

    (it-test bil-Kroat biss huwa awtentiku)

    (2013/673/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar (1), u partikolarment l-Artikolu 21 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fl-1 ta’ Lulju 2013, il-Kroazja saret membru tal-Unjoni Ewropea.

    (2)

    Il-Kroazja ssottomettiet lill-Kummissjoni l-programm għall-kontroll tas-sajd għall-2013, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006, li tinkludi l-applikazzjoniji għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għan-nefqa li għandha ssir fit-twettiq tal-proġetti li jinsabu f’dawn il-programmi.

    (3)

    Applikazzjonijiet li jinvolvu l-azzjonijiet elenkati fl-Artikolu 8(a) tar-Regolament (KE) Nru 861/2006 jistgħu jikkwalifikaw għal finanzjament mill-Unjoni.

    (4)

    Huwa xieraq li l-ammonti massimi u r-rata tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni jiġu ffissati fil-limiti stabbiliti bl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006 u li jiġu stipulati l-kundizzjonijiet li bihom tista’ tingħata din il-kontribuzzjoni.

    (5)

    B’konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament (KE) Nru 861/2006, il-Kroazja ġiet mistiedna tissottometti programm relatat għall-finanzjament fl-oqsma prijoritarji definiti mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tal-25 ta’ Jannar 2013, jiġifieri proġetti li jimmiraw lejn l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (2) dwar il-kontroll, il-kejl tal-qawwa tal-magna, u t-traċċabbiltà tal-prodotti tas-sajd. Ir-rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfati mill-operaturi u/jew mill-Istati Membri li jwettqu investimenti fi proġetti ta’ traċċabbiltà ġew iddefiniti mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tal-14 ta’ Mejju 2012.

    (6)

    Fuq dik il-bażi u minħabba restrizzjonijiet baġitarji, talbiet fil-programmi għal finanzjament tal-Unjoni relatati ma’ azzjonijiet bħas-Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika (AIS) fuq il-bastimenti tas-sajd u dawk il-proġetti ta’ taħriġ li ma jkollhom l-ebda rabta ma’ titjib li għandu jsir fis-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri ġew irrifjutati peress li ma kinux parti mill-oqsma ta’ prijorità ddefiniti hawn fuq.

    (7)

    Fir-rigward tal-proġetti ta’ traċċabbiltà, huwa importanti li jiġi żgurat li dawn jiġu żviluppati fuq il-bażi ta’ standards rikonoxxuti internazzjonalment, kif meħtieġ mill-Artikolu 67(8) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (3).

    (8)

    L-applikazzjoniji tal-Kroazja għall-finanzjament tal-Unjoni ġiet ivvalutata fir-rigward tal-konformità tagħha mar-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 391/2007 tal-11 ta’ April 2007 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 rigward in-nefqa mġarrba mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ monitoraġġ u kontroll applikabbli għall-Politika Komuni tas-Sajd (4).

    (9)

    Sabiex jitħeġġeġ l-investiment fl-azzjonijiet prijoritarji definiti mill-Kummissjoni, u fid-dawl tal-impatt negattiv tal-kriżi finanzjarja fuq il-baġits tal-Istati Membri, in-nefqa relatata mal-oqsma ta’ prijorità msemmija hawn fuq u miżmuma għal din id-deċiżjoni finanzjarja għandha tibbenefika minn rata għolja ta’ kofinanzjament, fil-limiti stabbiliti bl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006.

    (10)

    Sabiex jikkwalifika għall-kontribuzzjoni, it-tagħmir għal-lokalizzazzjoni awtomatika għandu jissodisfa r-rekwiżiti ffissati mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011.

    (11)

    Sabiex jikkwalifika għall-kontribuzzjoni, it-tagħmir elettroniku ta’ reġistrazzjoni u rappurtar abbord il-bastimenti tas-sajd għandu jissodisfa r-rekwiżiti ffissati mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011.

    (12)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Deċiżjoni tipprevedi kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-2013 għan-nefqa li għandha tiġġarrab mill-Kroazja għall-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ monitoraġġ u kontroll applikabbli għall-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), kif jissemma fl-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 861/2006.

    Artikolu 2

    Għeluq tal-impenji pendenti

    Il-pagamenti kollha li għalihom qed jintalab rimborż għandhom jitħallsu mill-Kroazja sat-30 ta’ Ġunju 2017. Il-pagamenti li jsiru wara dik id-data ta’ skadenza mhux se jkunu eliġibbli għar-rimborż. L-approprjazzjonijiet tal-baġit relatati ma’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu diżimpenjati sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018.

    Artikolu 3

    Teknoloġiji ġodda & netwerks tal-IT

    1.   In-nefqa mġarrba, fir-rigward ta’ proġetti msemmija fl-Anness I, għall-istallazzjoni ta’ teknoloġiji u netwerks tal-IT ġodda sabiex ikunu jistgħu jsiru ġbir u ġestjoni effiċjenti u siguri ta’ dejta relatata mal-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd kif ukoll il-verifika tas-saħħa tal-magna, għandha tikkwalifika għal kontribuzzjoni finanzjarja ta’ 90 % tan-nefqa eliġibbli fil-limiti stabbiliti f’dak l-Anness.

    2.   Il-Proġett HR/13/05 msemmi fl-Anness I, relatat mal-gejġijiet u l-iskalar, għandu jikkwalifika għal kontribuzzjoni finanzjarja ta’ 50 % tan-nefqa eliġibbli, fil-limiti stabbiliti f’dak l-Anness.

    Artikolu 4

    Tagħmir għal-lokalizzazzjoni awtomatika

    1.   In-nefqa mġarrba, fir-rigward tal-proġetti msemmija fl-Anness II, fuq ix-xiri u t-twaħħil abbord ta’ bastimenti tas-sajd ta’ tagħmir għal-lokalizzazzjoni awtomatika li jagħmilha possibbli li l-bastimenti jiġu mmonitorjati minn distanza minn ċentru tal-monitoraġġ tas-sajd permezz ta’ sistema tal-monitoraġġ tal-bastimenti (VMS), għandha tikkwalifika għal kontribuzzjoni finanzjarja ta’ 90 % tan-nefqa eliġibbli, fil-limiti stipulati f’dak l-Anness.

    2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkalkulata abbażi ta’ prezz massimu ta’ EUR 2 500 għal kull bastiment.

    3.   Sabiex jikkwalifika għall-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1, it-tagħmir għal-lokalizzazzjoni awtomatika għandu jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 2244/2003 (5).

    Artikolu 5

    Sistemi elettroniċi ta’ reġistrazzjoni u rappurtar

    In-nefqa mġarrba, fir-rigward ta’ proġetti msemmija fl-Anness III, għall-iżvilupp, ix-xiri u l-istallazzjoni kif ukoll l-għajnuna teknika għall-komponenti meħtieġa għas-sistemi elettroniċi ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar (ERS), sabiex l-iskambju tad-dejta jkun effiċjenti u sigur fir-rigward tal-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd, għandha tikkwalifika għal kontribuzzjoni finanzjarja ta’ 90 % tan-nefqa eliġibbli fil-limiti stipulati f’dak l-Anness.

    Artikolu 6

    Tagħmir elettroniku ta’ reġistrazzjoni u rappurtar

    1.   In-nefqa mġarrba, fir-rigward ta’ proġetti msemmija fl-Anness IV, għax-xiri u l-armar fuq bastimenti tas-sajd ta’ tagħmir tal-ERS li jippermetti li l-bastimenti jirreġistraw u jirrappurtaw elettronikament dejta dwar l-attivitajiet tas-sajd lil Ċentru tal-Monitoraġġ tas-Sajd, għandha tikkwalifika għal kontribuzzjoni finanzjarja ta’ 90 % tan-nefqa eliġibbli fil-limiti stipulati f’dak l-Anness.

    2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkalkulata abbażi ta’ prezz massimu ta’ EUR 3 000 għal kull bastiment.

    3.   Sabiex jikkwalifika għal kontribuzzjoni finanzjarja, it-tagħmir tal-ERS għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011.

    Artikolu 7

    Kontribuzzjoni massima totali mill-Unjoni għall-Kroazja

    In-nefqa ppjanata, is-sehem eliġibbli tagħha, u l-kontribuzzjoni massima mill-Unjoni għall-Kroazja huma kif ġej:

    (EUR)

    Stat Membru

    Nefqa ppjanata fil-programm nazzjonali għall-kontroll tas-sajd

    Nefqa għal proġetti magħżula skont din id-Deċiżjoni

    Kontribuzzjoni massima tal-Unjoni

    Il-Kroazja

    817 000

    618 000

    522 600

    Għadd totali

    817 000

    618 000

    522 600

    Artikolu 8

    Id-destinatarju

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Maria DAMANAKI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 160, 14.6.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

    (3)  ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1.

    (4)  ĠU L 97, 12.4.2007, p. 30.

    (5)  ĠU L 333, 20.12.2003, p. 17.


    ANNESS I

    TEKNOLOĠIJI U NETWERKS TAL-IT ĠODDA

    (EUR)

    Kodiċi tal-proġett

    Nefqa ppjanata fil-programm nazzjonali għall-kontroll tas-sajd

    Nefqa għal proġetti magħżula skont din id-Deċiżjoni

    Kontribuzzjoni massima tal-Unjoni

    HR/13/05

    84 000

    84 000

    42 000

    HR/13/07

    100 000

    100 000

    90 000

    Għadd totali

    184 000

    184 000

    132 000


    ANNESS II

    TAGĦMIR GĦAL-LOKALIZZAZZJONI AWTOMATIKA

    (EUR)

    Kodiċi tal-proġett

    Nefqa ppjanata fil-programm nazzjonali għall-kontroll tas-sajd

    Nefqa għal proġetti magħżula skont din id-Deċiżjoni

    Kontribuzzjoni massima tal-Unjoni

    HR/13/01

    192 000

    192 000

    172 800

    HR/13/02

    192 000

    0

    0

    Għadd totali

    384 000

    192 000

    172 800


    ANNESS III

    SISTEMI ELETTRONIĊI TA’ REĠISTRAZZJONI U RAPPURTAR

    (EUR)

    Kodiċi tal-proġett

    Nefqa ppjanata fil-programm nazzjonali għall-kontroll tas-sajd

    Nefqa għal proġetti magħżula skont din id-Deċiżjoni

    Kontribuzzjoni massima tal-Unjoni

    HR/13/04

    50 000

    50 000

    45 000

    Għadd totali

    50 000

    50 000

    45 000


    ANNESS IV

    TAGĦMIR ELETTRONIKU TA’ REĠISTRAZZJONI U RAPPURTAR

    (EUR)

    Kodiċi tal-proġettt

    Nefqa ppjanata fil-programm nazzjonali għall-kontroll tas-sajd

    Nefqa għal proġetti magħżula skont din id-Deċiżjoni

    Kontribuzzjoni massima tal-Unjoni

    HR/13/03

    192 000

    192 000

    172 800

    Għadd totali

    192 000

    192 000

    172 800


    ANNESS V

    PROGRAMMI TA’ TAĦRIĠ U TA’ SKAMBJU

    (EUR)

    Kodiċi tal-proġett

    Nefqa ppjanata fil-programm nazzjonali għall-kontroll tas-sajd

    Nefqa għal proġetti magħżula skont din id-Deċiżjoni

    Kontribuzzjoni massima tal-Unjoni

    HR/13/06

    7 000

    0

    0

    Għadd totali

    7 000

    0

    0


    Top