EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1011

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1011/2011 tat- 13 ta' Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

ĠU L 269, 14.10.2011, p. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/01/2012; Imħassar b' 32012R0036

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1011/oj

14.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/18


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1011/2011

tat-13 ta' Ottubru 2011

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fid-9 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 (2) dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja.

(2)

Fit-2 ta’ Settembru 2011 (3), il-Kunsill emenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 biex jestendi l-miżuri kontra s-Sirja, inkluża espansjoni tal-kriterji tal-elenkar, u projbizzjoni fuq ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasportazzjoni taż-żejt mhux maħdum mis-Sirja. Fit-23 ta’ Settembru 2011 (4) il-Kunsill reġa’ emenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 biex jestendi aktar il-miżuri kontra s-Sirja, biex jinkludi projbizzjoni fuq l-investiment fis-settur taż-żejt mhux maħdum, iż-żieda ta’ aktar elenkar, u projbizzjoni fuq twassil ta’ flus tal-karta u muniti lill-Bank Ċentrali tas-Sirja.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/684/PESK (5) li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/PESK tipprevedi miżura addizzjonali, jiġifieri l-elenkar ta’ entità oħra, flimkien ma’ deroga li tippermetti għal perjodu limitat, l-użu tal-fondi ffriżati rċevuti sussegwentement minn dik l-entità b’konnessjoni mal-iffinanzjar ta’ kummerċ ma’ persuni jew entitajiet mhux magħżulin.

(4)

Dik il-miżura taqa’ fl-ambitu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni hija meħtieġa sabiex tiġi implimentata, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(5)

Sabiex jiġi garantit li l-miżura prevista f’dan ir-Regolament tkun effettiva, dan ir-Regolament irid jidħol fis-seħħ minnufih mal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikoli 4(1), 4(2), 5(2) u 5(3) u l-punt (a) tal-Artikolu 6, il-kliem “Anness II” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “Annessi II u IIa.”;

(2)

fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 7 u fl-Artikoli 9 u 14(1) il-kliem “Anness II” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “Anness II jew Anness IIa”;

(3)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Annessi II u IIa għandhom jikkonsistu f’dan li ġej:

(a)

L-Anness II għandu jikkonsisti minn elenku ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2011/273/PESK ikunu ġew identifikati mill-Kunsill bħala persuni u entitajiet responsabbli għar-ripressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, persuni u entitajiet li jibbenefikaw minn jew isostnu lir-reġim, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi u entitajiet assoċjati magħhom, u li għalihom m’għandux japplika l-Artikolu 9a.

(b)

L-Anness IIa għandu jikkonsisti minn elenku ta’ entitajiet li, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2011/273/PESK, ġew identifikati mill-Kunsill bħala entitajiet assoċjati ma’ persuni jew entitajiet responsabbli għar-ripressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, jew ma’ persuni u entitajiet li jibbenefikaw minn jew isostnu lir-reġim, u li għalihom għandu japplika l-Artikolu 9a.”

(4)

Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-listi fl-Annessi II u IIa għandhom jiġu riveduti f’intervalli regolari u tal-inqas kull 12-il xahar.”;

(5)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 4(1), entità elenkata fl-Anness IIa tista’, għal perjodu ta’ xahrejn mid-data li fiha hija tkun ġiet identifikata, tagħmel pagament mill-fondi ffriżati jew mir-riżorsi ekonomiċi li din l-entità tkun irċeviet wara d-data li fiha hija ġiet identifikata, sakemm:

(a)

tali pagament ikun dovut b’riżultat ta’ kuntratt ta’ negozju; u

(b)

l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru relevanti tkun iddeterminat li l-pagament ma jkunux se jirċevuh, direttament jew indirettament, persuna jew entità elenkata fl-Anness II jew fl-Anness IIa.”.

Artikolu 2

L-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 442/2001 huwa b’dan emendat kif stabbilit fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

It-test tal-Anness I għal dan ir-Regolament għandu jiġi inserit bħala l-Anness IIa għar-Regolament (UE) Nru 442/2011.

Artikolu 4

It-test tal-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 442/2011 huwa b’dan sostitwit bl-Anness III għal dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU L 121, 10.5.2011, p. 11.

(2)  ĠU L 121, 10.5.2011, p. 1

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 878/2011 (ĠU L 228, 3.9.2011, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 950/2011, (ĠU L 247, 24.9.2011, p. 3).

(5)  Ara paġna 33 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS I

“ANNESS IIa

Lista ta’ entitajiet imsemmija fl-Artikoli 4 u 5

Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data ta’ inklużjoni fil-lista

1.

Commercial Bank of Syria

Damascus Branch, P.O. Box 2231, Moawiya St., Damascus, Sirja;- P.O. Box 933, Yousef Azmeh Square, Damascus, Sirja;

Aleppo Branch, P.O. Box 2, Kastel Hajjarin St., Aleppo, Sirja;

SWIFT/BIC CMSY SY DA; l-uffiċċji kollha fid-dinja

Sit web: http://cbs-bank.sy/En-index.php

Tel: +963 11 2218890

Fax: +963 11 2216975

amministrazzjoni ġenerali: dir.cbs@mail.sy

Bank tal-istat li jipprovdi appoġġ finanzjarju lir-reġim.

13.10.2011”


ANNESS II

Fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 442/2011, l-entrati għal Emad GHRAIWATI, Tarif AKHRAS u Issam ANBOUBA huma sostitwiti b’dawn l-entrati:

“Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni (id-data tat-twelid, il-post tat-twelid …)

Raġunijiet

Data tal-elenkar

Emad GHRAIWATI

Data tat-twelid Marzu 1959;

Post tat-twelid: Damasku, is-Sirja;

President tal-Kamra tal-Industrija ta’ Damasku (Zuhair Ghraiwati Sons). Jappoġġja ekonomikament lir-reġim Sirjan.

2.9.2011

Tarif AKHRAS

Data tat-twelid 1949;

Post tat-twelid: Ħoms, is-Sirja

Fundatur tal-Akhras Group (prodotti, kummerċ, ipproċessar u loġistika), Ħoms. Jappoġġja ekonomikament lir-reġim Sirjan.

2.9.2011

Issam ANBOUBA

Data tat-twelid 1949;

Post tat-twelid: Lattakja, is-Sirja

President tal-Issam Anbouba Est. għall-agroindustrija. Jappoġġja ekonomikament lir-reġim Sirjan.

2.9.2011”


ANNESS III

“ANNESS IV

Lista tal-Prodotti taż-Żejt Mhux Raffinat

Kodiċi tas-SA

Deskrizzjoni

2709 00

Żjut miż-żejt mhux raffinat u żjut miksubin minn minerali bituminużi, mhux raffinati:

2710

Żjut miż-żejt mhux raffinat u żjut miksuba minn minerali bituminużi, għajr dawk mhux raffinati; preparazzjonijiet mhux speċifikati jew inklużi xi mkien ieħor, li skont il-piż ikunu 70 % jew aktar ta’ żjut taż-żejt mhux raffinat jew ta’ żjut miksuba minn minerali bituminużi, fejn dawn iż-żjut ikunu l-kostitwenti bażiċi tal-preparazzjonijiet; skart taż-żjut (ħlief għax-xiri fis-Sirja, ta’ pitrolju, fjuwil tal-avjazzjoni kodiċi NM 2710 19 21 li mhuwiex projbit, sakemm ikun hemm l-intenzjoni, u jkun se jiġi użat biss, għall-iskop li l-ajruplan mgħobbi bih ikompli f’titjirtu).

2712

Vażelina; xema’ tal-paraffina, xema’ mikrokristallina taż-żejt, xema’ nofsha raffinata b’kontenut għoli ta’ żejt (slack wax), ożokerit, ix-xema’ tal-linjite, ix-xema’ tal-pit, xemgħat oħra minerali u prodotti simili miksuba permezz ta’ sinteżi jew permezz ta’ proċessi oħrajn kemm jekk ikkuluriti kif ukoll jekk mhumiex.

2713

Kokk taż-żejt mhux raffinat, qatran taż-żejt mhux raffinat u fdalijiet oħrajn ta’ żjut miż-żejt mhux raffinat jew ta’ żjut miksubin minn minerali bituminużi.

2714

Bitum u asfalt, naturali; shale tal-bitum jew taż-żejt u ramel taż-żift; asfaltiti u blat tal-asfalt.

2715 00 00

Taħlitiet bituminużi bbażati fuq asfalt naturali, fuq bitum naturali, fuq bitum taż-żejt mhux raffinat, fuq żift minerali jew żift tal-qatran minerali (pereżempju, gomom bituminużi, cut-backs).”


Top