Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0278

    2012/278/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 23 ta’ Mejju 2012 li ttemm il-proċediment kontra s-sussidju li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u l-partijiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja

    ĠU L 134, 24.5.2012, p. 31–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/278/oj

    24.5.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 134/31


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-23 ta’ Mejju 2012

    li ttemm il-proċediment kontra s-sussidju li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u l-partijiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja

    (2012/278/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma ssussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    1.   IL-PROĊEDURA

    1.1.   Il-miżuri provviżorji

    (1)

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”), permezz tar-Regolament (UE) Nru 115/2012 (2) (“ir-Regolament provviżorju”), imponiet dazju kompensatorju provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u l-partijiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja (“l-Indja” jew “il-pajjiż ikkonċernat”).

    (2)

    Il-proċediment inbeda fit-13 ta’ Mejju 2011 (3), wara li fil-31 ta’ Marzu 2011 tressaq ilment mill-Istitut Ewropew tal-Qfieli Industrijali (EIFI) (“l-ilmentatur”), f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u l-partijiet tagħhom.

    (3)

    Kif stipulat fil-premessa 21 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni ta’ sussidju u dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2010 sal-31 ta’ Marzu 2011 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “il-PI”). L-eżami tat-tendenzi relevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sa tmiem il-PI (“il-perjodu kkunsidrat”).

    1.2.   Il-proċedura sussegwenti

    (4)

    Wara li saru magħrufa l-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom ġie deċiż li jiġu imposti miżuri kompensatorji provviżorji (“żvelar provviżorju”), ħafna partijiet interessati ssottomettew bil-miktub il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li għamlu din it-talba ngħataw opportunità li jinstemgħu.

    (5)

    Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub ippreżentati mill-partijiet interessati tqiesu u, fejn xieraq, is-sejbiet provviżorji ġew immodifikati skont dan.

    (6)

    Sussegwentament, il-partijiet kollha ġew informati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li jintemm il-proċediment kontra s-sussidju li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u l-partijiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja u li jiġu rilaxxati l-ammonti żgurati permezz tad-dazju provviżorju (“żvelar finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar dan l-iżvelar finali.

    2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

    (7)

    Wara l-iżvelar finali, parti waħda tenniet il-kummenti tagħha fir-rigward tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili pprovduta fil-premessi 22 u 23 tar-Regolament hi u tiddikjara li ċerti tipi ta’ prodotti għandhom ikunu esklużi mill-ambitu tal-prodott ta’ din l-investigazzjoni.

    (8)

    Madankollu, l-investigazzjoni kkonfermat li t-tipi differenti tal-prodott huma koperti mid-deskrizzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili u għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi u l-istess użi aħħarija u għaldaqastant jagħmlu parti mill-istess kategorija ta’ prodotti. Għalhekk, din l-allegazzjoni ġiet miċħuda.

    (9)

    Fin-nuqqas ta’ xi kummenti dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-premessi 22 u 23 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    3.   L-ISSUSSIDJAR

    3.1.   Introduzzjoni

    (10)

    Fil-premessa (24) tar-Regolament provviżorju, saret referenza għall-iskemi li ġejjin, li allegatament jinvolvu l-għoti ta’ sussidji:

    (a)

    L-Iskema tal-Passbook li Jagħti Jedd għad-Dazju (“DEPBS”);

    (b)

    L-Iskema ta’ Awtorizzazzjoni Avvanzata (“AAS”);

    (c)

    L-Iskema ta’ Promozzjoni tal-Esportazzjoni ta’ Beni Kapitali (“EPCGS”);

    (d)

    L-Iskema tal-Unitajiet Orjentati għall-Esportazzjoni (“EOUS”);

    (e)

    L-Iskema ta’ Fokus fuq il-Prodott (“FPS”);

    (f)

    L-Iskema ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni (“ECS”);

    (g)

    L-Eżenzjoni mid-Dazju fuq l-Elettriku.

    (11)

    L-industrija tal-Unjoni staqsiet jekk il-Kummissjoni kinitx naqset milli tqis għadd ta’ skemi ta’ sussidju, u minħabba f’hekk ħasbet li s-sussidji li rċevew il-produtturi Indjani kienu ssottovvalutati.

    (12)

    Bi tweġiba għal dan, ta’ min jinnota li l-ilment kien fih għadd kbir ta’ skemi ta’ sussidju nazzjonali u lokali, li kienu inklużi fil-kwestjonarju li sar lill-produtturi esportaturi fl-Indja u li ġew investigati mill-Kummissjoni. Madankollu, instab li kien biss għall-iskemi elenkati fil-premessa 10 hawn fuq li l-produtturi esportaturi investigati fil-kampjun kienu rċevew sussidji.

    (13)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, il-premessi 24 sa 27 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    (14)

    Ma waslu l-ebda kummenti dwar is-sejbiet li jikkonċernaw l-FPS u dwar l-Eżenzjoni mid-Dazju fuq l-Elettriku. Fir-rigward tal-DEPBS, l-AAS, l-EPCGS u l-ECS, il-produtturi esportaturi li kkooperaw taw kummenti dettaljati. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kummenti kienu relatati mal-kalkolu tal-ammonti ta’ sussidju u ċerti kummenti wasslu għal ‘aġġustamenti żgħar f’dawk il-kalkoli. Madankollu, il-konklużjonijiet ġenerali fuq dawn l-iskemi ma kinux affettwati b’tali kummenti u huma hawnhekk ikkonfermati. Waslu wkoll kummenti dwar l-EOUS. Meta wieħed iqis l-impatti ta’ tali kummenti fuq l-EOUS, kif deskritt fil-qosor hawn taħt fil-premessi 13 sa 19, m’hemmx bżonn li jerġgħu jiġu ppreżentati fid-dettall il-kummenti l-oħrajn li waslu dwar l-erba’ skemi msemmija hawn fuq.

    3.2.   L-Iskema tal-Unitajiet Orjentati għall-Esportazzjoni (“EOUS”)

    3.2.1.   Ġenerali

    (15)

    Ta’ min ifakkar li, kif imsemmi wkoll fit-taqsima 3.5 tar-Regolament provviżorju, obbligu kruċjali ta’ Unità Orjentata lejn l-Esportazzjoni (EOU) kif stabbilit fil-politika ta’ Kummerċ Ħieles (“FT”) 2009-2014 huwa li tikseb qligħ nett ta’ valuta barranija (NFE), jiġifieri f’perjodu ta’ referenza (ħames snin) il-valur totali ta’ esportazzjonijiet irid ikun ogħla mill-valur totali ta’ oġġetti importati. Fil-prinċipju, l-intrapriżi kollha li jintrabtu li jesportaw l-produzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi kollha tagħhom jistgħu jkunu stabbiliti skont l-EOUS. Talli jagħmlu dan, il-kumpaniji li għandhom dan l-istatus ta’ EOU huma intitolati għal għadd ta’ konċessjonijiet skont il-premessa 71 tar-Regolament provviżorju. Dawn il-konċessjonijiet huma kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Gvern tal-Indja (“GTI”) fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku u dawn jipprovdu benefiċċju lill-EOUs. Fil-liġi huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni, u għalhekk huma meqjusa bħala speċifiċi u soġġetti għal kompens taħt l-Artikolu 4(4), l-ewwel paragrafu, il-punt (a) tar-Regolament bażiku.

    (16)

    Fir-Regolament provviżorju ġie ddikjarat li l-EOUS ma setgħetx titqies bħala sistema awtorizzata ta’ ħlas lura ta’ dazju jew sistema alternattiva għall-ħlas lura fil-kuntest tat-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku peress li kkonformat mar-regoli stretti stabbiliti fl-Anness I (punti (h) u (i), l-Anness II (definizzjoni u regoli għall-ħlas lura) u l-Anness III (definizzjoni u regoli għal sostituzzjoni ta’ ħlas lura) tar-Regolament bażiku. Tabilħaqq, ma setax jiġi stabbilit li l-GTI għandu sistema jew proċedura ta’ verifika biex tikkonferma jekk u f’liema ammonti materji għall-produzzjoni mixtrija bla dazju u/jew bla taxxa fuq il-bejgħ ġewx ikkunsmati fil-produzzjoni tal-prodott esportat (ara l-Anness II(II)(4) tar-Regolament bażiku u, fil-każ ta’ skemi alternattivi għall-ħlas lura, l-Anness III(II)(2) tar-Regolament bażiku). Is-sistema attwali ta’ verifika għandha l-għan li tissorvelja l-obbligu ta’ qligħ tal-NFE u mhux il-konsum ta’ importazzjonijiet fir-rigward tal-produzzjoni ta’ prodotti esportati.

    (17)

    Sussegwentament għall-iżvelar provviżorju, ma tqajjem l-ebda argument sostantiv kontra n-natura tal-EOUS, kif deskritt hawn fuq, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ sistema ta’ verifika effettiva u l-ammont kompensatorju tagħha. Għalhekk, il-konklużjonijiet dwar l-EOUS, kif deskritt fil-qosor fil-premessi 78 sa 81 tar-Regolament provviżorju, huma b’dan ikkonfermati.

    3.2.2.   Is-sottomissjoni ta’ Viraj Profiles Limited

    (18)

    L-unika parti inkluża fil-kampjun li għandha status ta’ EOU kienet Viraj Profiles Limited (“Viraj”). Ir-rata tas-sussidju tal-EOU stabbilita għal dan il-produttur fl-istadju provviżorju kienet 2,73 % minn rata ta’ sussidju totali ta’ 3,2 %. Viraj irrappreżenta, fil-volum, 87 % tal-esportazzjonijiet Indjani lejn l-Unjoni.

    (19)

    Kif diġà msemmi fil-premessa 77 tar-Regolament provviżorju, Viraj ressaq kummenti dettaljati dwar l-iskema. Il-produttur esportatur ikkonċernat allega li s-sussidju kkalkulat skont l-iskema ma jkunx konformi mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, liema Artikolu jispeċifika li l-ammont ta’ dazju kompensatorju ma għandux ikun aktar mill-ammont ta’ sussidji kompensatorji li attwalment tirċievi l-kumpanija. Huwa allega li, għaldaqstant, ir-rata tas-sussidju ġenerali għall-kumpanija tkun taħt it-2 %, jiġifieri de minimis. Il-kumpanija pprovdiet dejta tal-kontabbiltà ddettaljata biex issostni l-allegazzjoni tagħha.

    (20)

    L-allegazzjoni ġiet analizzata kif suppost. Id-dejta tal-kontabbiltà ddettaljata pprovduta minn Viraj fis-sottomissjonijiet tiegħu tista’ tintrabat mad-dejta tal-kontabbiltà vverifikata matul iż-żjara ta’ verifikazzjoni u din id-dejta tissuġġerixxi li tabilħaqq il-benefiċċju kompensatorju li rċeviet il-kumpanija matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kien sopravvalutat. Għaldaqstant, id-dazju kompensatorju għal Viraj ġie kkalkulat mill-ġdid skont dan.

    (21)

    Konsegwentament, ir-rata tas-sussidju tal-EOUS ta’ Viraj ġiet ikkalkulata mill-ġdid u qiegħda stabbilita b’mod ċar għal 0,44 %. Ir-rata tas-sussidju totali ta’ Viraj, inklużi r-rati tas-sussidju stabbiliti għall-EPCGS (ikkalkulati mill-ġdid għal 0,05 %), għall-ECS (ikkalkulati mill-ġdid għal 0,12 %) u l-eżenzjoni mid-dazju fuq l-elettriku (0,09 %), ġiet stabbilita b’mod ċar għal 0,7 %, jiġifieri taħt il-livell limitu de minimis.

    3.2.3.   Il-kummenti tal-industrija tal-Unjoni dwar l-iżvelar finali

    (22)

    Wara l-iżvelar finali, l-industrija tal-Unjoni ressqet kummenti fejn argumentat li l-kalkoli mill-ġdid li saru fir-rigward tal-benefiċċji tal-EOUS li rċieva Viraj ma kinux ġustifikati u korretti. Hija argumentat li l-analiżi tal-Kummissjoni ma kinitx sħiħa, u ma kinitx konsistenti mal-metodu kompensatorju li normalment jużaw l-Istituzzjonijiet għal din l-iskema u li hi naqset milli tqis xenarji possibbli oħrajn fejn Viraj seta’ ċertament ħeles mill-importazzjonijiet eżentati mid-dazju. Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni allegat li s-sottomissjoni li tressqet tard minn Viraj tal-kummenti mhux kunfidenzjali dwar l-iżvelar provviżorju kienet ta’ ħsara serja għad-dritt tad-difiża tal-industrija tal-Unjoni.

    (23)

    Fir-rigward tal-kalkolu mill-ġdid tal-marġni tas-sussidju ta’ Viraj, għandu jiġi ċċarat li dan il-produttur esportatur wera li d-dazju provviżorju ta’ kumpens stabbilit kien aktar mill-ammont ta’ sussidji ta’ kumpens li attwalment ingħata. Tabilħaqq, il-kumpanija wriet li d-dazju potenzjali li ntilef kien provviżorjament sopravvalutat u, għaldaqstant, dan kellu jiġi kkoreġut fil-kalkolu finali. Dan kien imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku li jingħata kumpens għal ċerti kontribuzzjonijiet finanzjarji li, b’mod ċar u mingħajr dubju, ma jistgħux jitqiesu li jipprovdu lil Viraj b’xi tip ta’ benefiċċju. Madankollu, għadu meqjus li, fir-rigward ta’ ċerti tranżazzjonijiet, l-iskema pprovdiet sussidji speċifiċi lill-kumpanija kkonċernata li għandhom jiġu kkumpensati. Dan l-approċċ, għaldaqstant, huwa konsistenti b’mod sħiħ mal-mod li bih l-Istituzzjonijiet ikkumpensaw l-iskema fil-passat. Skont dan, ir-reviżjoni tal-marġni tas-sussidju tal-EOUS huwa konformi b’mod sħiħ mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

    (24)

    Fir-rigward tal-ksur allegat tad-dritt tad-difiża tal-industrija tal-Unjoni, għandu jiġi nnotat li l-kummenti ta’ Viraj dwar il-kalkolu tas-sussidju tal-EOUS kienu inklużi wkoll fiż-żewġ sottomissjonijiet miftuħa li tressqu qabel ma ġew imposti l-miżuri provviżorji, kif ukoll fiż-żewġ sottomissjonijiet miftuħa li tressqu aktar tard. L-ewwel sottomissjoni, li hija wkoll l-ewlenija f’dan ir-rigward, li wasslet lill-Kummissjoni biex tanalizza l-kwistjoni fil-fond u eventwalment tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha, tressqet f’Diċembru 2011 u diġà kien hemm referenza għaliha fil-premessa (77) tar-Regolament provviżorju. Id-dokumenti kollha li jissemmew qabel, ġew inklużi fil-fajl għal spezzjoni mill-partijiet interessati mingħajr dewmien. Kull ma għamlu l-kummenti ta’ Viraj rigward l-iżvelar provviżorju kien li ddeskrivew fil-qosor il-pożizzjoni li kienet diġà ttieħdet fis-sottomissjonijiet ta’ qabel. Filwaqt li l-verżjoni miftuħa tal-kummenti ta’ Viraj għall-iżvelar provviżorju kienet tabilħaqq imressqa minn Viraj fi stadju aktar tard, il-Kummissjoni mill-ewwel għamiltha disponibbli għall-industrija tal-Unjoni, li ngħatat perjodu ta’ żmien addizzjonali biex tressaq il-kummenti tagħha dwarha.

    (25)

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, l-allegazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni kellhom jiġu miċħuda.

    3.2.4.   Kwistjonijiet oħrajn ta’ sussidju

    (26)

    Waslu wkoll kummenti dwar il-kalkolu tal-marġini tas-sussidju għall-produtturi esportaturi li mhumiex inklużi fil-kampjun u li kkooperaw u dwar il-kalkolu tal-marġini tas-sussidju residwu. Barra minn hekk, l-uniku produttur esportatur li kien talab eżami individwali insista li t-talba tiegħu tiġi indirizzata. Madankollu, fid-dawl tal-konklużjonijiet taħt il-kawżalità, mhuwiex meħtieġ li tittieħed pożizzjoni finali dwar dawn il-kwistjonijiet.

    4.   L-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

    (27)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-produzzjoni tal-Unjoni u l-industrija tal-Unjoni, il-premessi 120 sa 123 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    5.   ID-DANNU

    5.1.   Ir-rimarki preliminarji u l-konsum tal-Unjoni

    (28)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar ir-rimarki preliminarji u l-konsum tal-Unjoni, il-premessi 124 sa 130 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    5.2.   L-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

    (29)

    Parti waħda allegat li l-analiżi provviżorja tal-iżvilupp tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indja u t-twaqqigħ tal-prezz, ibbażata fuq il-prezzijiet medji, kienet qarrieqa, peress li allegatament din ma tqisx il-varjazzjoni tal-firxa ta’ prodotti minn sena għall-oħra matul il-perjodu kkunsidrat.

    (30)

    F’dan ir-rigward, ta’ min wieħed jinnota li d-dejta fuq il-prezzijiet għal kull tip ta’ prodott hija biss disponibbli għall-PI, li għalih il-produtturi esportaturi u l-produtturi tal-Unjoni huma mitluba jipprovdu l-listi dettaljati tat-tranżazzjonijiet bħala parti mir-risposti tagħhom għall-kwestjonarju. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ dejta għal kull tip ta’ prodott għas-snin l-oħrajn fil-perjodu kkunsidrat, analiżi sinifikanti tal-iżvilupp tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet tista’ ssir biss fuq il-prezzijiet medji. Ta’ minn jinnota wkoll li din il-parti partikolari ma pprovdiet l-ebda evidenza biex turi għalfejn l-analiżi fir-rigward tal-iżvilupp tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet tkun qarrieqa. Għalhekk, din l-allegazzjoni ġiet miċħuda.

    (31)

    Fir-rigward tat-twaqqigħ tal-prezz qed jiġi mfakkar li kif jissemma fil-premessa 134 tar-Regolament provviżorju, sabiex jiġi ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-PI, il-prezzijiet tal-bejgħ medji peżati għal kull tip ta’ prodott tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun mitluba lill-klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, u aġġustati għal-livell ta’ kif il-prodott joħroġ mill-fabbrika, tqabblu mal-prezzijiet medji peżati korrispondenti tal-importazzjonijiet mill-Indja għall-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti abbażi ta’ CIF, b’aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali eżistenti u l-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni.

    (32)

    Barra minn hekk, kif jissemma fil-premessa 135 tar-Regolament provviżorju, it-tqabbil tal-prezzijiet sar skont it-tip għat-tranżazzjonijiet fl-istess livell tal-kummerċ. Għalhekk, l-allegazzjoni ta’ din il-parti fir-rigward tat-twaqqigħ tal-prezz ġiet miċħuda.

    (33)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn dwar l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-premessi 131 sa 135 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati..

    5.3.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

    5.3.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità

    (34)

    Parti waħda allegat li l-analiżi li saret fir-Regolament provviżorju dwar it-tnaqqis fil-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet qarrieqa u allegat li wieħed għandu jara t-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni fid-dawl tal-kapaċità mhux utilizzata tal-industrija tal-Unjoni, li wkoll uriet tendenza ta’ tnaqqis matul il-perjodu kkunsidrat.

    (35)

    L-investigazzjoni wriet li t-tnaqqis fil-produzzjoni seħħ fl-istess waqt mat-tnaqqis fil-bejgħ u ż-żieda fil-ħażniet. Din is-sitwazzjoni wasslet biex xi produtturi tal-Unjoni temmew xi wħud mil-linji ta’ produzzjoni tagħhom, li jispjega t-tnaqqis fl-utilizzazzjoni tal-kapaċità. Għalhekk, l-allegazzjoni tal-parti ġiet miċħuda.

    (36)

    Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-premessi 137 u 138 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    5.3.2.   Il-volum ta’ bejgħ u s-sehem mis-suq

    (37)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-iżvilupp tal-volum ta’ bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, il-premessa 139 tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata.

    5.3.3.   It-tkabbir

    (38)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar it-tkabbir, il-premessa 140 tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata.

    5.3.4.   L-impjiegi

    (39)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-impjiegi, il-premessi 141 u 142 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    5.3.5.   Il-prezzijiet medji tal-unità fl-Unjoni

    (40)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-prezzijiet medji tal-unità fl-Unjoni, il-premessi (143) u 144 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    5.3.6.   Il-profitabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-abbiltà li jiżdied il-kapital.

    (41)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-profitabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-abbiltà li jiżdied il-kapital, il-premessi 145 sa 148 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    5.3.7.   Il-ħażniet

    (42)

    Parti waħda talbet lill-Kummissjoni biex tipprovdi ċ-ċifri attwali fir-rigward tal-iżvilupp tal-livelli tal-ħażniet matul il-perjodu kkunsidrat minflok iċ-ċifri indiċizzati, hi u tallega li l-indiċjar ma ħallihiex tagħmel kummenti effettivi jew tevalwa l-livell ta’ ħażniet bħala perċentwali tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

    (43)

    Għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, kif spjegat fil-premessa 127 tar-Regolament provviżorju, ċerti mikroindikaturi, inklużi l-ħażniet, kellhom jiġu indiċizzati. F’kull każ, l-indiċjar tal-ħażniet tal-għeluq tal-industrija tal-Unjoni fit-tabella 10 tar-Regolament provviżorju jipprovdi fehim raġonevoli tal-iżvilupp tal-ħażniet matul il-perjodu kkunsidrat. Għalkekk, din l-allegazzjoni ġiet miċħuda.

    (44)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-ħażniet, il-premessa 149 tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata.

    5.3.8.   Id-daqs tal-marġni tas-sussidju

    (45)

    Qed jiġi mfakkar li l-akbar produttur esportatur Indjan li jirrappreżenta 87 % tal-esportazzjonijiet Indjani lejn l-Unjoni matul il-PI instab li ma kienx issussidjat. Għaldaqstant, l-importazzjonijiet issussidjati jirrappreżentaw 13 % tal-volum totali tal-prodott ikkonċernat esportat mill-Indja lejn l-Unjoni. Minħabba l-volum, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet issussidjati mill-Indja, l-impatt fuq l-industrija tal-Unjoni tal-marġini tas-sussidju attwali jista’ jitqies negliġibbli.

    5.3.9.   Il-konklużjoni dwar id-dannu

    (46)

    L-investigazzjoni kkonfermat li ħafna mill-indikaturi ta’ dannu wrew tendenza ta’ tnaqqis matul il-perjodu kkunsidrat. Għalhekk, il-konklużjoni li ntlaħqet fil-premessi 151 sa 153 tar-Regolament provviżorju li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku hija b’dan ikkonfermata.

    6.   IL-KAWŻALITÀ

    6.1.   Introduzzjoni

    (47)

    Skont l-Artikolu 8(5) u l-Artikolu 8(6) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk l-importazzjonijiet issussidjati li joriġinaw mill-Indja kkawżawx dannu lill-industrija tal-Unjoni sa tali punt li jitħalla jiġi kklassifikat bħala materjali. Fatturi magħrufin oħrajn għajr l-importazzjonijiet issussidjati, li jistgħu fl-istess waqt ikunu qed jagħmlu danni lill-industrija tal-Unjoni, ġew eżaminati wkoll biex jiżguraw li dannu possibbli kkawżat minn dawn il-fatturi l-oħrajn ma ġiex attribwit għall-importazzjonijiet issussidjati.

    (48)

    Kif spjegat fil-premessi 18 sa 21 hawn fuq, il-marġni tas-sussidju tal-akbar produttur esportatur Indjan, li rrappreżenta 87 % tal-esportazzjonijiet Indjani kollha lejn l-Unjoni matul il-PI, instab li kien de minimis għal dan il-produttur esportatur individwali fit-tifsira tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Bażiku, u għalhekk għall-iskop ta’ din l-investigazzjoni qed jitqies li mhuwiex issussidjat. Għaldaqstant, matul il-PI kienu ssussidjati biss 13 % tal-esportazzjonijiet Indjani tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni. Dawn l-importazzjonijiet issussidjati kellhom sehem mis-suq ta’ 2 % matul il-PI.

    6.2.   L-effett tal-importazzjonijiet issussidjati

    (49)

    L-investigazzjoni wriet li l-konsum tal-Unjoni żdied b’9 % matul il-perjodu kkunsidrat, filwaqt li l-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas b’14 % u s-sehem mis-suq niżel b’21 %.

    (50)

    Fir-rigward tal-prezzijiet, instab li l-prezzijiet medji tal-importazzjoni tal-importazzjonijiet issussidjati waqqgħu l-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Madankollu, dawn kienu madwar 12 % ogħla mill-prezzijiet tal-kumpanija Indjana li ma nstabitx li kienet issussidjata.

    (51)

    Abbazi ta’ dan kollu, huwa kkunsidrat li l-volum limitat tal-importazzjoni tal-importazzjonijiet issussidjati li ġejjin mill-Indja, li kellhom prezzijiet ogħla mill-importazzjonijiet li mhumiex issussidjati, seta’ kellu biss rwol limitat ħafna, jekk kien hemm, fid-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni.

    6.3.   L-effett ta’ fatturi oħrajn

    6.3.1.   L-importazzjonijiet mill-Indja li mhumiex issussidjati

    (52)

    Il-volum totali tal-importazzjonijiet mill-Indja żdied drammatikament b’65 % matul il-perjodu kkunsidat, u għalhekk żdied is-sehem tagħhom mis-suq minn 12,1 % għal 18,3 %. Madankollu, kif spjegat hawn fuq, l-importazzjonijiet li mhumiex issussidjati rrappreżentaw 87 % tal-volum totali tal-esportazzjoni Indjana matul il-PI, li jikkorrispondu għal sehem mis-suq ta’ 15 % matul il-PI, b’kuntrast mas-sehem mis-suq ta’ 2 % tal-importazzjonijiet issussidjati li ġejjin mill-Indja fl-istess perjodu.

    (53)

    Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indja naqsu b’mod ġenerali b’9 % fil-perjodu kkunsidrat, u baqgħu dejjem inqas mill-prezzijiet tal-importazzjoni mill-bqija tad-dinja u mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu huwa xieraq li jkun innutat li kif spjegat fil-premessa (50), instab li l-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet li mhumiex issussidjati waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni ħafna iżjed minn dawk tal-importazzjonijiet issussidjati.

    6.3.2.   L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn

    (54)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn dwar l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn, il-premessi 161 sa 165 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    6.3.3.   Il-kriżi ekonomika

    (55)

    Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq id-dannu li soffriet l-industrija tal-Unjoni, il-premessi 166 sa 169 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    6.3.4.   Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni inkluża fil-kampjun

    (56)

    Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment dwar il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni inkluża fil-kampjun, il-premessa 170 tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata.

    6.4.   Il-konklużjoni dwar il-kawżalità

    (57)

    L-analiżi ta’ hawn fuq uriet li matul il-perjodu kkunsidrat kien hemm żieda sostanzjali fil-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet bi prezz baxx li joriġinaw mill-Indja. Instab ukoll li dawn l-importazzjonijiet naqqsu b’mod kostanti l-prezzijiet li titlob l-industija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni.

    (58)

    Madankollu, fid-dawl tas-sejba li l-esportazzjonijiet tal-akbar produttur esportatur Indjan, li rrappreżentaw 87 % tal-esportazzjoni Indjani lejn l-Unjoni matul il-PI, ma kinux issussidjati, huwa kkunsidrat li ma tistax tiġi stabbilita rabta kawżali biżżejjed bejn l-importazzjonijiet issussidjati, li jammontaw għal 13 % biss tal-kwantità totali esportata mill-Indja, u d-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni. Filfatt, ma jistax jiġi argumentat li l-esportazzjonijiet Indjani issussidjati, fid-dawl tal-volum limitat tagħhom u tas-sehem limitat ħafna tagħhom mis-suq (2 %) u l-fatt li prezzijiet tagħhom kienu fil-medja 12 % ogħla minn dawk tal-importazzjonijiet li mhumiex issussidjati, qed jikkawżaw id-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

    (59)

    L-analiżi tal-futturi magħrufa l-oħrajn, li setgħu kkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni, inklużi l-importazzjonijiet li mhumiex issussidjati, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn, il-kriżi ekonomika u l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni inkluża fil-kampjun, wriet li d-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni ġej mill-impatt tal-importazzjonijiet mill-Indja li mhumiex issussidjati u li jirrappreżentaw 87 % tal-esportazzjonijiet Indjani kollha lejn l-Unjoni matul il-PI u li saru bi prezzijiet sinifikament iktar baxxi minn dawk tal-importazzjonijiet issussidjati.

    7.   TMIEM IL-PROĊEDIMENT KONTRA S-SUSSIDJU

    (60)

    Fin-nuqqas ta’ rabta kawżali materjali bejn l-importazzjonijiet issussidjati u d-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni, huwa kkunsidrat li l-miżuri kompensatorji mhumiex meħtieġa u għalhekk il-proċediment preżenti kontra s-sussidju għandu jintemm skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament bażiku.

    (61)

    L-ilmentatur u l-partijiet interessati l-oħrajn kollha ġew infurmati b’dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-kummenti li waslu ma biddlux il-konklużjoni li għandu jintemm il-proċediment preżenti kontra s-sussidju.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-proċediment kontra s-sussidju li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u l-partijiet tagħhom, li bħalissa huma kklassifikati fil-kodiċijiet CN 7318 12 10, 7318 14 10, 7318 15 30, 7318 15 51, 7318 15 61 u 7318 15 70, u li joriġinaw mill-Indja, qiegħed b’dan jintemm.

    Artikolu 2

    L-ammonti garantiti bħala dazji kompensatorji provviżorji skont ir-Regolament (UE) Nru 115/2012 fuq l-importazzjoni ta’ ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u partijiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja għandhom jiġu rilaxxati.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Mejju 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

    (2)  ĠU L 38, 11.2.2012, p. 6.

    (3)  ĠU C 142, 13.5.2011, p. 36.


    Top