EUR-Lex Euroopan unionin oikeus ulottuvillasi

Takaisin EUR-Lexin etusivulle

Tämä asiakirja on ote EUR-Lex-verkkosivustolta

Asiakirja 32012R0447

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 447/2012 tal- 21 ta’ Marzu 2012 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji għall-valutazzjoni tal-konformità tal-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 140, 30.5.2012, s. 14—16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Asiakirjan oikeudellinen asema Voimassa

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2012/447/oj

30.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/14


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 447/2012

tal-21 ta’ Marzu 2012

li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji għall-valutazzjoni tal-konformità tal-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b’mod partikolari l-punt (d) tal-Artikolu 21(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jeħtieġ li aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tuża metodoloġiji tal-klassifikazzjoni li huma rigorużi, sistematiċi, kontinwi u soġġetti għal validazzjoni bbażata fuq l-esperjenza storika, inkluż l-ittestjar retrospettiv.

(2)

Dan ir-Regolament huwa meħtieġ biex tkun żgurata t-trasparenza fil-valutazzjoni mwettqa mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (2) u regoli uniformi rigward ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(3)

L-AETS għandha tivvaluta l-konformità tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 meta teżamina l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament. Wara r-reġistrazzjoni l-AETS għandha tivvaluta bħala parti mis-superviżjoni kontinwa tagħha l-konformità kontinwa tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 8(3) kull meta tqis li dik l-valutazzjoni hija meħtieġa.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009, partikolarment l-Artikolu 23 tiegħu, ma jippermettix lill-AETS, lill-Kummissjoni jew lil kwalunkwe awtorità pubblika ta’ xi Stat Membru jintervjenu fil-kontenut jew fil-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jistipula r-regoli li bihom dawk il-metodoloġiji għandhom jiġu vvalutati iżda ma għandhomx jipprovdu li dawk l-awtoritajiet jiddeċiedu dwar l-eżattezza tal-klassifikazzjoni tal-kreditu prodotta minn dawk il-metodoloġiji.

(5)

l-Artikolu 6(2), meta jinqara flimkien mal-Punt 9 tat-Taqsima A tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, jeħtieġ li aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tistabbilixxi funzjoni ta’ reviżjoni responsabbli biex tirrivedi perijodikament il-metodoloġiji, il-mudelli u s-suppożizzjonijiet prinċipali tal-klassifikazzjoni tagħha, bħas-suppożizzjonijiet matematiċi jew korrelattivi, u kwalunkwe bidla jew modifika sinifikanti fihom kif ukoll l-adegwatezza ta’ dawk il-metodoloġiji, il-mudelli u s-suppożizzjonijiet prinċipali tal-klassifikazzjoni fejn dawn jintużaw jew huma intenzjonati biex jintużaw għall-valutazzjoni ta’ strumenti finanzjarji ġodda.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-AETS lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(7)

L-AETS wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażżat dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Barra minn hekk, f’Mejju 2011 l-AETS nediet sejħa għal evidenza sabiex tiġbor informazzjoni mill-parteċipanti fis-suq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli li għandhom jintużaw fil-valutazzjoni tal-konformità tal-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

Artikolu 2

Dimostrazzjoni ta’ konformità

Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha f’kull ħin tkun kapaċi turi lill-AETS il-konformità tagħha mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 rigward l-użu tal-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.

Artikolu 3

Valutazzjoni tal-konformità mill-AETS

1.   Minbarra li teżamina l-konformità tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fir-rigward ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament, l-AETS għandha teżamina l-konformità ta’ kull aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fuq bażi kontinwa, kif tqis xierqa.

2.   Meta teżamina l-konformità tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 l-AETS għandha tuża l-informazzjoni kollha rilevanti biex tivvaluta l-proċess tal-iżvilupp, l-approvazzjoni, l-użu u r-reviżjoni tal-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.

3.   Fid-determinazzjoni tal-livell xieraq tal-valutazzjoni, l-AETS għandha tikkunsidra jekk il-metodoloġijia tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhiex storja demostrabbli ta’ konsistenza u akkuratezza fil-previżjoni tal-affidabbiltà kreditizja u tista’ tikkunsidra l-metodi ta’ validazzjoni bħal studji adatti ta’ inadempjenzi jew tranżizzjonijiet imfassla biex jittestjaw li metodoloġija speċifika.

Artikolu 4

Valutazzjoni li metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu hija rigoruża

1.   Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tuża u tapplika metodoloġiji tal-klassifikazzjoni li:

(a)

jinkludu kontrolli u proċessi ċari u robusti tal-iżviluppi tagħhom u approvazzjonijiet relatati li jippermettu rikors xieraq;

(b)

tinkorpora l-fatturi motivaturi kollha meqjusa relevanti fid-determinazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja ta’ entità kklassifikata jew strument finanzjarju li għandu jkun sostnut minn statistika, esperjenza storika jew evidenza;

(c)

tikkunsidra r-relazzjoni simulata bejn entitajiet ikklassifikati jew strumenti finanzjarji bl-istess fattur ta’ riskju u l-fatturi ta’ riskju li metodoloġiji tal-klassifikazzjoni kreditu huma sensittivi għalihom;

(d)

tinkorpora mudelli analitiċi affidabbli, relevanti u relatati mal-kwalità, suppożizzjonijiet prinċipali tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u kriterji fejn dawn huma stabbiliti.

2.   Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha telenka u tipprovdi spjegazzjoni dettaljata tal-punti li ġejjin fir-rigward tal-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu użati fir-rigward ta’:

(a)

kull fattur kwalitattiv, inkluż l-ambitu tal-ġudizzju kwalitattiv għal dak il-fattur;

(b)

kull fattur kwantitattiv, inkluż il-varjabbli prinċipali, is-sorsi tad-dejta, is-suppożizzjonijiet prinċipali, il-mudellar u t-tekniki kwantitattivi.

3.   L-informazzjoni dettaljata msemmija fil-paragrafu 2 għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

dikjarazzjoni tal-importanza ta’ kull fattur kwalitattiv jew kwantitattiv użat fil-metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu inklużi, fejn relevanti, deskrizzjoni ta’ u ġustifikazzjoni għall-ippiżar relatat assenjat lil dawk il-fatturi u l-impatt tagħhom fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu;

(b)

valutazzjoni tar-relazzjoni bejn is-suppożizzjonijiet prinċipali użati f’dik il-metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-fatturi kritiċi tar-riskju derivati mid-dejta makroekonomika u finanzjarja; kif ukoll

(c)

valutazzjoni tar-relazzjoni bejn is-suppożizzjonijiet prinċipali użati fil-metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-volatilità tal-klassifikazzjoni tal-kreditu prodotti minn dik il-metodoloġija tul iż-żmien.

4.   Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tuża metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-mudelli analitiċi assoċjati tagħhom, is-suppożizzjonijiet prinċipali tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-kriterji li jinkorporaw fil-pront is-sejbiet jew ir-riżultati minn reviżjoni interna jew minn reviżjoni ta’ monitoraġġ imwettqa minn wieħed jew aktar mis-segwenti:

(a)

il-membri indipendenti tal-bord amministrattiv jew superviżorju tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu;

(b)

il-funzjoni tar-reviżjoni tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu;

(c)

kwalunkwe persuna jew kumitat rilevanti ieħor involut fil-monitoraġġ u r-reviżjoni tal-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.

Artikolu 5

Valutazzjoni li metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu hija sistematika

1.   Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tuża metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-mudelli analitiċi assoċjati magħha, is-suppożizzjonijiet prinċipali tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-kriterji li huma applikati sistematikament fil-formulazzjoni tal-klassifikazzjonijiet kollha tal-kreditu fi klassi partikolari ta’ assi jew segment tas-suq sakemm ma jkunx hemm raġuni oġġettiva biex titbiegħed minnhom.

2.   Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tuża metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li tkun kapaċi tinkorpora fil-pront is-sejbiet minn kwalunkwe reviżjoni tal-adegwatezza tagħha.

Artikolu 6

Valutazzjoni li metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu hija kontinwa

Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tuża metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li huma mfassla u implimentati b’mod li jippermettu li:

(a)

jibqgħu jintużaw sakemm ma jkunx hemm raġuni oġġettiva biex il-metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tinbidel jew titwaqqaf;

(b)

ikunu kapaċi jinkorporaw fil-pront kwalunkwe sejba mill-monitoraġġ jew ir-reviżjoni kontinwa, partikolarment fejn bidliet strutturali makroekonomiċi jew fil-kundizzjonijiet tas-suq finanzjarju jkunu kapaċi jaffettwaw il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu prodotti minn dik il-metodoloġija;

(c)

jipparagunaw il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu bejn il-klassijiet differenti ta’ assi.

Artikolu 7

Valutazzjoni li metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu hija suġġetta għal validazzjoni bbażata fuq l-esperjenza storika, inkluż l-ittestjar retrospettiv

1.   Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tuża metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu li huma sostnuti minn evidenza kwantitattiva tal-kapaċità diskriminatorja tal-metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.

2.   Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tuża metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li jiddeskrivu dan li ġej:

(a)

ir-robustezza storika u l-kapaċità predittiva tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu maħruġa bl-użu tal-metodoloġija rilevanti fuq orizzonti ta’ żmien xierqa u bejn klassijiet differenti ta’ assi;

(b)

il-grad sa fejn is-suppożizzjonijiet użati fil-mudell tal-klassifikazzjoni jiddevjaw mir-rati reali ta’ inadempjenzi u telf.

3.   Il-validazzjoni ta’ metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tkun ddisinjata biex:

(a)

teżamina s-sensittività ta’ metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għal bidliet fi kwalunkwe mis-suppożizzjonijiet sottostanti tagħha, inklużi fatturi kwalitattivi jew kwantitattivi;

(b)

twettaq valutazzjoni adegwata u xierqa tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu storiċi prodotti permezz ta’ dik il-metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu;

(c)

tuża inputs affidabbli, inklużi d-daqs xieraq tal-kampjuni tad-dejta;

(d)

tqis kif xieraq iż-żoni ġeografiċi prinċipali tal-entitajiet jew l-istrumenti finanzjarji kklassifikati għal kull kategorija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu bħal finanzjamenti struturati, sovrani, korporattivi, istituzzjonijiet finanzjarji, assigurazzjonijiet, finanzi pubbliċi.

4.   Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha jkollha proċessi stabbiliti li jiżguraw li anomaliji sistematiċi fil-klassifikazzjoni tal-kreditu enfasizzati mill-ittestjar retrospettiv jiġu identifikati u indirizzati kif xieraq.

5.   Fil-proċess ta’ reviżjoni tal-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tinkludi:

(a)

reviżjonijiet regolari tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-prestazzjoni fuq entitajiet u strumenti finanzjarji kklassifikati;

(b)

ittestjar mill-kampjun u barra mill-kampjun;

(c)

informazzjoni storika dwar il-validazzjoni jew l-ittestjar retrospettiv.

Artikolu 8

Eżenzjoni

F’każijiet fejn hemm evidenza kwantitattiva limitata biex isostni l-kapaċità predittiva ta’ metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tkun eżentata milli tikkonforma mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament jekk:

(a)

tiżgura li l-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu huma bassara sensibbli tal-affidabbiltà kreditizja;

(b)

tapplika proċeduri interni b’mod konsistenti u tul iż-żmien u fis-segmenti kollha differenti tas-suq;

(c)

ikollha proċessi fis-seħħ biex tiżgura dawk l-anomaliji sistematiċi fil-klassifikazzjoni tal-kreditu enfasizzati mill-ittestjar retrospettiv jiġu identifikati u indirizzati kif xieraq.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.


Alkuun