Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0499

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/499/PESK tal- 1 ta’ Awwissu 2011 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/450/PESK li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Sudan

    ĠU L 206, 11.8.2011, p. 50–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2012

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/499/oj

    11.8.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 206/50


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/499/PESK

    tal-1 ta’ Awwissu 2011

    li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/450/PESK li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Sudan

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-11 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/450/PESK (1), li taħtar lis-Sinjura Rosalind MARSDEN bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (“ir-RSUE”) għas-Sudan għall-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2010 sal-31 ta’ Awwissu 2011.

    (2)

    Fid-9 ta’ Lulju 2011, ir-Repubblika tas-Sudan t’Isfel iddikjarat l-indipendenza tagħha u r-RSUE għalhekk tkopri żewġ pajjiżi indipendenti.

    (3)

    Is-Sinjura Rosalind MARSDEN għandha tinħatar bħala r-RSUE għar-Repubblika tas-Sudan u r-Repubblika tas-Sudan t’Isfel għall-perijodu mid-9 ta’ Lulju 2011 sat-30 ta’ Ġunju 2012. Id-Deċiżjoni 2010/450/PESK għandha għalhekk tiġi emendata u estiża.

    (4)

    Ir-RSUE ser timplimenta l-mandat tagħha fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif hemm imniżżel fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2010/450/PESK hija emendata kif ġej:

    (1)

    it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/450/PESK li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tas-Sudan u r-Repubblika tas-Sudan t’Isfel”.

    (2)

    L-Artikoli 1, 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “Artikolu 1

    Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

    Is-Sinjura Rosalind MARSDEN hija b’dan maħtura bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (‘RSUE’) għar-Repubblika tas-Sudan (‘Sudan’) u r-Repubblika tas-Sudan t’Isfel (‘is-Sudan t’Isfel’) mid-9 ta’ Lulju 2011 sat-30 ta’ Ġunju 2012. Il-mandat tar-RSUE jista’ jintemm qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (‘ir-RGħ’).

    Artikolu 2

    Objettivi ta’ politika

    Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni Ewropea (‘l-UE’ jew ‘l-Unjoni’) fir-rigward tas-Sudan u s-Sudan t’Isfel, b’ħidma mal-partiti Sudaniżi, l-Unjoni Afrikana (‘UA’) u n-Nazzjonijiet Uniti (‘NU’) u partijiet interessati nazzjonali, reġjonali u internazzjonali oħra, biex tinkiseb koeżistenza paċifika bejn is-Sudan u s-Sudan t’Isfel wara l-iskadenza tal-Ftehim Komprensiv ta’ Paċi (‘CPA’) u l-indipendenza tas-Sudan t’Isfel fid-9 ta’ Lulju 2011. L-objettivi ta’ politika tal-Unjoni jinkludu kontribut attiv għas-soluzzjoni ta’ kwalunkwe kwistjoni tas-CPA u ta’ wara s-CPA u għajnuna għall-partijiet biex jimplimentaw dak li ġie maqbul; appoġġ għall-isforzi biex tiġi stabbilizzata ż-żona tal-fruntiera volatili tramuntana-nofsinhar; promozzjoni tal-bini ta’ istituzzjonijiet u trawwim ta’ stabbiltà, sigurtà u żvilupp fis-Sudan t’Isfel; tiġi ffaċilitata soluzzjoni politika għall-kunflitt f’Darfur; promozzjoni tal-governanza demokratika, ir-responsabbiltà u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluża kooperazzjoni sħiħa mal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jinżamm impenn fis-Sudan tal-Lvant; u titjib tal-aċċess umanitarju fis-Sudan u s-Sudan t’Isfel kollu.

    Barra minn hekk, il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettiv ta’ politika tal-Unjoni li jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni u l-eliminazzjoni ta’ theddid għall-istabbiltà tas-Sudan t’Isfel u r-reġjun usa’ ppreżentat mil-Lords Resistance Army (‘LRA’).

    Artikolu 3

    Mandat

    1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun:

    (a)

    ħidma mal-Gvern tas-Sudan, il-Gvern tas-Sudan t’Isfel, il-partiti politiċi Sudaniżi u tas-Sudan t’Isfel, il-movimenti armati tad-Darfur, u s-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet mhux governattivi, bil-għan li jitwettqu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni;

    (b)

    żamma tal-kooperazzjoni mill-qrib man-NU, l-UA u b’mod partikolari l-Grupp ta’ Implimentazzjoni ta’ Livell Għoli tal-UA għas-Sudan (‘AUHIP’), il-Lega tal-Istati Għarab, l-Aġenzija Intergovernattiva għall-Iżvilupp u partijiet interessati reġjonali u internazzjonali ewlenin oħra inkluż il-Mibgħut Speċjali tal-Istati Uniti;

    (ċ)

    parteċipazzjoni fil-fora internazzjonali u pubbliċi rilevanti għall-promozzjoni tal-objettivi ta’ politika tal-Unjoni u l-koerenza ta’ sforzi internazzjonali lejn is-Sudan;

    (d)

    kontribut għal sforzi internazzjonali biex jiġi ffaċilitat ftehim ta’ paċi komprensiv, inklużiv u dejjiemi għad-Darfur b’ħidma mill-qrib man-NU, l-UA, il-Gvernijiet tal-Qatar u partijiet interessati internazzjonali oħra;

    (e)

    promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem billi jinżammu kuntatti regolari mal-awtoritajiet rilevanti fis-Sudan u s-Sudan t’Isfel, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem attivi fir-reġjun;

    (f)

    kontribut għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Linji Gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Kunflitt Armat, kif ukoll dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontrihom u l-politika tal-Unjoni rigward ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (‘UNSCR’) 1325 (2000) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, inkluż permezz tal-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-iżviluppi kif ukoll il-formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward;

    (g)

    kontribut attiv għall-implimentazzjoni ta’ approċċ komprensiv tal-Unjoni għas-Sudan u s-Sudan t’Isfel kif maqbul mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-20 ta’ Ġunju 2011;

    (h)

    sorveljanza u koordinazzjoni tal-impenn tal-UE mal-partijiet interessati rilevanti kollha biex jiġu appoġġati l-isforzi għall-mitigazzjoni u l-eliminazzjoni ta’ theddid ta’ persuni ċivili u għall-istabbiltà tas-Sudan t’Isfel u r-reġjun usa’ ppreżentat mil-LRA.

    2.   Bil-għan li jwettaq il-mandat tiegħu, ir-RSUE għandha, fost l-oħrajn:

    (a)

    tagħti parir u tirraporta dwar id-definizzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni f’fora internazzjonali sabiex tippromovi u ssaħħaħ proattivament approċċ konsistenti ta’ politika tal-Unjoni lejn is-Sudan u s-Sudan t’Isfel;

    (b)

    ikollha idea ġenerali tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni u tikkoopera mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Unjoni f’Khartoum, Juba u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni għall-UA f’Addis Ababa u għan-NU f’New York;

    (ċ)

    tikkontribwixxi għall-proċess politiku u l-attivitajiet relatati mas-soluzzjoni ta’ kwalunkwe kwistjoni tas-CPA u ta’ wara s-CPA pendenti u għajnuna għall-partijiet biex jimplimentaw dak li nqabel kif ukoll appoġġ għall-isforzi fil-qasam tal-bini tal-istituzzjonijiet fis-Sudan t’Isfel;

    (d)

    tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Kunflitt Armat, kif ukoll dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontrihom u l-politika tal-UE rigward UNSCR 1325 (2000) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, inkluż permezz tal-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-iżviluppi f’dan ir-rigward; u

    (e)

    twettaq segwitu u tirrapporta dwar il-konformità tal-partijiet Sudaniżi u tas-Sudan t’Isfel mal-UNSCR rilevanti, partikolarment 1556 (2004), 1564 (2004), 1590 (2005), 1591 (2005), 1593 (2005), 1612 (2005), 1663 (2006), 1672 (2006), 1679 (2006), 1769 (2007), 1778 (2007), 1881 (2009), 1882 (2009), 1891 (2009), 1919 (2010).”;

    (3)

    fl-Artikolu 4, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “3.   Ir-RSUE għandha taħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (‘SEAE’).”;

    (4)

    L-Artikolu 5(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarju ta’ EUR 1 820 000 għandu jiżdied għal EUR 955 000 sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2010 sat-30 ta’ Ġunju 2012.”;

    (5)

    L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 6

    Kostituzzjoni u kompożizzjoni tal-iskwadra

    1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli għat-twaqqif tal-iskwadra tagħha. L-iskwadra għandha tinkludi konsulenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tal-iskwadra tiegħu.

    2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni lir-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru, l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew is-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

    3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru mandanti, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

    4.   L-uffiċċji tar-RSUE għandhom jinżammu fi Brussell, f’Khartoum u f’Juba bil-persunal ta’ appoġġ politiku, amministrattiv u loġistiku meħtieġ.”;

    (6)

    L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 8

    Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

    Ir-RSUE u l-membri tal-iskwadra tagħha għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (*)

    (*)  ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.”;"

    (7)

    L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 10

    Sigurtà

    Konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, partikolarment billi:

    (a)

    jiġi stabbilit pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll l-immaniġġar ta’ inċidenti ta’ sigurtà u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u ta’ evakwazzjoni tal-missjoni;

    (b)

    jiġi żgurat li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

    (ċ)

    jiġi żgurat li l-membri kollha tal-iskwadra tagħha li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni;

    (d)

    jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet ta’ sigurtà regolari jiġu implimentati, ir-RGħ, il-Kunsill u l-Kummissjoni jingħataw rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta’ nofs it-terminu u ta’ implimentazzjoni tal-mandat.”;

    (8)

    L-Artikolu 11(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Ir-RSUE għandu jirrapporta regolarment lill-KPS dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur u dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan u s-Sudan t’Isfel.”;

    (9)

    L-Artikolu 12(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Fil-post, għandu jinżamm kuntatt mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, inkluż f’Khartoum, f’Juba, f’Addis Ababa u New York u mal-Kapijiet ta’ Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandha tikkollabora wkoll ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.”;

    (10)

    L-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 13

    Rieżami

    L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu rieżaminati regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta’ progress qabel it-tmiem ta’ Jannar 2012 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat fi tmiem il-mandat.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Għandha tapplika mid-9 ta’ Lulju 2011.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Awwissu 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. DOWGIELEWICZ


    (1)  ĠU L 211, 12.8.2010, p. 42.


    Top