EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1191

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1191/2011 tat- 18 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 479/2010 li jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib

ĠU L 302, 19.11.2011, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/1191/oj

19.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 302/30


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1191/2011

tat-18 ta’ Novembru 2011

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 479/2010 li jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) [Ir-Regolament dwar l-OKS Unika) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 192(2), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 2(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 479/2010 (2) jipprovdi li ‘l-prezz ta’ kif joħorġ mill-fabbrika’ innotifikat mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għandu jkun relatat mal-bejgħ li jkun ġie ffatturat f’dak il-perjodu ta’ referenza.

(2)

Filwaqt li l-fatturi huma dokumenti ta’ kontabbiltà uffiċjali affidabbli, il-limitazzjoni tas-sors tal-prezzijiet għall-fatturi biss tista’ tipprevjeni lill-Istati Membri milli jużaw sorsi affidabbli disponibbli oħra. Skont il-prodott, dawn is-sorsi affidabbli disponibbli oħra ta’ prezzijiet jistgħu jirriflettu aħjar is-sitwazzjoni prevalenti tas-suq. Għalhekk, in-notifika tal-prezzijiet li jirriżultaw mill-kuntratti konklużi fil-perjodu ta’ referenza għandha tkun possibbli wkoll.

(3)

Il-prattika wriet li l-iskadenza tan-notifika għall-prezzijiet ta’ kull xahar imsemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 479/2010 hija diffiċli biex tintlaħaq f’diversi Stati Membri u ma tippermettilhomx li jipprovdu lill-Kummissjoni prezzijiet definittivi. Il-preċiżjoni tal-prezzijiet innotifikati għandha tittejjeb permezz ta’ estensjoni tal-iskadenza.

(4)

Xieraq li l-metodu ta’ stħarriġ użat ikun deskritt aħjar fir-rigward tal-oriġini tad-dejta tal-prezz u l-mod li bih id-dejta għandha tinġabar mill-awtoritajiet kompetenti.

(5)

Jeħtieġ li l-informazzjoni nnotifikata kull xahar mill-Istati Membri dwar il-liċenzji tal-esportazzjoni tkun rikonċiljata ma’ dik innotifikata kuljum. Għalhekk, jeħtieġ li tingħata informazzjoni addizzjonali fin-notifiki ta’ kull xahar.

(6)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 479/2010 għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 479/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 2, is-sentenza tal-introduzzjoni hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   Mhux iktar tard mill-15 ta’ kull xahar, u fir-rigward tal-prezzijiet ta’ kif joħorġu mill-fabbrika rreġistrati fix-xahar ta’ qabel għall-prodotti elenkati fl-Anness I.B, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:”

(b)

Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Għall-fini tal-paragrafi 1 u 2, “il-prezz ta’ kif joħroġ mill-fabbrika” ifisser il-prezz li bih il-prodott jinxtara mill-intrapriża, minbarra t-taxxi (VAT) u kwalunkwe spiża oħra (trasport, tagħbija, tqandil, ħżin, pallets, assigurazzjoni, eċċ.).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prezz innotifikat huwa rappreżentattiv tas-sitwazzjoni prevalenti fis-suq. Il-prezz innotifikat għandu jkun ibbażat fuq l-iktar sors disponibbli adegwat tal-informazzjoni, jiġifieri fuq:

(a)

il-bejgħ li kien fatturat fil-perjodu ta’ referenza;

u/jew

(b)

il-kuntratti konklużi fil-perjodu ta’ referenza għal kunsinni fi żmien tliet xhur.”

(2)

Fl-Artikolu 7(1), il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

il-kwantitajiet, imqassma skont il-kodiċi tan-nomenklatura ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni għall-prodotti tal-ħalib, skont il-kodiċi tad-destinazzjoni u d-data tat-tressiq tal-applikazzjoni, koperti bl-applikazzjonijiet għal liċenzji mħassra skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1187/2009;

(b)

il-kwantitajiet mhux użati fuq liċenzji skaduti u ritornati fix-xahar ta’ qabel u li jkunu ilhom li nħarġu mill-1 ta’ Lulju tas-sena GATT attwali, imqassma skont il-kodiċi tan-nomenklatura tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-prodotti tal-ħalib u skont il-kodiċi tad-destinazzjoni;”

(3)

Il-punt 3(c) tal-Anness II huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

il-metodu ta’ stħarriġ: għandha tingħata indikazzjoni mingħand liema partijiet ikkonċernati (il-produtturi, l-ewwel xerrejja) id-dejta toriġina u b’liema mod jew metodu d-dejta tinġabar;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 135,.2.6.2010, p. 26.


Top