Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0217

    2013/217/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta’ Mejju 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2007/777/KE fir-rigward tal-entrata tal-Messiku fil-lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom minn fejn hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti tal-laħam u stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati (notifikata bid-dokument C(2013) 2589) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 129, 14.5.2013, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32020R0692

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/217/oj

    14.5.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 129/38


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-8 ta’ Mejju 2013

    li temenda d-Deċiżjoni 2007/777/KE fir-rigward tal-entrata tal-Messiku fil-lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom minn fejn hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti tal-laħam u stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati

    (notifikata bid-dokument C(2013) 2589)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2013/217/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-frażi introduttorja tal-Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 8 u l-punt 4 tal-Artikolu 8 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE tad-29 ta’ Novembru 2007 li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-laħam u ta’ stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/432/KE (2), tistabbilixxi regoli dwar l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u t-tranżitu u l-ħażna fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ prodotti tal-laħam u ta’ stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati, kif definit fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (3).

    (2)

    Il-Parti 2 tal-Anness II ta’ dik id-Deċiżjoni tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom minn fejn hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti tal-laħam, stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati, bil-kundizzjoni li dawk il-komoditajiet jikkonformaw mat-trattament imsemmi f’dik il-Parti.

    (3)

    Il-Parti 4 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE tistabbilixxi t-trattamenti msemmija fil-Parti 2 ta’ dak l-Anness, filwaqt li tassenja kodiċi lil kull wieħed minn dawk it-trattamenti. Dik il-Parti tistabbilixxi trattament mhux speċifiku “A” u trattamenti speċifiċi minn “B” sa “F”, elenkati mill-aktar wieħed sever għall-inqas wieħed.

    (4)

    Il-Messiku huwa elenkat fil-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE kif awtorizzat għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti tal-laħam u stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem meħudin minn tjur, tjur tal-kaċċa mrobbija fl-irziezet u għasafar tal-kaċċa selvaġġi, li ġew soġġetti għat-trattament speċifiku D.

    (5)

    Fl-2012 għadd ta’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja (HPAI) tas-sottotip H7N3 ġew ikkonfermati fl-Istat ta’ Jalisco fil-Messiku, f’żona b’densità għolja ta’ rziezet fejn jitrabbew it-tjur. Il-Messiku applika politika ta’ qerda u wettaq tilqim ta’ emerġenza kontra l-influwenza tat-tjur biex jikkontrolla t-tifqigħat.

    (6)

    Fl-aħħar ta’ Settembru 2012 ġiet ikkonfermata l-aħħar tifqigħa tal-HPAI ta’ dik l-epidemija u f’Diċembru 2012 il-Messiku ddikjara li t-tifqigħat ġew eradikati.

    (7)

    Fit-8 ta’ Jannar 2013, il-Messiku nnotifika lill-Kummissjoni b’żewġ tifqigħat tal-HPAI tas-sottotip H7N3 fit-tjur fit-territorju tiegħu fl-Istat ta’ Aguascalientes. Il-marda nfirxet ukoll lejn l-Istati ta’ Jalisco u Guanajuato.

    (8)

    Minħabba l-konferma tat-tifqigħat tal-HPAI, it-territorju tal-Messiku ma jistax jibqa’ jitqies bħala pajjiż ħieles minn dik il-marda.

    (9)

    Ir-rikorrenza tat-tifqigħat tal-HPAI tqajjem tħassib dwar l-effettività tal-miżuri, inkluż it-tilqim, li huma applikati fil-Messiku biex jikkontrollaw l-HPAI.

    (10)

    L-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-laħam u stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem meħudin minn tjur, tjur tal-kaċċa mrobbija fl-irziezet u għasafar tal-kaċċa selvaġġi, li ġew soġġetti għal trattament kif stabbilit fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE, minn pajjiżi terzi jew partijiet minnhom li mhumiex ħielsa mill-HPAI, jitqiesu li jippreżentaw riskju negliġibbli għall-introduzzjoni tal-vajrus fl-Unjoni.

    (11)

    Madankollu, minħabba l-firxa rapida tal-HPAI u r-riskju li t-tifqigħat tal-HPAI ma jiġux individwati fil-ħin mill-awtorità kompetenti Messikana, l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u t-tranżitu minnha ta’ prodotti tal-laħam u stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem li joriġinaw f’dak il-pajjiż terz għandhom jiġu awtorizzati biss fejn dawk il-komoditajiet ikunu ġew soġġetti għat-trattament speċifiku B kif stabbilit fil-Parti 4 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE, billi dak it-trattament huwa aktar sever minn dak attwalment applikabbli għal dawk il-komoditajiet skont il-Parti 2 ta’ dak l-Anness.

    (12)

    Għalhekk, id-Deċiżjoni 2007/777/KE għandha tiġi emendata kif xieraq.

    (13)

    Sabiex jiġi evitat taqlib bla bżonn fil-kummerċ, għandu jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni, li matulu kunsinni ta’ prodotti tal-laħam u stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem meħudin minn tjur, tjur tal-kaċċa mrobbija fl-irziezet u għasafar tal-kaċċa selvaġġi, li joriġinaw fil-Messiku u li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni 2007/777/KE qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, jistgħu jkomplu jiġu importati lejn l-Unjoni jew jgħaddu minnha.

    (14)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Għal perjodu tranżitorju sal-15 ta’ Awwissu 2013, il-kunsinni, inklużi dawk li jinġarru fuq l-ibħra mqallba, li joriġinaw fil-Messiku, li fihom prodotti tal-laħam u stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem meħudin minn tjur, tjur tal-kaċċa mrobbija fl-irziezet u għasafar tal-kaċċa selvaġġi li ġew soġġetti għat-trattament speċifiku D stabbilit fil-Parti 4 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE jistgħu jiġu importati lejn l-Unjoni jew jgħaddu minnha bil-kundizzjoni li jkunu akkumpanjati biċ-ċertifikat rilevanti komplut u ffirmat qabel is-17 ta’ Mejju 2013.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Mejju 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Tonio BORG

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

    (2)  ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49.

    (3)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.


    ANNESS

    Fil-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE, l-entrata għall-Messiku qed tinbidel b’dan li ġej:

    “MX

    Il-Messiku

    A

    D

    D

    A

    B

    B

    A

    D

    D

    XXX

    A

    B

    XXX”


    Top