Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0288

    2011/288/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Mejju 2011 dwar l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja prekawzjonarja mill-UE fuq terminu ta’ żmien medju lir-Rumanija

    ĠU L 132, 19.5.2011, p. 15–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/03/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/288/oj

    19.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 132/15


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ Mejju 2011

    dwar l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja prekawzjonarja mill-UE fuq terminu ta’ żmien medju lir-Rumanija

    (2011/288/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità sabiex tingħata għajnuna finanzjarja fuq medda medja ta’ żmien għall-bilanċi tal-pagamenti tal-Istati Membri (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF),

    Billi:

    (1)

    Permezz tad-Deċiżjoni 2011/289/UE (2), il-Kunsill iddeċieda li jkompli jagħti għajnuna reċiproka lir-Rumanija.

    (2)

    Għajnuna finanzjarja prekawzjonarja fuq medda medja ta’ żmien lir-Rumanija taħt il-faċilità ta’ bilanċ tal-pagamenti għall-Istati Membri tidher li hija xierqa fiċ-ċirkustanzi preżenti ta’ influssi kapitali li għadhom imnaqqsa u żbilanċi fiskali u esterni li għadhom għolja. Filwaqt li fil-kundizzjonijiet tas-suq preżenti, ir-Rumanija ma għandhiex il-ħsieb li titlob l-iżborż ta’ xi pagament parzjali, l-għajnuna prekawzjonarja se tiffaċilita t-tkomplija tal-aġġustament ordnat tad-defiċits fiskali u esterni permezz tat-tisħiħ tal-kredibilità tal-programm ekonomiku tal-gvern, li jinkludi l-issoktar tal-aġġustament fiskali, il-konsolidament tar-riforma tas-suq finanzjarju, u konċentrazzjoni akbar fuq ir-riformi tas-swieq tal-prodotti u tax-xogħol u l-assorbiment akbar tal-fondi strutturali tal-Unjoni. Dawn il-miżuri għandhom itejbu l-potenzjal tat-tkabbir tar-Rumanija, isostnu l-istabbiltà monetarja u finanzjarja, kif ukoll il-fiduċja fil-munita tar-Rumanija (RON), u jnaqqsu l-probabbiltà ta’ effetti negattivi fuq il-karti bilanċjali fis-setturi korporattivi u domestiċi.

    (3)

    Jekk ir-riskji negattivi marbuta max-xenarju bażiku preżenti tal-programm ekonomiku tal-Gvern jimmaterjalizzaw, ir-Rumanija ma tkunx kapaċi tkopri l-ħtiġijiet tagħha ta’ finanzjament estern minn sorsi disponibbli ta’ finanzjament, prinċipalment minħabba dħul anqas ta’ investiment dirett barrani u rati ta’ rifinanzjament aktar baxxi għall-amortizzazzjoni tad-dejn, b’mod partikolari mill-banek. F’tali xenarju ta’ stress, il-ħtiġijiet residwi ta’ finanzjament ikunu jridu jiġu koperti bl-attivazzjoni tal-għajnuna finanzjarja prekawzjonarja tal-Unjoni. Ix-xenarju ta’ stress ġie żviluppat f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-persunal tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u jsostni l-ħtiġijiet addizzjonali ta’ finanzjament ta’ madwar EUR 5 biljuni li għandhom jiġu koperti minn għajnuna finanzjarja internazzjonali.

    (4)

    Huwa xieraq li jiġi pprovdut appoġġ sa EUR 1,4 biljun mill-Unjoni lir-Rumanija fuq bażi prekawzjonarja taħt il-faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja tal-Unjoni fuq medda medja ta’ żmien għall-bilanċ tal-pagamenti tal-Istati Membri kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002. Din l-għajnuna għandha tiġi pprovduta flimkien ma’ appoġġ finanzjarju ta’ SDR 3,09 biljun (madwar EUR 3,6 biljuni) mill-IMF skont Arranġament ta’ Riżerva approvat fil-25 ta’ Marzu 2011. Il-Bank Dinji se jkompli bl-appoġġ ta’ EUR 400 miljun kommessi qabel taħt il-programm tiegħu ta’ self għall-iżvilupp (DPL3) u se jipprovdi sa EUR 750 miljun ta’ finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati għall-assistenza soċjali u r-riformi tas-saħħa.

    (5)

    L-għajnuna għandha tiġi mmaniġġjata mill-Kummissjoni li se tiftiehem mal-awtoritajiet tar-Rumanija, wara li tikkonsulta lill-KEF, il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika marbuta mal-għajnuna finanzjarja prekawzjonarja. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jinkitbu f’Memorandum ta’ Qbil (MoU).

    (6)

    Minħabba n-natura prekawzjonarja tal-għajnuna, ir-Rumanija mhi se titlob l-iżborż tal-ebda pagament parzjali taħt is-self mill-Unjoni, sakemm ir-Rumanija ma tkunx f’diffikultà rigward il-bilanċ tal-pagamenti kurrenti jew il-movimenti kapitali tagħha. F’każ li r-Rumanija tagħmel talba għall-finanzjament lill-Kummissjoni, din tal-aħħar se tiddeċiedi, wara li tkun ikkonsultat lill-KEF, dwar l-attivazzjoni tal-programm u dwar l-ammont u t-tempiżmu sabiex tagħmel disponibbli kwalunkwe pagament bħal dan. It-termini finanzjarji dettaljati relatati mal-iżborżi li jista’ jkun hemm se jiġu stabbiliti fi Ftehim Qafas ta’ Self (FQS).

    (7)

    L-għajnuna finanzjarja prekawzjonarja għandha tiġi pprovduta bil-għan li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-programm ta’ politika ekonomika tal-Gvern, u, b’dan il-mod, għandha tappoġġa s-sostenibbiltà tal-bilanċ tal-pagamenti tar-Rumanija,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-Unjoni għandha tpoġġi għad-dispożizzjoni tar-Rumanija għajnuna finanzjarja prekawzjonarja fuq medda medja ta’ żmien sa massimu ta’ EUR 1,4 biljun. F’każ li tiġi attivata l-faċilità u jkunu pprovduti ħlasijiet, l-għajnuna għandha tingħata fil-forma ta’ self b’maturità medja massima ta’ 7 snin.

    2.   L-għajnuna finanzjarja prekawzjonarja tal-Unjoni għandha tkun disponibbli għall-attivazzjoni, u jistgħu jintalbu ħlasijiet, sal-31 ta’ Marzu 2013.

    Artikolu 2

    1.   L-għajnuna għandha tiġi amministrata mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-impenji tar-Rumanija u r-rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill, b’mod partikolari fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Riforma Nazzjonali (PRN) kif ukoll tal-aġġornament annwali tal-Programm ta’ Konverġenza (PK) tar-Rumanija.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tiftiehem mal-awtoritajiet Rumeni, wara li tikkonsulta lill-KEF, il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika marbuta mal-għajnuna finanzjarja prekawzjonarja kif elenkati taħt l-Artikolu 3(3). Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti f’MoU b’mod konsistenti mal-impenji u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu (1). It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni permezz ta’ FQS.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f’intervalli regolari f’kollaborazzjoni mal-KEF li l-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika marbuta mal-għajnuna jiġu ssodisfati.

    Artikolu 3

    1.   L-attivazzjoni tal-għajnuna finanzjarja prekawzjonarja mill-Unjoni għandha tiġi eżaminata mill-Kummissjoni, wara talba bil-miktub mir-Rumanija lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-KEF, għandha tiddeċiedi jekk tkunx ġustifikata l-attivazzjoni tal-programm u t-talba sussegwenti għall-iżborżi taħt l-għajnuna, u għandha tiddeċiedi dwar l-ammont u t-tempiżmu ta’ dawn l-iżborżi. F’każ li tiġi attivata l-għajnuna finanzjarja, il-fondi jistgħu jitpoġġew disponibbli f’mhux aktar minn tliet pagamenti parzjali, li l-ammont u t-tempiżmu tagħhom għandhom jitniżżlu f’addendum għall-MoU. Kull pagament parzjali jista’ jiġi żburżjat f’porzjon wieħed jew aktar.

    2.   Mal-attivazzjoni tal-għajnuna, kwalunkwe żborż tas-self, jew partijiet minnu, għandu jkun suġġett għad-dħul fis-seħħ tal-addendum għall-MoU li saret referenza għalih fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-iżborż tas-self mill-UE, jew ta’ partijiet minnu, wara li tkun kisbet l-opinjoni tal-KEF.

    3.   Kwalunkwe żborż għandu jsir fuq il-bażi ta’ implimentazzjoni sodisfaċenti tal-programm ekonomiku tal-Gvern Rumen li għandu jiġi inkluż kemm fil-PK kif ukoll fil-PRN; b’mod iżjed partikolari, il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika stipulati fil-MoU, għandhom jinkludu, fost l-oħrajn,

    (a)

    l-adozzjoni ta’ baġits u l-implimentazzjoni ta’ politiki konformi ma’ miri fiskali ċari għas-snin fiskali 2011 sal-2013 li jsostnu l-konsolidament fiskali kontinwu bil-għan li jiġi stabbilizzat il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG u jintemm id-defiċit eċċessiv bi qbil mar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv;

    (b)

    il-ħtieġa li bil-mod il-mod jinkisbu standards aktar restrittivi għat-tnaqqis fl-arrettrati ta’ pagament tal-gvern kemm fil-livell tal-gvern ċentrali kif ukoll fil-livell tal-gvern lokali;

    (ċ)

    l-introduzzjoni ta’ sistema mtejba ta’ rapportar għall-intrapriżi proprjetà tal-istat li huma diġà parti mid-definizzjoni tas-sistema Ewropea ta’ kontabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika, u anki għal dawk li x’aktarx jerġgħu jiġu kklassifikati fis-settur tal-amministrazzjoni pubblika mill-Eurostat fl-2011 u fl-2012, sabiex tippermetti lill-gvern li jivvaluta fuq bażi kontinwa l-impatt probabbli fuq id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika u l-evoluzzjoni tal-arrettrati, is-sussidji u t-trasferimenti, u t-telf marbut ma’ dawk l-intrapriżi;

    (d)

    il-monitoraġġ kontinwu tal-kont tal-pagi tas-settur pubbliku sabiex dan jirrispetta l-limiti rilevanti stabbiliti fl-istrateġija fiskali fuq terminu ta’ żmien medju;

    (e)

    l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ kopagament b’testijiet tal-mezzi għas-servizzi mediċi, kif ukoll sistema adegwata ta’ ċċekkjar u kontrolli kontra l-akkumulu ta’ arrettrati fis-sistema tas-saħħa;

    (f)

    l-implimentazzjoni ta’ miżuri sabiex itejbu l-immaniġjar tal-baġit għall-investiment pubbliku bi qbil mal-istrateġija fiskali 2012 - 2014 u b’enfasi fuq bidla minn investiment kompletament iffinanzjat b’mod domestiku għal investiment kofinanzjat mill-Unjoni;

    (g)

    ir-reviżjoni, aġġornament u pubblikazzjoni ta’ strateġija multiannwali għall-immaniġjar tad-dejn fuq bażi annwali;

    (h)

    l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ politika mmirati sabiex jirrazzjonalizzaw is-sistema ta’ ffissar tal-pagi sabiex l-iżviluppi fil-pagi jkunu jistgħu jirriflettu aħjar il-produttività u r-riformi li jżidu l-flessibbiltà tal-kuntratti tax-xogħol u l-arranġamenti dwar il-ħinijiet tax-xogħol skont approċċ integrat tal-flessigurtà;

    (i)

    l-adozzjoni ta’ miżuri mmirati sabiex itejbu l-operat tas-suq fl-enerġija u t-trasport, bi qbil, fejn applikabbli, mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

    (j)

    l-implimentazzjoni ta’ miżuri sabiex jiffaċilitaw l-ambjent tan-negozju fis-servizzi bi qbil mad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (3);

    (k)

    miżuri sabiex isaħħu aktar il-qafas prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u sabiex jippreparaw l-introduzzjoni tal-Istandard Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju mill-2012;

    (l)

    emendi leġiżlattivi sabiex jiżguraw il-konsistenza reċiproka bejn il-liġi dwar l-istralċ tal-impriżi tal-assigurazzjoni, il-liġi ġenerali dwar l-insolvenza u l-liġi dwar in-negozju tal-assigurazzjoni u s-superviżjoni tal-assigurazzjoni;

    (m)

    it-titjib tal-assorbiment tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni tal-Unjoni u miri speċifiċi għal-livell totali kumulattiv tan-nefqa ċertifikata taħt dawn il-fondi.

    4.   Jekk ikun meħtieġ sabiex jiġi ffinanzjat is-self, għandu jiġi permess l-użu prudenti ta’ swaps tar-rata tal-imgħax ma’ kontropartijiet tal-ogħla kwalità ta’ kreditu. Il-KEF għandu jinżamm infurmat mill-Kummissjoni dwar rifinanzjament possibbli tat-teħid tas-self jew ir-ristrutturazzjoni tal-kundizzjonijiet finanzjarji.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    PINTÉR S.


    (1)  ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.

    (2)  Ara paġna 18 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (3)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.


    Top