This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012R0029
Commission Implementing Regulation (EU) No 29/2012 of 13 January 2012 on marketing standards for olive oil (codification)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 29/2012 tat- 13 ta’ Jannar 2012 dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa (kodifikazzjoni)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 29/2012 tat- 13 ta’ Jannar 2012 dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa (kodifikazzjoni)
ĠU L 12, 14.1.2012, pp. 14–21
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 23/11/2022; Imħassar b' 32022R2104
|
14.1.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 12/14 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 29/2012
tat-13 ta’ Jannar 2012
dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa
(kodifikazzjoni)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 113(1)(a) u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 121, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1019/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa (2) ġie emendat kemm-il darba (3) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat. |
|
(2) |
Iż-żejt taż-żebbuġa għandu ċerti kwalitajiet, b’mod partikolari kwalitajiet organolettiċi u ta’ nutriment, li, waqt li jingħata kont tan-nefqa tal-produzzjoni, jippermetti d-dħul tiegħu f’suq fejn il-prezzijiet huma relattivament għolja meta mqabbla mal-parti l-kbira tax-xaħmijiet veġetali l-oħra. Meħud kont ta’ din is-sitwazzjoni tas-suq, għandhom jiġu stabbiliti standards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa li jkun fihom, b’mod partikolari, regoli speċifiċi ta’ tikkettar li jisupplimentaw dawk stabbiliti fid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (4) u b’mod partikolari r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 2 tagħha. |
|
(3) |
Biex tiġi ggarantita l-awtentiċità taż-żjut taż-żebbuġa mibjugħa, l-ippakkeġġjar għall-bejgħ bl-imnut għandu jkun żgħir u jkollu sistema adegwata kif jingħalaq. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jawtorizzaw pakkeġġjar akbar għal stabbilimenti kollettivi. |
|
(4) |
Minbarra d-deskrizzjonijiet obbligatorji għall-kategoriji varji ta’ żejt taż-żebbuġa previsti fl-Artikolu 118 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-konsumaturi għandhom ikunu infurmati dwar it-tipi ta’ żejt taż-żebbuġa offruti. |
|
(5) |
Bħala riżultat tat-tradizzjonijiet agrikoli u l-prattiċi lokali ta’ estrazzjoni u taħlit, żjut verġni taż-żebbuġa introdotti direttament fis-suq jistgħu jkunu ta’ togħma u kwalità pjuttost differenti skont l-oriġini ġeografika tagħhom. Dan jista’ jwassal għal differenzi fil-prezz fl-istess kategorija li jfixklu s-suq. M’hemm ebda differenzi sostanzjali marbuta mal-oriġini f’kategoriji oħrajn ta’ żejt taż-żebbuġa li jista’ jittiekel, u għalhekk jekk jiġi indikat il-post tal-oriġini fuq l-ippakkeġġjar immedjat ta’ żejt bħal dak dan jista’ jwassal lill-konsumatur li jaħseb li jeżistu xi differenzi fil-kwalità. Biex ma jkunx hemm distorsjoni fis-suq taż-żjut taż-żebbuġa li jittieklu, għandha għalhekk tiġi stabbilita sistema obbligatorja tal-Unjoni għall-indikazzjoni tal-oriġini, li tkun ristretta għaż-żjut extra verġni u ż-żjut verġni taż-żebbuġa li jissodisfaw kondizzjonijiet preċiżi. L-arranġamenti fakultattivi li ġew implimentati sal-2009 urew li ma kinux biżżejjed biex jevitaw li l-konsumatur jiġi mqarraq f’dak li għandu x’jaqsam mal-karatteristiċi reali taż-żjut verġni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (5) stabbilixxa regoli dwar it-traċċabilità li ilhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2005. L-esperjenza miksuba minn operaturi u amministrazzjonjiet f’din il-kwistjoni ppermettiet li t-tikkettar tal-oriġini jsir obbligatorju għaż-żejt extra verġni u verġni taż-żebbuġa. |
|
(6) |
Trade marks eżistenti li jinkludu referenzi ġeografiċi jistgħu jibqgħu jintużaw basta kienu ġew irreġistrati uffiċjalment fil-passat skont l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (6), jew ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (7). |
|
(7) |
Indikazzjoni ta’ oriġini reġjonali tista’ tkun koperta b’denominazzjoni tal-oriġini protetta (PDO) jew indikazzjoni ġeografika protetta (PGI) taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (8). Indikazzjonijiet li juru oriġini reġjonali għandhom ikunu riżervati għall-PDOs jew il-PGIs biex tiġi evitata l-konfużjoni għall-konsumaturi li tista’ twassal għal tfixkil fis-suq. Fil-każ ta’ żjut taż-żebbuġa importati, ir-regoli dwar oriġini mhux preferenzjali previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (9) għandhom jiġu mħarsa. |
|
(8) |
Jekk l-indikazzjoni tal-oriġini taż-żejt verġni taż-żebbuġa tkun tirreferi għall-Unjoni jew għal Stat Membru, wieħed għandu jżomm f’moħħu li mhux biss iż-żebbuġ użat iżda wkoll it-tekniki u l-prattiċi tal-estrazzjoni jaffettwaw il-kwalità u t-togħma taż-żejt. L-indikazzjoni tal-oriġini għandha għalhekk tkun tirreferi għaż-żona ġeografika li minnha ż-żejt taż-żebbuġa kien miksub, li hija ġeneralment iż-żona li fiha ż-żejt kien estratt miż-żebbuġ. Madankollu, f’ċerti każijiet iż-żejt jiġi estratt f’lok li ma jkunx l-istess bħal dak fejn ikun sar il-qtugħ taż-żebbuġ u dan it-tagħrif għandu jiġi ddikjarat fuq l-ippakkeġġjar jew it-tikketti mwaħħla mal-ippakkeġġjar biex jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jiġux ingannati u s-suq fiż-żejt taż-żebbuġa ma jiġix imfixkel. |
|
(9) |
Fl-Unjoni, parti sinifikanti taż-żjut extra verġni u verġni taż-żebbuġa hija magħmula minn taħlitiet ta’ żjut li joriġinaw minn diversi Stati Membri u pajjiżi terzi. Għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet sempliċi għat-tikkettar tal-oriġini ta’ taħlitiet bħal dawn. |
|
(10) |
Taħt id-Direttiva 2000/13/KE, l-indikazzjonijiet murija fuq it-tikketti ma jistgħux iqarrqu bix-xerrej, partikolarment fir-rigward tal-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa kkonċernat, jew billi jattribwixxu lilu kwalitajiet li ma jkollux, jew billi jissuġġerixxu li jkun fih karatteristiċi speċjali meta fil-fatt il-parti l-kbira taż-żjut ikollhom dawk il-karatteristiċi. Ċerti indikazzjonijiet fakultattivi użati komunement li huma speċifiċi għaż-żejt taż-żebbuġa jeħtieġu wkoll regoli armonizzati biex jiddefinixxu eżatt dikjarazzjonijiet bħal dawk u jiżguraw li dak li qiegħed jingħad dwarhom ikun jista’ jiġi vverifikat. Għalhekk, il-kunċetti ta’ “tagħsir kiesaħ” u “estrazzjoni kiesħa” għandhom jikkorrispondu għal metodu teknikament definit ta’ produzzjoni tradizzjonali. Ċerti termini li jiddeskrivu l-karatteristiċi organolettiċi relatati mat-togħma u/jew mar-riħa taż-żjut extra verġni u verġni taż-żebbuġa ġew definiti mill-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) fil-metodu rivedut tiegħu għall-valutazzjoni organolettika taż-żjut verġni taż-żebbuġa. L-użu ta’ termini bħal dawn fit-tikkettar taż-żjut extra verġni u verġni taż-żebbuġa għandhom jinżammu għal żjut li ġew ivvalutati skont il-metodu korrispondenti ta’ analiżi. Arranġamenti tranżitorji huma meħtieġa għal ċerti operaturi li bħalissa jużaw it-termini riżervati. Ir-referenza għall-aċidità fl-iżolament tissuġġerixxi skorrettament skala ta’ kwalità assoluta li tqarraq bil-konsumatur billi dan il-fattur jirrappreżenta valur kwalitattiv biss b’relazzjoni mal-karatteristiċi l-oħra taż-żejt taż-żebbuġa kkonċernat. Konsegwentement, minħabba l-proliferazzjoni ta’ ċerti indikazzjonijiet u s-sinjifikat ekonomiku tagħhom, kriterji oġġettivi għall-użu tagħhom għandhom jiġu stabbiliti sabiex tiġi introdotta ċ-ċarezza fis-suq taż-żejt taż-żebbuġa. |
|
(11) |
Għandhom jittieħdu passi biex jiġi żgurat li oġġetti tal-ikel li jkun fihom iż-żejt taż-żebbuġa ma jqarrqux bil-konsumaturi billi jenfasizzaw ir-reputazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa mingħajr ma jispeċifikaw b’mod ċar il-kompożizzjoni reali tal-prodott. Il-persentaġġ ta’ żejt taż-żebbuġa u ċerti indikazzjonijiet speċifiċi għall-prodotti li jkunu jikkonsistu esklużivament minn taħlita ta’ żjut veġetali għandhom għalhekk ikunu jidhru b’mod ċar fuq it-tikketta. Barra minn hekk, għandu jingħata kont tad-dispożizzjonijiet speċjali mniżżla f’ċerti regolamenti speċifiċi għall-prodotti miż-żejt taż-żebbuġa. |
|
(12) |
L-ismijiet tal-kategoriji taż-żejt taż-żebbuġa jikkorrispondu għal karatteristiċi fiżiko-kimiċi u organolettiċi li huma mniżżla fl-Anness XVI tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 tal-11 ta’ Lulju 1991 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta’ analiżi rilevanti (10). L-indikazzjonijiet l-oħra kollha li jidhru fuq it-tikketta għandhom ikunu kkorroborati minn elementi oġġettivi sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jiġux imqarrqa u li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq taż-żjut ikkonċernati. |
|
(13) |
Fi ħdan il-qafas tas-sistema ta’ verifiki stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 113(3) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw l-evidenza li għandha tiġi pprovduta u l-penalitajiet finanzjarji inkorsi fil-każ tat-termini differenti li jistgħu jintużaw fuq it-tikketti. Mingħajr ma jiġu skartati xi possibiltajiet a priori, evidenza bħal dik tista’ tinkludi fatti stabbiliti, ir-riżultati ta’ analiżi jew reġistrazzjonijiet ta’ min jorbot fuqhom, u informazzjoni amministrattiva jew ta’ kontabilità. |
|
(14) |
Billi l-verifiki fuq l-impriżi responsabbli għall-ittikkettar għandhom isiru fl-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti, għandu jkun hemm proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fejn iż-żejt ikun għall-bejgħ fis-suq. |
|
(15) |
Sabiex jiġu vvalutati l-arranġamenti previsti f’dan ir-Regolament, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrapportaw dwar iċ-ċirkostanzi u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom. |
|
(16) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2000/13/KE u r-Regolament (KE) Nru 510/2006, dan ir-Regolament jistabbilixxi standards speċifiċi għall-marketing fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mill-ilbieba taż-żebbuġ imsemmija fil-punti 1(a) u (b), 3 u 6 tal-Anness XVI tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.
2. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, l-istadju tal-“bejgħ bl-imnut” tfisser il-bejgħ lill-konsumatur finali taż-żejt kif imsemmi fil-paragrafu 1, ippreżentat fl-istat naturali tiegħu jew inkorporat f’oġġett tal-ikel.
Artikolu 2
Żjut kif imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jiġu ppreżentati lill-konsumatur finali f’pakkeġġjar ta’ kapaċità massima ta’ ħames litri. Ippakkeġġjar bħal dak għandu jkun iffittjat b’sistema ta’ ftuħ li ma tistax terġa’ tiġi ssiġillata wara li tinfetaħ l-ewwel darba u għandu jkun ittikkettat skont l-Artikoli 3 sa 6.
Madankollu, fil-każ ta’ żjut maħsuba għall-konsum f’ristoranti, sptarijiet, canteens u stabbilimenti kollettivi oħra simili, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw kapaċità massima li teċċedi l-ħames litri għall-ippakkeġġjar skont it-tip ta’ stabbiliment kkonċernat.
Artikolu 3
Deskrizzjonijiet skont l-Artikolu 118 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom jitqiesu bħala l-isem li bih jinbiegħ il-prodott kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(1) tad-Direttiva 2000/13/KE.
It-tikkettar taż-żjut kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) għandu jkollu, b’ittri ċari u li ma jitħassrux, minbarra d-deskrizzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu, iżda mhux neċessarjament viċin tagħha, l-informazzjoni li ġejja dwar il-kategorija taż-żejt:
|
(a) |
żejt extra verġni taż-żebbuġa: “żejt taż-żebbuġa ta’ kategorija superjuri miksub direttament minn żebbuġ u unikament b’mezzi mekkaniċi”; |
|
(b) |
żejt verġni taż-żebbuġa: “żejt taż-żebbuġa miksub direttament minn żebbuġ u unikament b’mezzi mekkaniċi”; |
|
(c) |
żejt taż-żebbuġ magħmul minn żjut raffinati taż-żebbuġa u żjut verġni taż-żebbuġa: “żejt magħmul esklużivament minn żjut taż-żebbuġa li jkunu għaddew minn proċess ta’ raffinar u żjut miksuba direttament miż-żebbuġ”; |
|
(d) |
żejt mill-ilbieba taż-żebbuġ:
|
Artikolu 4
1. Żejt extra verġni u żejt verġni taż-żebbuġa kif definiti fil-punti 1(a) u (b) tal-Anness XVI tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jkollhom indikazzjoni tal-oriġini fuq it-tikketta.
Il-prodotti definiti fil-punti 3 u 6 tal-Anness XVI tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ma għandu jkollhom l-ebda indikazzjoni tal-oriġini fuq it-tikketta.
Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament “indikazzjoni tal-oriġini” tfisser referenza għaż-żona ġeografika fuq l-ippakkeġġjar jew it-tikketta mwaħħla mal-ippakkeġġjar.
2. L-indikazzjonijiet tal-oriġini msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkonsistu biss minn:
|
(a) |
fil-każ taż-żjut taż-żebbuġa li joriġinaw, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5, minn Stat Membru jew pajjiż terz wieħed, referenza għall-Istat Membru, jew għall-Unjoni jew għall-pajjiż terz, kif xieraq; |
|
(b) |
fil-każ ta’ taħlitiet ta’ żjut taż-żebbuġa li joriġinaw, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5, minn aktar minn Stat Membru jew pajjiż terz wieħed, waħda minn dawn it-tismijiet li ġejjin, kif xieraq:
|
|
(c) |
denominazzjoni tal-oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta msemmija fir-Regolament (KE) Nru 510/2006 f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott kkonċernat. |
3. L-ismijiet ta’ brands jew ditti li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet saret mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 taħt id-Direttiva 89/104/KEE jew mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2002 taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (11) m’għandhomx jitqiesu li jkunu indikazzjonijiet tal-oriġini koperti b’dan ir-Regolament.
4. Fil-każ ta’ importazzjoni minn pajjiż terz, l-indikazzjoni tal-oriġini għandha tiġi stabbilita skont l-Artikoli 22 sa 26 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.
5. L-indikazzjoni tal-oriġini li ssemmi Stat Membru jew l-Unjoni għandha tikkorrispondi għaż-żona ġeografika li fiha nqata’ ż-żebbuġ inkwistjoni jew li fiha kienet tinsab il-mitħna fejn kien estratt iż-żejt miż-żebbuġ.
Jekk iż-żebbuġ kien maqtugħ fi Stat Membru jew pajjiż terz ħlief għal dak li fih kienet tinsab il-mitħna li fiha ġie estratt iż-żejt miż-żebbuġ, l-indikazzjoni tal-oriġini għandu jkun fiha l-kliem li ġej: “żejt (extra) verġni taż-żebbuġa miksub (fl- Unjoni jew l-isem tal-Istat Membru jew il-pajjiż ikkonċernat) minn żebbuġ maqtugħ fl-(Unjoni jew l-isem tal-Istat Membru jew tal-pajjiż ikkonċernat)”.
Artikolu 5
Fost l-indikazzjonijiet obbligatorji li jistgħu jidhru fuq it-tikketti taż-żejt kif imsemmi fl-Artikolu 1(1), dawk stabbiliti b’dan l-Artikolu għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti rispettivi li ġejjin:
|
(a) |
l-indikazzjoni “l-ewwel tagħsir kiesaħ” tista’ tidher biss għal żjut extra verġni jew verġni taż-żebbuġa miksuba f’temperatura taħt is-27 °C mill-ewwel tagħsir mekkaniku tal-pasta taż-żebbuġ minn sistema tradizzjonali ta’ estrazzjoni bl-użu ta’ mgħasar idrawliċi; |
|
(b) |
l-indikazzjoni “estrazzjoni kiesħa” tista’ tidher biss għal żjut extra verġni jew verġni taż-żebbuġa miksuba f’temperatura taħt is-27 °C permezz ta’ perkolazzjoni jew ċentrifugazzjoni tal-pasta taż-żebbuġ; |
|
(c) |
indikazzjonijiet ta’ kwalitajiet organolettiċi marbuta ma’ togħma u/jew ma’ riħa jistgħu jidhru biss fil-każ taż-żjut extra verġni jew verġni taż-żebbuġa; it-termini msemmija fil-punt 3.3 tal-Anness XII tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91 jistgħu jidhru fuq it-tikketta biss jekk ikunu bbażati fuq ir-riżultati ta’ valutazzjoni li tkun saret permezz tal-metodu previst fl-imsemmi Anness; |
|
(d) |
l-indikazzjoni tal-aċidità jew tal-aċidità massima tista’ tidher biss jekk tkun akkumpanjata b’indikazzjoni, b’ittri tal-istess daqs u fl-istess firxa viżwali, tal-valur tal-peroxide, il-kontenut ta’ xemgħa u l-assorbiment ultraviolet, stabbiliti skont ir-Regolament (KEE) Nru 2568/91. |
Prodotti mibjugħa taħt trade marks li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom tkun saret mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu 2008 u li fihom tal-anqas wieħed mit-termini msemmija fil-punt 3.3 tal-Anness XII tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91 ma jistgħux jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament sal-1 ta’ Novembru 2012.
Artikolu 6
1. Fejn il-preżenza ta’ żjut kif imsemmija fl-Artikolu 1(1) f’taħlita ta’ żejt taż-żebbuġa u żjut oħra veġetali tkun enfasizzata fuq it-tikketta f’banda’oħra li ma tkunx fil-lista tal-ingredjenti, bl-użu ta’ kliem, stampi jew grafika, it-taħlita kkonċernata għandha ġġorr id-deskrizzjoni kummerċjali li ġejja: “Taħlita ta’ żjut veġetali (jew l-ismijiet speċifiċi taż-żjut veġetali kkonċernati) u żejt taż-żebbuġa”, direttament segwita bil-persentaġġ ta’ żejt taż-żebbuġa fit-taħlita.
Il-preżenza ta’ żejt taż-żebbuġa tista’ tiġi enfasizzata permezz ta’ stampi jew grafika fuq it-tikketta tat-taħlita kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu biss fejn tkun tirrappreżenta aktar minn 50 % tat-taħlita kkonċernata.
L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu l-produzzjoni fit-territorju tagħhom ta’ taħlitiet ta’ żejt taż-żebbuġa u żjut veġetali oħra msemmija fl-ewwel subparagrafu għall-konsum intern. Madankollu, ma jistgħux jipprojbixxu l-marketing fit-territorju tagħhom ta’ taħlitiet bħal dawn minn pajjiżi oħra u ma jistgħux jipprojbixxu l-produzzjoni fit-territorju tagħhom ta’ tali taħlitiet għal marketing fi Stat Membru ieħor jew għall-esportazzjoni.
2. Ħlief għat-tonn fiż-żejt taż-żebbuġa msemmi fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1536/92 (12) u s-sardin fiż-żejt taż-żebbuġa msemmi fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2136/89 (13), meta bl-użu ta’ kliem, immaġnijiet jew grafiċi, tkun enfasizzata fuq it-tikketta l-preżenza ta’ żjut kif imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament f’oġġett tal-ikel, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, f’post ieħor minbarra fejn ikun hemm il-lista tal-ingredjenti, id-deskrizzjoni kummerċjali tal-oġġett tal-ikel għandha tkun segwita immedjatament bil-persentaġġ taż-żjut kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament skont il-piż nett totali tal-oġġett tal-ikel.
Il-persentaġġ ta’ żejt taż-żebbuġa miżjud relattiv għall-piż nett totali tal-oġġett tal-ikel jista’ jiġi sostitwit bil-persentaġġ ta’ żejt taż-żebbuġa miżjud relattiv għall-piż totali ta’ xaħmijiet, billi jiżdied il-kliem “persentaġġ ta’ xaħmijiet”.
3. Id-deskrizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 jistgħu jinbidlu bil-kliem “żejt taż-żebbuġa” fuq it-tikkettar tal-prodotti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.
Madankollu, meta jkun hemm il-preżenza tal-ilbieba taż-żebbuġ, il-kliem “żejt taż-żebbuġa” għandhom jinbidlu bil-kliem “żejt mill-ilbieba taż-żebbuġ”.
4. L-informazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 mhijiex meħtieġa fuq it-tikkettar tal-prodotti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 7
Fuq talba tal-Istat Membru li fih ikun sitwat l-indirizz tal-manifattur, ta’ dak li jippakkja jew tal-bejjiegħ li jidher fuq it-tikketta, il-parti kkonċernata għandha tipprovdi dokumentazzjoni li ssostni l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5, u 6, ibbażata fuq element wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
elementi fattwali jew fatti stabbiliti b’mod xjentifiku; |
|
(b) |
ir-riżultati ta’ analiżi jew ir-reġistrazzjonijiet awtomatiċi meħuda fuq kampjuni rappreżentattivi; |
|
(c) |
tagħrif amministrattiv jew ta’ kontabilità miżmum skont ir-regoli tal- Unjoni u/jew dawk nazzjonali. |
L-Istat Membru kkonċernat għandu jippermetti tolleranza bejn l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6 u li jidhru fuq it-tikketta, u l-konkluzjonijiet milħuqa abbażi tad-dokumentazzjoni ta’ sostenn ippreżentata u/jew l-opinjonijiet komparattivi tal-esperti, waqt li jingħata kont tal-akkuratezza u r-“repetibilità” tal-metodi u tad-dokumentazzjoni kkonċernata, kif ukoll, fejn ikun applikabbli, l-akkuratezza u r-“repetibilità” tal-opinjonijiet komparattivi tal-esperti.
Artikolu 8
1. Kull Stat Membru għandu jibgħat l-isem u l-indirizz tal-korp jew korpi responsabbli għall-immonitorjar tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Kummissjoni, li għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra u lil kull parti interessata li hekk titlob.
2. L-Istat Membru li fih ikun sitwat l-indirizz tal-manifattur, ta’ dak li jippakkja jew tal-bejjiegħ li jidher fuq it-tikketta għandu, wara talba ghal verifika, jieħu kampjuni qabel l-aħħar tax-xahar li jiġi wara dak li fih issir it-talba u jivverifika l-verità tal-indikazzjonijiet fuq it-tikketta kkonċernata. Din it-talba tista’ tintbagħat minn:
|
(a) |
id-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni; |
|
(b) |
organizzazzjoni ta’ operaturi f’dak l-Istat Membru msemmija fl-Artikolu 125 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007; |
|
(c) |
il-korp ta’ kontroll ta’ Stat Membru ieħor. |
3. It-talbiet kif imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu akkumpanjati bit-tagħrif kollu meħtieġ għall-verifika mitluba, u b’mod partikolari:
|
(a) |
id-data tat-teħid tal-kampjun jew dik tax-xiri taż-żejt inkwistjoni; |
|
(b) |
l-isem jew l-isem tan-negozju u l-indirizz tal-impriża fejn ikun ittieħed il-kampjun jew fejn kien inxtara ż-żejt ikkonċernat; |
|
(c) |
in-numru tal-lottijiet ikkonċernati; |
|
(d) |
kopja tat-tabelli kollha li jidhru fuq l-ippakkeġġjar taż-żejt ikkonċernat; |
|
(e) |
ir-riżultati tal-analiżi jew tal-opinjonijiet komparattivi l-oħra tal-esperti li jindikaw il-metodi użati u l-isem u l-indirizz tal-laboratorju jew tal-espert ikkonċernat; |
|
(f) |
fejn japplika, l-isem tal-persuna li tagħmel il-provvista taż-żejt inkwistjoni kif iddikjarat mill-istabbiliment li jqiegħdu fis-suq. |
4. Qabel l-aħħar tat-tielet xahar li jiġi wara dak li fih issir it-talba msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lil min jagħmel it-talba bin-numru tar-referenza allokat lilu u l-azzjoni meħuda.
Artikolu 9
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, inklużi dawk fir-rigward tas-sistema tal-penalitajiet biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri meħuda għal dak il-għan mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2002, u l-emendi għal dawk il-miżuri qabel it-tmiem tax-xahar ta’ wara dak li fih ikunu ġew adottati.
Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja għandhom jikkomunikaw lill-Kummisjoni l-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2004, u l-emendi għal dawk il-miżuri qabel it-tmiem tax-xahar ta’ wara dak li fih ikunu ġew adottati.
Il-Bulgarija u r-Rumanija jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010, u l-emendi għal dawk il-miżuri qabel it-tmiem tax-xahar ta’ wara dak li fih ikunu ġew adottati.
2. Għall-għan tal-verifika tal-indikazzjonijiet kif imsemmi fl-Artikoli 4, 5 u 6, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jintroduċu arranġamenti għall-approvazzjoni ta’ stabbilimenti li l-faċilitajiet tal-ippakkjar tagħhom jinsabu fit-territorju tagħhom.
L-approvazzjoni għandha tingħata u identifikazzjoni alfanumerika tingħata lil kull stabbiliment li hekk jitlob li jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
ikollu faċilitajiet tal-ippakkeġġjar; |
|
(b) |
jintrabat li jiġbor u jżomm id-dokumentazzjoni ta’ sostenn meħtieġa mill-Istat Membru skont l-Artikolu 7; |
|
(c) |
ikollu sistema ta’ ħażna li tagħmilha possibbli li tiġi vverifikata l-provenjenza taż-żjut li jkunu jġorru indikazzjoni ta’ oriġini, għas-sodisfazzjon tal-Istat Membru kkonċernat. |
It-tikketta għandha, fejn japplika, iġġorr l-identifikazzjoni alfanumerika tal-impjant approvat ta’ ppakkeġġjar.
Artikolu 10
L-Istati Membri kkonċernati għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, rapport li jkun fih it-tagħrif li ġej dwar is-sena ta’ qabel:
|
(a) |
talbiet għall-verifiki rċevuti skont l-Artikolu 8(2); |
|
(b) |
il-verifiki magħmula u dawk mibdija fis-snin tas-suq ta’ qabel u li għadhom ma ġewx mitmuma; |
|
(c) |
l-insegwiment tal-verifiki magħmula u l-penalitajiet applikati. |
Ir-rapport għandu jippreżenta dan it-tagħrif skont is-sena li fiha tkun saret il-verifika u skont il-kategorija tal-ksur tal-liġi. Fejn huwa applikabbli, għandu jelenka xi diffikultajiet speċifiċi li wieħed ikun iltaqa’ magħhom u proposti għal titjib tal-kontrolli.
Artikolu 11
Ir-Regolament (KE) Nru 1019/2002 huwa mħassar.
Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.
Artikolu 12
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Il-prodotti li jkunu ġew immanifatturati legalment u tikkettati fl- Unjoni jew importati legalment fl-Unjoni u jkunu tqiegħdu f’ċirkolazzjoni libera qabel l-1 ta’ Lulju 2012 jistgħu jitqiegħdu fis-suq sakemm il-ħażniet jintużaw kollha.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(2) ĠU L 155, 14.6.2002, p. 27.
(3) Ara l-Anness I.
(4) ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.
(8) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.
(9) ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.
(10) ĠU L 248, 5.9.1991, p. 1.
(11) ĠU L 11, 14.1.1994, p. 1.
ANNESS I
Regolament imħassar flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tiegħu
|
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1019/2002 |
|
|
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1964/2002 |
|
|
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1176/2003 |
|
|
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 406/2004 |
Artikolu 3 biss |
|
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1750/2004 |
|
|
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1044/2006 |
|
|
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 632/2008 |
|
|
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1183/2008 |
|
|
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 182/2009 |
|
|
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 596/2010 |
|
ANNESS II
Tabella Ta’ Korrelazzjoni
|
Regolament (KE) Nru 1019/2002 |
Dan ir-Regolament |
|
Artikoli 1 sa 8 |
Artikoli 1 sa 8 |
|
Artikolu 9, paragrafu 1 |
Artikolu 9, paragrafu 1 |
|
Artikolu 9, paragrafu 2 |
Artikolu 9, paragrafu 2 |
|
Artikolu 9, paragrafu 3 |
— |
|
Artikolu 10 |
Artikolu 10 |
|
Artikolu 11 |
— |
|
— |
Article 11 |
|
Artikolu 12, paragrafu 1 |
Artikolu 12, paragrafu 1 |
|
Artikolu 12, paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu |
— |
|
Artikolu 12, paragrafu 2, it-tieni subparagrafu |
— |
|
Artikolu 12, paragrafu 2, it-tielet subparagrafu |
— |
|
Artikolu 12, paragrafu 2, ir-raba’ subparagrafu |
— |
|
Artikolu 12, paragrafu 2, il-ħames subparagrafu |
Artikolu 12, paragrafu 2 |
|
— |
Anness I |
|
— |
Anness II |