EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1176

Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi

ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj

23.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 306/25


REGOLAMENT (UE) Nru 1176/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Novembru 2011

dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(6) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-koordinazzjoni tal-linji ta’ politika ekonomika tal-Istati Membri fl-Unjoni għandha tkun żviluppata fil-kuntest ta’ linji gwida ġenerali ta’ politika ekonomika u tal-linji gwida dwar l-impjiegi, kif stipulat mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u għandha twassal għal konformità mal-prinċipji ta’ gwida ta’ prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kondizzjonijiet monetarji sodi u sostenibbli u bilanċ ta’ pagamenti sostenibbli.

(2)

Jeħtieġ li wieħed jitgħallem mill-ewwel deċennju tal-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja u, b’mod partikolari, għal governanza ekonomika mtejba fl-Unjoni li għandha tinbena fuq sjieda nazzjonali aktar b’saħħitha.

(3)

Il-kisba u ż-żamma ta’ suq intern dinamiku għandhom jitqiesu bħala element tal-funzjonament xieraq u bla problemi tal-unjoni ekonomika u monetarja.

(4)

Il-qafas imtejjeb ta’ governanza ekonomika għandu jsejjes ruħu fuq diversi linji interkonnessi u koerenti ta’ politika għal tkabbir u impjiegi sostenibbli, b’mod partikolari strateġija tal-Unjoni għal tkabbir u impjiegi, b’attenzjoni partikolari fuq l-iżvilupp u t-tisħiħ tas-suq intern, it-trawwim tal-kummerċ internazzjonali u l-kompetittività, Simestru Ewropew għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni ta’ linji ta’ politika ekonomika u baġitarja (Simestru Ewropew), qafas effikaċi biex jiġu evitati u korretti każijiet ta’ defiċit eċċessiv tal-gvernijiet (il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (SGP)), qafas b’saħħtu biex jiġu evitati u korretti l-iżbilanċi makroekonomiċi, rekwiżiti minimi għall-oqfsa baġitarji nazzjonali, u regolamentazzjoni u superviżjoni msaħħa tas-suq finanzjarju, inkluża s-superviżjoni makroprudenzjali mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ESRB).

(5)

It-tisħiħ tal-governanza ekonomika għandu jinkludi l-involviment eqreb u aktar f’waqtu tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali. Filwaqt li jirrikonoxxi li l-kontrapartijiet tal-Parlament Ewropew fil-qafas ta’ dan id-djalogu huma l-Istituzzjonijiet Ewropej rilevanti tal-Unjoni u r-Rappreżentanti tagħhom, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ joffri l-opportunità għal parteċipazzjoni fl-iskambju ta’ opinjonijiet lil Stat Membru li jkun indirizzat minn rakkomandazzjoni jew deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(2) jew l-Artikolu 10(4) ta’ dan ir-Regolament. Il-parteċipazzjoni tal-Istat Membru f’tali skambju ta’ opinjonijiet hija volontarja.

(6)

Il-Kummissjoni għandu jkollha rwol aktar b’saħħtu fil-proċedura ta’ sorveljanza msaħħa fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li huma speċifiċi għal kull Stat Membru, il-monitoraġġ, il-missjonijiet fuq il-post, ir-rakkomandazzjonijiet u t-twissijiet.

(7)

B’mod partikolari, is-sorveljanza tal-linji ta’ politika ekonomika tal-Istati Membri għandha titwessa’ lil hinn mis-sorveljanza baġitarja biex tinkludi qafas aktar dettaljat u formali sabiex jiġu evitati żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi u tgħin lill-Istati Membri effettwati jistabbilixxu l-pjanijiet korrettivi qabel ma d-diverġenzi jrabbu l-għeruq. Twessigħ tal-qafas tas-sorveljanza tal-politika ekonomika għandha sseħħ b’mod parallel mal-approfondiment tas-sorveljanza fiskali.

(8)

Sabiex tgħin il-korrezzjoni ta’ żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, teħtieġ titpoġġa proċedura dettaljata fil-leġiżlazzjoni

(9)

Huwa xieraq li l-proċedura ta’ sorveljanza multilaterali msemmija fil-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 121tat-TFUE tkun issuplementata b’regoli speċifiċi għall-identifikazzjoni ta’ żbilanċi makroekonomiċi, kif ukoll il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fl-Unjoni. Huwa essenzjali li l-proċedura tkun allinjata maċ-ċiklu tas-sorveljanza multilaterali annwali.

(10)

Il-proċedura għandha tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ twissija għall-identifikazzjoni bikrija tal-iżbilanċi makroekonomiċi li jitfaċċaw. Għandha tkun ibbażata fuq l-użu ta’ “tabella ta’ valutazzjoni” indikattiva u trasparenti li tinkludi limiti indikattivi, ikkumbinata mal-ġudizzju ekonomiku. Dan il-ġudizzju għandu jqis, inter alia, il-konverġenza nominali u reali ġewwa u barra ż-żona tal-euro.

(11)

Sabiex tiffunzjona b’mod effiċjenti bħala parti mill-mekkaniżmu ta’ twissija, it-tabella ta’ valutazzjoni, għandha tikkonsisti f’sett limitat ta’ indikaturi ekonomiċi, finanzjarji u strutturali rilevanti għall-identifikar tal-iżbilanċi makroekonomiċi, bil-livelli ta’ limitu indikattivi korrispondenti. L-indikaturi u l-livelli ta’ limitu għandhom jiġu aġġustati fejn neċċessarju, sabiex jadattaw għan-natura li dejjem tinbidel tal-iżbilanċi makroekonomiċi minħabba, inter alia theddid li jevolvi għall-istabilità makroekonomika, u sabiex tieħu kont, id-disponibilità ikbar ta’ statistika rilevanti. L-indikaturi m’għandhomx jinfthemu bħala għanijiet għall-politka ekonomikafihom infushom iżda bħala għodda sabiex jitqies il-karattru evoluttiv tal-iżbilanċi makroekonomiċi fl-Unjoni.

(12)

Il-Kummissjoni għandha tikkoopera mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill fit-tfassil tat-tabella ta’ valutazzjoni u s-sett ta’ indikaturi makroekonomiċi u makrofinanzjarji għall-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta suġġerimenti għal kummenti lill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pjanijiet biex jiġu stabbiliti u aġġustati l-indikaturi u l-livelli ta’ limitu. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-bidliet tal-indikaturi li jista’ jkun hemm u l-livelli ta’ limitu u tispjega r-raġunijiet tagħha għal tali bidliet.

(13)

Fl-iżvilupp tat-tabella ta’ valutazzjoni, għandu jitqies ukoll l-indirizzar taċ-ċirkostanzi ekonomiċi eteroġenji, inklużi l-effetti ta’ rkupru.

(14)

Il-qbiż ta’ limitu indikattiv wieħed jew aktar m’għandux bilfors jimplika li qed jitfaċċaw l-iżbilanċi makroekonomiċi, peress li t-tfassil tal-politika għandu jqis l-interkonnessjoni bejn il-varjanti makroekonomiċi. M’għandhomx jintlaħqu konklużjonijiet mill-qari awtomatiku tat-tabella ta’ valutazzjoni: il-ġudizzju ekonomiku għandu jiżgura li l-biċċiet kollha ta’ informazzjoni, sew jekk ġejjin mit-tabella ta’ valutazzjoni, sew jekk le, jitpoġġew f’perspettiva u jsiru parti minn analiżi komprensiva.

(15)

Ibbażata fuq il-proċedura ta’ sorveljanza multilaterali u l-mekkaniżmu ta’ twissija, jew fil-każ ta’ żviluppi ekonomiċi sinifikanti mhux mistennija li jeħtieġu analiżi urġenti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tidentifika l-Istati Membri li jridu jkunu soġġetti għal reviżjoni fil-fond. Ir-reviżjoni fil-fond għandha ssir mingħajr is-suppożizzjoni li jeżisti żbilanċ u għandu jkopri analiżi dettaljata tas-sorsi tal-iżbilanċi fl-Istat Membru li jkun qed jiġi investigat, b’kunsiderazzjoni dovuta tal-kondizzjonijiet u ċ-ċirkostanzi ekonomiċi speċifiċi għal dak il-pajjiż u ta’ sett usa’ ta’ għodod analitiċi, indikaturi u informazzjoni kwalitattiva li huma ta’ natura speċifika għal dak il-pajjiż. Meta l-Kummissjoni tkun qed tagħmel ir-reviżjoni fil-fond, l-Istat Membru għandu jikkoopera biex jiġi żgurat li l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni tkun kemm jista’ jkun kompleta u korretta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra b’mod dovut kwalunkwe informazzjoni oħra li, fil-fehma tal-Istati Membri kkonċernati tkun rilevanti, u li l-Istat Membru jkun ressaq quddiem il-Kunsil uil-Kummissjoni.

(16)

Ir-reviżjoni fil-fond għandha tiġi diskussa fil-Kunsill, u fi ħdan il-grupp tal-Euro fil-każ tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Ir-reviżjoni fil-fond għandha tqis, fejn xieraq, ir-rakkomandazzjonijiet jew l-istediniet tal-Kunsill indirizzati lill-Istati Membri li jkunu qed jiġu eżaminati adottati skont l-Artikoli 121, 126 u 148 tat-TFUE u taħt l-Artikoli 6, 7, 8 u 10 ta’ dan ir-Regolament, u l-intenzjonijiet ta’ politika tal-Istat Membru li jkun qed jiġi eżaminat, kif rifless fil-programmi nazzjonali ta’ riforma, kif ukoll l-aħjar prattiċi internazzjonali f’dawk li huma indikaturi u metodoloġiji. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħmel studju fil-fond f’każ ta’ żviluppi ekonomiċi sinifikanti u mhux mistennija li jeħtieġu analiżi urġenti, hija għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati.

(17)

Fl-istima tal-iżbilanċi makroekonomiċi, għandhom jiġu kkunsidrati s-severita’ tagħhom u l-effetti negattivi laterali potenzjali, ekonomiċi u finanzjarji, tagħhom li jaggravaw il-vulnerabbiltà tal-ekonomija tal-Unjoni u li huma ta’ theddida għall-funzjonament mingħajr xkiel tal-unjoni ekonomika u monetarja. Jinħtieġu azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi u d-diverġenzi fil-kompetittività fl-Istati Membri kollha, partikolarment fiż-żona tal-euro. Madankollu, in-natura, l-importanza u l-urġenza tal-isfidi ta’ politika jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti skont l-Istati Membri kkonċernati. Minħabba l-vulnerabbiltajiet u d-daqs tal-aġġustament meħtieġ, il-ħtieġa ta’ azzjoni ta’ politika hija partikolarment urġenti fi Stati Membri li persistentement juru defiċits kbar fil-kontijiet kurrenti u telf kbir fil-kompetittività. Barra minn hekk, fl-Istati Membri li jakkumulaw bilanċi favorevoli kbar fil-kontijiet kurrenti, il-linji ta’ politika għandhom ikollhom l-għan li jidentifikaw u jimplimentaw miżuri li jsaħħu t-tisħiħ tad-domanda domestika u l-potenzjal tat-tkabbir tagħhom.

(18)

Għandhom jitqiesu wkoll il-kapaċità tal-aġġustament ekonomiku u l-istorja riċenti tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-konformità ma’ rakkomandazzjonijiet preċedenti maħruġa skont dan ir-Regolament u rakkomandazzjonijiet oħra maħruġa skont l-Artikolu 121 TFUE bħala parti mis-sorveljanza multilaterali, b’mod partikolari l-linji gwida għal-linji ta’ politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni għandhom ukoll jiġu ikkunsidrati.

(19)

Proċedura li tissorvelja u tikkoreġi żbilanċi makroekonomiċi negattivi, b’elementi preventivi u korrettivi, se teħtieġ għodda ta’ sorveljanza msaħħa bbażati fuq dawk użati fil-proċedura ta’ sorveljanza multilaterali. Din tista’ tinkludi missjonijiet ta’ sorveljanza msaħħa lejn Stati Membri mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jew l-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw fil-Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-istati Memebri barra miż-żona tal-euro, dwar il-proċeduri tal-operat rigwardanti il-mekkaniżmu tar-rata ta’ skambju fit-tielet stadju tal-Unjoni Ekonomika u Monetraja (4) (ERM II), u rappurtar addizzjonali mill-Istat Membru fil-każ ta’ żbilianċi severi, inklużi żbilanċi li jipperikolaw il-funzjonament korrett tal-unjoni ekonomika u monetarja. Is-sħab soċjali u partijiet interessati nazzjonali oħra għandhom, meta jkun xieraq, ikunu involuti fid-djalogu.

(20)

Jekk ikunu identifikati żbilanċi makroekonomiċi, għandhom jiġu indirizzati rakkomandazzjonijiet, li fejn ikun xieraq jinvolvu lill-kumitati rilevanti, lill-Istat Membru kkonċernat biex tiġi pprovduta gwida dwar reazzjonijiet politiċi adattati. Ir-reazzjoni politika tal-Istat Membru kkonċernat għandha tkun f’waqtha u għandha tuża l-istrumenti politiċi kollha disponibbli taħt il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi. Fejn ikun xieraq, il-partijiet interessati nazzjonali rilevanti, inklużi s-sħab soċjali għandhom ikunu involuti wkoll b’konformità mat-TFUE u l-arranġamenti nazzjonali legali u politiċi. Ir-reazzjoni politika għandha titfassal skont l-ambjent u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Istat Membru kkonċernat u għandha tkopri l-oqsma ta’ linji ta’ politika ekonomika ewlenin, li potenzjalment jinkludi l-linji ta’ politika fiskali u tal-pagi, is-swieq tax-xogħol, is-swieq tal-prodotti u s-servizzi u r-regolamentazzjoni tas-settur finanzjarju. Jeħtieġ li jitqiesu l-impenji skont il-ftehimiet ERM II.

(21)

It-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet mill-ESRB lill-Istati Membri jew lill-Unjoni jindirizzaw riskji ta’ natura makrofinanzjarja. Dawn għandhom ukoll jippermettu azzjoni ta’ segwitu xierqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi, fejn ikun xieraq. Is-sistema ta’ indipendenza u kunfidenzjalità tal-ESRB għandha tiġi strettament rispettata.

(22)

Jekk ikunu identifikati żbilanċi makroekonomiċi severi, inklużi żbilanċi li jxekklu l-funzjonament korrett tal-unjoni ekonomika u monetarja, għandha tinbeda proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv li tista’ tinkludi ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru, ħtiġijiet ta’ sorveljanza u monitoraġġ imsaħħin u, fir-rispett tal-Istat Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, il-possibilità ta’ infurzar skont ir-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jiġu ikkoreġuti żbilanċi eċċessivi makroekonomiċi fiż-żona tal-euro (5) fl-eventwalità ta’ nuqqas sostnut biex tittieħed azzjoni korrettiva.

(23)

Stat Membru li jkun suġġett għall-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv għandu jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni korrettiva li jistipula dettalji tal-politiki tiegħu mfassla biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. Il-pjan ta’ azzjoni korrettiva għandu jinkludi tabella ta’ skadenza li timplimenta il-miżuri previsti. Din għandha tkun approvata permezz ta’ rakkomandazzjoni mill-Kunsill. Din ir-rakkomandazzjoni għandha tintbagħat lill-Parlament Ewropew.

(24)

Il-Kunsill għandu jingħata s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet individwali fejn tiġi determinata n-nonkonformità mar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill fil-qafas tal-pjan ta’ azzjoni korrettiva. Bħala parti mill-koordinazzjoni tal-linji ta’ politika ekonomika tal-Istati Membri mwettqa fi ħdan il-Kunsill, kif provdut fl-Artikolu 121(1) tat-TFUE, dawn id-deċiżjonijiet individwali huma segwitu integrali tar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 121(4) tat-TFUE fil-kuntest ta’ pjan ta’ azzjoni korrettiva.

(25)

Fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jirrispettaw bis-sħiħ ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali u s-sħab soċjali kif ukoll jirrispettaw id-differenzi fis-sistemi nazzjonali, bħas-sistemi għall-formazzjoni tal-pagi.

(26)

Jekk il-Kunsill iqis li Stat Membru m’għadux milqut minn żbilanċ makroekonomiku eċċessiv, il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv għandha tingħalaq wara li l-Kunsill jirrevoka fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni dawk r-rakkomandazzjonijiet rilevanti li jkun għamel. Din ir-revoka għandha ssir fuq il-bażi ta’ analiżi komprensiva mill-Kummissjoni li turi li l-Istat Membru aġixxa f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill u li l-kawżi sottostanti u r-riskji assoċjati identifikati fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-ftuħ tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv m’għadhomx jeżistu, billi jitqiesu, inter alia, l-prospetti u l-iżviluppi makroekonomiċi kif ukoll l-effetti laterali. L-għeluq tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv għandu jkun wieħed pubbliku.

(27)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi qafas effettiv għad-detezzjoni ta’ żbilanċi makroekonomiċi u għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri minħabba interkonnessjonijiet kummerċjali u finanzjarji qawwija bejn l-Istati Membri u l-effett laterali tal-linji ta’ politika ekonomika nazzjonali fuq l-Unjoni u ż-żona tal-euro, u għaldaqstant jista’ jinkiseb aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulati fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-identifikazzjoni ta’ żbilanċi makroekonomiċi, kif ukoll il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fl-Unjoni.

2.   Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat fil-kuntest tas-Simestru Ewropew kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (6).

3.   L-applikazzjoni tar-Regolament għandha tosserva bis-sħiħ l-Artikolu 152 tat-TFUE, u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa taħt dan ir-Regolament għandhom jirrispettaw l-istituzzjonijiet u l-prattiċi nazzjonali għall-formazzjoni tal-pagi. Dan ir-Regolament għandu jikkunsidra l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Unjoni Ewropea, u għaldaqstant ma teffettwax id-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi jew jinforza ftehimiet kollettivi u li tittieħed azzjoni kollettiva skont il-liġi u l-prattiċi nazzjonali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

“żbilanċi” tfisser kwalunkwe xejra li tagħti bidu għal żviluppi makroekonomiċi li qed jaffettwaw negattivament jew għandhom il-potenzjali li jaffettwaw negattivament, il-funzjonament korrett tal-ekonomija ta’ Stat Membru jew tal-unjoni ekonomika u monetarja, jew tal-Unjoni b’mod ġenerali;

(2)

“żbilanċi eċċessivi” tfisser żbilanċi severi, inklużi żbilanċi li jxekklu jew li jistgħu jxekklu l-funzjonament korrett tal-unjoni ekonomika u monetarja.

KAPITOLU II

L-ISKOPERTA TAL-IŻBILANĊI

Artikolu 3

Mekkaniżmu ta’ twissija

1.   Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ twissija biex jiffaċilita l-identifikazzjoni bikrija u l-monitoraġġ tal-iżbilanċi. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport annwali li jkun fih valutazzjoni ekonomika u finanzjarja kwalitattiva bbażata fuq tabella ta’ valutazzjoni b’sett ta’ indikaturi li l-valuri tagħhom ikunu komparati mal-limiti indikattivi tagħhom, kif previst fl-Artikolu 4. Ir-rapport annwali, inklużi l-valuri tal-indikaturi tat-tabella ta’ valutazzjoni, għandu jsir pubbliku.

2.   Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni għandu jkun fih valutazzjoni ekonomika u finanzjarja li tqiegħed il-moviment tal-indikaturi f’perspettiva, u jekk meħtieġ, juża, indikaturi ekonomiċi u finanzjarja rilevanti oħra meta jeżamina l-evoluzzjoni tal-iżbilanċi. M’għandhomx jintlaħqu konklużjonijiet mill-qari mekkaniku tal-indikaturi tat-tabella ta’ valutazzjoni. Il-valutazzjoni għandha tqis l-evoluzzjoni tal-iżbilanċi fl-Unjoni u fiż-żona tal-euro. Ir-rapport għandu jindika wkoll jekk il-qbiż tal- limiti fi Stat Membru wieħed jew aktar jurix li possibbilment qed jitfaċċaw żbilanċi. Il-valutazzjoni ta’ Stati Membri li juru defiċits kbar fil-kontijiet kurrenti tista’ tvarja minn dik ta’ Stati Membri li jakkumulaw bilanċi favorevoli kbar fil-kontijiet kurrenti.

3.   Ir-rapport annwali għandu jidentifika l-Istati Membri li l-Kummissjoni tqis li jistgħu jintlaqtu minn żbilanċi jew li jistgħu jkunu f’periklu li jintlaqtu minn żbilanċi.

4.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport annwali b’mod f’waqtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

5.   Bħala parti mis-sorveljanza multilaterali skont l-Artikolu 121(3) tat-TFUE, il-Kunsill għandu jiddiskuti u jwettaq valutazzjoni ġenerali tar-rapport annwali tal-Kummissjoni. Il-grupp tal-Euro għandu jiddiskuti r-rapport safejn dan ikun relatat ma’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Artikolu 4

Tabella ta’ valutazzjoni

1.   It- tabella ta’ valutazzjoni li tinkludi sett ta’indikaturi għandha tintuża bħala għodda biex ikunu ffaċilitati l-identifikazzjoni bikrija u l-monitoraġġ tal-iżbilanċi.

2.   It-tabella ta’ valutazzjoni għandha tinkludi għadd żgħir ta’ indikaturi makroekonomiċi u makrofinanzjarji rilevanti, prattiċi, sempliċi, li jistgħu jitkejlu u disponibbli għall-Istati Membri. Din għandha tippermetti l-identifikazzjoni bikrija tal-iżbilanċi makroekonomiċi li jitfaċċaw f’perjodu ta’ żmien qasir u l-iżbilanċi li jinħolqu minħabba xejriet strutturali u fit-tul.

3.   It-tabella ta’ valutazzjoni għandha, inter alia, tinkludi indikaturi li jkunu utli għall-identifikazzjoni bikrija ta’:

(a)

żbilanċi interni, inklużi dawk li jistgħu jinħolqu mid-dejn pubbliku u privat; l-iżviluppi tas-swieq finanzjarji u tal-assi, inklużi s-settur tad-djar; l-evoluzzjoni tal-flussi ta’ kreditu tas-settur privat; u l-evoluzzjoni tal-qgħad;

(b)

żbilanċi esterni, inklużi dawk li jistgħu jinħolqu mill-evoluzzjoni tal-kont kurrenti u l-pożizzjonijiet tal-investimenti netti tal-Istati Membri; tar-rati ta’ kambju reali effettivi; tal-ishma tas-swieq tal-esportazzjoni; u tal-bidliet fl-iżviluppi tal-prezzijiet u l-ispejjeż; u il-kompetittività mhux marbuta mal-prezzijiet, filwaqt li jitqiesu l-komponenti differenti tal-produttività.

4.   Fil-qari ekonomiku tat-tabella ta’ valutazzjoni fil-mekkaniżmu ta’ twissija, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni mill-qrib fir-rigward tal-iżviluppi fl-ekonomija reali, inklużi t-tkabbir ekonomiku, ir-rendiment tal-impjiegi u l-qgħad, il-konverġenza ekonomika nominali u reali ġewwa u barra ż-żona tal-euro, l-iżviluppi tal-produttività u l-elementi rilevanti tagħha li jmexxu, bħall-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp u l-investiment barrani u domestiku, kif ukoll l-iżviluppi settorjali inkluż is-settur tal-enerġija, li jaffettwaw il-PDG u l-prestazzjoni tal-kont kurrenti.

It-tabella ta’ valutazzjoni għandu jkun fiha wkoll limiti indikattivi għall-indikaturi, biex iservu ta’ livelli ta’ twissija. L-għażla tal-indikaturi u l-limiti għandha twassal għall-promozzjoni tal-kompetittività fl-Unjoni.

It-tabella ta’ valutazzjoni tal-indikaturi għandu jkollha limiti tat-twissija massimi u minimi, sakemm dan ma jkunx xieraq, li għandhom ikunu differenzjati għall-Istati Membri fiż-żona tal-euro u għal dawk li mhumiex jekk ġustifikat minn karatteristiċi speċifiċi tal-unjoni monetarja u ċirkostanzi ekonomiċi rilevanti. Fl-iżvilupp tat-tabella ta’ valutazzjoni, għandu jitqies, l-indirizzar taċ-ċirkostanzi ekonomiċi eteroġenji, inklużi l-effetti ta’ rkupru.

5.   Ix-xogħol tal-ESRB għandu jingħata l-konsiderazzjoni dovuta fit-tfassil tal-indikaturi rilevanti għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-ESRB biex jipprovdi l-fehmiet tiegħu dwar l-abbozz ta’ indikaturi, rilevanti għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

6.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel is-sett ta’ indikaturi u l-limiti fit-tabella ta’ valutazzjoni pubbliċi.

7.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa fuq bażi regolari l-adegwatezza tat-tabella ta’ valutazzjoni, inkluż il-kompożizzjoni tal-indikaturi, il-limiti stabbiliti u l-metodoloġija użata, u għandhom jiġu aġġustati u modifikati meta meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha tagħmel it-tibdiliet fil-metodoloġija sottostanti u l-kompożizzjoni tat-tabella ta’ valutazzjoni u l-limiti assoċjati pubbliċi.

8.   Il-Kummissjoni għandha taġġorna il-valuri tal-indikaturi fuq it-tabella ta’ valutazzjoni tal-anqas fuq bażi annwali.

Artikolu 5

Reviżjoni fil-fond

1.   Wara li jitqiesu kif dovut id-diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill u fil-grupp tal-Euro kif imsemmi fl-Artikolu 3(5), jew f’każ ta’ żviluppi ekonomiċi sinifikanti u mhux mistennija li jeħtieġu analiżi urġenti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni fil-fond għal kull Stat Membru li hi tikkunsidra li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’periklu, li jiġi affettwat, mill-iżbilanċi.

Ir-reviżjoni fil-fond għandha tjun imsejsa fuq analiżi dettaljati taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal dak il-pajjiż, inklużi l-pożizzjonijiet ta’ tluq differenti fost l-Istati Membri; din għandha teżamina l-firxa wiesgħa ta’ varjanti ekonomiċi u għandha tinvolvi l-użu ta’ għodod analitiċi u informazzjoni kwalitattiva speċifiċi għal dak il-pajjiż. Għandha tirrikonoxxi l-ispeċifitajiet nazzjonali fir-rigward tar-relazzjonijiet industrijali u d-djalogu soċjali.

Il-Kummissjoni għandha tqis ukoll b’mod dovut kwalunkwe informazzjoni oħra li, l-Istat Membru kkonċernat iħoss li tkun rilevanti, u li jkun ikkomunika lil Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni fil-fond fl-istess żmien li jsiru l-missjonijiet ta’ sorveljanza fl-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 13.

2.   Ir-reviżjoni fil-fond tal- Kummissjoni għandha tinkludi stima ta’ jekk l-Istat Membru ikkonċernat hux milqut mill-iżbilanċi, u jekk dawn l-iżbilanċi humiex żbilanċi eċċessivi. Din għandha teżamina l-oriġini tal-iżbilanċi identifikati fl-isfond taċ-ċirkostanzi ekonomiċi prevalenti, inklużi l-interkonnessjonijiet kummerċjali u finanzjarji qawwija bejn l-Istati Membri u l-effetti laterali tal-linji ta’ politika ekonomika nazzjonali. Ir-reviżjoni fil-fond għandha tanalizza l-iżviluppi rilevanti relatati mal-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi. Din għandha tqis ukoll ir-rilevanza tal-iżviluppi ekonomiċi fl-Unjoni u fiż-żona tal-euro b’mod ġenerali. Għandha, b’mod partikolari, ukoll tqis:

(a)

fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet u l-istediniet tal-Kunsill indirizzati lill-Istati Membri taħt ir-reviżjoni adottati skont l-Artikoli 121, 126 u 148 tat-TFUE u skont l-Artikoli 6, 7, 8 u 10 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

l-intenzjonijiet politiċi tal-Istat Membru taħt ir-reviżjoni, kif riflessi fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u fejn xieraq fil-programm ta’ stabbiltà u konverġenza;

(c)

kwalunkwe twissija jew rakkomandazzjoni mill-ESRB dwar riskji sistemiċi indirizzati lil jew li jkunu rilevanti lill-Istat Membru li qed issirlu reviżjoni. Is-sistema ta’ kunfidenzjalità tal-ESRB għandu jkun osservat.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tar-reviżjoni fil-fond u għandha tagħmilhom pubbliċi.

Artikolu 6

Azzjoni preventiva

1.   Jekk, fuq il-bażi tar-reviżjoni fil-fond msemmija fl-Artikolu 5, il-Kummissjoni tqis li Stat Membru qed jesperjenza żbilanċi, din għandha tinforma b’dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-grupp tal-Euro kif meħtieġ. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista’ jindirizza r-rakkomandazzjonijiet neċessarji lill-Istat Membru kkonċernat, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 121(2) tat-TFUE.

2.   Il-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bir-rakkomandazzjoni u jagħmilha pubblika.

3.   Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandhom josservaw b’mod sħiħ l-Artikolu 152 tat-TFUE u għandhom iqisu l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kunsill għandu jagħmel reviżjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu kull sena fil-kuntest tas-Simestru Ewropew u jista’, jekk ikun xieraq, jaġġustaha skont il-paragrafu 1.

KAPITOLU III

PROĊEDURA TA’ ŻBILANĊ EĊĊESSIV

Artikolu 7

Ftuħ tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv

1.   Jekk, fuq il-bażi tar-reviżjoni fil-fond imsemmija fl-Artikolu 5, il-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru kkonċernat huwa affettwat bi żbilanċi eċċessivi, din għandha tinforma b’dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-grupp tal-Euro kif meħtieġ.

Il-Kummissjoni għandha tinforma wkoll lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej rilevanti u lill-ESRB. L-ESRB huwa mistieden jieħu l-passi li huwa jqis neċessarji.

2.   Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista’, skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE, jadotta rakkomandazzjoni li tiddetermina żbilanċ eċċessiv u li tirrakkomanda li l-Istat Membru kkonċernat jieħu azzjoni korrettiva.

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha tistabbilixxi n-natura u l-implikazzjonijiet tal-iżbilanċi u għandha tispeċifika sett ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika biex jiġu segwiti u d-data ta’ skadenza sa meta l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta pjan ta’ azzjoni korrettiva. Il-Kunsill jista’, kif previst fl-Artikolu 121(4) tat-TFUE, jagħmel ir-rakkomandazzjoni pubblika.

Artikolu 8

Pjan ta’ azzjoni korrettiva

1.   Kwalunkwe Stat Membru li għalih tinfetaħ proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv għandu jippreżenta pjan ta’ azzjoni korrettiva lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’, u sad-data ta’ skadenza li trid tkun definita fir-rakkomdanzzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 7(2). Il-pjan ta’ azzjoni korrettiva għandu jistabbilixxi l-azzjonijiet politiċi speċifiċi li l-Istat Membru kkonċernat implimenta jew għandu l-intenzjoni li jimplimenta u għandu jinkludi tabella ta’ skadenza għall-azzjonijiet kollha. Il-pjan ta’ azzjoni korrettiva għandu jqis l-impatt ekonomiku u soċjali tal-azzjonijiet ta’ politika u għandu jkun konsistenti mal-linji gwida ġenerali għal-linji ta’ politika ekonomika u l-linji gwida dwar l-impjiegi.

2.   Il-Kunsill fuq il-bażi ta’ rapport tal-Kummissjoni, għandu jivvaluta l-pjan ta’ azzjoni korrettiva fi żmien xahrejn wara l-preżentazzjoni ta’ dak il-pjan. Jekk fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill iqis li l-pjan ta’ azzjoni korrettiva huwa suffiċjenti għandu japprovah permezz ta’ rakkomandazzjoni li telenka l-azzjonijiet speċifiċi u d-dati ta’ skadenza meħtieġa biex dawn jittieħdu, u għandu jistabbilixxi skeda ta’ żmien għas-sorveljanza, bl-attenzjoni dovuta tal-kanali ta’ trażmissjoni u filwaqt li jirrikonoxxi li jista’ jkun hemm dewmien twil bejn l-adozzjoni tal-azzjoni korrettiva u r-riżoluzzjoni reali tal-iżbilanċi.

3.   Jekk, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill jikkunsidra li l-azzjonijiet meħudin jew previsti fil-pjan ta’ azzjoni korrettiva huma insuffiċjenti, hu għandu jadotta rakkomandazzjoni indirizzata lill-Istat Membru biex jippreżenta, bħala regola fi żmien xahrejn, pjan ta’ azzjoni korrettiva ġdid fi żmien xahrejn bħala regola. Il-Kunsill għandu jeżamina il-pjan ta’ azzjoni korrettiva l-ġdid skont il-proċedura stipulata f’dan l-Artikolu.

4.   Il-pjan ta’ azzjoni korrettiva, ir-rapport tal-Kummissjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill imsemmijin fil-paragrafi 2 u 3 għandhom isiru pubbliċi.

Artikolu 9

Monitoraġġ ta’ azzjoni korrettiva

1.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill adottata taħt l-Artikolu 8(2). Għal dak il-għan, l-Istat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni f’intervalli regolari rapporti ta’ progress, li l-frekwenza tagħhom għandha tkun stabbilita mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(2).

2.   Il-Kunsill għandu jagħmel ir-rapport ta’ progress tal-Istati Membri pubbliċi.

3.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq missjonijiet imtejba ta’ sorveljanza fl-Istat Membru kkonċernat biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni korrettiva, b’kooperazzjoni mal-BĊE meta dawk il-missjonijiet jikkonċernaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jew Stati Membri li jkunu qed jipparteċipaw fl-ERM II. Il-Kummissjoni għandha fejn hu xieraq, tinvolvi s-sħab soċjali u partijiet interessati nazzjonali oħrajn fid-djalogu matul dawk il-missjonijiet.

4.   F’każ ta’ bidla rilevanti kbira fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi, il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista’ jemenda r-rakkomandazzjonijiet adottati skont l-Artikolu 8(2) b’konformità mal-proċedura stabbilita f’dak l-Artikolu. Fejn ikun xieraq, il-Kunsill għandu jistieden l-Istat Membru kkonċernat jissottometti pjan ta’ azzjoni korrettiva rivedut, u għandu jevalwa, dak il- pjan ta’ azzjoni korrettiva rivedut skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8.

Artikolu 10

Valutazzjoni tal-azzjoni korrettiva

1.   Fuq il-bażi ta’ rapport tal-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jivvaluta jekk l-Istat Membru kkonċernat ikunx ħa l-azzjoni korrettiva rakkomandata b’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill maħruġa skont l-Artikolu 8(2).

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-rapport pubbliku.

3.   Il-Kunsill għandu jagħmel il-valutazzjoni tiegħu sad-data ta’ skadenza stabbilita mill-Kunsill fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu adottati skont l-Artikolu 8(2).

4.   Fejn iqis li l-Istat Membru ma jkunx ħa l-azzjoni korrettiva rrakkomandata, il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jaddotta deċiżjoni li tiddetermina n-nonkonformità flimkien mar-rakkomandazzjoni li tistabbilixxi skadenzi ġodda biex tittieħed azzjoni korrettiva. F’dan il-każ, il-Kunsill għandu jinforma lill-Kunsill Ewropew, u għandu jagħmel pubbliku l-konklużjonijiet tal-missjonijiet ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikolu 9(3).

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tan-nonkonformità għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill, sakemm dan ma jiddeċidix, b’maġġoranza kkwalifikata li jirrifjuta r-rakkomandazzjoni fi żmien għaxart ijiem mill-addozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob li ssir laqgħa tal-Kunsill f’dak il-perjodu biex issir votazzjoni dwar id-deċiżjoni.

5.   Fejn il-Kunsill, fuq il-bażi tar-rapport tal-Kummissjoni imsemmi fl-ewwel paragrafu jikkunsidra li l-Istat Membru jkun ħa l-azzjoni korrettiva, irrakkomandata skont l-Artikolu 8(2), il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv għandha titqies li miexja fit-triq it-tajba u għandha tinżamm fi stat ta’ sospensjoni. Madanakollu filwaqt li s-sorveljanza għandha tkompli skont l-iskeda ta’ żmien imsemmija fir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 8(2). Il-Kunsill għandu jagħmel pubbliċi r-raġunijiet tiegħu għaliex żamm il-proċedura f’pożizzjoni ta’ sospensjoni filwaqt li jirrikonoxxi l-azzjonijiet ta’ politika korrettivi li ttieħdu mill-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 11

Għeluq tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv

Il-Kunsill għandu fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni jirrevoka r-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont l-Artikoli 7, 8 jew 10 malli jqis li l-Istat Membru kkonċernat m’għadux milqut minn żbilanċi eċċessivi kif deskritt fir-rakkomandazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(2). Il-Kunsill għandu jagħmel dikjarazzjoni pubblika li tirrifletti dak il-fatt.

Artikolu 12

Votazzjoni fil-Kunsill

Għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 7 sa 11, il-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jqis il-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta lill-Istat Membru kkonċernat.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Missjonijiet ta’ sorveljanza

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura djalogu permanenti mal-awtoritajiet tal-Istati Membri skont l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, twettaq missjonijiet bl-iskop li tagħmel evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika fl-Istat Membru u tidentifika kwalunkwe riskju jew diffikultajiet fil-konformità mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq missjonijiet imtejba ta’ sorveljanza fir-rigward tal-Istati Membri li jkunu suġġetti għal rakkomandazzjoni fuq l-eżistenza ta’ pożizzjoni ta’ żbilanċ eċċessiv skont l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament għall-finijiet ta’ monitoraġġ fuq il-post.

3.   Fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro jew li jkun qed jipparteċipa fl-ERM II, il-Kummissjoni tista’ jekk ikun xieraq, tistieden rappreżentanti tal-Bank Ċentrali Ewropew, biex jipparteċipaw fil-missjonijiet ta’ sorveljanza.

4.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar ir-riżultat tal-missjonijiet ta’ sorveljanza msemmija fil-paragrafu 2 u tista’, jekk ikun xieraq tiddeċiedi li tagħmel ir-riżultati tagħha disponibbli għall-pubbliku.

5.   Meta torganizza l-missjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’ tittrażmetti r-riżultati proviżorji tagħha lill-Istati Membri kkonċernati għall-kummenti.

Artikolu 14

Djalogu ekonomiku

1.   Sabiex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u biex jiġu żgurati trasparenza u responsabilità ikbar, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-President tal-Kunsill, il-Kummissjoni u, fejn ikun xieraq, lill-President tal-Kunsill Ewropew jew lill-President tal-grupp tal-Euro biex jidhru quddiem il-kumitat sabiex jiddiskutu:

(a)

l-informazzjoni pprovduta mill-Kunsill dwar il-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika skont l-Artikolu 121(2) tat-TFUE;

(b)

il-gwida ġenerali tal-Istati Membri maħruġa mill-Kummissjoni fil-bidu taċ-ċiklu annwali tas-sorveljanza;

(c)

il-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew li jikkonċerna l-orjentazzjonijiet għal-linji ta’ politika ekonomika fil-kuntest tas-Simestru Ewropew;

(d)

ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali li tkun saret skont dan ir-Regolament;

(e)

il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li jikkonċernaw l-orjentazzjonijiet għas-sorveljanza multilaterali u r-riżultati tagħha;

(f)

reviżjoni tat-twettiq ta’ sorveljanza multilaterali fit-tmiem tas-Simestru Ewropew;

(g)

ir-rakkomandazzjonijiet meħuda skont l-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 10(4) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ joffri l-opportunita’ li jipparteċipa fi skambju ta’ opinjonijiet lill-Istat Membru li jkun indirizzat minn rakkomandazzjoni jew deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(2) jew l-Artikolu 10(4).

3.   Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jinformaw regolarment lill-Parlament Ewropew bir-riżultati tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Rappurtar annwali

Kull sena l-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament inkluż l-aġġornar tat-tabella ta’ valutazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 4 u għandha tippreżenta l-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-kuntest tas-Simestru Ewropew.

Artikolu 16

Reviżjonijiet

1.   Sal-14 ta’ Diċembru 2014 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tevalwa u tirrapporta dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Dawk ir-rapporti għandhom jevalwaw, inter alia:

(a)

l-effikaċja ta’ dan ir-Regolament

(b)

il-progress magħmul biex jiġu żgurati koordinazzjoni eqreb tal-linji ta’ politika ekonomika u konverġenza sostnuta ta’ rendimenti ekonomiċi tal-Istati Membri skont it-TFUE.

Fejn xieraq, dawk ir-rapporti għandhom ikunu akkumpanjati bi proposta għal emendi għal dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapporti imsemmija fil-paragrafu 1 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Novembru 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

W. SZCZUKA


(1)  ĠU C 150, 20.5.2011, p. 1.

(2)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 53.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2011 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2011.

(4)  ĠU C 73, 25.3.2006, p. 21.

(5)  Ara l-paġna 8 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  Ara l-paġna 12 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top