Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011L0088

    Direttiva 2011/88/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2011 li temenda d-Direttiva 97/68/KE fir-rigward id-dispożizzjonijiet għal magni introdotti fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 305, 23.11.2011, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2016; Impliċitament imħassar minn 32016R1628

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/88/oj

    23.11.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 305/1


    DIRETTIVA 2011/88/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-16 ta’ Novembru 2011

    li temenda d-Direttiva 97/68/KE fir-rigward id-dispożizzjonijiet għal magni introdotti fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1997 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri kontra l-emissjoni ta’ inkwinanti ta’ gass u partikolati minn magni tal-kombustjoni interna li għandhom jiġu installati f’makkinarju mobbli mhux tat-triq (3) tikkonċerna emissjonijiet tal-egżost u limiti ta’ emissjoni ta’ inkwinanti tal-arja minn magni li jintużaw f’makkinarju mobbli mhux tat-toroq u tikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa umana u tal-ambjent. Id-Direttiva 97/68/KE stabbilixxiet li l-limiti ta’ emissjonijiet applikabbli fl-approvazzjoni tat-tip tal-maġġoranza tal-magni tat-tkebbis bil-kompressjoni skont l-Istadju IIIA jridu jinbidlu b’limiti aktar stretti skont l-Istadju IIIB. Dawk il-limiti japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2010 fir-rigward tal-approvazzjoni tat-tip għal dawk il-magni u mill-1 ta’ Jannar 2011 fir-rigward tal-introduzzjoni fis-suq ta’ dawk il-magni.

    (2)

    Ir-reviżjoni tad-Direttiva 97/68/KE bħalissa qed titħejja mill-Kummissjoni bi qbil mar-rekwiżiti tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li temenda d-Direttiva 97/68/KE (4).Sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva riveduta hija konformi mal-istandards tal-UE għal kwalità tal-arja tajba, u fid-dawl tal-esperjenzi, tas-sejbiet xjentifiċi u tat-teknoloġiji disponibbli, il-Kummissjoni għandha, fir-reviżjoni li ġejja tad-Direttiva 97/68/KE, soġġetti għall-valutazzjoni tal-impatt:

    tistabbilixxi stadju ġdid għall-emissjonijiet – l-Istadju V – li, soġġett għall-fattibilità teknika, għandu jkun ibbażat fuq ir-rekwiżiti tal-istandards Euro VI għall-vetturi heavy duty;

    tindroduċi rekwiżiti ġodda għat-tnaqqis tal-materja partikulata, b’mod partikolari limitu numeriku għall-għadd ta’ partiċelli li japplika għall-kategoriji kollha ta’ magni ta’ tkebbis bil-kompressjoni, fejn dan ikun fattibbli teknikament, sabiex ikun żgurat tnaqqis effettiv tal-partiċelli ultrafini;

    tieħu approċċ komprensiv għall-promozzjoni tad-dispożizzjonijiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ul-promozzjoni tal-modifika tas-sistemi għat-trattament ta’ wara fil-flotta eżistenti tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq fuq il-bażi ta’ diskussjonijiet li qed isiru bħalissa taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar rekwiżiti armonizzati għat-tagħmir modifikat għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet; dan l-approċċ għandu jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex itejbu l-kwalità tal-arja u jippromwovu l-ħarsien tal-ħaddiema;

    tistabbilixxi metodu li jipprevedi l-ittestjar perjodiku ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq u vetturi, b’mod partikolari biex jiġi stabbilit jekk l-imġiba tal-emissjonijiet tagħhom tikkonformax mal-valuri mogħtija fil-ħin tar-reġistrazzjoni;

    il-possibilità li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġu awtorizzati magni sostituti mhux konformi mar-rekwiżiti tal-Istadju IIIA għal vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u għal lokomottivi;

    il-possibbiltà li tarmonizza l-istandards speċifiċi tal-emissjonijiet għall-ferroviji mal-istandards rilevanti fil-livell internazzjonali biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ magni bi prezzijiet raġonevoli li jikkonformaw mal-limiti tal-emissjonijiet stipulati.

    (3)

    It-tranżizzjoni għall-Istadju III B tinvolvi pass ta’ bidla fit-teknoloġija li teħtieġ spejjeż sinifikattivi tal-implimentazzjoni għat-tfassil mill-ġdid tal-magni u għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tekniċi avvanzati. Madankollu, il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali attwali jew kwalunkwe tibdil ekonomiku ċirkostanzjali m’għandhomx iwasslu li jitbaxxew l-istandards ambjentali. Din ir-reviżjoni tad-Direttiva 97/68/KE għandha għaldaqstant titqies bħala eċċezzjoni. Barra minn hekk, l-investimenti fit-teknoloġiji li ma jikkawżawx ħsara lill-ambjent huma importanti għall-promozzjoni tat-tkabbir, tal-impjiegi u tas-sigurtà tas-saħħa fil-ġejjieni.

    (4)

    Id-Direttiva 97/68/KE tipprovdi għal skema ta’ flessibbiltà li tippermetti lill-manifatturi tat-tagħmir li jixtru, fil-perjodu bejn iż-żewġ meded ta’ emissjonijiet, kwantità limitata ta’ magni li ma jikkonformawx mal-valuri ta’ limitu ta’ emissjonijiet kurrenti, iżda huma approvati sal-istadju preċedenti l-aktar qrib tal-limiti ta’ emissjonijiet.

    (5)

    L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2004/26/KE jipprevedi il-valutazzjoni tal-bżonn possibbli għal flessibbiltajiet addizzjonali.

    (6)

    Matul l-Istadju IIIB, in-numru massimu ta’ magni użati għall-applikazzjoni barra mill-propulsjoni ta’ vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji, lokomottivi u braken tal-kanali interni introdotti fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà, f’kull kategorija ta’ magni, għandu jiżdied minn 20 % għal 37,5 % tal-kwantità annwali tat-tagħmir b’magni f’dik il-kategorija mqiegħda fis-suq mill-manifatturi. Għandu jkun hemm alternattiva mhux obbligatorja biex jitqiegħed fis-suq numru fiss ta’ magni skont l-iskema tal-flessibbiltà. Dak in-numru fiss ta’ magni wkoll għandu jiġi rivedut u m’għandux jaqbeż il-limiti stabbiliti fit-taqsima 1.2.2 tal-Anness XIII tad-Direttiva 97/68/KE.

    (7)

    Ir-regoli applikabbli għall-iskema tal-flessibbiltà għandhom ikunu adattati biex jestendu l-applikazzjoni ta’ dik l-iskema għal magni għall-użu fil-propulsjoni ta’ lokomottivi għal perjodu ta’ żmien strettament limitat.

    (8)

    It-titjib tal-kwalità tal-arja jikkostitwixxi għan ewlieni tal-Unjoni imfittex permezz tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (5). It-trattament tal-emissjonijiet fis-sors stess huwa essenzjali għall-ilħuq ta’ dak l-għan, inkluż it-tnaqqis tal-emissjonijiet mis-settur tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq.

    (9)

    L-impriżi li joperaw b’magni li huma koperti fl-ambitu ta’ din id-Direttiva għandhom jibbenefikaw minn programmi Ewropej ta’ appoġġ finanzjarju jew kwalunkwe programm ta’ appoġġ rilevanti pprovdut mill-Istati Membri. Dawn il-programmi ta’ appoġġ għandu jkollhom l-għan li jiffavorixxu l-introduzzjoni bikrija tal-ogħla standards ta’ emissjonijiet.

    (10)

    Id-Direttiva 97/68/KE tipprovdi għal eżenzjoni għall-magni sostituti, li ma tapplikax għall-vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u għal-lokomottivi. Madankollu, meta jitqiesu r-restrizzjonijiet fil-piż u fid-dimensjonijiet, jeħtieġ li jsiru proviżjonijiet għal eċċezzjoni limitata anke għall-magni sostituti tal-vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u tal-lokomottivi.

    (11)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva jirriflettu diffikultà ffaċċjata mis-settur tal-manifattura, li tirriżulta fl-ebda adattament permanenti, u b’hekk, l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri għandha tkun ristretta għall-perjodu ta’ żmien tal-Istadju IIIB jew, meta ma jkunx hemm Stadju sussegwenti, għal tliet snin.

    (12)

    Meta titqies l-infrastruttura speċjali tan-netwerk ta’ ferroviji fir-Renju Unit, li tirriżulta f’differenza fil-limiti strutturali tal-wisa’ bejn il-binarji u b’konsegwenza ta’ dan, f’ristrezzjonijiet ta’ piż u ta’ daqs, u għalhekk tirrikjedi perjodu itwal ta’ adattament għal-limiti l-ġodda fl-emissjonijiet, huwa xieraq li tingħata iktar flessibilità għal dan is-suq partikolari fil-magni għal użu fil-lokomottivi.

    (13)

    Id-Direttiva 97/68/KE għalhekk għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva 97/68/KE

    Id-Direttiva 97/68/KE hija b’dan emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 4(6) jinbidel b’dan li ġej:

    “6.   Magni tat-tkebbis bil-kompressjoni għall-użu apparti milli tal-propulsjoni tal-vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji (railcars) u tal-braken tal-kanali interni jistgħu jitqiegħdu fis-suq permezz ta’ skema flessibbli skont il-proċedura msemmija fl-Anness XIII b’żieda mal-paragrafi minn 1 sa 5.”

    (2)

    L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1a, it-tieni subparagrafu għandu jitħassar;

    (b)

    għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “1b.   B’deroga mill-Artikolu 9(3 g), (3i) u (4a), l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq tal-magni li ġejjin għall-vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u għal-lokomottivi:

    (a)

    magni sostituti li jkunu konformi mal-limiti tal-Istadju III A, meta dawn ikunu se jissostitwixxu magni għal vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u lokomottivi li:

    (i)

    ma jkunux konformi mal-istandard tal-Istadju III A; jew

    (ii)

    ikunu konformi mal-istandard tal-Istadju III A iżda ma jkunux konformi mal-istandard tal-Istadju III B;

    (b)

    magni sostituti li ma jkunux konformi mal-limiti tal-Istadju III A, meta dawn ikunu se jissostitwixxu magni għal vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji mingħajr kontroll ta’ sewqan u li ma jkunux jistgħu jwettqu moviment indipendenti, sakemm dawn il-magni sostituti jilħqu standard mhux iktar baxx mill-istandard tal-magni ta’ vetturi eżistenti li jimxu fuq linji tal-ferroviji tal-istess tip;

    L-awtorizzazzjonijiet skont dan il-paragrafu jistgħu jingħataw biss f’każijiet fejn l-awtorità ta’ approvazzjoni tal-Istat Membru tkun sodisfatta li l-użu tal-magna sostituta li tissodisfa r-rekwiżiti tal-aħħar stadju ta’ emissjonijiet applikabbli fil-vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji jew il-lokomottivi in kwistjoni jkun jinvolvi diffikultajiet tekniċi sinifikanti.

    1c.   Mal-magni koperti mill-paragrafi 1a jew 1b, għandha titwaħħal tikketta li tgħid “MAGNA SOSTITUTA” u li tkun tinkludi referenza unika tad-deroga assoċjata.

    1d.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatti ambjentali ta’, u d-diffikultajiet tekniċi possibbli fir-rigward tal-konformità mal-paragrafu 1b. Fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2016, għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jerġa’ jeżamina l-paragrafu 1b, jekk ikun il-każ, flimkien ma’ proposta leġislattiva li tkun tinkludi data ta’ tmiem għall-applikazzjoni ta’ dak il-paragrafu.”;

    (ċ)

    il-paragrafu 7 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “7.   L-Istati Membri għandhom jippermettu t-tqegħid fis-suq tal-magni, kif definit fil-punti A(i), A(ii) u A(v) tat-Taqsima 1 tal-Anness I, skont l-iskema tal-flessibbiltà f’ konformita’ mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness XIII.”.

    (3)

    L-Anness XIII għandu jiġi emendat skont l-Anness ma’ din-id-Direttiva.

    Artikolu 2

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, mhux aktar tard mill-24 ta’ Novembru 2012, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Novembru 2011.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BUZEK

    Għall-Kunsill

    Il-President

    W. SZCZUKA


    (1)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 134.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2011.

    (3)  ĠU L 59, 27.2.1998, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 13, Vol 020, p. 17).

    (4)  ĠU L 146, 30.4.2004, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 13 Vol 34, p. 341).

    (5)  ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1.


    ANNESS

    It-Taqsima 1 tal-Anness XIII tinbidel b’dan li ġej:

    “1.   AZZJONIJIET MILL-OEM

    1.1.

    Bl-eċċezzjoni tal-Istadju IIIB, OEM li jixtieq jagħmel użu mill-iskema tal-flessibbiltà, bl-eċċezzjoni tal-magni għall-propulsjoni tal-vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u tal-lokomottivi, għandu jitlob permess minn kwalunkwe awtorità ta’ approvazzjoni biex il-manifatturi tal-magni tal-OEM iqiegħdu fis-suq magni intiżi għall-użu esklussiv tal-OEM. Il-kwantitajiet tal-magni li ma jikkonformawx mal-valuri tal-limitu tal-emissjonijiet kurrenti iżda approvati sal-istadju preċedenti l-aktar reċenti tal-limiti tal-emissjonijiet m’għandhomx jaqbżu l-limiti massimi stipulati f’Taqsimijiet 1.1.1 u 1.1.2.

    1.1.1.

    In-numru ta’ magni introdotti fis-suq skont l-iskema ta’ flessibbiltà għandu, f’kull kategorija tal-magni, ma jaqbiżx l-20 % tal-kwantità annwali tat-tagħmir b’magni f’dik il-kategorija ta’ magni mqiegħda fis-suq mill-OEM (ikkalkulata bħala medja tal-aħħar ħames snin fis-suq tal-UE). Fejn OEM ikun qiegħed tagħmir fis-suq tal-Unjoni għal inqas minn ħames snin il-medja għandha tkun ikkalkulata fuq il-bażi tal-perjodu li fih l-OEM daħħal it-tagħmir fis-suq tal-Unjoni.

    1.1.2.

    Bħala alternattiva ta’ għażla għat-Taqsima 1.1.1 u bl-eċċezzjoni ta’ magni għall-propulsjoni ta’ vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u lokomottivi, l-OEM jista’ jitlob permess għall-manifatturi tal-magni tal-OEM biex jintroduċu fis-suq numru fiss ta’ magni għall-użu esklussiv tal-OEM. In-numru ta’ magni f’kull kategorija ta’ magni ma għandux jaqbeż il-valuri li ġejjin:

    Kategorija ta’ magna P (kW)

    Nru ta’ magni:

    19 ≤ P < 37

    200

    37 ≤ P < 75

    150

    75 ≤ P < 130

    100

    130 ≤ P ≤ 560

    50

    1.2.

    Matul l-Istadju IIIB, iżda għal perjodu mhux itwal minn tliet snin mill-bidu ta’ dan l-istadju, bl-eċċezzjoni ta’ magni għall-użu fil-propulsjoni ta’ vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u lokomottivi, l-OEM li jixtieq jagħmel użu mill-iskema tal-flessibbiltà għandu jitlob permess minn kwalunkwe awtorità tal-approvazzjoni biex il-manifatturi tal-magni tiegħu jqiegħdu fis-suq magni intiżi għall-użu esklussiv tiegħu. Il-kwantitajiet tal-magni li ma jikkonformawx mal-valuri tal-limitu tal-emissjonijiet kurrenti, iżda li huma approvati sal-istadju preċedenti l-aktar riċenti tal-limiti tal-emissjonijiet, m’għandhomx jaqbżu l-limiti massimi deskritti fit-Taqsimijiet 1.1.. u 1.1.2.

    1.2.1.

    In-numru ta’ magni introdotti fis-suq skont l-iskema ta’ flessibbiltà għandu, f’kull kategorija tal-magni, ma jaqbiżx s-37.5 % tal-kwantità annwali tat-tagħmir b’magni f’dik il-kategorija ta’ magni mqiegħda fis-suq mill-OEM (ikkalkulata bħala medja tal-aħħar ħames snin fis-suq tal-UE). Fejn OEM ikun qiegħed tagħmir fis-suq tal-Unjoni għal inqas minn ħames snin il-medja għandha tkun ikkalkulata fuq il-bażi tal-perjodu li fih l-OEM daħħal it-tagħmir fis-suq tal-Unjoni.

    1.2.2.

    Bħala għażla alternattiva għat-Taqsima 1.2.1, l-OEM jista’ jitlob permess għall-manifatturi tal-magni tal-OEM biex jintroduċu fis-suq numru fiss ta’ magni għall-użu esklussiv tal-OEM. In-numru ta’ magni f’kull kategorija ta’ magni ma għandux jaqbeż il-valuri li ġejjin:

    Kategorija ta’ magna (kW)

    Nru ta’ magni:

    37 ≤ P < 56

    200

    56 ≤ P < 75

    175

    75 ≤ P < 130

    250

    130 ≤ P ≤ 560

    125

    1.3.

    Fir-rigward tal-magni għall-użu fil-propulsjoni ta’ lokomottivi, matul l-Istadju IIIB, iżda għal perjodu mhux itwal minn tliet snin mill-bidu ta’ dak l-istadju, l-OEM jista’ jitlob permess għall-manifatturi tal-magni tal-OEM biex jintroduċu fis-suq massimu ta’ 16-il magna għall-użu esklussiv tal-OEM. L-OEM jista’ wkoll jitlob permess biex il-manifatturi tal-magni tiegħu jintroduċu fis-suq massimu ta’ 10 magni addizzjonali b’saħħa ratata ta’ ‘l fuq minn 1 800 kW biex dawn jiġu installati f’lokomottivi maħsuba għall-użu esklussiv fin-netwerk tar-Renju Unit. Il-lokomottivi jitqiesu li jissodisfaw dan ir-rekwiżit unikament jekk ikollhom jew ikunu jistgħu jingħataw ċertifikat ta’ sigurtà għat-tħaddim fin-netwerk tar-Renju Unit.

    Dan il-permess għandu jingħata biss meta jkun hemm bażi teknika għaliex ma tkunx tista’ tikkonforma mal-limiti tal-emissjonijiet tal-Istadju III B.

    1.4.

    L-OEM għandu jinkludi fl-applikazzjoni lill-awtorità tal-approvazzjoni l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    Kampjun ta’ tikketti li jridu jitwaħħlu fuq kull biċċa ta’ makkinarju mobbli li fiha tkun installata magna li titqiegħed fis-suq skont l-iskema ta’ flessibbiltà It-tikketti għandu jkollha l-kliem li ġej: “IN-NUMRU TAL-MAGNA … (sekwenza ta’ magni) TA’ … (numru totali ta’ magni fir-rispett tal-firxa ta’ qawwa) BIN-NUMRU TAL-MAGNA … BL-APPROVAZZJONI TAT-TIP (id-Direttiva 97/68/KE) Nru …,”

    (b)

    kampjun tat-tikketta supplimentari li trid titwaħħal fuq il-magna li fiha l-kliem imsemmi fit-Taqsima 2.2. ta’ dan l-Anness.

    1.5.

    L-OEM għandu jipprovdi lill-awtorità tal-approvazzjoni b’kull informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-iskema ta’ flessibbiltà, li l-awtorità tal-approvazzjoni tista’ titlob skont kif ikun meħtieġ għad-deċiżjoni.

    1.6.

    L-OEM għandu jipprovdi lil kwalunkwe awtorità tal-approvazzjoni fl-Istati Membri li tagħmel talba, b’kull informazzjoni li dik l-awtorità tal-approvazzjoni tkun teħtieġ sabiex tikkonferma li kwalunkwe magna meqjusa li hija, jew li hija ttikkettjata li hija, bħala li tpoġġiet fis-suq skont skema ta’ flessibbiltà tkun iddikjarata jew ttikkettjata b’dan il-mod korrettement.”.


    Top