EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011H0856

2011/856/UE: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal- 15 ta’ Diċembru 2011 dwar l-eżenzjoni minn taxxa doppja fuq il-wirt

ĠU L 336, 20.12.2011, p. 81–84 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2011/856/oj

20.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/81


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta’ Diċembru 2011

dwar l-eżenzjoni minn taxxa doppja fuq il-wirt

(2011/856/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Bosta Stati Membri jimponu taxxi meta tmut persuna, b’mod partikolari taxxi fuq il-wirt u l-proprjetà filwaqt li xi Stati Membri jistgħu jintaxxaw il-wirt u l-proprjetà taħt intestaturi oħra tat-taxxa, bħat taxxa fuq id-dħul. It-taxxi kollha li japplikaw meta tmut persuna minn hawn ‘il quddiem huma msejħa taxxi fuq il-wirt.

(2)

Bosta Stati Membri li jimponu taxxi fuq il-wirt jimponu wkoll taxxi fuq donazzjonijiet bejn persuni ħajjin.

(3)

L-Istati Membri jistgħu jintaxxaw il-wirt fuq il-bażi ta’ fatturi ta’ “konnessjoni” li jvarjaw. Huma jistgħu jagħmlu dan fuq il-bażi ta’ rabta personali bħar-residenza, id-domiċilju jew in-nazzjonalità tal-mejjet, jew ir-residenza, id-domiċilju jew in-nazzjonalità tal-werriet, jew fuq il-bażi tat-tnejn. Xi Stati Membri jistgħu japplikaw aktar minn wieħed minn dawn il-fatturi jew jistgħu japplikaw miżuri kontra l-abbuż li jinvolvu kunċett estiż tad-domiċilju jew tar-residenza għall-finijiet tat-taxxa.

(4)

Barra mit-tassazzjoni fuq il-bażi ta’ rabta personali, l-Istati Membri jistgħu jimponu taxxa fuq il-wirt fuq assi li jkunu jinsabu fil-ġuriżdizzjoni tagħhom. It-taxxa tista’ tiġi applikata fuq din il-bażi anki jekk la l-mejjet u lanqas il-werriet ma jkollhom rabta personali mal-pajjiż fejn ikunu jinsabu l-assi.

(5)

Hemm dejjem aktar ċittadini tal-Unjoni li matul ħajjithom qed jiċċaqilqu minn pajjiż għal ieħor fi ħdan l-Unjoni biex jgħixu, jistudjaw, jaħdmu u jirtiraw, u li qed jixtru proprjetà u jinvestu f’assi f’pajjiżi li mhumiex il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom.

(6)

Meta dawn il-każijiet jirriżultaw f’wirt transkonfinali mal-mewt ta’ individwu, aktar minn Stat Membru wieħed jista’ jkollhom id-dritt li jimponu taxxi tal-wirt fuq dawk il-laxxiti.

(7)

Jeżistu ftit konvenzjonijiet bilaterali bejn l-Istati Membri dwar l-eżenzjoni mill-ħlas ta’ taxxa doppja jew multipla fuq il-wirt.

(8)

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jipprevedu, permezz ta’ leġiżlazzjoni jew ta’ prattiki amministrattivi adottati unilateralment fil-livell nazzjonali, eżenzjoni mill-ħlas ta’ taxxa doppja fil-każ ta’ taxxi barranin fuq il-wirt.

(9)

Madankollu, ġeneralment hemm limitazzjonijiet fuq dawn is-sistemi nazzjonali ta’ eżenzjoni fil-każ ta’ taxxi barranin fuq il-wirt. B’mod partikolari, dawn għandhom kamp ta’ applikazzjoni limitat f’dak li jirrigwarda t-taxxi u l-persuni koperti. Huma jistgħu ma jippermettux li jingħata kreditu għal taxxi fuq id-donazzjonijiet preċedentement imħallsa fuq l-istess wirt jew għal taxxi imposti fil-livell lokali jew reġjonali pjuttost milli fil-livell nazzjonali, jew għat-taxxi kollha imposti minn pajjiżi oħrajn mal-mewt. Jistgħu jagħtu eżenzjoni biss fil-każ ta’ taxxi barranin imħallsa fuq proprjetà barranija partikolari. Jistgħu ma jagħtux eżenzjoni fil-każ ta’ taxxa barranija fuq proprjetà li tkun tinsab f’pajjiż li ma jkunx dak tal-eredi jew tal-mejjet. Jistgħu jeskludu t-taxxa barranija fuq assi li jkunu jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru li jagħti l-eżenzjoni. Is-sistemi nazzjonali ta’ eżenzjoni jistgħu wkoll ma jirnexxux għaliex huma ma jqisux id-differenzi li hemm bejniethom u bejn ir-regoli dwar it-taxxa fuq il-wirt fi Stati Membri oħrajn, b’mod partikolari dwar dak li għandu jiġi kkunsidrat bħala assi lokali meta mqabbel ma’ assi barranija u dwar meta jseħħ it-trasferiment tal-assi u d-data meta tkun dovuta t-taxxa. Finalment, l-eżenzjoni mit-taxxa tista’ tkun suġġetta għad-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti u għaldaqstant ma tistax tiġi ggarantita.

(10)

In-nuqqas ta’ modi xierqa ta’ kif jista’ jkun hemm eżenzjoni mill-akkumulazzjoni ta’ tassazzjoni fuq il-wirt tista’ twassal għal livelli globali ta’ tassazzjoni li jkunu apprezzabbilment ogħla minn dawn applikabbli f’sitwazzjonijiet li jkunu purament interni għal xi wieħed mill-Istati Membri involuti.

(11)

Dan jista’ jfixkel liċ-ċittadini tal-UE milli jgawdu kompletement mid-dritt tagħhom li jiċċaqilqu u li joperaw liberament b’mod transkonfinali fi ħdan l-Unjoni. Jista’ wkoll joħloq diffikultajiet għat-trasferiment tan-negozji ż-żgħar meta jmutu l-proprjetarji.

(12)

Filwaqt li d-dħul mit-taxxi fuq il-wirt jirrappreżenta sehem relattivament żgħir mid-dħul globali tat-taxxa tal-Istati Membri u l-każijiet transkonfinali waħidhom jammontaw għal sew inqas, it-taxxa doppja fuq il-wirt jista’ jkollha impatt maġġuri fuq l-individwi affettwati.

(13)

Bħalissa t-taxxa doppja fuq il-wirt mhijiex qed tiġi riżolta b’mod sistematiku fil-livell nazzjonali jew f’dak bilaterali, jew fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat li s-Suq Intern jiffunzjona bla problemi, għandha tiġi inkoraġġuta sistema aktar globali għall-għoti ta’ eżenzjoni minn taxxa doppja fuq il-wirt f’każijiet transkonfinali.

(14)

Għandu jiġi pprovdut ordni ta’ prijorità ta’ min għandu dritt li jintaxxa, jew inkella ta’ min għandu jagħti eżenzjoni fil-każijiet fejn żewġ Stati Membri jew aktar japplikaw taxxi fuq il-wirt għall-istess wirt.

(15)

Bħala regola ġenerali, u skont il-prattika li hija l-aktar segwita fil-livell internazzjonali, l-Istati Membri li fihom ikunu jinsabu l-proprjetà immobbli u l-proprjetà tan-negozju ta’ stabbiliment permanenti għandhom, bħala l-Istat bl-aktar rabta mill-qrib, ikollhom id-dritt primarju li japplikaw it-taxxa fuq il-wirt fuq proprjetà bħal din.

(16)

Peress li huwa faċli li jinbidel il-post fejn tkun tinsab proprjetà mobbli li ma tkunx proprjetà tan-negozju ta’ stabbiliment permanenti, il-konnessjoni tagħha mal-Istat Membri fejn tinzerta li tkun tinstab fil-ħin tal-mewt hija ġeneralment ħafna inqas mill-qrib mir-rabtiet personali li l-mejjet jew l-eredi jista’ jkollhom ma’ Stat Membru ieħor. L-Istat Membru fejn tkun tinsab proprjetà mobbli bħal din għandu għalhekk jeżenta dil-proprjetà mit-tassazzjoni tiegħu fuq il-wirt jekk din it-tassazzjoni tiġi applikata mill-Istat Membru li miegħu il-mejjet u/jew l-eredi jkollhom rabta personali.

(17)

Il-wirt ta’ spiss jakkumula tul il-ħajja tal-mejjet. Barra minn dan, jekk ikunu involuti Stati Membri differenti, hemm iktar possibbiltà li l-assi li jkunu jagħmlu parti mill-wirt ikunu jinsabu fl-Istat Membru li miegħu il-mejjet ikollu rabtiet personali milli fl-Istat Membru li miegħu l-eredi jkollu dawn ir-rabtiet. Fit-tassazzjoni tal-wirt fuq il-bażi ta’ rabtiet personali mat-territorju tagħhom, il-maġġoranza tal-Istati Membri jirreferu għar-rabtiet li jkollu l-mejjet pjuttost minn dawk li jkollu l-eredi, għalkemm bost minnhom jintaxxaw ukoll jew jintaxxaw biss jekk l-eredi jkollu rabta personali mat-territorju tagħhom. Minħabba din in-natura u l-importanza tar-rabtiet personali tal-mejjet kif ukoll għal raġunijiet prattiċi, it-taxxa doppja li tirriżulta mill-fatt li l-mejjet u l-eredi jkollhom rabtiet personali ma’ Stati Membri differenti għandha tkun suġġetta għal eżenzjoni mill-Istat Membru li miegħu l-eredi jkollu rabtiet personali.

(18)

Il-kunflitti minħabba r-rabtiet personali ma’ bosta Stati Membri jistgħu jiġu riżolti fuq il-bażi ta’ proċedura ta’ ftehim komuni li tinvolvi regoli determinanti biex tiġi stabbilita l-aktar rabta personali mill-qrib.

(19)

Peress li ż-żmien meta tiġi applikata t-taxxa fuq il-wirt jista’ jvarja fost l-Istati Membri involuti u peress li l-każijiet b’elementi transkonfinali jistgħu jieħdu żmien sinifikattivament itwal biex jiġu riżolti meta mqabbla ma’ każijiet domestiċi ta’ taxxa fuq il-wirt minħabba l-ħtieġa li wieħed jittratta ma’ aktar minn sistema legali u/jew tat-taxxa waħda, l-Istati Membri għandhom jippermettu li jkun hemm perjodu raġonevoli ta’ żmien biex isiru talbiet għal eżenzjoni mit-taxxa.

(20)

Din ir-Rakkomandazzjoni tippromwovi d-drittijiet fundamentali rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħad-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17), li jiggarantixxi speċifikament id-dritt li wieħed jiddisponi minn proprjetà li jkun akkwista legalment, il-libertà tal-intrapriża (l-Artikolu 16) u l-libertà taċ-ċittadini tal-UE ta’ moviment liberu fi ħdan l-UE (l-Artikolu 45).

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.   Suġġett

1.1.   Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi kif l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri jew itejbu miżuri eżistenti, biex jagħtu eżenzjoni minn taxxa doppja jew multipla kkawżata mill-applikazzjoni ta’ taxxi fuq il-wirt minn żewġ Stati Membri jew aktar (minn hawn ‘il quddiem: taxxa doppja).

1.2.   Din ir-Rakkomandazzjoni tirrigwarda b’analoġija lit-taxxi fuq id-donazzjonijiet, meta d-donazzjonijiet jiġu intaxxati skont l-istess regoli bħal dawk li japplikaw għall-wirt jew skont regoli simili għalihom.

2.   Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“taxxa fuq il-wirt” tfisser kull taxxa imposta fil-livell nazzjonali, federali, reġjonali jew lokali mal-mewt, irrispettivament minn isem it-taxxa, mill-mod kif it-taxxa tiġi imposta u mill-persuna li għaliha tapplika t-taxxa, inklużi b’mod partikolari, taxxa fuq il-proprjetà, taxxa fuq il-wirt, taxxa fuq trasferimenti, dazju fuq trasferimenti, taxxa tal-boll, taxxa fuq id-dħul u taxxa fuq il-qligħ kapitali;

(b)

“eżenzjoni mit-taxxa” tfisser dispożizzjoni li tkun tinsab f’leġiżlazzjoni, f’istruzzjonijiet amministrattivi jew fi gwida amministrattiva li permezz tagħha Stat Membru jagħti eżenzjoni minn taxxa fuq il-wirt imħallsa fi Stat Membru ieħor, billi jagħti kreditu għat-taxxa barranija li jitnaqqas mit-taxxa dovuta f’dak l-Istat Membru, billi jeżenta l-wirt jew parti minnu mit-tassazzjoni f’dak l-Istat Membru bħala rikonoxximent tat-taxxa barranija mħallsa, jew billi b’xi mod ieħor jonqos milli jimponi t-taxxa fuq il-wirt;

(c)

“assi” tfisser kull proprjetà mobbli u/jew immobbli u/jew drittijiet li huma suġġetti għat-taxxa fuq il-wirt;

(d)

“rabta personali” tirreferi għar-raba tal-mejjet jew tal-eredi ma’ Stat Membru, li tista’ tkun ibbażata fuq id-domiċilju, ir-residenza, ir-residenza permanenti, iċ-ċentru tal-interessi vitali, ir-residenza abitwali, in-nazzjonalità jew iċ-ċentru tal-ġestjoni effettiva;

Għall-finijiet tal-punt(a), taxxa fuq donazzjoni li tkun tħallset preċedentement fuq l-istess assi għandha titqies bħala taxxa fuq il-wirt għall-finijiet tal-għoti ta’ kreditu tat-taxxa.

It-termini “stabbiliment permanenti”, “proprjetà immobbli”, “proprjetà mobbli”, “residenti”, “domiċilju/domiċiljat/a/i”, “ċittadin/nazzjonalità”, “residenza abitwali” u “residenza permanenti” għandhom dik it-tifsira mogħtija lilhom taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jkun qed japplika t-terminu.

3.   Għan ġenerali

Il-miżuri rakkomandati għandhom l-għan li jsolvu każijiet ta’ taxxa doppja, sabiex il-livell globali tat-taxxa fuq wirt partikolari ma jkunx ogħla mil-livell li japplika kieku l-Istat Membru bl-ogħla livell tat-taxxa biss fost l-Istati Membri involuti kellu l-ġuriżdizzjoni fiskali fuq il-wirt fil-partijiet kollha tiegħu.

4.   Għoti ta’ eżenzjoni mit-taxxa doppja

Meta japplikaw it-taxxi fuq il-wirt, l-Istati Membri għandhom jagħtu eżenzjoni mit-taxxa skont il-punti 4.1 sa 4.4.

4.1.   L-eżenzjoni mit-taxxa fil-konfront ta’ proprjetà immobbli u proprjetà mobbli ta’ stabbiliment permanenti.

Meta japplikaw it-taxxi fuq il-wirt, Stat Membru għandu jippermetti li jkun hemm eżenzjoni mit-taxxa fir-rigward ta’ taxxa fuq il-wirt applikata minn Stat Membru ieħor fil-każ tal-assi segwenti:

(a)

proprjetà immobbli li tkun tinsab f’dak l-Istat Membru l-ieħor;

(b)

proprjetà mobbli li tkun proprjetà tan-negozju ta’ stabbiliment permanenti li jkun jinsab f’dak l-Istat Membru l-ieħor.

4.2.   L-eżenzjoni mit-taxxa fil-konfront ta’ tipi oħrajn ta’ proprjetà mobbli

Stat Membru li la l-mejjet u lanqas l-eredi ma jkollhom rabta personali miegħu għandu jastjeni milli japplika t-taxxa fuq il-wirt fil-konfront ta’ proprjetà mobbli li ma tkunx proprjetà tan-negozju kif imsemmija fil-paragrafu 4.1.b), sakemm tali taxxa tiġi applikata minn Stat Membru ieħor minħabba rabta personali tal-mejjet u/jew tal-eredi ma’ dak l-Istat Membru l-ieħor.

4.3.   L-eżenzjoni mit-taxxa f’każijiet meta l-mejjet kellu rabta personali ma’ Stat Membru differenti minn dak li l-eredi kellu rabta personali miegħu

Suġġett għall-paragrafu 4.1, f’każijiet fejn aktar minn Stat Membru wieħed jkun jista’ jimponi tassazzjoni fuq wirt fuq il-bażi li l-mejjet kellu rabtiet personali ma’ Stat Membru partikolari u l-eredi jkollu rabtiet personali ma’ Stat Membru ieħor, allura it-tieni Stat Membru għandu jagħti eżenzjoni mit-taxxa għat-taxxa mħallsa fuq il-wirt fl-Istat Membru li miegħu il-mejjet kellu rabtiet personali.

4.4.   Eżenzjoni mit-taxxa f’każijiet ta’ rabtiet personali multipli ta’ persuna waħda

Meta, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ Stati Membri differenti, jitqies li persuna għandha rabta personali ma’ aktar ma’ Stat Membru wieħed li jintaxxa, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddeterminaw, permezz ta’ ftehim komuni skont il-proċedura stabbilita fil-punt 6 jew b’xi mod ieħor, l-Istat Membru li għandu jagħti eżenzjoni mit-taxxa jekk it-taxxa fuq il-wirt tkun applikata fi Stat li miegħu l-persuna jkollha rabta personali aktar mill-qrib.

4.4.1.

Ir-rabta personali aktar mill-qrib ta’ individwu għandha tiġi ddeterminata kif ġej:

(a)

jista’ jitqies li għandu rabta personali aktar mill-qrib mal-Istat Membru fejn ikollu disponibbli residenza permanenti;

(b)

jekk l-Istat Membru msemmi f’(a) ma jintaxxax jew jekk l-individwu jkollu residenza permanenti disponibbli f’aktar minn Stat Membru wieħed, jista’ jitqies li għandu rabta personali aktar mill-qrib mal-Istat Membru li miegħu għandu relazzjonijiet personali u ekonomiċi aktar mill-qrib (iċ-ċentru tal-interessi vitali);

(c)

jekk l-Istat Membru msemmi f’(b) ma jintaxxax jew jekk ma jkunx jista’ jiġi determinat l-Istat Membru fejn l-individwu jkollu ċ-ċentru tal-interessi vitali tiegħu, jew jekk ma jkollu disponibbli l-ebda residenza permanenti fi Stat Membru, jista’ jitqies li għandu rabta personali aktar mill-qrib mal-Istat Membru fejn ikollu residenza abitwali;

(d)

jekk l-Istat Membru msemmi f’(c) ma jintaxxax jew jekk l-individwu jkollu residenza abitwali f’aktar minn Stat Membru wieħed jew fl-ebda Stat Membru, jista’ jitqies li għandu rabta personali aktar mill-qrib mal-Istat Membru li tiegħu jkollu n-nazzjonalità.

4.4.2.

Fil-każ ta’ persuna li ma tkunx individwu, bħal istituzzjoni karitatevoli, ir-rabta personali aktar mill-qrib tagħha tista’ titqies li tkun mal-Istat Membru fejn ikollha l-post tal-ġestjoni effettiva tagħha.

5.   Żmien li fih għandha tiġi applikata l-eżenzjoni mit-taxxa

L-Istati Membri għandhom jippermettu l-eżenzjoni mit-taxxa għal perjodu ta’ żmien raġonevoli, eż. għaxar snin mill-iskadenza li fiha għandhom jitħallsu t-taxxi fuq il-wirt li huma jimponu.

6.   Proċedura ta’ ftehim komuni

Meta jkun neċessarju biex jintlaħaq l-għan ġenerali stabbilit fil-punt 3, l-Istati Membri għandhom jużaw proċedura ta’ ftehim komuni biex jindirizzaw kull tilwim konness mat-taxxa doppja, inklużi definizzjonijiet konfliġġenti ta’ proprjetà mobbli u proprjetà immobbli jew tal-post fejn jinsabu l-assi jew ta’ kif għandu jiġi stabbilit l-Istat Membru li għandu jagħti l-eżenzjoni mit-taxxa f’każ partikolari.

7.   Segwitu

7.1.   L-Istati Membri għandhom ikomplu jaħdmu fuq il-metodi possibbli kif tista’ titjieb il-koperazzjoni fost l-awtoritajiet tat-taxxa, inkluż fil-livell lokali u dak reġjonali, sabiex jgħinu lill-kontribwenti li huma suġġetti għal taxxa doppja.

7.2.   L-Istati Membri għandhom ukoll jadottaw pożizzjoni kkoordinata f’diskussjonijiet fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar it-taxxi fuq il-wirt.

7.3.   Il-Kummissjoni se twettaq segwitu dwar din ir-Rakkomandazzjoni mal-Istati Membri u se tippubblika rapport dwar is-sitwazzjoni tal-eżenzjoni transkonfinali fir-rigward ta’ taxxi fuq il-wirt fl-Unjoni tliet snin wara li din ir-Rakkomandazzjoni tiġi adottata.

8.   Destinatarji

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


Top