Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0215

    2011/215/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 4 ta’ April 2011 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE dwar it-trasbord fil-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera fejn jiddaħħlu l-kunsinni ta’ prodotti maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni jew għal pajjiżi terzi (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2067) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 90, 6.4.2011, p. 50–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2019; Imħassar b' 32019R2124

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/215/oj

    6.4.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 90/50


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-4 ta’ April 2011

    li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE dwar it-trasbord fil-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera fejn jiddaħħlu l-kunsinni ta’ prodotti maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni jew għal pajjiżi terzi

    (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2067)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2011/215/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 9(2) u 11(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 97/78/KE tistipula li kontrolli veterinarji fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali u fuq ċerti prodotti tal-pjanti minn pajjiżi terzi li jidħlu fl-Unjoni għandhom jitwettqu mill-Istati Membri b’konformità ma’ dik id-Direttiva. Tistipula wkoll li Stati Membri għandhom jiżguraw li kunsinni ta’ prodotti bħal dawn jidħlu fl-Unjoni permezz ta’ post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera.

    (2)

    L-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/78/KE jipprevedi għall-proċeduri li għandhom jitwettqu fil-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera fejn jiddaħħlu l-kunsinni ta’ prodotti maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni permezz ta’ post tal-ispezzjoni ieħor fuq il-fruntiera, imma li huma trasbordati fil-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera fejn jiddaħħlu, fiż-żona doganali tal-istess port jew ajruport fl-Unjoni.

    (3)

    L-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/78/KE jikkonċerna l-kunsinni li jaslu minn pajjiż terz u li huma trasbordati fil-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera tal-wasla tagħhom, fiż-żona doganali tal-istess port jew ajruport fl-Unjoni imma li huma maħsuba għal pajjiż terz jew mit-territorju tal-Unjoni permezz ta’ post tal-ispezzjoni ieħor fuq il-fruntiera jew direttament lil pajjiż terz mingħajr ma jiddaħħlu f’post tal-ispezzjoni ieħor fuq il-fruntiera.

    (4)

    B’żieda ma’ dan, l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 97/78/KE jipprevedu għal għadd ta’ derogi mir-regoli ġenerali dwar il-verifiki veterinarji li jitwettqu fuq il-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera fejn jiddaħħlu. Dawn id-derogi għandhom ambitu differenti u huma marbuta mad-destinazzjoni finali tal-kunsinni u mat-tul ta’ żmien tal-ħażna tal-kunsinni matul il-proċess tat-trasbord fil-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera tal-wasla.

    (5)

    Dak it-tul ta’ żmien huwa ddeterminat minn referenza għal perjodu minimu u massimu għal tali ħażna, li għandhom jiġu stabbiliti b’konformità mal-proċedura msemmija fid-Direttiva 97/78/KE.

    (6)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/25/KE tas-16 ta’ Diċembru 1999 li tistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE dwar it-trasbord ta’ prodotti f’Post ta’ Spezzjoni fil-Fruntiera fejn il-konsenji huma intiżi għall-importazzjoni eventwali fil-Komunità Ewropea, u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/14/KEE (2) attwalment tistabbilixxi l-perjodi minimi u massimi applikabbli f’każijiet fejn il-kunsinni jkunu maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni permezz ta’ post tal-ispezzjoni ieħor fuq il-fruntiera li jinsab fl-istess territorju jew li jinsab f’territorju ta’ Stat Membru ieħor.

    (7)

    Id-Deċiżjoni 2000/25/KE mhix eżattament ċara fir-rigward tal-ambitu tar-regoli dwar il-kunsinni li jkunu qegħdin jiġu trasbordati minn ajruplan għall-ieħor jew minn bastiment għall-ieħor fiż-żona doganali tal-istess port jew ajruport għat-tranżitu għal pajjiż terz jew mingħajr aktar waqfien fit-territorju tal-Unjoni jew mit-territorju tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli f’din id-Deċiżjoni biex jikkjarifikaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti diġà fid-Deċiżjoni 2000/25/KE, inklużi regoli fuq il-perjodi minimi rilevanti.

    (8)

    Sabiex tiġi mħarsa s-saħħa tal-pubbliku u dik tal-annimali, il-veterinarju uffiċjali fil-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera fejn jiddaħħlu l-prodotti għandu jirċievi informazzjoni xierqa fil-każ ta’ kunsinni koperti mill-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 97/78/KE. Huwa għaldaqstant xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-persuna responsabbli għat-tagħbija fil-ħin tal-wasla tal-kunsinna fil-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera.

    (9)

    Il-perjodu minimu minn meta għandhom jitwettqu l-verifiki veterinarji fuq il-kunsinni trasbordati minn bastiment għall-ieħor fl-istess port u li huma maħsuba għall-importazzjoni jew għal tranżitu għal pajjiżi terzi kif previst fl-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 97/78/KE huwa ta’ sebat ijiem.

    (10)

    Għal kunsinni li huma trasbordati minn bastiment għall-ieħor fl-istess port fil-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera tal-wasla u li huma maħsuba direttament għal pajjiż terz mingħajr aktar waqfien fit-territorju tal-Unjoni, ir-riskji għas-saħħa tal-annimali u dik tal-pubbliku għall-Unjoni jonqsu, billi l-kuntatt tal-kunsinni mat-territorju tal-Unjoni jkun limitat. F’każijiet bħal dawn, jista’ jkun xieraq li l-perjodu minimu msemmi fl-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 97/78KE jiġi estiż.

    (11)

    Dik l-estensjoni għandha tkun soġġetta għal garanziji xierqa mill-Istat Membru tal-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera tal-wasla. B’mod partikolari, l-Istat Membru għandu jassigura li kunsinni bħal dawn ma jitħallewx jiċċaqilqu għal port ieħor tal-Unjoni u li jintbagħtu direttament lil pajjiż terz. Barra minn hekk, dak l-Istat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’informazzjoni xierqa dwar dawk il-garanziji, inkluża informazzjoni dwar is-sistema ta’ monitoraġġ biex jiġi assigurat li l-perjodi ta’ żmien u l-arranġamenti ta’ trasportazzjoni għal destinazzjoni speċifika kif indikat fin-notifika tal-kunsinna jiġu rrispettati.

    (12)

    Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi speċifikat li l-kunsinni għandhom jgħaddu mill-medda sħiħa ta’ verifiki veterinarji stipulati fid-Direttiva 97/78/KE wara l-iskadenza tal-perjodi massimi stipulati f’din id-deċiżjoni.

    (13)

    Fl-interessi taċ-ċarezza u tal-konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa xieraq li d-Deċiżjoni 2000/25/KE tiġi rrevokata u tinbidel b’din id-deċiżjoni.

    (14)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fejn il-kunsinni jiġu ppreżentati fil-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera għal trasbord sussegwenti, il-persuna responsabbli mit-tagħbija għandha tinnotifika l-veterinarju uffiċjali f’dak il-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera b’dan li ġej:

    (a)

    iż-żmien stmat biex tinħatt it-tagħbija tal-kunsinna;

    (b)

    il-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera ta’ destinazzjoni fl-Unjoni fil-każ tal-importazzjoni jew tranżitu minn ġol-Unjoni jew mit-tielet pajjiż ta’ destinazzjoni fil-każ ta’ tranżitu direttament għal pajjiż terz;

    (ċ)

    il-post eżatt tal-kunsinna, jekk ma tinħattx direttament fuq l-ajruplan jew bastiment tad-destinazzjoni;

    (d)

    iż-żmien stmat biex titgħabba l-kunsinna fuq l-ajruplan jew il-bastiment li sejjer lejn dik id-destinazzjoni.

    Dik in-notifika għandha ssir fiż-żmien tal-wasla tal-kunsinna fil-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera u b’mod li jiġi stabbilit mill-awtorità kompetenti.

    Artikolu 2

    1.   Il-perjodu minimu stipulat fl-Artikolu 9(1)(b)(i) tad-Direttiva 97/78/KE għandu jkun:

    (a)

    tnax-il siegħa għal ajruport;

    (b)

    sebat ijiem għal port.

    2.   Il-perjodu massimu stipulat fl-Artikolu 9(1)(b)(i) tad-Direttiva 97/78/KE għandu jkun:

    (a)

    tmienja u erbgħin siegħa għal ajruport;

    (b)

    għoxrin ġurnata għal port.

    Artikolu 3

    1.   Għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/78/KE, il-perjodu minimu stipulat fl-Artikolu 9(1)(a) ta’ dik d-Direttiva għandu jkun:

    (a)

    tnax-il siegħa għal ajruport;

    (b)

    sebat ijiem għal port.

    2.   Għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/78/KE u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 11(2)(b) ta’ dik id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodu minimu stipulat fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu għal 14-il jum, sakemm:

    (a)

    il-kunsinni jiġu minn pajjiż terz u huma maħsuba għal pajjiż terz ieħor mingħajr aktar waqfien fit-territorji elenkati fl-Anness I mad-Direttiva 97/78/KE;

    (b)

    il-kunsinni jkunu trasbordati minn bastiment għall-ieħor fil-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera fiż-żona doganali tal-istess port tal-Unjoni;

    (ċ)

    l-Istat Membru kkonċernat jippreżenta ġustifikazzjoni ddettaljata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, li tispeċifika li huma ħadu l-miżuri neċessarja kollha biex jipprevjenu tali kunsinni milli jiċċaqilqu għal port tal-Unjoni ieħor minflok ma jiġu trasbordati direttament lejn pajjiż terz.

    Dawk il-miżuri għandhom jinkludu sistema ta’ monitoraġġ biex jiġi assigurat li l-perjodi ta’ żmien u d-destinazzjoni kif indikati fin-notifika pprovduta fl-Artikolu 1 jiġu rrispettati.

    Artikolu 4

    F’każijiet fejn il-perjodu massimu stipulat fl-Artikolu 2(2) ikun skorra, il-kunsinna għandha tgħaddi mill-verifiki ta’ identità u dawk fiżiċi kif stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 97/78/KE, fil-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera fejn jiddaħħlu.

    Artikolu 5

    Id-Deċiżjoni 2000/25/KE hija rrevokata.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Mejju 2011.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ April 2011.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

    (2)  ĠU L 9, 13.1.2000, p. 27.


    Top