Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0471

2013/471/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 23 ta’ Settembru 2013 dwar l-għoti ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u s-supplenti tagħhom

ĠU L 253, 25.9.2013, pp. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2024; Imħassar b' 32024D1809

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/471/oj

25.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 253/22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Settembru 2013

dwar l-għoti ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u s-supplenti tagħhom

(2013/471/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 301 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/121/KEE (1) stabbilixxiet regoli dwar l-għoti ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-“Kumitat”), is-supplenti u l-esperti.

(2)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 (2), il-Parlament Ewropew innota li l-Bureau tal-Kumitat ħa l-impenn li jirriforma s-sistema għar-rimborż tal-ispejjeż lill-membri tal-Kumitat u s-supplenti tagħhom.

(3)

Fit-12 ta’ Ottubru 2012, il-Kumitat talab il-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ġdida dwar l-għoti ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-Kumitat u s-supplenti tagħhom, li tħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjoni 81/121/KEE.

(4)

L-ammonti tal-allowances ta’ kuljum imħallsa lill-membri tal-Kumitat u lis-supplenti tagħhom għandhom jiġu adattati. Għandha tiġi prevista wkoll sistema għar-rimborż ta’ spejjeż tat-trasport fuq il-bażi tal-ispejjeż effettivi„ kif ukoll għal allowances li jikkumpensaw għall-ħin użat minn dawk il-membri u s-supplenti tagħhom fil-qadi ta’ dmirijiethom u għal spejjeż amministrattivi relatati.

(5)

Fejn xieraq, regoli dettaljatirigward l-għoti ta’ allowances, ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-iffissar ta’ limiti massimi ta’ rimborż għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-Kumitat.

(6)

Sabiex jiġi ggarantit livell xieraq ta’ kontinwità għall-membri tal-Kumitat u s-supplenti tagħhom, għandhom jiġu previsti regoli transitorji.

(7)

Id-Deċiżjoni 81/121/KEE għandha għalhekk titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-“Kumitat”) u s-supplenti tagħhom (flimkien imsejħa bħala l-“benefiċjarji”) għandhom ikunu intitolati għal allowance ta’ kuljum għall-ġranet tal-laqgħat, għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom u għal allowances għad-distanza u t-tul ta’ żmien, f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   L-allowance ta’ kuljum għall-benefiċjarji li jattendu l-laqgħat għandha tiġi ffissata għal EUR 290.

Il-Kumitat jista’ jiddeċiedi li jżid l-allowance ta’ kuljum b’massimu ta’ 50 %:

(a)

meta benefiċjarju debitament mistieden għal laqgħa waħda jew aktar ikun obbligat iħallas għal akkomodazzjoni għal lejl fil-post tal-laqgħa kemm qabel l-ewwel laqgħa kif ukoll wara l-aħħar laqgħa; jew

(b)

fil-każ ta’ missjoni barra Brussell, fejn ir-rati tal-lukandi magħżula bħala akkomodazzjoni għall-benefiċjarji ikunu aktar minn EUR 150 għal kull lejl.

2.   L-allowance ta’ kuljum tista’ titħallas lill-benefiċjarji għal massimu ta’ jumejn bejn żewġ laqgħat, meta dik l- allowance tkun inqas mir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar li l-benefiċjarju altrimenti jġarrab għal vjaġġ bir-ritorn bejn dawk il-laqgħat.

Artikolu 3

L-ispejjeż tal-ivjaġġar tal-benefiċjarji għandhom jiġu rimborżati abbażi tal-ispejjeż li effettivament ikunu ġġarrbu. Il-Kumitat għandu jiffissa limiti massimi adatti ta’ rimborż, bl-għan li jiżgura li n-nefqa tiegħu relatata mal-ispejjeż tal-ivvjaġġar ma taqbiżx il-livell li qiegħed fil-baġit annwali vvotat tiegħu.

Artikolu 4

Il-benefiċjarji għandhom ikunu intitolati għal allowances għad-distanza u t-tul ta’ żmien. Fil-każ ta’ vjaġġi bejn il-post tar-residenza tal-benefiċjarju u Brussell, il-benefiċjarju għandu jkun intitolat għal allowances fir-rigward ta’ vjaġġ wieħed lejn Brussell u vjaġġ wieħed lura minn Brussell għal kull ġimgħa ta’ xogħol fil-Kumitat.

Artikolu 5

Il-Kumitat għandu jadotta dispożizzjonijiet dettaljati li jimplimentaw l-Artikoli 2, 3 u 4 sas-16 ta’ Jannar 2014.

Artikolu 6

L-allowance għad-distanza msemmija fl-Artikolu 4 għandha tiġi kkalkolata kif ġej:

(a)

għall-parti tal-vjaġġ bejn 0 u 50 km: EUR 15;

(b)

għall-parti tal-vjaġġ bejn 51 u 500 km: EUR 0,08/km;

(c)

għall-parti tal-vjaġġ bejn 501 u 1 000 km: EUR 0,04/km;

(d)

għall-parti tal-vjaġġ bejn 1 001 u 3 000 km: EUR 0,02/km

(e)

għall-parti tal-vjaġġ li taqbeż it-3 000 km: l-ebda allowance.

Artikolu 7

L-allowance għat-tul ta’ żmien imsemmija fl-Artikolu 4 għandha tiġi kkalkolata kif ġej:

(a)

għal vjaġġ ta’ tul ta’ żmien totali ta’ bejn sagħtejn u erba’ sigħat: ammont ekwivalenti għal wieħed minn tmienja tal-allowance ta’ kuljum previst fl-Artikolu 2;

(b)

għal vjaġġ ta’ tul ta’ żmien totali ta’ bejn erba’ u sitt sigħat: ammont ekwivalenti għal kwart tal-allowance ta’ kuljum previst fl-Artikolu 2;

(c)

għal vjaġġ ta’ tul ta’ żmien totali ta’ aktar minn sitt sigħat u li ma jirrikjedix waqfa għal lejl: ammont ekwivalenti għal nofs l-allowance ta’ kuljum previst fl-Artikolu 2;

(d)

għal vjaġġ ta’ tul ta’ żmien totali ta’ aktar minn sitt sigħat u li jirrikjedi waqfa għal lejl: ammont ekwivalenti għall-allowance ta’ kuljum previst fl-Artikolu 2, soġġett għall-preżentazzjoni ta’ evidenza dokumentata.

Artikolu 8

1.   Bħala miżura transitorja, u soġġett għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-benefiċjarji jistgħu jitolbu li d-Deċiżjoni 81/121/KEE tibqa’ tiġi applikata fir-rigward tagħhom sat-tmiem tal-mandat tagħhom li jiskadi fl-20 ta’ Settembru 2015.

2.   Fl-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kumitat jista’ jiddeċiedi li japplika tnaqqis għall-ammonti stabbiliti fid-Deċiżjoni 81/121/KEE.

Artikolu 9

Il-Kumitat għandu, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, iressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapport dettaljat dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-allowances imħallsa lill-benefiċjarji fis-sena ta’ qabel. Dak ir-rapport għandu jindika fid-dettall in-numru ta’ benefiċjarji, in-numru ta’ vjaġġi, id-destinazzjonijiet, il-klassi tal-ivvjaġġar u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar imġarrba u rimborżati, kif ukoll l-allowances imħallsa.

Artikolu 10

Sas-16 ta’ Ottubru 2015, il-Kumitat għandu jressaq quddiem il-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u partikolarment dwar l-impatt baġitarju tagħha.

Dak ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jinkludi l-elementi li jippermettu lill-Kunsil jiddetermina, kif neċessarju, l-allowances tal-benefiċjarji.

Artikolu 11

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(1), id-Deċiżjoni 81/121/KEE titħassar b’effett mill-15 ta’ Ottubru 2013.

Artikolu 12

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

V. JUKNA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 81/121/KEE tat-3 ta’ Marzu 1981 dwar l-għoti ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, is-supplenti u l-esperti (ĠU L 67, 12.3.1981, p. 29).

(2)   ĠU L 286, 17.10.2012, p. 110.


Top