Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0036

2013/36/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 29 ta’ Ottubru 2012 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim li jipprovdi qafas ġenerali għall-kooperazzjoni msaħħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru

ĠU L 16, 19.1.2013, p. 1–1 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/36/oj

Related international agreement

19.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 16/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ Ottubru 2012

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim li jipprovdi qafas ġenerali għall-kooperazzjoni msaħħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru

(2013/36/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat, f’isem l-Unjoni, Ftehim li jipprovdi qafas ġenerali għall-kooperazzjoni msaħħa (“il-Ftehim”) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2011 li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati.

(2)

Il-Ftehim ġie inizjalat fl-24 ta’ April 2012.

(3)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat u applikat fuq bażi provviżorja, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

(4)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti proċedurali għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit taħt il-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim li jipprovdi qafas ġenerali għall-kooperazzjoni msaħħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru b’dan huwa awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Il-Ftehim għandu japplika fuq bażi provviżorja, skont l-Artikolu 13.1 tal-Ftehim, mid-data tal-iffirmar tiegħu, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 4

1.   L-Unjoni għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit taħt l-Artikolu 7 tal-Ftehim.

2.   Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta ma’ Kumitat Speċjali maħtur mill-Kunsill, għandha tiddetermina l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, anke fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Annessi tal-Ftehim, u l-adozzjoni ta’ emendi għal dawk l-Annessi tal-Ftehim.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni tista’ tieħu kwalunkwe azzjoni xierqa taħt l-Artikoli 5, 6, 8, 9, 10 u 11 tal-Ftehim.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha regolarment tinforma lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-29 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

E. FLOURENTZOU


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru li jipprovdi qafas ġenerali għall-kooperazzjoni msaħħa

L-UNJONI EWROPEA (UE)

u

L-ORGANIZZAZZJONI EWROPEA GĦAS-SIGURTÀ TAN-NAVIGAZZJONI BL-AJRU (EUROCONTROL)

Minn hawn ‘il quddiem imsejħin “il-Partijiet”,

WARA LI KKUNSIDRAW it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “TFUE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 218 u 220 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAW il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-EUROCONTROL dwar il-Kooperazzjoni għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru tat-13 ta’ Diċembru 1960, kif emendata mill-Protokoll iffirmat fi Brussell fit-12 ta’ Frar 1981 (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Konvenzjoni tal-EUROCONTROL”), u b’mod partikolari l-Artikoli 7.2 u 11.3 tagħha,

WARA LI KKUNSIDRAW il-Miżura Nru 11/174 tat-12 ta’ Mejju 2011 meħuda mill-Kummissjoni Permanenti tal-EUROCONTROL li tiddelega l-awtorità lill-Aġenzija biex tiftaħ in-negozjati għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Livell Għoli mal-UE u l-Miżura Nru 12/181 tal-10 ta’ Mejju 2012 meħuda mill-Kummissjoni Permanenti tal-EUROCONTROL li tapprova l-Ftehim innegozjat,

WARA LI KKUNSIDRAW il-kuntesti istituzzjonali u legali preżenti rispettivi tal-Partijiet u l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (SES, Single European Sky) fl-UE u lil hinn minnha,

WARA LI KKUNSIDRAW il-kompetenza mogħtija lill-UE f’materji relatati mas-SES,

WARA LI KKUNSIDRAW ir-rwol tal-EUROCONTROL bħala l-organizzazzjoni intergovernattiva pan-Ewropea ċivili u militari speċjalizzata fil-qasam tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM, air traffic management),

BILLI l-Partijiet jikkondividu l-viżjoni tal-ksib ta’ netwerk Ewropew ottimu u integrat tal-ATM, li joffri, fil-fażijiet kollha tat-trasport bl-ajru, u flimkien ma’ mezzi oħra tat-trasport, livell għoli ta’ sigurtà, kosteffiċjenza, kapaċità u ħarsien ambjentali għall-benefiċċju tal-passiġġieri u taċ-ċittadini,

BILLI l-leġiżlazzjoni tal-UE tagħti lill-Kummissjoni Ewropea għadd ta’ kompiti relatati mal-implimentazzjoni tas-SES, li għalihom huwa meħtieġ appoġġ mingħand l-esperti,

BILLI l-EUROCONTROL evolva, mill-1960 ‘l hawn, f’ċentru uniku ta’ ħila fil-qasam tal-ATM, u ġab miegħu dimensjonijiet militari u pan-Ewropej bħala valur miżjud u għajnuna lill-Istati fit-twettiq ta’ servizzi u funzjonijiet tal-qasam pubbliku, u billi dan għandu jkompli jgħin lill-Istati Membri tiegħu, inkluż fl-implimentazzjoni tas-SES u ta’ politiki relatati oħrajn tal-UE u jkompli jipprovdi pjattaforma pan-Ewropea biex jiġi ffaċilitat it-tisħiħ tal-kooperazzjoni militari fil-qasam tal-ATM,

BILLI l-leġiżlazzjoni tal-UE tistipula li l-Kummissjoni Ewropea tista’ toħroġ mandati lill-EUROCONTROL sabiex dan jiżviluppa regoli ta’ implimentazzjoni relatati mal-istabbiliment tas-SES,

BILLI l-UE tirrikonoxxi l-kontribut essenzjali tal-EUROCONTROL biex jappoġġa lill-UE fir-rwol tagħha bħala regolatur sabiex jiġu implimentati s-SES u politiki relatati oħrajn tal-UE,

BILLI l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) u l-EUROCONTROL, fit-8 ta’ Mejju 2003, ikkonkludew Memorandum ta’ Kooperazzjoni,

BILLI l-Kummissjoni Ewropea u l-EUROCONTROL, fit-22 ta’ Diċembru 2003, ikkonkludew Memorandum dwar qafas għall-kooperazzjoni,

BILLI L-EUROCONTROL inħatar, permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-29 ta’ Lulju 2010, bħala l-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni tas-SES, skont ir-Regolament (UE) Nru 691/2010, u l-EUROCONTROL aċċetta din il-ħatra permezz tad-Direttiva Nru 10/74 tal-Kummissjoni Permanenti tal-15 ta’ Settembru 2010,

BILLI L-EUROCONTROL inħatar, permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-7 ta’ Lulju 2011, bħala l-Maniġer tan-Netwerk għall-funzjonijiet tan-netwerk tal-ATM, skont ir-Regolament (UE) Nru 677/2011, u l-EUROCONTROL aċċetta din il-ħatra permezz tad-Direttiva Nru 11/77 tal-Kummissjoni Permanenti tal-1 ta’ Settembru 2011,

BILLI l-Partijiet għandhom relazzjoni u storja ta’ kooperazzjoni li ilha għaddejja fil-qasam tal-ATM u fl-implimentazzjoni tas-SES u ta’ politiki relatati oħrajn, u huma jixtiequ jsaħħu din ir-relazzjoni u jikkoordinaw bis-sħiħ aktar azzjonijiet,

BILLI l-Partijiet għandhom jiżguraw li jkun hemm is-sinerġiji u jevitaw ix-xogħol doppju f’materji tal-ATM relatati mas-sigurtà u fi kwistjonijiet ambjentali,

BILLI l-applikazzjoni fit-tul tal-ftehimiet eżistenti bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-EUROCONTROL għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dan il-Ftehim u, fejn huwa xieraq, għandha tiġi kkonfermata u msaħħa permezz tiegħu,

BILLI l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma għandhiex twassal għal finanzjament doppju tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni msemmija f’dan il-Ftehim u għalhekk ma għandhiex twassal għal kontribuzzjoni nominali min-naħa tal-UE għall-baġit tal-EUROCONTROL,

BILLI l-għan tal-UE huwa li twessa’ l-kopertura ġeografika tas-SES lil hinn mill-UE,

BILLI, mingħajr preġudizzju għar-relazzjonijiet bejn il-Partijiet u l-Istati Membri rispettivi tagħhom u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri taħt il-Konvenzjoni tal-EUROCONTROL u t-TFUE rispettivament, ta’ min jistabbilixxi mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni kumplimentari li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku bejn l-UE u l-EUROCONTROL fl-implimentazzjoni tas-SES u ta’ politiki relatati oħrajn, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ambjent, inkluż it-tibdil fil-klima, u tar-riċerka u l-iżvilupp, bil-ħsieb li l-ħila u l-appoġġ tal-EUROCONTROL jintużaw b’mod aħjar,

BILLI l-appoġġ ipprovdut mill-EUROCONTROL lill-UE għandu jkun konformi mal-prinċipji tat-trasparenza, tal-imparzjalità u tal-indipendenza,

BILLI għandha tiġi ffaċilitata l-evoluzzjoni tal-organizzazzjoni tal-EUROCONTROL, b’mod partikolari, billi din tallinja ruħha b’mod progressiv biex tgħin lill-UE fl-implimentazzjoni tas-SES bil-ħsieb li tittejjeb il-prestazzjoni ġenerali tan-netwerk tal-ATM Ewropew,

FTIEHMU DWAR DAN LI ĠEJ:

1.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI ĠENERALI

1.1

Il-Partijiet jiftiehmu li jsaħħu u jikkonsolidaw il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-EUROCONTROL sabiex l-EUROCONTROL ikun jista’ jgħin lill-UE fl-implimentazzjoni tas-SES u ta’ politiki relatati tal-UE fl-UE u lil hinn minnha f’dawk l-Istati li jaqblu li jintrabtu bis-SES.

1.2

Il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri bħala membri tal-EUROCONTROL jew tal-UE.

2.   GĦANIJIET

L-għanijiet ta’ dan il-Ftehim huma:

li jiġu stabbiliti l-elementi ewlenin ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn il-Partijiet sabiex jingħata kontribut għall-implimentazzjoni f’waqtha u konsistenti tas-SES fl-UE u lil hinn minnha f’dawk l-Istati li jaqblu li jintrabtu bis-SES, u li tiġi stabbilita sistema effiċjenti tat-trasport bl-ajru permezz ta’ attivitajiet li jirriflettu l-kompiti u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Partijiet;

li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni ċivili u militari meħtieġa dwar l-ATM fis-SES;

li tiġi rrikonoxxuta u użata l-ħila tal-EUROCONTROL, inkluża l-kooperazzjoni ċivili u militari, biex l-UE tkun megħjuna fl-implimentazzjoni tas-SES u ta’ politiki relatati oħrajn, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ambjent, inkluż it-tibdil fil-klima, u tar-riċerka u l-iżvilupp, sabiex tittejjeb il-prestazzjoni tan-netwerk tal-ATM Ewropew;

li jiġi rrikonoxxut il-valur tal-fatt li l-EUROCONTROL jibqa’ jwettaq, kif xieraq, attivitajiet u funzjonijiet li jappoġġaw l-implimentazzjoni tas-SES;

li tiġi stabbilita l-kooperazzjoni meħtieġa biex ikun appoġġat u ffaċilitat l-involviment ta’ Stati li mhumiex membri tal-UE fis-SES, bil-ħsieb li l-implimentazzjoni tas-SES titwessa’ lil hinn mill-UE u li, progressivament, il-qafas leġiżlattiv tas-SES jibda jiġi applikat fl-istati kollha li huma membri tal-EUROCONTROL;

li jiġu żgurati s-sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol imwettaq mill-EASA f’materji tal-ATM relatati mas-sigurtà u fi kwistjonijiet ambjentali, inkluż, fejn ikun xieraq, permezz tal-iżvilupp ta’ mekkaniżmi sodi ta’ kooperazzjoni bejn l-EASA u l-EUROCONTROL, filwaqt li jitqiesu r-responsabbiltajiet pan-Ewropej tal-EUROCONTROL.

3.   OQSMA TA’ KOOPERAZZJONI

3.1

L-oqsma ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim huma dawk meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-SES, inkluż is-SESAR, u ta’ politiki relatati oħrajn tal-UE, b’mod partikolari l-ambjent, inkluż it-tibdil fil-klima, u l-politiki ta’ riċerka u żvilupp marbutin mal-ATM.

3.2

Il-kooperazzjoni għandha tittratta s-suġġetti li ġejjin:

a)

il-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru;

b)

l-Awtoritajiet Superviżjorji Nazzjonali;

c)

l-appoġġ fil-qasam tas-sigurtà tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ATM/ANS), inkluż l-appoġġ lill-EASA, kif stipulat fl-Artikolu 2;

d)

il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ċivili u militari;

e)

il-koordinazzjoni internazzjonali, b’mod partikolari mal-ICAO u ma’ stati li mhumiex Stati Membri tal-Partijiet;

f)

is-Servizzi ta’ Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru u ta’ Komunikazzjoni/Navigazzjoni/Sorveljanza (ATM/CNS), inkluż fl-ispazju;

g)

l-istatistika u d-dejta relatati mat-trasport bl-ajru;

h)

il-kwistjonijiet ambjentali relatati mal-avjazzjoni;

i)

il-politika tal-ajruporti.

3.3

Il-kooperazzjoni tista’ tittratta wkoll is-suġġetti li ġejjin:

a)

is-sigurtà tal-ATM;

b)

il-politika tal-ispettru;

c)

is-Sistemi tal-Ajru Mingħajr Ekwipaġġ (UAS).

3.4

Is-suġġetti u l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni għandhom ikunu ddefiniti f’aktar dettall f’Annessi separati ta’ dan il-Ftehim.

4.   METODI TA’ KOOPERAZZJONI

4.1

Il-Ftehim ser jiġi esegwit permezz tal-metodi ta’ kooperazzjoni li ġejjin:

a)

l-għoti ta’ appoġġ reċiproku;

b)

mekkaniżmi għall-kooperazzjoni msaħħa, il-mekkaniżmi u l-uffiċċji ta’ kollegament, u l-koordinazzjoni ta’ studji u programmi u l-attivitajiet konġunti;

c)

mekkaniżmi għall-ġbir u l-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni, dejta u statistika, kif ikun xieraq;

d)

il-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni fuq materji tekniċi fil-livell ta’ ħidma fil-kuntest tal-ICAO.

4.2

Fir-rigward tal-aspetti militari tas-SES, il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-proċessi rilevanti ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati jintużaw bl-aħjar mod.

4.3

Il-koordinazzjoni u l-iffaċilitar tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandhom jitwettqu mill-Aġenzija tal-EUROCONTROL f’isem din l-organizzazzjoni, u mill-Kummissjoni Ewropea f’isem l-UE. L-EUROCONTROL jista’ jappoġġa wkoll korpi oħra tal-UE, kif xieraq, permezz ta’ strumenti speċifiċi, bil-ħsieb li jittejbu kemm jista’ jkun il-ħila u r-riżorsi eżistenti u li dawn jiġu integrati flimkien.

5.   KONSULTAZZJONI U INFORMAZZJONI

5.1

Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin regolarment sabiex jikkoordinaw bis-sħiħ l-attivitajiet tagħhom li huma relatati ma’ dan il-Ftehim. Kull Parti għandha tinforma lill-Parti l-oħra, mingħajr preġudizzju għall-proċessi rispettivi tagħhom ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, bi kwalunkwe inizjattiva li tkun rilevanti għal dan il-Ftehim fl-oqsma tal-kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 u li tista’ tkun ta’ interess għall-Parti l-oħra.

5.2

Il-Partijiet għandhom jiskambjaw l-informazzjoni li tista’ tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, suġġett għar-regoli rispettivi tagħhom. Ħlief meta jkun stipulat mod ieħor, il-Partijiet ma għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni skambjata b’rabta ma’ dan il-Ftehim lil kwalunkwe persuna, ħlief lil dawk impjegati magħhom jew li huma uffiċjalment intitolati jittrattaw it-tali informazzjoni, u lanqas ma għandhom jużawha għal għanijiet kummerċjali. It-tali żvelar għandu jsir biss sal-punt li jkun meħtieġ għall-għan ta’ dan il-Ftehim u għandu jsir b’mod strettament kunfidenzjali.

5.3

Il-korpi rilevanti tal-Partijiet għandhom jiltaqgħu flimkien, jekk ikun meħtieġ, biex jiskambjaw l-opinjonijiet tagħhom.

6.   KUNFIDENZJALITÀ

6.1

Kull Parti għandha tieħu l-prekawzjonijiet raġonevoli kollha meħtieġa biex tipproteġi l-informazzjoni li tkun waslitilha taħt dan il-Ftehim u l-Annessi tiegħu minn żvelar mhux awtorizzat. Meta tipprovdi l-informazzjoni lill-Parti l-oħra, Parti tista’ tagħżel il-partijiet tal-informazzjoni li hija tqis li ma jistgħux jiġu żvelati.

6.2

Il-Partijiet jiftiehmu li jissalvagwardjaw, sal-punt li jkun meħtieġ skont ir-regoli rispettivi tagħhom, il-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata li tkun waslitilhom mingħand il-Parti l-oħra b’applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, jekk ikun hemm.

6.3

B’mod partikolari, suġġetti għar-regoli rispettivi tagħhom, il-Partijiet ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni li tkun waslitilhom mingħand il-Parti l-oħra taħt dan il-Ftehim u li tkun meqjusa bħala informazzjoni proprjetarja. It-tali informazzjoni għandha tkun immarkata bħala informazzjoni proprjetarja kif xieraq skont ir-regoli rispettivi tagħhom.

6.4

Il-Partijiet għandhom jiftiehmu rigward arranġamenti tax-xogħol dwar proċeduri ulterjuri għall-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata pprovduta skont dan il-Ftehim, kif meħtieġ. It-tali proċeduri għandhom jinkludu l-possibbiltà li kull Parti tivverifika liema miżuri ta’ protezzjoni l-Parti l-oħra tkun daħħlet fis-seħħ.

7.   ĠESTJONI TAL-FTEHIM

7.1

Qed jitwaqqaf Kumitat Konġunt, magħmul minn rappreżentant minn kull Parti, li jista’ jkollu miegħu osservaturi mill-Istati Membri tal-Partijiet u esperti. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun responsabbli għall-funzjonament tajjeb ta’ dan il-Ftehim.

7.2

Għandha ssir laqgħa tal-Kumitat Konġunt mill-anqas darba fis-sena biex tiġi vvalutata u eżaminata l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u din għandha tiġi organizzata b’mod kosteffiċjenti. Kull Parti tista’ ssejjaħ laqgħa tal-Kumitat Konġunt fi kwalunkwe mument.

7.3

Il-Kumitat Konġunt jista’ jqis kwalunkwe materja relatata mal-funzjonament u mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, għandu jkun responsabbli biex:

a)

jirriżolvi kwalunkwe kwistjoni relatata mal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

b)

iqis modi kif tista’ tittejjeb l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet għall-emendar tiegħu, kif xieraq;

c)

jidentifika oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni;

d)

jadotta u jemenda l-Annessi u l-arranġamenti tax-xogħol li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

e)

jirriżolvi kwalunkwe differenza jew disputa relatata mal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

7.4

Il-Kumitat Konġunt għandu jaħdem abbażi ta’ ftehim bejn ir-rappreżentanti tal-Partijiet.

7.5

Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

8.   FINANZJAMENT

8.1

Il-Parti li tkun qed titlob lill-Parti l-oħra twettaq attivitajiet ta’ appoġġ taħt dan il-Ftehim għandha tiżgura l-finanzjament tat-tali attivitajiet.

8.2

L-aspetti finanzjarji relatati mal-kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandhom jiġu ddefiniti skont ir-regoli applikabbli għall-baġits rispettivi tal-Partijiet. Il-Partijiet għandhom jikkonkludu ftehimiet separati b’rabta ma’ dan, fejn ikun xieraq.

9.   RELAZZJONIJIET ESTERNI U KOOPERAZZJONI

9.1

Kull Parti għandha tinforma lill-Parti l-oħra bl-attivitajiet tagħha ta’ dimensjoni internazzjonali li jkunu rilevanti għal dan il-Ftehim u li jistgħu jkunu ta’ interess għall-Parti l-oħra.

9.2

Kull meta jkun xieraq, Parti tista’ tikkonsulta lill-Parti l-oħra dwar kwalunkwe materja li tkun rilevanti għall-attivitajiet internazzjonali tagħha.

10.   RIŻOLUZZJONI TA’ DISPUTI

10.1

Il-Partijiet għandhom jagħmlu l-isforzi kollha possibbli biex jirriżolvu kwalunkwe differenza li jkun hemm bejniethom li tkun ġejja mill-kooperazzjoni tagħhom taħt dan il-Ftehim.

10.2

F’każ li xi differenza tibqa’ ma tirriżolviex, kull Parti tista’ tressaq id-disputa quddiem il-Kumitat Konġunt, li għandu jikkonsulta dwar il-kwistjoni bil-għan li jirriżolviha permezz tan-negozjar.

11.   SKAMBJU TA’ PERSUNAL

Suġġetti għar-regoli u l-proċeduri rispettivi tagħhom, il-Partijiet jistgħu jiskambjaw u jissekondaw il-persunal kif meħtieġ biex iwettqu l-attivitajiet deskritti f’dan il-Ftehim jew fl-Annessi tiegħu. It-tali skambji kollha għandhom isiru skont it-termini u l-kundizzjonijiet li l-Partijiet ikunu qablu dwarhom.

12.   ANNESSI

L-Annessi ta’ dan il-Ftehim għandhom jiffurmaw parti integrali minnu.

13.   DĦUL FIS-SEĦĦ U TERMINAZZJONI

13.1

Sa meta jidħol fis-seħħ, dan il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar.

13.2

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin, bil-miktub, li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu jkunu tlestew u huwa għandu jibqa’ fis-seħħ sa ma jiġi tterminat.

13.3

Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat fi kwalunkwe waqt minn kull Parti. It-tali terminazzjoni għandha ssir b’notifika bil-miktub mibgħuta sitt xhur bil-quddiem minn Parti waħda lill-Parti l-oħra, sakemm in-notifika ta’ terminazzjoni msemmija ma tiġix irtirata b’kunsens reċiproku min-naħa tal-Partijiet qabel jiskadi dan il-perjodu.

Magħmul fi Brussell fi,

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru


Top