EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1270

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1270/2012 tal- 21 ta’ Diċembru 2012 li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-iskadenza għar-reviżjoni tad-deċiżjoni dwar l-appoġġ speċifiku għall-2012 fil-Portugall, mir-Regolament (KE) Nru 1120/2009 rigward id-data ta’għeluq għan-notifika ta’ tali reviżjoni, u fir-rigward tal-kondizzjonijiet applikabbli għal attivitajiet agrikoli speċifiċi li jinvolvu benefiċċji agriambjentali addizzjonali, u mir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 fir-rigward tal-informazzjoni li jkun hemm fl-applikazzjoni għall-għajnuna

ĠU L 357, 28.12.2012, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/06/2014; Imħassar b' 32014R0639

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/1270/oj

28.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 357/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1270/2012

tal-21 ta’ Diċembru 2012

li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-iskadenza għar-reviżjoni tad-deċiżjoni dwar l-appoġġ speċifiku għall-2012 fil-Portugall, mir-Regolament (KE) Nru 1120/2009 rigward id-data ta’għeluq għan-notifika ta’ tali reviżjoni, u fir-rigward tal-kondizzjonijiet applikabbli għal attivitajiet agrikoli speċifiċi li jinvolvu benefiċċji agriambjentali addizzjonali, u mir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 fir-rigward tal-informazzjoni li jkun hemm fl-applikazzjoni għall-għajnuna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-Politika Agrikola Komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 142(c), (l) u (r) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Portugall informa lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni aggravata tal-bdiewa fis-settur tal-ħalib Portugiż fl-2012. Dan l-aggravament hija l-konsegwenza kemm ta’ żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-għalf minħabba l-effetti kkombinati ta’ kundizzjonijiet klimatiċi avversi li jaffettwaw xi wħud mill-fornituri ewlenin ta’ qmuħ tal-Unjoni u tad-dinja, u tat-tnaqqis tal-prezzijiet li jirriżulta mit-tnaqqis tad-domanda interna fil-kuntest tal-kriżi ekonomika li jaffettwa lill-Portugall. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-għalf, li jirrappreżentaw parti sinifikanti tal-ispejjeż tal-produzzjoni Portugiżi, għandha konsegwenzi immedjati fuq fis-settur Portugiż tal-prodotti tal-ħalib, b’mod partikolari billi jċekknu l-marġnijiet u jqiegħdu l-azjendi f’diffikultajiet finanzjarji fi tmiem is-sena 2012. Dan imbagħad wassal għal emerġenza għas-settur tal-prodotti tal-ħalib, li rriżulta fi problemi serji prattiċi u speċifiċi għall-bdiewa tal-baqar tal-ħalib li ma setgħux jiġu previsti fiż-żmien meta d-deċiżjonijiet, għas-sena 2012, għall-appoġġ skont l-Artikolu 68 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 setgħu ġew irriveduti skont l-Artikolu 68(8) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Il-Portugall jixtieq iżid il-livell tal-appoġġ previst fil-qafas tal- miżura ta’ appoġġ speċifiku għall-ħalib attwalment implimentat skont l-Artikolu 68(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, sabiex jgħin lill-bdiewa kkonċernati jiffaċċjaw din is-sitwazzjoni fi żmien qasir. Għalhekk, il-Portugall talab li jiġi awtorizzat jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-implimentazzjoni ta’ appoġġ speċifiku għall-2012 bil-għan tal-introduzzjoni tal-appoġġ skont l-Artikolu 68 (1)(a)(v) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, b’sostituzzjoni tal-appoġġ implimentat fil-preżent skont l-Artikolu 68 (1)(a)(i) ta’ dak ir-Regolament. Il-Portugall beħsiebu juża l-ammonti disponibbli li jirriżultaw sabiex iżid il-livell ta’ appoġġ għall-bdiewa produtturi tal-ħalib fi ħdan il-miżura implimentata skont l-Artikolu 68(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.

(3)

Għalhekk, u fid-dawl tal-fatt li reviżjoni tad-deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ appoġġ speċifiku għall-2012 ma għadhiex possibbli skont l-Artikolu 68(8) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, jixraq li ssir deroga minn dik id-dispożizzjoni sabiex tippermetti lill-Portugall jemenda l-Iskema implimentata għal dik is-sena.

(4)

Għall-istess raġunijiet, jixraq li ssir deroga mill-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 50(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku li hemm provvediment dwarha fit-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (2) għal notifika ta’ tali reviżjoni lill-Kummissjoni.

(5)

Skont l-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 1120/2009, l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (3) japplika mutatis mutandis għall-appoġġ skont l-Artikolu 68(1)(a)(v) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. L-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006, flimkien mal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament, jistabbilixxi l-kriterji għad-determinazzjoni tal-limitu għat-telf għall-biedja ta’ razez lokali indiġeni għaż-żona u l-periklu li jkunu mitlufa għall-biedja.

(6)

Skont il-Portugall, qegħdin jitnaqqsu l-popolazzjonijiet tar-razez bovini “Alentejena” u “Mertolenga”, tar-razez tan-nagħaġ “Serra de Estrela” u “Churros”, u tar-razza tal-mogħoż “Serrana”, minħabba x-xejra dejjem tiżdied tat-taħlit jew tas-sostituzzjoni tar-razez lokali ma’ razez eżotiċi, u dan iqegħidhom fil-periklu li jkunu mitlufa għall-biedja. Minkejja dan, minħabba l-kapaċità kbira li għandhom ta’ adattament għall-ambjent mingħajr ma jeżerċitaw pressjoni eċċessiva fuq ir-riżorsi naturali, dawk ir-razez lokali huma parti minn sistemi agrikoli u ta’ mergħa b’valur naturali għoli. Għall-finijiet tal-għoti ta’ appoġġ skont l-Artikolu 68(1)(a)(v) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, bil-għan li l-popolazzjoni ta’ tali annimali jinżammu f’livell xieraq għall-preżervazzjoni tal-wirt ġenetiku li huma jirrappreżentaw, filwaqt li jiġu protetti l-aspettazzjonijiet leġittimi tal-bdiewa li kienu applikaw għall-appoġġ skont l-Artikolu 68(1)(a)(i) għas-sena 2012, hemm il-ħtieġa ta’ deroga mill-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 1120/2009 fir-rigward tal-kriterji għad-determinazzjoni tal-limitu għat-telf għall-biedja tar-razez lokali indiġeni għaż-żona u l-periklu li jkunu mitlufa għall-biedja.

(7)

Skont l-Artikolu 12(1)(a) u (e) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema ta’ amministrazzjoni u kontroll integrata, skont l-iskemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa pprovduti f’dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità bl-iskema ta’ appoġġ ipprovduta għas-settur tal-inbid (4), l-applikazzjoni unika għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha neċessarja biex tkun stabbilita l-eliġibbiltà għall-għajnuna, b’mod partikolari l-iskema ta’ għajnuna kkonċernata u dikjarazzjoni mill-bidwi li huwa konxju tal-kondizzjonijiet marbuta mal-iskema tal-għajnuna inkwistjoni.

(8)

Minħabba li l-appoġġ speċifiku skont l-Artikolu 68 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jikkonsisti f’bosta miżuri b’kondizzjonijiet tal-eliġibbiltà differenti, il-bdiewa huma mitluba li jindikaw fl-applikazzjoni unika għal liema miżura speċifika qegħdin japplikaw. Sabiex jindirizza s-sitwazzjoni tas-settur tal-ħalib fl-2012, il-Portugall beħsiebu jikkunsidra l-applikazzjonijiet għal appoġġ iddepożitati fis-sena kalendarja 2012 skont l-Artikolu 68(1)(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 bħala applikazzjonijiet għal appoġġ previst bl-Artikolu 68(1)(a)(v) ta’ dak ir-Regolament għall-istess sena kalendarja, filwaqt li jikkunsidra l-aspettazzjonijiet leġittimi tal-bdiewa konċernati. F’dan ir-rigward, jixraq għaldaqstant li ssir deroga mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009.

(9)

Billi d-derogi jikkonċernaw is-sena 2012, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti,

HAS ADOPTED THIS REGULATION:

Artikolu 1

Deroga mir-Regolament (KE) Nru 73/2009

B’deroga mill-Artikolu 68(8) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, il-Portugall jista’, mill-[jum wara d-data tal-pubblikazzjoni fil-ĠU, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jekk jogħġbok daħħal id-data], jirrevedi d-deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 69(1) ta’ dak ir-Regolament u jimmodifika, b’effett għas-sena 2012, l-appoġġ speċifiku skont l-Artikolu 68(1)(a)(i) u l-Artikolu 68(1)(a)(v) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 2

Derogi mir-Regolament (KE) Nru 1120/2009

1.   Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 50(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009, il-Portugall għandu jinforma lill-Kummissjoni sa [il-ħames jum tax-xogħol wara d-data tal-pubblikazzjoni fil-ĠU, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jekk jogħġbok daħħal id-data] tal-miżura tal-appoġġ speċifiku li beħsiebhom japplikaw skont l-Artikolu 68(1)(a)(v) fid-dawl tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

2.   B’deroga mill-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 1120/2009, il-limiti msemmijin fl-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006 ma għandux japplika għas-sena 2012 fir-rigward ta’ appoġġ skont l-Artikolu 68(1)(a)(v) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għar-razez tal-baqar “Alentejana” u “Mertolenga”, għar-razez tan-nagħaġ “Serra de Estrela” u “Churros”, u għar-razza tal-mogħoż “Serrana”.

Artikolu 3

Deroga mir-Regolament (KE) Nru 1122/2009

B’deroga mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, l-applikazzjonijiet għal appoġġ iddepożitati fis-sena kalendarja 2012 skont l-Artikolu 68(1)(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tar-razez imsemmija fl-Artikolu 2(2) jistgħu jkunu kkunsidrati bħala applikazzjonijiet għal appoġġ skont l-Artikolu 68(1)(a)(v) tar-Regolament għall-istess sena kalendarja.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 30, 19.1.2009, p. 16.

(2)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 368, 23.12.2006, p. 15.

(4)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65.


Top