Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0287

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 287/2012 tat- 30 ta’ Marzu 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva triflusulfuron Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 95, 31.3.2012, pp. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/287/oj

31.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 95/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 287/2012

tat-30 ta’ Marzu 2012

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva triflusulfuron

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/77/KE (2) it-triflusulfuron ġiet inkluża bħala sustanza attiva fl-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3) għall-użu bħala erbiċida fuq il-pitravi zokkrija u l-pitravi tal-għalf b’rata massima ta’ applikazzjoni ta’ 60 g/ha kull tielet sena biss fl-istess għalqa. Din l-inklużjoni ġiet iżjed ristretta bil-projbizzjoni tat-tagħlif tal-weraq ta’ uċuħ ittrattati lill-bhejjem. Rigward il-purità tas-sustanza attiva, ġie ffissat limitu massimu ta’ 6 g/kg għall-impurità N,N-dimetil-6-(2,2,2-trifluworuetossi)-1,3,5-triażina-2,4-diammina.

(2)

Mis-sostituzzjoni tad-Direttiva 91/414/KEE bir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, din is-sustanza titqies bħala approvata skont dak ir-Regolament u hija elenkata fil-Parti A tal-Anness għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (4).

(3)

Fil-25 ta’ Ġunju 2010 n-notifikatur li fuq talba tiegħu ġiet inkluża t-triflusulfuron fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE, ressaq applikazzjoni għal emenda tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tat-triflusulfuron. Din l-applikazzjoni talbet li jitwarrbu r-restrizzjonijiet fuq l-użu bħala erbiċida u jitwarrab il-limitu fuq il-kontenut tal-impurità msemmija fil-Premessa 1. Din l-applikazzjoni kienet akkumpanjata minn informazzjoni addizzjonali. L-applikazzjoni tressqet lil Franza, li kienet inħatret bħala l-Istat Membru relatur permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1490/2002 (5).

(4)

L-Istat Membru relatur ivvaluta l-informazzjoni addizzjonali mressqa mill-applikant u ħejja addendum mal-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni. Huwa ressaq dan l-addendum quddiem il-Kummissjoni fis-17 ta’ Diċembru 2010, u din ikkomunikatu lill-Istati Membri l-oħra u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għall-osservazzjonijiet tagħhom. L-addendum mal-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fid-9 ta’ Marzu 2012 fil-format ta’ addendum mar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni dwar it-triflusulfuron.

(5)

Mill-eżamijiet diversi li twettqu, jidher li l-emenda tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni mitluba ma tikkawżax riskji barra dawk li huma diġà meqjusa fl-approvazzjoni tat-triflusulfuron u fir-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni dwar din is-sustanza.

(6)

L-Anness għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Ir-ringiela numru 289, triflusulfuron, tal-Parti A tal-Anness hija emendata kif ġej:

(1)

Il-kolonna tal-purità hija ssostitwita b’dan li ġej:

“≥ 960 g/kg”

(2)

Fil-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi” il-Parti A hija sostitwita b’dan li ġej:

“PARTI A

L-użu bħala erbiċida biss jista’ jiġi awtorizzat.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)   ĠU L 172, 2.7.2009, p. 86.

(3)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(4)   ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1.

(5)   ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23.


Top