Wählen Sie die experimentellen Funktionen, die Sie testen möchten.

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 32012R0760

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 760/2012 tal- 21 ta’ Awwissu 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 595/2004 f’dak li għandu x’jaqsam mal-intensità tal-kontrolli mwettqin mill-Istati Membri fil-qafas tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib

ĠU L 226, 22.8.2012, S. 1-2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

⏵Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Rechtlicher Status des Dokuments In Kraft

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/760/oj

22.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 226/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 760/2012

tal-21 ta’ Awwissu 2012

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 595/2004 f’dak li għandu x’jaqsam mal-intensità tal-kontrolli mwettqin mill-Istati Membri fil-qafas tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 85 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004 tat-30 ta’ Marzu 2004 li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi imposta fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (2), jipprovdi għall-intensità tal-kontrolli li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri fuq il-ħalib imwassal skont is-sistema tal-kwoti. Jekk l-ammont totali tal-kunsinni aġġustati kien ta’ anqas minn 95 % tal-parti tal-kunsinni tal-kwota nazzjonali f’kull wieħed mit-tliet perjodi ta’ 12-il xahar ta’ qabel, l-intensità tal-kontrolli fuq il-kunsinni tista’ titnaqqas minn 2 % għal 1 % tal-produtturi u minn 40 % għal 20 % tal-kwantità tal-ħalib iddikjarata wara l-aġġustament.

(2)

Il-kumplessità amministrattiva ta’ dawk il-kontrolli hija relattivament għolja u għandha tiġi ssimplifikata.

(3)

L-Istati Membri kisbu snin ta’ esperjenza b’rabta ma’ dawk il-kontrolli u jużaw pjan ġenerali ta’ kontroll abbażi ta’ analiżi tar-riskju.

(4)

Ir-riżultati tal-verifiki tal-Kummissjoni fl-Istati Membri juru li ma kien hemm bżonn ta’ ebda korrezzjoni kważi fil-każijiet kollha.

(5)

Skont l-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, is-sistema tal-kwoti tal-ħalib tispiċċa fl-2015.

(6)

Għaldaqstant, huwa xieraq li l-intensità tal-kontrolli fuq il-kunsinni fl-Istati Membri kollha tiġi stabbilita f’livell ta’ 1 % tal-produtturi u ta’ 20 % tal-kwantità tal-ħalib imwassla ddikjarata wara l-aġġustament u li l-għadd ta’ kontrolli jiġi rduppjat biss fil-każ ta’ irregolaritajiet jew diskrepanzi sinifikanti.

(7)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 595/2004 għandu jiġi emendat kif xieraq.

(8)

Minħabba li l-emendi proposti għandhom l-għan li jnaqqsu l-intensità tal-kontrolli u b’hekk li jħaffu l-piż amministrattiv tal-Istati Membri, għandhom japplikaw għall-perjodu attwali ta’ 12-il xahar li beda fl-1 ta’ April 2012. Għalhekk jeħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika minn dik id-data.

(9)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 595/2004 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 19(3) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Il-kontrolli għandhom jitqiesu li jkunu tlestew ladarba jkun disponibbli r-rapport tal-ispezzjoni tagħhom.

Ir-rapporti kollha tal-ispezzjoni għandhom jitlestew sa mhux aktar tard minn 18-il xahar minn meta jintemm il-perjodu ta’ 12-il xahar ikkonċernat.

Madankollu, meta l-kontrolli previsti fl-Artikolu 20 isiru flimkien ma’ kontrolli oħra, għandhom jitħarsu l-limiti taż-żmien stabbiliti għall-kontrolli l-oħra u għall-istabbiliment tar-rapporti tal-ispezzjoni rispettivi tagħhom.”

(2)

L-Artikolu 22 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 21(1) għandhom ikopru mill-anqas:

(a)

1 % tal-produtturi għal kull perjodu ta’ 12-il xahar;

(b)

20 % tal-kwantità tal-ħalib iddikjarata wara l-aġġustament għall-perjodu kkonċernat; u

(c)

kampjun rappreżentattiv tat-trasport tal-ħalib bejn il-produtturi u x-xerrejja magħżula.

Il-kontrolli tat-trasport imsemmija fil-punt (c) għandhom jitwettqu b’mod partikulari waqt il-ħatt fl-imħaleb.”

(b)

Għandu jiżdied il-paragrafu l-ġdid li ġej, il-paragrafu 4:

“4.   Jekk xi kontroll jikxef irregolaritajiet jew diskrepanzi sinifikanti f’reġjun jew f’parti minn reġjun, l-awtorità kompetenti għandha tirdoppja l-għadd ta’ kontrolli li jsiru f’dak ir-reġjun jew f’dik il-parti ta’ dak ir-reġjun matul il-perjodu ta’ 12-il xahar ikkonċernat u matul il-perjodu ta’ 12-il xahar ta’ wara.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ April 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Awwissu 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 94, 31.3.2004, p. 22.


nach oben