This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011D0443
Council Decision of 20 June 2011 on the approval, on behalf of the European Union, of the Agreement on Port State Measures to Prevent, Deter and Eliminate Illegal, Unreported and Unregulated Fishing
Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2011 dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar miżuri tal-Istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rappurtat u Mhux Regolat
Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2011 dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar miżuri tal-Istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rappurtat u Mhux Regolat
ĠU L 191, 22.7.2011, pp. 1–2
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/443/oj
|
22.7.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 191/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-20 ta’ Ġunju 2011
dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar miżuri tal-Istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rappurtat u Mhux Regolat
(2011/443/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
|
(1) |
L-Unjoni Ewropea hija kompetenti biex tadotta miżuri għall-konservazzjoni, għall-ġestjoni u għall-kontroll tar-riżorsi tas-sajd; hija wkoll kompetenti biex tidħol fi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi u fi ħdan il-qafas ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. |
|
(2) |
L-Unjoni Ewropea hija parti kontraenti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982, li, fost affarijiet oħrajn, teżiġi li l-membri kollha tal-komunità internazzjonali jikkooperaw fil-ġestjoni u fil-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar. |
|
(3) |
L-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha huma partijiet kontraenti għall-Ftehim tal-1995 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna, li daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Diċembru 2001. |
|
(4) |
Il-Konferenza tal-Organizzazzjoni għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura (FAO), approvat, fis-Sitta u Tletin Sessjoni tagħha li saret f'Ruma fit-18-23 ta’ Novembru 2009, il-Ftehim dwar Miżuri tal-Istat tal-Port li Jimpedixxu, Jiskoraġġixxu u Jeliminaw is-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat (minn issa “il-Ftehim”) skont l-Artikolu XIV, paragrafu 1, tal-Kostituzzjoni tal-FAO, għas-sottomossjoni lill-Membri tal-FAO. |
|
(5) |
Il-Ftehim kien iffirmat fit-22 ta’ Novembru 2009 f'isem il-Komunità Ewropea suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data iktar 'il quddiem. |
|
(6) |
L-Unjoni għandha rwol ewlieni fis-sajd internazzjonali u hija waħda mis-swieq ewlenin globali għall-prodotti tas-sajd u huwa fl-interess tagħha li jkollha rwol effettiv fl-implimentazzjoni tal-Ftehim u u li tapprova l-Ftehim. |
|
(7) |
Għaldaqstant, il-Ftehim għandu jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port li Jimpedixxu, Jiskoraġġixxu, u Jeliminaw is-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat (minn issa “il-Ftehim”) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.
It-test tal-Ftehim u d-Dikjarazzjoni rigward il-kompetenza tal-Unjoni huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna(i) li tingħata s-setgħa biex tipproċedi, f'isem l-Unjoni, bid-depożitu tal-istrument tal-approvazzjoni mad-Direttur-Ġenerali tal-Organizzazzjoni għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti huwa u jaġixxi fil-kapaċità tiegħu ta’ Depożitarju tal-Ftehim skont l-Artikolu 26 tal-Ftehim, flimkien mad-Dikjarazzjoni dwar il-kompetenzi tal-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta’ Ġunju 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
MATOLCSY Gy.
TRADUZZJONI
FTEHIM
dwar miżuri tal-Istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat
PREAMBOLU
IL-PARTIJIET GĦAL DAN IL-FTEHIM,
FILWAQT LI HUMA FERM IMĦASSBA dwar il-kontinwazzjoni ta’ sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat u dwar l-effett detrimentali tiegħu fuq l-istokkijiet tal-ħut, fuq l-ekosistemi tal-baħar u fuq l-għajxien tas-sajjieda leġittimi, u dwar il-ħtieġa dejjem ikbar għal sigurtà tal-ikel fuq bażi globali,
KONXJI mir-rwol tal-Istat tal-port fl-adozzjoni ta’ miżuri effettivi sabiex ikunu promossi l-użu sostenibbli u l-konservazzjoni fit-tul ta’ riżorsi tal-baħar ħajjin,
JIRRIKONOXXU li l-miżuri sabiex ikun miġġieled is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat għandhom ikunu msejsa fuq ir-responsabbiltà primarja tal-Istati tal-bandiera u għandhom jużaw il-ġuriżdizzjoni kollha disponibbli skont il-liġi internazzjonali, inklużi l-miżuri tal-Istat tal-port, il-miżuri tal-Istat kostali, il-miżuri relatati mas-suq u l-miżuri sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini ma jappoġġjawx jew jinvolvu rwieħhom f'sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat,
JIRRIKONOXXU li l-miżuri tal-Istat tal-port jipprovdu mezz b'saħħtu u kosteffettiv sabiex jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat,
KONXJI mill-ħtieġa għal iktar koordinazzjoni fuq il-livelli reġjonali u interreġjonali sabiex ikun miġġieled is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat permezz ta’ miżuri tal-Istat tal-port,
JIRRIKONOXXU li t-teknoloġija, il-bażijiet tad-dejta, in-netwerks u r-reġistrazzjonijiet globali tal-komunikazzjonijiet li jappoġġjaw il-miżuri tal-Istat tal-port qed jiżviluppaw b’rata mgħaġġla,
JIRRIKONOXXU l-ħtieġa għal assistenza lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jadottaw u jimplimentaw il-miżuri tal-Istat tal-port,
JIEĦDU NOTA tat-talbiet mill-komunità internazzjonali permezz tas-Sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kumitat tas-Sajd tal-Organizzazzjoni għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, minn hawn ’il quddiem “il-FAO”, għal strument internazzjonali li jorbot dwar standards minimi għal miżuri tal-Istat tal-port, ibbażat fuq il-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-FAO għall-Prevenzjoni, iż-Żamma u l-Eliminazzjoni ta’ Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat tal-2001 u l-Iskema Mudell ta’ Miżuri tal-Istat tal-Port għall-Ġlieda kontra s-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat tal-FAO tal-2005,
IŻOMMU QUDDIEM GĦAJNEJHOM li, fl-eżerċizzju tas-sovranità tagħhom fuq il-portijiet li jinsabu fit-territorju tagħhom, l-Istati jistgħu jadottaw miżuri iktar stretti, f’konformità mal-liġi internazzjonali,
IFAKKRU d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982, minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni”,
IFAKKRU l-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna tal-4 ta’ Diċembru 1995, il-Ftehim li Jippromwovi l-Konformità mal-Miżuri Internazzjonali ta’ Konservazzjoni u Ġestjoni mill-Bastimenti tas-Sajd fl-Ibħra Miftuħa tal-24 ta’ Novembru 1993 u l-Kodiċi ta’ Mġiba dwar Sajd Responsabbli tal-FAO tal-1995,
JIRRIKONOXXU l-ħtieġa li jkun konkluż ftehim internazzjonali fil-qafas tal-FAO, skont l-Artikolu XIV tal-Kostituzzjoni tal-FAO,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
PARTI 1
ID-DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
L-użu tat-termini
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:
|
(a) |
“miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni” tfisser miżuri sabiex ikunu kkonservati u ġestiti r-riżorsi tal-baħar ħajjin li jiġu adottati u applikati b’mod konsistenti mar-regoli rilevanti tal-liġi internazzjonali inklużi dawk riflessi fil-Konvenzjoni; |
|
(b) |
“ħut” tfisser l-ispeċijiet kollha ta’ riżorsi tal-baħar ħajjin, irrispettivament minn jekk ikunux ipproċessati jew le; |
|
(c) |
“sajd” tfisser it-tiftix għal, l-attrazzjoni, is-sejbien, il-qbid, it-teħid jew il-ħsad ta’ ħut jew kwalunkwe attività li tista’ raġonevolment tkun mistennija li tirriżulta fl-attrazzjoni, fis-sejbien, fil-qbid, fit-teħid jew fil-ħsad tal-ħut; |
|
(d) |
“attivitajiet relatati mas-sajd” tfisser kwalunkwe operazzjoni b’appoġġ jew bi preparazzjoni għas-sajd, inkluż il-ħatt l-art, l-ippakkjar, l-ipproċessar, it-trażbord jew it-trasport tal-ħut li ma nħattx l-art preċedentement f’port, kif ukoll il-forniment ta’ persunal, karburant, irkaptu u provvisti oħrajn fuq il-baħar; |
|
(e) |
“sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat” tirreferi għall-attivitajiet stabbiliti fil-paragrafu 3 tal-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-FAO għall-Prevenzjoni, iż-Żamma u l-Eliminazzjoni ta’ Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat tal-2001, minn hawn ’il quddiem “is-sajd IUU”; |
|
(f) |
“Parti” tfisser Stat jew organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li ta/tat il-kunsens tiegħu/tagħha biex ikun/tkun marbut(a) b’dan il-Ftehim u li għalih(a) dan il-Ftehim daħal fis-seħħ; |
|
(g) |
“port” tinkludi terminali lil hinn mix-xtut u stallazzjonijiet oħrajn għal ħatt l-art, trażbord, ippakkjar, ipproċessar, forniment mill-ġdid ta’ karburant jew ta’ provvisti; |
|
(h) |
“organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika” tfisser organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li l-Istati membri tagħha ttrasferewlha l-kompetenza rigward il-kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim, inkluża l-awtorità li tagħmel deċiżjonijiet li jorbtu lill-Istati membri tagħha rigward dawk il-kwistjonijiet; |
|
(i) |
“organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd” tfisser organizzazzjoni jew arranġament intergovernattiv(a) tas-sajd, kif ikun xieraq, li jkollu/jkollha l-kompetenza biex jistabbilixxi/tistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni; u |
|
(j) |
“bastiment” tfisser kwalunkwe bastiment, vapur ta’ tip ieħor jew dgħajsa li ntuża(t) għal, ġie(t) mgħammar/mgħammra biex jintuża/tintuża għal jew huwa/hija intiż(a) biex jintuża/tintuża għal sajd jew għal attivitajiet relatati mas-sajd. |
Artikolu 2
L-għan
L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li jimpedixxi, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU permezz tal-implimentazzjoni ta’ miżuri effettivi tal-Istat tal-port u b’hekk ikunu żgurati l-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar ħajjin u tal-ekosistemi tal-baħar.
Artikolu 3
L-applikazzjoni
1. Kull Parti, fil-kapaċità tagħha ta’ Stat tal-port, għandha tapplika dan il-Ftehim fir-rigward tal-bastimenti li ma għandhomx id-dritt itajru l-bandiera tagħha li qed ifittxu li jidħlu fil-portijiet tagħha jew li qegħdin f’wieħed mill-portijiet tagħha, ħlief għal:
|
(a) |
bastimenti ta’ Stat ġar li huma involuti f’sajd artiġjanali għall-għajxien, sakemm l-Istat tal-port u l-Istat tal-bandiera jikkooperaw sabiex jiżguraw irwieħhom li bastimenti bħal dawn ma jkunux involuti f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati ma’ sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan; u |
|
(b) |
bastimenti kontenituri li mhumiex qed iġorru ħut jew, jekk qed iġorru l-ħut, huwa biss ħut li nħatt l-art preċedentement, sakemm ma hemm l-ebda raġuni ċara biex ikun suspettat li bastimenti bħal dawn kienu involuti f’attivitajiet relatati ma’ sajd b’appoġġ għas-sajd IUU. |
2. Parti, fil-kapaċità tagħha ta’ Stat tal-port, tista’ tiddeċiedi li ma tapplikax dan il-Ftehim fir-rigward tal-bastimenti mikrija miċ-ċittadini tagħha esklużivament għal sajd f’żoni taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali tagħha u li joperaw taħt l-awtorità tagħha hemmhekk. Bastimenti bħal dawn għandhom ikunu suġġetti għal miżuri mill-Parti li jkunu effettivi daqs il-miżuri applikati b’relazzjoni għall-bastimenti li għandhom id-dritt itarju l-bandiera tagħha.
3. Dan il-Ftehim għandu japplika għal sajd li huwa illegali, mhux rappurtat jew mhux regolat imwettaq f’żoni tal-baħar, kif ġie ddefinit fl-Artikolu 1(e) ta’ dan il-Ftehim, u għal attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan.
4. Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod ġust, trasparenti u nondiskriminatorju, li huwa konsistenti mal-liġi internazzjonali.
5. Peress li dan il-Ftehim għandu ambitu globali u japplika għall-portijiet kollha, il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu lill-entitajiet l-oħra kollha sabiex japplikaw miżuri li jkunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet tiegħu. Dawk li għal raġunijiet oħrajn ma jistgħux isiru Partijiet għal dan il-Ftehim jistgħu jesprimu l-impenn tagħhom li jaġixxu b’mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet tiegħu.
Artikolu 4
Ir-relazzjoni mal-liġi internazzjonali u ma’ strumenti internazzjonali oħrajn
1. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jippreġudika d-drittijiet, il-ġuriżdizzjoni u d-dmirijiet tal-Partijiet taħt il-liġi internazzjonali. B’mod partikolari, xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala li jaffetwa:
|
(a) |
is-sovranità tal-Partijiet fuq l-ilmijiet interni, arċipelaġiċi u territorjali tagħhom jew id-drittijiet sovrani tagħhom fuq il-blata kontinentali tagħhom u fiż-żoni ekonomiċi esklużivi tagħhom; |
|
(b) |
l-eżerċizzju mill-Partijiet tas-sovranità tagħhom fuq il-portijiet fit-territorju tagħhom f’konformità mal-liġi internazzjonali, inkluż id-dritt tagħhom li jiċħdu d-dħul fihom kif ukoll li jadottaw miżuri tal-Istat tal-port iktar stretti minn dawk ipprovduti f’dan il-Ftehim, inklużi tali miżuri adottati skont deċiżjoni ta’ organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd. |
2. L-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim minn Parti ma jfissirx li hija tintrabat b’miżuri jew b’deċiżjonijiet ta’ kwalunkwe organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd li hija ma tkunx membru tagħha jew li tirrikonixxiha.
3. Fl-ebda każ Parti mhija obbligata, skont dan il-Ftehim, timplimenta miżuri jew deċiżjonijiet ta’ organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd jekk dawk il-miżuri jew dawk id-deċiżjonijiet ma jkunux ġew adottati f’konformità mal-liġi internazzjonali.
4. Dan il-Ftehim għandu jiġi interpretat u applikat f’konformità mal-liġi internazzjonali fejn jitqiesu r-regoli u l-istandards internazzjonali applikabbli, inklużi dawk stabbiliti permezz tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), kif ukoll strumenti internazzjonali oħrajn.
5. Il-Partijiet għandhom iwettqu in bona fide l-obbligi li jkunu daħlu għalihom skont dan il-Ftehim u għandhom jeżerċitaw id-drittijiet rikonoxxuti fih b’mod li ma għandux jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt.
Artikolu 5
L-integrazzjoni u l-koordinazzjoni fuq il-livell nazzjonali
Kemm jista’ jkun possibbli, kull Parti għandha:
|
(a) |
tintegra u tikkoordina l-miżuri tal-Istat tal-port relatati mas-sajd ma’ sistema iktar ġenerali ta’ kontrolli tal-Istat tal-port; |
|
(b) |
tintegra l-miżuri tal-Istat tal-port ma’ miżuri oħrajn sabiex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU u l-attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan, fejn jitqies kif inhu xieraq, il-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-FAO għall-Prevenzjoni, iż-Żamma u l-Eliminazzjoni ta’ Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat tal-2001; u |
|
(c) |
tieħu miżuri sabiex tpartat informazzjoni mal-aġenziji nazzjonali rilevanti u tikkoordina l-attivitajiet ta’ aġenziji bħal dawn fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. |
Artikolu 6
Il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni
1. Sabiex tkun promossal-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim u filwaqt li jitqiesu b’mod xieraq ir-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità xierqa, il-Partijiet għandhom jikkooperaw u jpartu informazzjoni mal-Istati rilevanti, mal-FAO, ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn u ma’ organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd, inkluż dwar il-miżuri adottati minn organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd bħal dawn b’relazzjoni għall-għan ta’ dan il-Ftehim.
2. Kemm jista’ jkun possibbli, kull Parti għandha tieħu miżuri b’appoġġ għall-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati minn Stati oħrajn u minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn.
3. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw, fuq il-livelli sottoreġjonali, reġjonali u globali, fl-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim inkluż, fejn ikun xieraq, permezz tal-FAO jew ta’ organizzazzjonijiet u arranġamenti reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd.
PARTI 2
ID-DĦUL FIL-PORT
Artikolu 7
L-għażla tal-portijiet
1. Kull Parti għandha tagħżel u tippubbliċizza l-portijiet fejn il-bastimenti jistgħu jitolbu li jidħlu f’konformità ma’ dan il-Ftehim. Kull Parti għandha tipprovdi lista tal-portijiet magħżula tagħha lill-FAO, li għandha tagħtiha l-pubbliċità xierqa.
2. Kemm jista’ jkun possibbli, kull Parti għandha tiżgura ruħha li kull port magħżul u ppubbliċizzat skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkollu biżżejjed kapaċità sabiex iwettaq spezzjonijiet skont dan il-Ftehim.
Artikolu 8
It-talba bil-quddiem għad-dħul f’port
1. Kull Parti għandha teżiġi, bħala standard minimu, li tingħata l-informazzjoni mitluba fl-Anness A qabel ma tippermetti d-dħul ta’ bastiment fil-port tagħha.
2. Kull Parti għandha teżiġi li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tingħata biżżejjed bil-quddiem sabiex ikun hemm ħin adegwat biex l-Istat tal-port jeżamina din l-informazzjoni.
Artikolu 9
Id-dħul fil-port, awtorizzazzjoni jew ċaħda
1. Wara li tirċievi l-informazzjoni rilevanti mitluba skont l-Artikolu 8, kif ukoll informazzjoni oħra bħal din li tista’ teżiġi sabiex tiddetermina jekk il-bastiment li qed jitlob biex jidħol fil-port tagħha kienx involut f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan, kull Parti għandha tiddeċiedi jekk tawtorizzax jew tiċħadx id-dħul tal-bastiment fil-port tagħha u għandha tikkomunika din id-deċiżjoni lill-bastiment jew lir-rappreżentant tiegħu.
2. Fil-każ ta’ awtorizzazzjoni għad-dħul, il-kaptan tal-bastiment jew ir-rappreżentant tal-bastiment għandu jintalab jippreżenta l-awtorizzazzjoni għad-dħul lill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti mal-wasla tal-bastiment fil-port.
3. Fil-każ ta’ ċaħda għad-dħul, kull Parti għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha li ttieħdet skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment u, kif ikun xieraq u sa fejn ikun possibbli, lill-Istati kostali rilevanti, lill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti u lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn.
4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, meta Parti jkollha biżżejjed provi li bastiment li qed ifittex li jidħol fil-port tagħha kien involut f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan, b’mod partikolari l-inklużjoni ta’ bastiment f’lista ta’ bastimenti li kienu involuti f’sajd bħal dan jew f’attivitajiet relatati mas-sajd bħal dawn adottata minn organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti skont ir-regoli u l-proċeduri ta’ organizzazzjoni bħal din u f’konformità mal-liġi internazzjonali, il-Parti għandha tiċħad id-dħul fil-portijiet tagħha lil dak il-bastiment, filwaqt li tqis b’mod xieraq il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 4.
5. Minkejja l-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, Parti tista’ tippermetti d-dħul fil-portijiet tagħha ta’ bastiment imsemmi f’dawk il-paragrafi esklużivament sabiex tispezzjonah u biex tieħu azzjonijiet xierqa oħrajn f’konformità mal-liġi internazzjonali li huma għall-inqas daqstant effettivi daqs iċ-ċaħda tad-dħul fil-port biex jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd IUU u l-attivajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan.
6. Fejn bastiment imsemmi fil-paragrafu 4 jew 5 ta’ dan l-Artikolu qiegħed f’port għal kwalunkwe raġuni, Parti għandha tiċħad lil bastiment bħal dan l-użu tal-portijiet tagħha għal ħatt l-art, trażbord, ippakkjar u pproċessar ta’ ħut u għal servizzi portwali oħrajn inklużi, fost l-oħrajn, il-forniment mill-ġdid ta’ karburant u ta’ provvisti u l-manutenzjoni u x-xogħol f’qiegħ il-bastiment f’baċiri mingħajr ilma (drydocking). F’każijiet bħal dawn, il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 11 għandhom japplikaw mutatis mutandis. Iċ-ċaħda ta’ użu tal-portijiet bħal dan għandha tkun konformi mal-liġi internazzjonali.
Artikolu 10
Force majeure jew diffikultà
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jaffetwa d-dħul ta’ bastimenti f’port, f’konformità mal-liġi internazzjonali, għal raġunijiet ta’ force majeure jew ta’ diffikultà, jew jimpedixxi lil Stat tal-port milli jippermetti d-dħul f’port lil bastiment esklużivament sabiex jagħti assistenza lil persuni, vapuri jew inġenji tal-ajru fil-periklu jew f’diffikultà.
PARTI 3
L-UŻU TAL-PORTIJIET
Artikolu 11
L-użu tal-portijiet
1. Fejn bastiment daħal f’wieħed mill-portijiet tagħha, Parti għandha tiċħad, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha u b’mod konsistenti mal-liġi internazzjonali, inkluż dan il-Ftehim, lil dak il-bastiment l-użu tal-port għal ħatt l-art, trażbord, ippakkjar u pproċessar ta’ ħut li ma nħattx l-art preċedentement u għal servizzi portwali oħrajn, inklużi, fost l-oħrajn, il-forniment mill-ġdid ta’ karburant u ta’ provvisti, il-manutenzjoni u x-xogħol f’qiegħ il-bastiment f’baċiri mingħajr ilma, jekk:
|
(a) |
il-Parti ssib li l-bastiment ma għandux awtorizzazzjoni valida u applikabbli sabiex ikun involut f’sajd jew f’attivitajiet relatati mas-sajd mitluba mill-Istat tal-bandiera tiegħu; |
|
(b) |
il-Parti ssib li l-bastiment ma għandux awtorizzazzjoni valida u applikabbli sabiex ikun involut f’sajd jew f’attivitajiet relatati mas-sajd mitluba minn Stat kostali rigward żoni li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat; |
|
(c) |
il-Parti tirċievi evidenza ċara li l-ħut abbord ittieħed bi ksur tar-rekwiżiti applikabbli ta’ Stat kostali rigward żoni li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat; |
|
(d) |
l-Istat tal-bandiera ma jikkonfermax f’perjodu raġonevoli ta’ żmien, fuq it-talba tal-Istat tal-port, li l-ħut abbord ittieħed skont ir-rekwiżiti applikabbli ta’ organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti fejn jitqiesu l-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 4; jew |
|
(e) |
il-Parti ikollha raġunijiet raġonevoli biex temmen li l-bastiment kien b’mod ieħor involut f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan, inkluż b’appoġġ għal bastiment imsemmi fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 9, sakemm il-bastiment ma jkunx jista’ jistabbilixxi:
|
2. Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, Parti ma għandhiex tiċħad lil bastiment imsemmi f’dak il-paragrafu l-użu ta’ servizzi portwali:
|
(a) |
essenzjali għas-sikurezza jew għas-saħħa tal-ekwipaġġ jew għas-sikurezza tal-bastiment, sakemm dawn il-ħtiġijiet jiġu ipprovati kif xieraq, jew |
|
(b) |
fejn ikun xieraq, għall-iskrappjar tal-bastiment. |
3. Fejn Parti tkun ċaħdet l-użu tal-port tagħha skont dan l-Artikolu, hija għandha tinnotifika fil-pront lill-Istat tal-bandiera u, kif ikun xieraq, lill-Istati kostali rilevanti, lill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti u lil organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn bid-deċiżjoni tagħha.
4. Parti għandha tirtira ċ-ċaħda tagħha li jintuża l-port tagħha skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward ta’ bastiment biss jekk ikun hemm biżżejjed provi li r-raġunijiet li għalihom kien miċħud l-użu ma kinux adegwati jew kienu żbaljati jew li raġunijiet bħal dawn ma għadhomx japplikaw iktar.
5. Fejn Parti rtirat iċ-ċaħda tagħha skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tinnotifika fil-pront lil dawk li nħarġitilhom notifika skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
PARTI 4
L-ISPEZZJONIJIET U L-AZZJONIJIET TA’ SEGWITU
Artikolu 12
Il-livelli u l-prijoritajiet għal spezzjoni
1. Kull Parti għandha tispezzjona l-għadd ta’ bastimenti fil-portijiet tagħha mitlub sabiex tilħaq livell annwali ta’ spezzjonijiet suffiċjenti ħalli jintlaħaq l-għan ta’ dan il-Ftehim.
2. Il-Partijiet għandhom ifittxu li jaqblu dwar il-livelli minimi għall-ispezzjoni tal-bastimenti permezz, kif inhu xieraq, tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd, il-FAO jew b’mod ieħor.
3. Meta tiġi biex tiddetermina liema bastimenti għandhom jiġu spezzjonati, Parti għandha tagħti prijorità lil:
|
(a) |
bastimenti li ma tħallewx jidħlu jew jużaw port skont dan il-Ftehim; |
|
(b) |
talbiet mingħand Partijiet, Stati jew organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti oħrajn li l-bastimenti partikolari jiġu spezzjonati, b’mod partikolari meta talbiet bħal dawn ikunu sostnuti b’evidenza ta’ sajd IUU jew ta’ attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan mill-bastiment inkwistjoni; u |
|
(c) |
bastimenti oħrajn li fir-rigward tagħhom hemm raġunijiet ċari biex jiġi suspettat li kienu involuti f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan. |
Artikolu 13
It-twettiq tal-ispezzjonijiet
1. Kull Parti għandha tiżgura ruħha li l-ispetturi tagħha jwettqu l-funzjonijiet stabbiliti fl-Anness B bħala standard minimu.
2. Meta twettaq spezzjonijiet fil-portijiet tagħha, kull Parti għandha:
|
(a) |
tiżgura ruħha li l-ispezzjonijiet jitwettqu minn spetturi bi kwalifiki xierqa li ġew awtorizzati għal dak il-fini, fejn jitqies b’mod partikolari l-Artikolu 17; |
|
(b) |
tiżgura ruħha li, qabel spezzjoni, l-ispetturi jkunu obbligati jippreżentaw lill-kaptan tal-bastiment dokument xieraq li jidentifika lill-ispetturi bħala tali; |
|
(c) |
tiżgura ruħha li l-ispetturi jeżaminaw iż-żoni kollha rilevanti tal-bastiment, il-ħut abbord, ix-xbieki u kwalunkwe rkaptu u tagħmir ieħor, kif ukoll kwalunkwe dokument jew reġistru ta’ abbord li jkun rilevanti biex tiġi vverifikata l-konformità mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni rilevanti; |
|
(d) |
teżiġi li l-kaptan tal-bastiment jagħti lill-ispetturi l-assistenza u l-informazzjoni kollha meħtieġa u li jippreżenta l-materjal u d-dokumenti rilevanti kif jista’ jkun mitlub jew kopji ċċertifikati tagħhom; |
|
(e) |
f’każ ta’ arranġamenti xierqa mal-Istat tal-bandiera tal-bastiment, tistieden lill-Istat tal-bandiera biex jipparteċipa fl-ispezzjoni; |
|
(f) |
tagħmel l-isforzi kollha possibbli sabiex tevita li l-bastiment ikun suġġett għal dewmien żejjed ħalli jkunu minimizzati l-interferenza u l-inkonvenjenza, inkluża kwalunkwe preżenza mhux meħtieġa ta’ spetturi abbord, u sabiex tevita kwalunkwe azzjoni li taffetwa ħażin il-kwalità tal-ħut ta’ abbord; |
|
(g) |
tagħmel l-isforzi kollha possibbli sabiex tiffaċilita l-komunikazzjoni mal-kaptan jew mal-membri anzjani tal-ekwipaġġ tal-bastiment, inkluż fejn ikun possibbli u fejn ikun meħtieġ, li l-ispettur ikun akkumpanjat minn interpretu; |
|
(h) |
tiżgura ruħha li l-ispezzjonijiet jitwettqu b’mod ġust, trasparenti u nondiskriminatorju u ma jikkostitwu fastidju tal-ebda bastiment; u |
|
(i) |
ma tindaħalx fil-ħila tal-kaptan, f’konformità mal-liġi internazzjonali, li jikkomunika mal-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera. |
Artikolu 14
Ir-riżultati tal-ispezzjonijiet
Bħala standard minimu, kull Parti għandha tinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-Anness C fir-rapport bil-miktub tar-riżultati ta’ kull spezzjoni.
Artikolu 15
It-trażmissjoni tar-riżultati tal-ispezzjoni
Kull Parti għandha tittrażmetti r-riżultati ta’ kull spezzjoni lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat u, kif ikun xieraq, lil:
|
(a) |
Partijiet u Stati rilevanti, inklużi:
|
|
(b) |
l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti; u |
|
(c) |
il-FAO u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn. |
Artikolu 16
L-iskambju elettroniku tal-informazzjoni
1. Sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, kull Parti għandha, fejn ikun possibbli, tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni li jippermetti l-iskambju elettroniku dirett tal-informazzjoni, fejn jitqiesu kif suppost ir-rekwiżiti xierqa tal-kunfidenzjalità.
2. Sa fejn ikun possibbli u filwaqt li jitqiesu kif suppost ir-rekwiżiti xierqa tal-kunfidenzjalità, il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kodiviżjoni tal-informazzjoni, preferibbilment ikkoordinat mill-FAO, flimkien ma’ inizjattivi multilaterali u intergovernattivi rilevanti oħrajn, u sabiex jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni ma’ bażijiet tad-dejta eżistenti rilevanti għal dan il-Ftehim.
3. Kull Parti għandha taħtar awtorità li għandha taġixxi bħala punt ta’ kuntatt għall-iskambju tal-informazzjoni skont dan il-Ftehim. Kull Parti għandha tinnotifika l-ħatra rilevanti lill-FAO.
4. Kull Parti għandha tiġġestixxi l-informazzjoni li għandha tintbagħat permezz ta’ kwalunkwe mekkaniżmu stabbilit skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu b’mod konsistenti mal-Anness D.
5. Il-FAO għandha titlob lill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti sabiex jipprovdu informazzjoni dwar il-miżuri jew id-deċiżjonijiet li adottaw u implimentaw li jkunu relatati ma’ dan il-Ftehim sabiex jiġu integrati, sa fejn ikun possibbli u billi jitqiesu kif suppost ir-rekwiżiti xierqa tal-kunfidenzjalità, fil-mekkaniżmu ta’ kodiviżjoni tal-informazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 17
It-taħriġ tal-ispetturi
Kull Parti għandha tiżgura ruħha li l-ispetturi tagħha jkunu ngħataw taħriġ xieraq billi jitqiesu l-linji gwida għat-taħriġ tal-ispetturi fl-Anness E. Il-Partijiet għandhom ifittxu li jikkooperaw f’dan ir-rigward.
Artikolu 18
L-azzjonijiet tal-Istat tal-Port wara spezzjoni
1. Fejn, wara spezzjoni, ikun hemm raġunijiet ċari biex wieħed jemmen li bastiment kien involut f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan, il-Parti li tagħmel l-ispezzjoni għandha:
|
(a) |
tinnotifika fil-pront lill-Istat tal-bandiera u, kif ikun xieraq, lill-Istati rilevanti kostali, lill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti u lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, kif ukoll lill-Istat li l-kaptan tal-bastiment huwa ċittadin tiegħu bis-sejbiet tagħha; u |
|
(b) |
tiċħad lill-bastiment l-użu tal-port tagħha għal ħatt l-art, trażbord, ippakkjar u pproċessar ta’ ħut li ma nħattx l-art preċedentement u għal servizzi portwali oħrajn, inklużi fost l-oħrajn, il-forniment mill-ġdid tal-karburant u tal-provvisti, il-manutenzjoni u x-xogħol f’qiegħ il-bastiment f’baċiri mingħajr ilma, jekk dawn l-azzjonijiet ma jkunux diġà ttieħdu fir-rigward tal-bastiment, b’mod li jkun konsistenti ma’ dan il-Ftehim, inkluż l-Artikolu 4. |
2. Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, Parti ma għandhiex tiċħad lil bastiment imsemmi f’dak il-paragrafu l-użu ta’ servizzi portwali essenzjali għas-sikurezza jew għas-saħħa tal-ekwipaġġ jew għas-sikurezza tal-bastiment.
3. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jimpedixxi lil Parti milli tieħu miżuri li jkunu f’konformità mal-liġi internazzjonali, minbarra dawk speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, inklużi tali miżuri li l-Istat tal-bandiera tal-bastiment jkun talab espressament jew li jkun ta l-kunsens tiegħu għalihom.
Artikolu 19
L-informazzjoni dwar rikors fl-Istat tal-port
1. Parti għandha żżomm l-informazzjoni rilevanti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u għandha tipprovdi informazzjoni bħal din, fuq talba bil-miktub, lis-sid, lill-operatur, lill-kaptan jew lir-rappreżentant ta’ bastiment fir-rigward ta’ kwalunkwe rikors stabbilit skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali tagħha dwar il-miżuri tal-Istat tal-port meħuda minn dik il-Parti skont l-Artikolu 9, 11, 13 jew 18, inkluża l-informazzjoni li għandha x’taqsam mas-servizzi pubbliċi jew mal-istituzzjonijiet ġudizzjarji disponibbli għal dan il-fini, kif ukoll l-informazzjoni dwar jekk hemmx xi dritt li jintalab kumpens skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali tagħha fil-każ ta’ kwalunwke telf jew dannu subit bħala konsegwenza ta’ kwalunkwe azzjoni allegatament illegali tal-Parti.
2. Il-Parti għandha tinforma lill-Istat tal-bandiera, lis-sid, lill-operatur, lill-kaptan jew lir-rappreżentant, kif ikun xieraq, bl-eżitu ta’ kwalunkwe rikors bħal dan. Fejn Partijiet, Stati jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn ikunu ġew informati bid-deċiżjoni preċedenti skont l-Artikolu 9, 11, 13 jew 18, il-Parti għandha tinformahom bi kwalunkwe bidla fid-deċiżjoni tagħha.
PARTI 5
IR-RWOL TAL-ISTATI TAL-BANDIERA
Artikolu 20
Ir-rwol tal-Istati tal-bandiera
1. Kull Parti għandha teżiġi li l-bastimenti li għandhom id-dritt itajru l-bandiera tagħha jikkooperaw mal-Istat tal-port fl-ispezzjonijiet imwettqa skont dan il-Ftehim.
2. Meta Parti jkollha raġunijiet ċari biex temmen li bastiment li għandu d-dritt itajjar il-bandiera tagħha jkun involut f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan u qed jipprova jidħol jew qiegħed fil-port ta’ Stat ieħor, hija għandha, kif ikun xieraq, titlob lil dak l-Istat sabiex jispezzjona l-bastiment jew jieħu miżuri oħrajn li jkunu konsistenti ma’ dan il-Ftehim.
3. Kull Parti għandha tinkoraġġixxi lill-bastimenti li għandhom id-dritt itajru l-bandiera tagħha sabiex iħottu l-art, jittrażbordaw, jippakkjaw u jipproċessaw il-ħut u jużaw servizzi portwali oħrajn, f’portijiet ta’ Stati li qed jaġixxu skont, jew b’mod konsistenti ma’ dan il-Ftehim. Il-Partijiet huma inkoraġġiti jiżviluppaw, inkluż permezz ta’ organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u l-FAO, proċeduri ġusti, trasparenti u nondiskriminatorji sabiex jidentifikaw kwalunkwe Stat li jista’ ma jkunx qed jaġixxi skont, jew b’mod konsistenti ma’ dan il-Ftehim.
4. Fejn, wara spezzjoni tal-Istat tal-port, Stat Parti tal-bandiera jirċievi rapport dwar spezzjoni li jindika li hemm raġunijiet ċari biex wieħed jemmen li bastiment li għandu d-dritt li jtajjar il-bandiera tiegħu kien involut f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan, huwa għandu immedjatament u b’mod sħiħ jinvestiga l-kwistjoni u, malli jkollu biżżejjed evidenza, għandu jieħu azzjoni ta’ infurzar mingħajr dewmien skont il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.
5. Kull Parti, fil-kapaċità tagħha ta’ Stat tal-bandiera, għandha tirrapporta lil Partijiet oħrajn, lill-Istati tal-portijiet rilevanti u, kif ikun xieraq, lil Stati rilevanti oħrajn, lil organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u lill-FAO dwar azzjonijiet li tkun ħadet fir-rigward ta’ bastimenti li jkollhom id-dritt itajru l-bandiera tagħha, bħala riżultat tal-miżuri tal-Istat tal-port li ttieħdu skont dan il-Ftehim, li ġie ddeterminat li kienu involuti f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan.
6. Kull Parti għandha tiżgura ruħha li l-miżuri applikati fir-rigward tal-bastimenti li għandhom id-dritt itajru l-bandiera tagħha jkunu mill-inqas daqstant effettivi biex jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd IUU u l-attivitajiet tas-sajd relatati b’appoġġ għal sajd bħal dan daqs il-miżuri applikati fir-rigward tal-bastimenti msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 3.
PARTI 6
IR-REKWIŻITI TAL-PAJJIŻI LI QED JIŻVILUPPAW
Artikolu 21
Ir-rekwiżiti tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw
1. Il-Partijiet għandhom jagħtu rikonoxximent sħiħ lir-rekwiżiti speċjali tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw b’relazzjoni għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Istat tal-port li jkunu konsistenti ma’ dan il-Ftehim. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom, jew direttament jew permezz tal-FAO, ta’ aġenziji speċjalizzati oħrajn tan-Nazzjonijiet Uniti jew ta’ organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali xierqa oħrajn, inklużi l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd, jipprovdu assistenza lill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw sabiex, fost l-oħrajn:
|
(a) |
itejbu l-ħila tagħhom, b’mod partikolari l-inqas żviluppati fosthom u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, sabiex jiżviluppaw bażi u kapaċità legali għall-implimentazzjoni ta’ miżuri effettivi tal-Istat tal-port; |
|
(b) |
jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fi kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali li tippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni effettivi tal-miżuri tal-Istat tal-port; u |
|
(c) |
jiffaċilitaw l-assistenza teknika sabiex jissaħħu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Istat tal-port minnhom, f’koordinazzjoni mal-mekkaniżmi internazzjonali rilevanti. |
2. Il-Partijiet għandhom iqisu b’mod xieraq ir-rekwiżiti speċjali tal-Istati Partijiet tal-Port li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari l-inqas żviluppati fosthom u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, sabiex ikun żgurat li piż sproporzjonat li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma jiġix trasferit direttament jew indirettament lilhom. F’każijiet fejn intwera li kien hemm trasferiment ta’ piż sproporzjonat, il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni mill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw rilevanti ta’ obbligi speċifiċi skont dan il-Ftehim.
3. Il-Partijiet għandhom, jew direttament jew permezz tal-FAO, jivvalutaw ir-rekwiżiti speċjali tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
4. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa ta’ finanzjament sabiex jassistu lill-Istati li qed jiżviluppaw fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Dawn il-mekkaniżmi għandhom, fost l-oħrajn, ikunu mmirati b’mod speċifiku lejn:
|
(a) |
l-iżvilupp ta’ miżuri nazzjonali u internazzjonali tal-Istat tal-port; |
|
(b) |
l-iżvilupp u t-titjib tal-kapaċità, inkluż għall-monitoraġġ, għall-kontroll u għas-sorveljanza kif ukoll għat-taħriġ fuq il-livell nazzjonali u dak reġjonali tal-maniġers, tal-ispetturi u tal-persunal tal-infurzar u legali tal-portijiet; |
|
(c) |
l-attivitajiet ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ sorveljanza u ta’ konformità rilevanti għall-miżuri tal-Istat tal-port, inkluż l-aċċess għat-teknoloġija u għat-tagħmir; u |
|
(d) |
l-elenkar tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw bl-ispejjeż involuti fi kwalunkwe proċedura għar-riżoluzzjoni tat-tilwim li jirriżultaw minn azzjonijiet li jkunu ħadu skont dan il-Ftehim. |
5. Il-kooperazzjoni ma’ u fost l-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw għall-finijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu jistgħu jinkludu l-għoti ta’ assistenza teknika u finanzjarja permezz ta’ mezzi bilaterali, multilaterali u reġjonali, inkluża l-kooperazzjoni tan-Nofsinhar man-Nofsinhar.
6. Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu grupp ta’ ħidma ad hoc sabiex jirrapporta u jagħmel rakkomandazzjonijiet perjodikament lill-Partijiet dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament inklużi skema għall-kontribuzzjonijiet, l-identifikazzjoni u l-mobilizzazzjoni tal-fondi, l-iżvilupp ta’ kriterji u ta’ proċeduri sabiex tkun gwidata l-implimentazzjoni, u l-progress fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament. Barra mill-kunsiderazzjonijiet ipprovduti f’dan l-Artikolu, il-grupp ta’ ħidma ad hoc għandu jqis, fost l-oħrajn:
|
(a) |
il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari l-inqas żviluppati fosthom u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw; |
|
(b) |
id-disponibbiltà u l-pagament f’waqtu tal-fondi; |
|
(c) |
it-trasparenza tal-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ ġestjoni dwar il-ġbir tal-fondi u l-allokazzjonijiet; u |
|
(d) |
ir-responsabbiltà fl-użu miftiehem tal-fondi tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw li qed jirċievu l-fondi. |
Il-Partijiet għandhom iqisu r-rapporti u kwalunkwe rakkomandazzjoni tal-grupp ta’ ħidma ad hoc u jieħdu azzjoni xierqa.
PARTI 7
IS-SOLUZZJONI TAT-TILWIM
Artikolu 22
Is-soluzzjoni bonarja tat-tilwim
1. Kwalunkwe Parti tista’ tfittex konsultazzjonijiet ma’ kwalukwe Parti oħra jew ma’ Partijiet oħrajn dwar kwalukwe tilwima rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim sabiex tintlaħaq soluzzjoni li tkun sodisfaċenti għal kulħadd mill-iktar fis possibbli.
2. Fil-każ li t-tilwima ma tiġix riżolta permezz ta’ dawn il-konsultazzjonijiet f’perjodu raġonevoli ta’ żmien, il-Partijiet inkwistjoni għandhom jikkonsultaw lil xulxin mill-iktar fis possibbli sabiex ikollhom it-tilwima tagħhom riżolta b’negozjati, inkjesta, medjazzjoni, konċiljazzjoni, arbitraġġ, riżoluzzjoni ġudizzjarja jew kwalunkwe mezz bonarju ieħor li jagħżlu.
3. Kwalunkwe tilwima ta’ din in-natura li ma tiġix riżolta b’dan il-mod għandha, bil-kunsens tal-Partijiet kollha għat-tilwima, tiġi riferita għal riżoluzzjoni quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, quddiem it-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar jew għall-arbitraġġ. Fil-każ li ma jintlaħaqx ftehim meta t-tilwima tiġi riferita quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, quddiem it-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar jew għall-arbitraġġ, il-Partijiet għandhom ikomplu bil-konsultazzjonijiet u bil-kooperazzjoni sabiex isibu soluzzjoni għat-tilwima skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali relatati mal-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar ħajjin.
PARTI 8
DAWK LI MHUMIEX PARTIJIET
Artikolu 23
Dawk li mhumiex Partijiet għall-Ftehim
1. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu lil dawk li mhumiex Partijiet għall-Ftehim sabiex isiru Partijiet tiegħu u/jew jadottaw il-liġijiet u r-regolamenti u jimplimentaw miżuri konsistenti mad-dispożizzjonijiet tiegħu.
2. Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri ġusti, nondiskriminatorji u trasparenti li jkunu konsistenti ma’ dan il-Ftehim u ma’ liġi internazzjonali applikabbli oħra sabiex jiskoraġġixxu l-attivitajiet ta’ dawk li mhumiex Partijiet li jdgħajfu l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim.
PARTI 9
IL-MONITORAĠĠ, IR-REVIŻJONI U L-VALUTAZZJONI
Artikolu 24
Il-monitoraġġ, ir-reviżjoni u l-valutazzjoni
1. Fil-qafas tal-FAO u tal-korpi rilevanti tagħha, il-Partijiet għandhom jiżguraw irwieħhom mill-monitoraġġ u mir-reviżjoni regolari u sistematiċi tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim kif ukoll mill-valutazzjoni tal-progress li sar sabiex jintlaħaq l-għan tiegħu.
2. Erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-FAO għandha torganizza laqgħa tal-Partijiet ħalli tkun riveduta u vvalutata l-effikaċja ta’ dan il-Ftehim biex jintlaħaq l-għan tiegħu. Il-Partijiet għandhom jiddeċiedu dwar iktar laqgħat bħal dawn kif ikun meħtieġ.
PARTI 10
ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 25
L-iffirmar
Dan il-Ftehim għandu jkun miftuħ għall-iffirmar fil-FAO mit-Tnejn u għoxrin jum ta’ Novembru 2009 sal-Wieħed u għoxrin jum ta’ Novembru 2010, mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika kollha.
Artikolu 26
Ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni
1. Dan il-Ftehim għandu jkun suġġett għar-ratifika, għall-aċċettazzjoni jew għall-approvazzjoni tal-firmatarji.
2. L-istrumenti ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni għandhom ikunu ddepożitati mad-Depożitarju.
Artikolu 27
L-adeżjoni
1. Wara l-perjodu li matulu dan il-Ftehim ikun miftuħ għall-iffirmar, huwa għandu jkun miftuħ għall-adeżjoni minn kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika.
2. L-istrumenti ta’ adeżjoni għandhom jiġu ddepożitati mad-Depożitarju.
Artikolu 28
Il-parteċipazzjoni tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika
1. F’każijiet fejn organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li tkun organizzazzjoni internazzjonali msemmija fl-Artikolu 1 tal-Anness IX għall-Konvenzjoni ma jkollhiex kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha rregolati minn dan il-Ftehim, fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika bħal din f’dan il-Ftehim għandu japplika mutatis mutandis l-Anness IX għall-Konvenzjoni, ħlief li d-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dak l-Anness ma għandhomx japplikaw:
|
(a) |
l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2; u |
|
(b) |
il-paragrafu 1 tal-Artikolu 3. |
2. F’każijiet fejn organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li hija organizzazzjoni internazzjonali msemmija fl-Artikolu 1 tal-Anness IX għall-Konvenzjoni jkollha kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha rregolati minn dan il-Ftehim, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin għall-parteċipazzjoni mill-organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika f’dan il-Ftehim:
|
(a) |
fi żmien l-iffirmar jew l-adeżjoni, organizzazzjoni bħal din għandha tagħmel dikjarazzjoni fejn tgħid li:
|
|
(b) |
il-parteċipzzjoni ta’ organizzazzjoni bħal din fl-ebda każ ma tikkonferixxi xi dritt skont dan il-Ftehim lill-Istati membri tal-organizzazzjoni; |
|
(c) |
fil-każ ta’ kunflitt bejn l-obbligi ta’ organizzazzjoni bħal din skont dan il-Ftehim u l-obbligi tagħha skont il-Ftehim li jistabbilixxu l-organizzazzjoni jew kwalunkwe att relatat magħha, l-obbligi skont dan il-Ftehim għandhom jipprevalu. |
Artikolu 29
Id-dħul fis-seħħ
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ tletin jum wara d-data tad-depożitu mad-Depożitarju tal-ħamsa u għoxrin strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni skont l-Artikolu 26 jew 27.
2. Għal kull firmatarju li jirratifika, jaċċetta jew japprova dan il-Ftehim wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ tletin jum wara d-data tad-depożitu tal-istrument ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tiegħu.
3. Għal kull Stat jew organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li jaderixxi/taderixxi ma’ dan il-Ftehim wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ tletin jum wara d-data tad-depożitu tal-istrument ta’ adeżjoni tiegħu.
4. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, kwalunkwe strument iddepożitat minn organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika ma għandux jingħadd bħala addizzjonali għal dawk iddepożitati mill-Istati Membri tagħha.
Artikolu 30
Ir-riservi u l-eċċezzjonijiet
Ma tista’ ssir l-ebda riserva jew eċċezzjoni għal dan il-Ftehim.
Artikolu 31
Id-dikjarazzjonijiet u l-istqarrijiet
L-Artikolu 30 ma jipprekludix lil Stat jew lil organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika, meta jiffirma/tiffirma, jirratifika/tirratifika, jaċċetta/taċċetta, japprova/tapprova jew jaderixxi/taderixxi ma’ dan il-Ftehim, milli jagħmel/tagħmel dikjarazzjoni jew stqarrija, irrispettivament minn kif tkun ifformulata jew imsemmija, bil-għan, fost l-oħrajn, li jarmonizza/tarmonizza l-liġijiet u r-regolamenti tiegħu/tagħha mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, sakemm dikjarazzjoni jew stqarrija bħal din ma jkollhiex l-intenzjoni li teskludi jew timmodifika l-effett legali tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim fl-applikazzjoni tagħhom għal dak l-Istat jew għal dik l-organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika.
Artikolu 32
L-applikazzjoni provviżorja
1. Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod provviżorju mill-Istati jew mill-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li jagħtu l-kunsens tagħhom għall-applikazzjoni provviżorja tiegħu billi jinnotifikaw dan bil-miktub lid-Depożitarju. Applikazzjoni provviżorja bħal din għandha ssir effettiva mid-data meta tasal in-notifika.
2. L-applikazzjoni provviżorja minn Stat jew minn organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika għandha tintemm mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim għal dak l-Istat jew għal dik l-organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika jew man-notifika bil-miktub minn dak l-Istat jew minn dik l-organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika lid-Depożitarju tal-intenzjoni tiegħu li jtemm l-applikazzjoni provviżorja.
Artikolu 33
L-emendi
1. Kwalunkwe Parti tista’ tipproponi emendi għal dan il-Ftehim wara li jiskadi perjodu ta’ sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
2. Kwalunkwe emenda proposta għal dan il-Ftehim għandha tintbagħat b’komunikazzjoni bil-miktub lid-Depożitarju flimkien ma’ talba sabiex tiġi organizzata laqgħa tal-Partijiet ħalli l-emenda tkun ikkunsidrata. Id-Depożitarju għandu jiċċirkola lill-Partijiet kollha komunikazzjoni bħal din kif ukoll ir-risposti kollha għat-talba li rċieva mingħand il-Partijiet. Sakemm fi żmien sitt xhur mid-data taċ-ċirkolazzjoni tal-komunikazzjoni nofs il-Partijiet ma joġġezzjonawx għat-talba, id-Depożitarju għandu jorganizza laqgħa tal-Partijiet sabiex l-emenda proposta tiġi kkunsidrata.
3. Soġġett għall-Artikolu 34, kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim għandha tiġi adottata biss bil-kunsens tal-Partijiet preżenti waqt il-laqgħa fejn issir proposta biex tiġi adottata.
4. Soġġett għall-Artikolu 34, kwalunkwe emenda adottata mil-laqgħa tal-Partijiet għandha tidħol fis-seħħ fost il-Partijiet li jkunu rratifikawha, aċċettawha jew approvawha fid-disgħin jum wara d-depożitu tal-istrumenti ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni minn żewġ terzi tal-Partijiet għal dan il-Ftehim fuq il-bażi tan-numru ta’ Partijiet fid-data tal-adozzjoni tal-emenda. Sussegwentement, l-emenda għandha tidħol fis-seħħ għal kwalunkwe Parti oħra fid-disgħin jum wara li dik il-Parti tiddepożita l-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tal-emenda tagħha.
5. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, strument iddepożitat minn organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika ma għandux jingħadd bħala addizzjonali għal dawk iddepożitati mill-Istati Membri tagħha.
Artikolu 34
L-Annessi
1. L-Annessi jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim u referenza għal dan il-Ftehim għandha tiġi interpretata bħala referenza għall-Annessi.
2. Emenda għal Anness għal dan il-Ftehim tista’ tiġi adottata minn żewġ terzi tal-Partijiet għal dan il-Ftehim preżenti waqt laqgħa fejn qed tiġi kkunsidrata l-emenda proposta għall-Anness. Madankollu għandu jsir kull sforz sabiex il-qbil dwar kwalunkwe emenda għal Anness jintlaħaq permezz ta’ kunsens. Emenda għal Anness għandha tiġi inkorporata f’dan il-Ftehim u tidħol fis-seħħ għal dawk il-Partijiet li esprimew l-aċċettazzjoni tagħhom mid-data meta d-Depożitarju jirċievi notifika tal-aċċettazzjoni minn terz tal-Partijiet għal dan il-Ftehim fuq il-bażi tan-numru ta’ Partijiet fid-data tal-adozzjoni tal-emenda. Sussegwentement, l-emenda għandha tidħol fis-seħħ għal kull Parti li tibqa’ malli d-Depożitarju jirċievi l-aċċettazzjoni tagħha.
Artikolu 35
L-irtirar
Kwalunkwe Parti tista’ tirtira minn dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin wara l-iskadenza ta’ sena mid-data meta l-Ftehim daħal fis-seħħ fir-rigward ta’ dak il-Parti, billi tagħti avviż bil-miktub ta’ rtirar bħal dan lid-Depożitarju. L-irtirar għandu jsir effettiv sena wara li d-Depożitarju jkun irċieva l-avviż tal-irtirar.
Artikolu 36
Id-Depożitarju
Id-Direttur Ġenerali tal-FAO għandu jkun id-Depożitarju ta’ dan il-Ftehim. Id-Depożitarju għandu:
|
(a) |
jibgħat kopji ċertifikati ta’ dan il-Ftehim lil kull firmatarju u lil kull Parti; |
|
(b) |
jirreġistra dan il-Ftehim, malli jidħol fis-seħħ, mas-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti skont l-Artikolu 102 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; |
|
(c) |
jinforma fil-pront lil kull firmatarju u lil kull Parti għal dan il-Ftehim bi:
|
Artikolu 37
It-testi awtentiċi
It-testi bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol ta’ dan il-Ftehim huma lkoll ugwalment awtentiċi.
B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji sottoskritti, awtorizzati kif xieraq, iffirmaw dan il-Ftehim.
MAGĦMUL f’Ruma, f’dan it-tnejn u għoxrin jum ta’ Novembru, elfejn u disgħa.
ANNESS A
L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta bil-quddiem mill-bastimenti li qed jitolbu li jidħlu fil-port
ANNESS B
Il-Proċeduri ta’ Spezzjoni tal-Istat tal-Port
L-ispetturi għandhom:
|
(a) |
jivverifikaw, sa fejn ikun possibbli, li d-dokumentazzjoni ta’ identifikazzjoni tal-bastiment ta’ abbord u l-informazzjoni relatata ma’ sid il-bastiment ikunu veri, kompluti u korretti, inkluż permezz ta’ kuntatti xierqa mal-Istat tal-bandiera jew permezz tar-reġistrazzjonijiet internazzjonali tal-bastimenti jekk dan ikun meħtieġ; |
|
(b) |
jivverifikaw li l-bandiera u l-marki tal-bastiment (eż. l-isem, in-numru ta’ reġistrazzjoni estern, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-bastiment tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), il-kodiċi internazzjonali tar-radju u marki oħrajn, id-dimensjonijiet prinċipali) jkunu konsistenti mal-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni; |
|
(c) |
jivverifikaw, sa fejn ikun possibbli, li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd u għal attivitajiet relatati mas-sajd ikunu veri, kompluti, korretti u konsistenti mal-informazzjoni pprovduta skont l-Anness A; |
|
(d) |
jirrevedu d-dokumentazzjoni u r-reġistri rilevanti l-oħra kollha miżmuma abbord, inkluż, sa fejn ikun possibbli, dawk f’format elettroniku u d-dejta tas-sistema ta’monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) mill-Istat tal-bandiera jew mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti (RFMOs). Id-dokumentazzjoni rilevanti tista’ tinkludi l-ġurnali ta’ abbord, id-dokumenti tal-qabdiet, tat-trażbord u tal-kummerċ, il-listi tal-ekwipaġġ, il-pjanijiet u d-disinji għall-istivar, deskrizzjoni tal-istivi tal-ħut u dokumenti mitluba skont il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu; |
|
(e) |
jeżaminaw, sa fejn ikun possibbli, l-irkaptu tas-sajd rilevanti kollu li jkun abbord, inkluż kwalunkwe rkaptu stivat li ma jidhirx kif ukoll apparat relatat, u sa fejn ikun possibbli, jivverifikaw li dawn ikunu konformi mal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet. L-irkaptu tas-sajd għandu, sa fejn ikun possibbli, jiġi kkontrollat ukoll sabiex ikun żgurat li karatteristiċi bħad-daqs tal-malja u tal-ispag, l-apparat u l-aċċessorji, id-dimensjonijiet u l-konfigurazzjoni tax-xbieki, in-nases, il-gangmi, id-daqsijiet u l-għadd ta’ snanar jkunu konformi mar-regolamenti applikabbli u li l-marki jikkorrispondu għal dawk awtorizzati għall-bastiment; |
|
(f) |
jiddeterminaw, sa fejn ikun possibbli, jekk il-ħut abbord inħasadx skont l-awtorizzazzjonijiet applikabbli; |
|
(g) |
jeżaminaw il-ħut, inkluż bit-teħid ta’ kampjuni, sabiex jiddeterminaw il-kwantità u l-kompożizzjoni tiegħu. Biex jagħmlu dan, l-ispetturi jistgħu jiftħu kontenituri fejn il-ħut ġie ppakkjat minn qabel u jċaqilqu l-qabda jew il-kontenituri sabiex jaċċertaw irwieħhom mill-integrità tal-istivi tal-ħut. Eżami bħal dan jista’ jinkludi spezzjonijiet tat-tip tal-prodott u d-determinazzjoni tal-piż nominali; |
|
(h) |
jevalwaw jekk ikunx hemm evidenza ċara sabiex wieħed jemmen li bastiment kien involut f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan; |
|
(i) |
jipprovdu lill-kaptan tal-bastiment bir-rapport li fih ir-riżultat tal-ispezzjoni, inklużi l-miżuri possibbli li jistgħu jittieħdu, sabiex ikun iffirmat mill-ispettur u mill-kaptan. Il-firma tal-kaptan fuq ir-rapport għandha sservi biss bħala riknoxximent li ġiet riċevuta kopja tar-rapport. Il-kaptan għandu jingħata l-opportunità li jżid kwalunkwe kumment jew oġġezzjoni mar-rapport u, kif ikun xieraq, li jikkuntattja lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat tal-bandiera b’mod partikolari fejn il-kaptan ikollu diffikultajiet serji biex jifhem il-kontenut tar-rapport. Il-kaptan għandu jingħata kopja tar-rapport; u |
|
(j) |
jagħmlu arranġamenti, fejn ikun meħtieġ u possibbli, għal traduzzjoni tad-dokumentazzjoni rilevanti. |
ANNESS D
IS-SISTEMI TA’ INFORMAZZJONI DWAR IL-MIŻURI TAL-ISTAT TAL-PORT
Meta timplimenta dan il-Ftehim, kull Parti għandha:
|
(a) |
tfittex li tistabbilixxi komunikazzjoni kompjuterizzata skont l-Artikolu 16; |
|
(b) |
tistabbilixxi, sa fejn ikun possibbli, websajts sabiex tippubbliċizza l-lista tal-portijiet magħżula skont l-Artikolu 7 u l-azzjonijiet meħuda skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-Ftehim; |
|
(c) |
tidentifika, kemm jista’ jkun possibbli, kull rapport ta’ spezzjoni permezz ta’ numru ta’ referenza uniku li jibda b’kodiċi 3-alfa tal-Istat tal-port u l-identifikazzjoni tal-aġenzija tal-ħruġ; |
|
(d) |
tuża, sa fejn ikun possibbli, is-sistema ta’ kodifikazzjoni internazzjonali ta’ iktar ‘l isfel fl-Annessi A u C u tittraduċi kwalunkwe sistema ta’ kodifikazzjoni oħra fis-sistema internazzjonali.
|
ANNESS E
Linji gwida għat-taħriġ tal-ispetturi
L-elementi ta’ programm ta’ taħriġ għall-ispetturi tal-Istat tal-port għandhom jinkludu mill-inqas l-oqsma li ġejjin:
|
1. |
L-etika; |
|
2. |
Kwistjonijiet ta’ saħħa, sikurezza u sigurtà; |
|
3. |
Il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali applikabbli, l-oqsma ta’ kompetenza u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tal-RFMO rilevanti, flimkien mal-liġi internazzjonali applikabbli; |
|
4. |
Il-ġbir, l-evalwazzjoni u l-preservazzjoni tal-evidenza; |
|
5. |
Il-proċeduri ġenerali ta’ spezzjoni bħal tekniki għall-kitba tar-rapporti u għall-intervisti; |
|
6. |
L-analiżi tal-informazzjoni, bħall-ġurnali ta’ abbord, id-dokumentazzjoni elettronika u l-istorja tal-bastiment (isem, sjieda u Stat tal-bandiera), mitluba għall-validazzjoni tal-informazzjoni mogħtija mill-kaptan tal-bastiment; |
|
7. |
It-tlugħ abbord u l-ispezzjoni tal-bastiment, inklużi l-ispezzjonijiet tal-istivi u l-kalkolu tal-volumi tal-istivi tal-bastiment; |
|
8. |
Il-verifika u l-validazzjoni tal-informazzjoni relatata mal-ħatt l-art, mat-trażbordi, mal-ipproċessar u mal-ħut li jibqa’ abbord, inkluż l-użu ta’ fatturi ta’ konverżjoni għad-diversi speċijiet u prodotti; |
|
9. |
L-identifikazzjoni tal-ispeċijiet tal-ħut u l-kejl tat-tul u ta’ parametri bijoloġiċi oħrajn; |
|
10. |
L-identifikazzjoni tal-bastimenti u tal-irkaptu, u t-tekniki għall-ispezzjoni u għall-kejl tal-irkaptu; |
|
11. |
It-tagħmir u t-tħaddim tal-VMS u ta’ sistemi elettroniċi oħrajn ta’ traċċar; u |
|
12. |
L-azzjonijiet li għandhom jittieħdu wara spezzjoni. |
DIKJARAZZJONI DWAR IL-KOMPETENZA TAL-UNJONI EWROPEA RIGWARD IL-KWISTJONIJIET RREGOLATI MILL-FTEHIM DWAR MIŻURI TAL-ISTAT TAL-PORT LI JIMPEDIXXU, JISKORAĠĠIXXU U JELIMINAW IS-SAJD ILLEGALI, MHUX RAPPURTAT U MHUX REGOLAT
(Dikjarazzjoni li qed issir skont il-punt (a) tal-Artikolu 28(2) tal-Ftehim)
1.
Il-punt (a) tal-Artikolu 28(2) tal-Ftehim jistipula li f’każijiet fejn organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika jkollha kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha rregolati minn dan il-Ftehim, fi żmien l-iffirmar jew l-adeżjoni, organizzazzjoni bħal din għandha tagħmel dikjarazzjoni li tgħid dan.
2.
Skont il-punt (h) tal-Artikolu 1 tal-Ftehim “organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika” tfisser organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li l-Istati membri tagħha ttrasferewlha l-kompetenza rigward il-kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim, inkluża l-awtorità li tagħmel deċiżjonijiet li jorbtu lill-Istati membri tagħha rigward dawk il-kwistjonijiet.
3.
L-Unjoni Ewropea hija kkunsidrata bħala organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika skont l-Artikoli ċċitati iktar ‘il fuq.
4.
Konsegwentement, l-Unjoni Ewropea hawnhekk qed tiddikjara li:|
(i) |
hija għandha kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha rregolati mill-Ftehim; |
|
(ii) |
għal din ir-raġuni, l-Istati Membri tagħha ma għandhomx isiru Stati Partijiet, ħlief fir-rigward tat-territorji tagħhom li għalihom hija ma għandha l-ebda responsabbiltà. L-Istati Membri attwali tal-Unjoni Ewropea huma: ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq; |
|
(iii) |
l-Unjoni Ewropea taċċetta d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati skont il-Ftehim. |
5.
L-Unjoni Ewropea tiddikjara li, fil-każ li jinqala’ kunflitt kif jingħad fl-Artikolu 28(2)(c) tal-Ftehim, hija se tapplika l-obbligi li jirriżultaw minn dik id- dispożizzjoni f’konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea kif ġie intepretat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.