Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0080

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 80/2010 tat- 28 ta’ Jannar 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 718/2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA)

    ĠU L 25, 29.1.2010, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/80(1)/oj

    29.1.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 25/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 80/2010

    tat-28 ta’ Jannar 2010

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 718/2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (1) (“ir-Regolament IPA”) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu;

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 tat-12 ta’ Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA) (2) jipprovdi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament IPA.

    (2)

    Fid-dawl tal-esperjenza akkwistata fl-ewwel snin ta’ implimentazzjoni tar-Regolament IPA, deher neċessarju li wieħed għandu jipproċedi b’reviżjoni limitata tar-Regolament (KE) Nru 718/2007 bl-għan li jitneħħew xi inkonsistenzi u referenzi inkroċjati żbaljati, biex b’hekk ikun ikkjarifikat it-test ta’ ċerti artikoli u emendati xi wħud mid-dispożizzjonijiet partikolari bl-għan li tissaħħaħ il-koerenza, l-effiċjenza u l-effettività fl-implimentazzjoni tal-istrument.

    (3)

    Jinħtieġ li jiġi kkjarifikat aktar meta d-dispożizzjonijiet komuni huma soġġetti għal dispożizzjonijiet partikolari taħt komponenti differenti tal-IPA. Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-għajnuna għandhom isiru konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), filwaqt li tkun żgurata konsistenza aħjar bejn id-dispożizzjonijiet komuni li japplikaw għall-komponenti kollha tal-IPA u d-dispożizzjonijiet partikolari li japplikaw għal kull komponent IPA.

    (4)

    Id-dispożizzjonijiet partikolari li jikkonċernaw il-komponent għall-Assistenza ta’ Tranżizzjoni u l-Bini tal-Istituzzjonijiet għandhom jirreflettu aħjar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament IPA, notevolment fir-rigward tal-oqsma ta’ assistenza għall-pajjiżi elenkati fl-Anness I għar-Regolament IPA u l-possibbiltà li l-assistenza tkun tista’ tiġi programmata permezz ta’ programmi multiannwali kif ukoll annwali. Barra minn hekk, bl-għan li jiġi żgurat approċċ koerenti fost il-komponenti IPA, il-limitu tal-kontribut tal-Komunità fil-każ ta’ operazzjonijiet ta’ investiment għandu jiżdied għal 85 % tal-infiq eliġibbli sabiex ikun konformi mal-intensità tal-għajnuna rriveduta fir-rigward ta’ investimenti li japplikaw taħt il-komponent għall-iżvilupp Reġjonali.

    (5)

    Fid-dispożizzjonijiet partikolari tal-komponent ta’ kooperazzjoni transkonfinali, notevolment fir-rigward ta’ programmi transkonfinali bejn il-pajjiżi benefiċjarji u l-Istati Membri, jidher li hemm bżonn li jiżdied b’mod sostanzjali l-ammont ta’ qabel il-finanzjament li tħallas lill-entità li nħatret mill-pajjiżi li pparteċipaw biex tirċievi ħlasijiet li saru mill-Kummissjoni.

    (6)

    Xi wħud mid-dispożizzjonijiet partikolari tal-komponent għall-iżvilupp Reġjonali, il-komponent għall-iżvilupp tar-Riżorsi Umani u l-komponent għall-iżvilupp Rurali għandhom ikunu iktar konformi mar-regoli li jirregolaw il-fondi Strutturali u għal Koeżjoni u l-fondi għall-iżvilupp Rurali fl-istati membri tal-UE, li tagħhom huma l-prekursuri.

    (7)

    Id-dispożizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-IPA,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 718/2007 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 8(4), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    dispożizzjonijiet relatati mal-istabbiliment u l-aġġornament regolari, min-naħa tal-pajjiż benefiċjarju, ta’ pjan iddettaljat b’punti ta’ referenza indikattivi u limiti taż-żmien għall-kisba ta’ deċentralizzazzjoni mingħajr kontrolli ex ante mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 14 u 18; Dawn id-dispożizzjonijiet jinħtieġu biss għall-komponenti jew programmi fejn id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għoti ta’ poteri ta’ ġestjoni kif imsemmija fl-Artikolu 14 tipprovdi għal kontrolli ex ante min-naħa tal-Kummissjoni”.

    (2)

    L-Artikolu 31 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 31

    Entitajiet speċifiċi

    Fi ħdan il-qafas ġenerali ddefinit mill-istrutturi u l-awtoritajiet kif stipulat fl-Artikolu 21, il-funzjonijiet deskritti fl-Artikolu 28 jistgħu jingħaqdu u jingħataw lil entitajiet speċifiċi fi ħdan jew barra mill-istrutturi operattivi stabbiliti inizjalment. Din l-għaqda u l-għotja għandha tirrispetta s-segregazzjoni xierqa tad-dmirijiet imposti mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, u tiżgura li r-responsabbiltà aħħarija għall-funzjonijiet deskritti fl-imsemmi Artikolu għandha tibqa’ mal-istruttura operattiva stabbilita inizjalment. Dan ir-ristrutturar għandu jiġi formalizzat fi ftehimiet bil-miktub u għandu jkun soġġett għall-akkreditazzjoni mill-uffiċjal nazzjonali tal-awtorizzazzjoni u għall-għoti tal-ġestjoni mill-Kummissjoni.”

    (3)

    L-Artikolu 34 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa ssostitwit bit-test li ġej:

    “It-tnedija ta’ sejħiet għal proposti jew sejħiet għal offerti jistgħu jkunu eliġibbli qabel l-għoti inizjali tal-ġestjoni u wara l-1 ta’ Jannar 2007, jekk dan l-għoti inizjali ta’ ġestjoni jidħol fis-seħħ fil-limiti taż-żmien iddefiniti fi klawżola ta’ riżerva li għandha tiġi inkluża fil-ħidmiet jew fit-talbiet ikkonċernati, u jkunu soġġetti għal approvazzjoni minn qabel tad-dokumenti kkonċeranti min-naħa tal-Kummissjoni. Is-sejħiet għall-proposti jew is-sejħiet għal offerta jistgħu jiġu kkanċellati jew immodifikati mad-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ ġestjoni.”

    (b)

    Fil-paragrafu 3, il-frażi introduttorja qiegħda tinbidel b’dan li ġej:

    “3.   Sakemm mhux previst mod ieħor taħt id-dispożizzjonijiet partikolari stipulati taħt kull komponent IPA, in-nefqa li ġejja mhux se tkun eliġibbli taħt ir-Regolament IPA:”

    (4)

    Fl-Artikolu 35(3), it-tieni inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “—

    il-komponent għall-iżvilupp reġjonali.”

    (5)

    L-Artikolu 36 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 36

    Il-proprjetà tal-imgħax

    Kull imgħax minn kontijiet tal-euro speċifiċi għal kull komponent, li nfetħu permezz tal-fond nazzjonali fil-każ ta’ ġestjoni diċentralizzata jibqa’ proprjetà tal-pajjiż benefiċjarju. L-imgħax iġġenerat mill-finanzjament Komunitarju ta’ programm għandu jiġi allokat esklussivament għal dak il-programm, u jitqies bħala riżors għall-pajjiż benefiċjarju fis-sura ta’ kontribuzzjoni nazzjonali pubblika, u għandu jiġi ddikjarat lill-Kummissjoni, fil-ħin tal-għeluq finali tal-programm.”

    (6)

    Fl-Artikolu 37, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’li ġej:

    “2.   L-operazzjonijiet kollha li qegħdin jirċievu l-għajnuna taħt diversi komponenti tal-IPA jirrikjedu kontribuzzjonijiet Komunitarji, sakemm mhux previst mod ieħor taħt id-dispożizzjonijiet speċifiċi stipulati taħt kull komponent tal-IPA.”

    (7)

    Fl-Artikolu 40, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’li ġej:

    “7.   L-ammonti stabbiliti fil-programmi mressqa mill-pajjiż benefiċjarju, f’dikjarazzjonijiet iċċertifikati dwar in-nefqa, f’applikazzjonijiet għall-ħlas u fin-nefqa msemmija fir-rapporti ta’ implimentazzjoni, għandhom jiġu iddenominati f’euro. Il-pajjiżi benefiċjarji għandhom jikkonvertu l-ammonti tan-nefqa li tħallsu fil-munita nazzjonali, f’euro billi jużaw ir-rata tax-xahar għall-kontijiet f’euro kif ġew stabbiliti mill-Kummissjoni fix-xahar li matulu ġiet reġistrata n-nefqa fil-kontijiet tal-istruttura operattiva kkonċernata, kif inhu xieraq.”

    (8)

    Fl-Artikolu 47(1), it-tielet inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “—

    ir-rilaxx min-naħa tal-Kummissjoni tal-bilanċ finali tal-impenn baġitarju.”

    (9)

    L-Artikolu 50 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 1 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-uffiċjal nazzjonali tal-awtorizzazzjoni, li għandu r-responsabbiltà ewlenija li jistħarreġ kwalunkwe irregolarità, għandu jagħmel l-aġġustamenti finanzjarji fejn instabu irregolaritajiet jew nuqqasijiet f’operazzjonijiet jew programmi, billi jikkanċella l-kontribuzzjoni Komunitarja kollha, jew parti minnha, għall-operazzjonijiet jew programmi kkonċernati. L-uffiċjal nazzjonali tal-awtorizzazzjoni għandu jikkunsidra n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-kontribuzzjoni Komunitarja.”

    (b)

    Il-paragrafu 2 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Fil-każ ta’ irregolarità, l-uffiċjal nazzjonali tal-awtorizzazzjoni għandu jirkupra l-kontribuzzjoni Komunitarja li tkun tħallset lill-benefiċjarju skont il-proċeduri nazzjonali tal-irkupru.”

    (10)

    L-Artikolu 57 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 2 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Dokumenti ta’ ppjanar indikattiv multiannwali, kif imsemmi fl-Artikolu 5, għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjoni ex ante regolari min-naħa tal-Kummissjoni.”

    (b)

    Il-paragrafu 4 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Il-programmi għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjonijiet ex ante, kif ukoll interim u/jew ex post, kif xieraq, b’konformità mad-dispożizzjonijiet speċifiċi stipulati taħt kull komponent tal-IPA fit-Tieni Parti ta’ dan ir-Regolament u b’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.”

    (c)

    Il-paragrafi 5 u 6 huma mħassra.

    (d)

    Il-paragrafu 7 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

    “7.   Ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati fiċ-ċiklu ta’ pprogrammar u implimentazzjoni.”

    (11)

    Fl-Artikolu 58, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’li ġej:

    “1.   Fil-każ ta’ ġestjoni deċentralizzata, il-pajjiż benefiċjarju għandu, fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tal-ewwel ftehim ta’ finanzjament, jistabbilixxi kumitat ta’ monitoraġġ tal-IPA, bi ftehim mal-koordinatur nazzjonali tal-IPA u l-Kummissjoni, sabiex jiżgura koerenza u koordinazzjoni fl-implimentazzjoni tal-komponenti tal-IPA.”

    (12)

    Fl-Artikolu 59, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’li ġej:

    “1.   Il-kumitat ta’ monitoraġġ tal-IPA għandu jiġi assistit minn kumitati settorjali ta’ monitoraġġ stabbiliti taħt il-komponenti tal-IPA, fi ħdan sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-ewwel ftehim ta’ finanzjament, b’konformità mad-dispożizzjonijiet speċifiċi stipulati fit-Taqsima II. Il-kumitati settorjali ta’ monitoraġġ għandhom jagħmlu parti minn programmi jew komponenti. Fejn xieraq, dawn jistgħu jinkludu rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.”

    (13)

    L-Artikolu 60 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 60

    Monitoraġġ fil-każ ta’ ġestjoni ċentralizzata u konġunta

    Fil-każ ta’ ġestjoni ċentralizzata u konġunta, il-Kummissjoni tista’ tieħu kull azzjoni li hi meqjusa meħtieġa għall-monitoraġġ tal-programmi kkonċernati. Fil-każ ta’ ġestjoni konġunta, dawn l-azzjonijiet jistgħu jitwettqu b’mod konġunt mal-organizzazzjoni(jiet) internazzjonali kkonċernati (i). Il-koordinatur nazzjonali tal-IPA jista’ jkun assoċjat mal-azzjonijiet ta’ monitoraġġ.”

    (14)

    Fl-Artikolu 62, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’li ġej:

    “2.   Fil-każ ta’ ġestjoni deċentralizzata, l-istrutturi operattivi għandhom ikunu responsabbli mill-organizzazzjoni tal-pubblikazzjoni tal-lista tal-benefiċjarji finali, l-ismijiet tal-ħidmiet u l-ammont ta’ fondi Komunitarji allokati għall-operazzjonijiet. Għandhom jiżguraw li l-benefiċjarju finali jkun mgħarraf li l-approvazzjoni ta’ fondi hija wkoll l-approvazzjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ benefiċjarji ppubblikati. Kwalunkwe data personali inkluża fil-lista għandha tiġi pproċessata b’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (*)

    (*)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.”"

    (15)

    Fl-Artikolu 64, it-test li ġej għandu jiżdied fl-aħħar tal-paragrafu 2:

    “Fuq bażi ta’ każ b’każ, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tagħti l-għajnuna taħt dan il-komponiment għall-oqsma ta’ hawn fuq għall-pajjiżi benefiċjarji elenkati fl-Anness I għar-Regolament IPA li għad ma ngħatawx poteri ġestivi msemmija fl-Artikolu 14.”

    (16)

    Fl-Artikolu 66(3), qiegħed jiżdied il-punt (c) li ġej:

    “(c)

    spejjeż relatati ma’ garanzija tal-bank jew ċertezza kumparabbli li għandha tiġi ppreżentata mill-aħħar benefiċjarju tal-għotja.”

    (17)

    Fl-Artikolu 67(2) iż-żewġ ċifri “75 %” se jiġu ssostitwiti b’“85 %” u ċ-ċifra “25 %” se tiġi ssostitwita b’“15 %”.

    (18)

    Fl-Artikolu 68, il-frażi ta’ introduzzjoni se tiġi ssostitwita b’dan li ġej:

    “Fil-prinċipju l-għajnuna taħt dan il-komponent għandha tieħu s-sura ta’”:

    (19)

    Fl-Artikolu 69, il-paragrafi 1, 2 u 3 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi nazzjonali annwali abbażi ta’ proposti ta’ proġetti minn pajjiżi benefiċjarji, li għandhom jikkunsidraw il-prinċipji u l-prijoritajiet stabbiliti fid-dokumenti ta’ ppjanar indikattiv multi-annwali msemmija fl-Artikolu 5. Il-proposti ta’ proġetti għandhom partikolarment jinkludu l-assi prijoritarji li għandhom jiġu koperti mill-pajjiż benefiċjarju kkonċernat, li jistgħu jinkludu l-oqsma ta’ għajnuna stipulati fl-Artikolu 64.

    2.   Il-proposti ta’ pajjiżi benefiċjarji se jintgħażlu permezz ta’ proċeduri trasparenti, li jinkludu konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti filwaqt li l-proposti jkunu qegħdin jiġu abbozzati.

    3.   Kull sena, bħala segwitu għad-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-pajjiż benefiċjarju dwar il-proposti tal-proġetti tagħhom, fiches tal-proġetti se jiġu sottomessi lill-Kummissjoni mill-pajjiż benefiċjarju. Il-fiches ta’ proġetti għandhom jistabbilixxu b’mod ċar, l-assi prijoritarji, l-operazzjonijiet previsti u l-metodi ta’ implimentazzjoni magħżula b’mod ċar. Il-Kummissjoni għandha tħejji proposti ta’ finanzjament għall-iskedi tal-proġetti.”

    (20)

    Fl-Artikolu 72, il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’li ġej:

    “3.   Il-programmi reġjonali għandhom ikopru pajjiżi benefiċjarji fil-Balkani tal-Punent. Il-programmi b’mod partikolari se jkunu mmirati lejn il-rikonċiljazzjoni, ir-rikostruzzjoni u l-kooperazzjoni fir-Reġjun.”

    (21)

    Fl-Artikolu 73, il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’li ġej:

    “3.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta programmi reġjonali u orizzontali fuq bażi ċentralizzata jew skont ġestjoni konġunta mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kif stabbilit fl-Artikolu 53d tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.”

    (22)

    L-Artikolu 75 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    jorganizza t-tħejjija tal-proposti tal-proġett kif imsemmi fl-Artikolu 69,”

    (b)

    Fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

    “Skont l-Artikolu 28, l-istruttura operattiva għandha tikkonsisti minn aġenzija ta’ implimentazzjoni waħda jew iktar, li għandha tiġi stabbilita fi ħdan l-amministrazzjoni nazzjonali tal-pajjiż benefiċjarju jew taħt il-kontroll dirett tagħha.”

    (23)

    L-Artikolu 78 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 78

    Il-prinċipji tal-implimentazzjoni fil-każ ta’ parteċipazzjoni fi programmi u aġenziji Komunitarji

    Fil-każ ta’ parteċipazzjoni fi Programmi u aġenziji Komunitarji, l-implimentazzjoni għandha tikkonsisti mill-ħlas, lill-baġit tal-programm jew tal-aġenzija, tal-parti tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-pajjiż benefiċjarju li jiġi ffinanzjat taħt l-IPA. Fil-każ ta’ ġestjoni deċentralizzata l-ħlas għandu jsir mill-fond nazzjonali fil-każ ta’ ġestjoni deċentralizzata u mill-ministerji jew entitajiet pubbliċi oħra kkonċernati fil-pajjiżi benefiċjarji fil-każ ta’ ġestjoni ċentralizzata. Fil-każ aħħari, mhux se jsiru ħlasijiet ta’ qabel il-finanzjament tal-kontribut tal-Komunità mill-Kummissjoni.”

    (24)

    L-Artikolu 82 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 82

    L-evalwazzjoni

    1.   Programmi taħt l-għajnuna ta’ tranżizzjoni u komponent għall-bini tal-istituzzjonijiet se jkunu soġġetti għal ex ante kif ukoll għal evalwazzjoni interim u/jew evalwazzjoni ex post kif ukoll għal evalwazzjoni ex post, b’konformità mal-Artikolu 57.

    2.   Qabel l-għotja tas-setgħat ta’ ġestjoni lill-pajjiż benefiċjarju, l-evalwazzjonijiet kollha se jsiru mill-Kummissjoni.

    Wara l-għoti tas-setgħat ta’ ġestjoni, il-pajjiż benefiċjarju se jkun responsabbli biex iwettaq evalwazzjoni interim, kif inhu xieraq, mingħajr ħsara għad-drittijiet tal-Kummissjoni biex twettaq kwalunkwe evalwazzjoni ad hoc li jidrilha hi.

    Responsabbiltà għal evalwazzjonijiet ex ante u ex post se tibqa’ mal-Kummissjoni anke wara l-għoti tas-setgħat ta’ ġestjoni, mingħajr ħsara għad-drittijiet tal-pajjiż benefiċjarju biex twettaq tali evalwazzjonijiet kif jidrilha hi.

    3.   Bi qbil mal-Artikolu 22 tar-Regolament IPA, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni rilevanti se jintbagħtu lill-Kumitat IPA biex jiġu diskussi.”

    (25)

    Fl-Artikolu 86, il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b’li ġej:

    “4.   Il-komponent ta’ kooperazzjoni transkonfinali jista’ wkoll jappoġġja, fejn xieraq, il-parteċipazzjoni tar-reġjuni eliġibbli tal-pajjiżi benefiċjarji fi programmi tranżnazzjonali u interreġjonali taħt l-iskop ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea tal-Fondi Strutturali u fi programmi multilaterali ta’ baċini tal-baħar taħt ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**). Ir-regoli li jikkontrollaw il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi benefiċjarji fil-programmi msemmija hawn fuq għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehimiet rilevanti ta’ finanzjament.

    (**)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.”"

    (26)

    Artikolu 89, huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 2, il-punt (b) għandu jitħassar.

    (b)

    Fil-paragrafu 3, għandu jiżdied il-punt li ġej:

    “(g)

    Ix-xiri ta’ art għal ammont sa 10 % tal-infiq eliġibbli tal-operazzjoni kkonċernata.”

    (27)

    L-Artikolu 92 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “Fejn il-programm transkonfinali jiġi implimentat taħt l-arranġamenti transkonfinali msemmija fl-Artikolu 99, ftehimiet ta’ finanzjament annwali għandhom jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni u kull wieħed mill-pajjiż benefiċjarji li jipparteċipa fil-programm. Kull ftehim ta’ finanzjament ta’ dan it-tip għandu jkopri l-kontribuzzjoni Komunitarja għall-pajjiż benefiċjarju u s-sena (snin) ikkonċernata, kif speċifikat fil-pjan ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 99(2).”

    (b)

    Il-paragrafu 2 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Għal programmi transkonfinali li jikkonċernaw il-kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 86(1)(b), ftehimiet ta’ finanzjament annwali għandhom jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni u kull wieħed mill-pajjżi benefiċjarji li jipparteċipaw fil-programm abbażi tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 91(6). Kull ftehim ta’ finanzjament ta’ dan it-tip għandu jkopri l-kontribuzzjoni Komunitarja għall-pajjiż benefiċjarju u s-sena (snin) ikkonċernata kif speċifikat fil-pjan ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 94(2), it-tieni subparagrafu.”

    (28)

    Fl-Artikolu 94(1), il-punt (b) għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “(iii)

    kif applikabbli, informazzjoni dwar l-entità kompetenti li tirċievi ħlasijiet mill-Kummissjoni u l-entità jew entitajiet responsabbli għall-ħlasijiet tal-aħħar benefiċjarji;”

    (29)

    L-Artikolu 95 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “Il-pajjiżi parteċipanti jistgħu wkoll jidentifikaw il-ħidmiet konġunti barra minn sejħiet għall-proposti. F’dak il-każ, l-operazzjoni konġunta għandha tissemma’ speċifikament fil-programm transkonfinali jew, jekk tkun koerenti mal-prijoritajiet jew il-miżuri tal-programm transkonfinali, għandha tiġi identifikata fi kwalunkwe ħin wara l-adozzjoni tal-programm f’deċiżjoni meħuda mill-kumitat konġunt ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 110 jew fl-Artikolu 142.”

    (b)

    Il-paragrafu 3 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Għal programmi transkonfinali li jikkonċernaw kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 86(1)(a), il-ħidmiet magħżula għandhom jinkludu bħala benefiċjarji finali minn tal-inqas wieħed mill-Istati Membri parteċipanti u wieħed mill-pajjiżi benefiċjarji parteċipanti.”

    (30)

    L-Artikolu 96 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 96

    Responsabbiltajiet tal-benefiċjarju ewlieni u l-benefiċjarji l-oħra

    1.   Għal kull programm transkonfinali li jikkonċerna l-kooperazzjoni msemmija taħt l-Artikolu 86(1)(a), il-benefiċjarji finali ta’ operazzjoni għandhom jaħtru benefiċjarju ewlieni fosthom qabel is-sottomissjoni tal-proposta għall-operazzjoni. Il-benefiċjarju ewlieni se jkun stabbilit f’wieħed mill-pajjiżi parteċipanti u għandu jassumi r-responsabbiltajiet li ġejjin:

    (a)

    għandu jistabbilixxi l-arranġamenti għar-relazzjonijiet tiegħu mal-benefiċjarji finali li jipparteċipaw fil-ħidma fi ftehim li jinkludi, inter alia, dispożizzjonijiet li jiggarantixxu ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi allokati għall-ħidma, bl-inklużjoni tal-arranġamenti għall-irkupru ta’ ammonti li mhux suppost ikunu tħallsu;

    (b)

    għandu jkun responsabbli milli jiżgura l-implimentazzjoni tal-operazzjoni kollha;

    (c)

    għandu jkun responsabbli mit-trasferiment tal-kontribuzzjoni Komunitarja lill-benefiċjarji finali li jipparteċipaw fl-operazzjoni;

    (d)

    għandu jiżgura li n-nefqa mressqa mill-benefiċjarji finali fl-operazzjoni tkun tħallset għall-iskop tal-implimentazzjoni tal-ħidma u tkun tikkorrispondi għall-attivitajiet miftiehma bejn il-benefiċjarji finali li jipparteċipaw f’din il-ħidma;

    (e)

    għandu jivverifika li n-nefqa mressqa mill-benefiċjarji finali li jipparteċipaw fil-ħidma tkun ġiet ivvalidata mill-kontrolluri msemmija fl-Artikolu 108.

    2.   Għal programmi transkonfinali li jikkonċernaw kooperazzjoni msemmija taħt l-Artikolu 86(1)(a) implimentat taħt il-programmi tranżitorji stabbiliti fl-Artikolu 99:

    (a)

    il-benefiċjarji finali ta’ ħidma fl-Istati Membri parteċipanti għandhom jaħtru benefiċjarju ewlieni fosthom qabel is-sottomissjoni tal-proposta tal-operazzjoni. Il-benefiċjarju ewlieni finali se jkun stabbilit f’wieħed mill-Istati Membri u għandu jerfa’ r-responsabbiltajiet taħt il-punti (a) sa (e) tal-ewwel paragrafu għall-parti tal-operazzjoni li sseħħ fl-Istati Membri;

    (b)

    il-benefiċjarji finali ta’ ħidma f’kull pajjiż parteċipanti għandhom jaħtru benefiċjarji ewlieni fosthom qabel is-sottomissjoni tal-proposta tal-ħidma. Il-benefiċjarju ewlieni finali se jkun stabbilit f’wieħed mill-Istati Membri għandu jerfa’ r-responsabbiltajiet taħt il-punti (a) sa (d) tal-ewwel paragrafu għall-parti tal-operazzjoni li qiegħda ssir fil-pajjiż rispettiv.

    Il-benefiċjarji ewlenin tal-Istati Membri parteċipanti u tal-pajjiżi benefiċjarji għandhom jiżguraw koordinazzjoni mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-ħidma.

    3.   Fir-rigward ta’ programm transkonfinali li jikkonċerna l-kooperazzjoni msemmija taħt l-Artikolu 86(1)(b), il-benefiċjarji finali ta’ ħidma f’kull pajjiż benefiċjarju għandhom jaħtru benefiċjarju ewlieni fosthom qabel is-sottomissjoni tal-proposta għal xi operazzjoni. Il-benefiċjarju ewlieni finali se jkun stabbilit f’wieħed mill-Istati Membri għandu jerfa’ r-responsabbiltajiet taħt il-punti (a) sa (d) tal-ewwel paragrafu għall-parti tal-operazzjoni li qiegħda ssir fil-pajjiż rispettiv.

    Il-benefiċjarji ewlenin tal-pajjiżi benefiċjarji parteċipanti għandhom jiżguraw koordinazzjoni mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-ħidma.

    4.   Kull benefiċjarju finali li jipparteċipa fil-ħidma huwa responsabbli mill-irregolaritajiet fin-nefqa li jkun iddikkjara.”

    (31)

    Fl-Artikolu 97(1), it-tieni subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “Fuq il-livell ta’ proġetti, f’każi eċċezzjonali, in-nefqa minn imsieħba li jkunu ‘l barra miż-żona tal-programm, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, jistgħu jkunu eliġibbli, jekk il-proġett seta’ biss jilħaq l-għanijiet tiegħu permezz ta’ dik in-nefqa.”

    (32)

    Fl-Artikolu 103(1), il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    tivverifika r-regolarità tan-nefqa. Il-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1828/2006 għandu japplika mutatis mutandis. L-awtorità li tiġġestixxi għandha tkun sodisfatta li n-nefqa ta’ kull benefiċjarju finali li jipparteċipa f’ħidma tkun ġiet ivvalidata mill-kontrullur imsemmi fl-Artikolu 108;”

    (33)

    Fl-Artikolu 104, il-punt (g) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(g)

    tibgħat lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, dikjarazzjoni li tidentifika dan li ġej għal kull ass prijoritarju tal-programm transkonfinali:

    (i)

    l-ammonti miġbuda minn dikjarazzjonijiet tan-nefqa mressqa matul is-sena preċedenti fis-segwitu ta’ kanċellazzjoni ta’ parti minn jew il-kontribuzzjoni pubblika kollha għal ħidma;

    (ii)

    l-ammonti rkuprati li tnaqqsu minn dawn id-dikjarazzjonijiet tan-nefqa sottomessa matul is-sena preċedenti;

    (iii)

    dikjarazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati kif kienu fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel, li ġew ikklassifikati skont is-sena meta nħarġu l-ordnijiet għall-ikupru;

    (iv)

    lista tal-ammonti li fis-sena preċedenti kienu ġew iddikjarati li ma jistgħux jiġu rkuprati jew li m’humiex mistennija li jiġu rkuprati, ikklassifikati skont is-sena li fiha ġew maħruġa l-ordnijiet ta’ rkupru.

    Għall-iskopijiet ta’ punti (i), (ii) u (iii), ammonti aggregati relatati mal-irregolaritajiet irrappurtati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1828/2006, b’konformità mal-Artikolu 138(2) ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu pprovduti għal kull assi prijoritarju.

    Għall-iskopijiet tal-punt (iv), kwalunkwe ammont relatat ma’ irregolarità rrappurtata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1828/2006, b’konformità mal-Artikolu 138(2) ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi identifikat permezz tan-numru ta’ referenza ta’ dik l-irregolarità jew b’kwalunkwe metodu adegwat ieħor.

    Għal kull ammont imsemmi f’punt (iv) l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni għandha tindika jekk hija titlobx li s-sehem tal-Komunità għandu jinġarr mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    Jekk, fi ħdan sena mid-data tas-sottomissjoni tal-istqarrija, il-Kummissjoni ma titlobx informazzjoni għall-iskopijiet tal-Artikolu 114(2) ta’ dan ir-Regolament, il-pajjiżi parteċipanti għandhom jiġu infurmati bil-miktub dwar l-intenzjoni tagħha li tiftaħ inkjesta fir-rigward ta’ dak l-ammont jew għandha ssir talba biex il-pajjiżi parteċipanti jkomplu bil-proċedura ta’ rkupru, is-sehem tal-Komunitajiet se jitħallas mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-limitu ta’ żmien ta’ sena ma għandux japplika f’każijiet fejn hemm suspett jew ġie stabbilit li saret frodi.”

    (34)

    Fl-Artikolu 105(1)(c), id-data “il-31 ta’ Diċembru” hija ssostitwita bi “il-31 ta’ Marzu”.

    (35)

    Fl-Artikolu 108, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’li ġej:

    “2.   Kull pajjiż parteċipanti għandu jiżgura li n-nefqa tista’ tiġi vvalidata minn dawk li jikkontrollaw fi żmien perjodu ta’ tliet xhur mid-data li din titressaq lill-kontrolluri mill-benefiċjarju finali.”

    (36)

    L-Artikolu 112 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-kliem “31 ta’ Diċembru tar-raba’ sena” bil-kliem “il-31 ta’ Marzu tal-ħames sena”.

    (b)

    Il-paragrafu 2(b), punt (i) huwa ssostitwit bit-test li ġej:

    “(i)

    in-nefqa mħallsa mill-benefiċjarju inkluża fl-applikazzjoni għall-pagamenti mibgħuta lill-awtorità ta’ ġestjoni u l-kontribuzzjoni pubblika li tikkorrispondi magħhom,”

    (37)

    Fl-Artikolu 115(2), il-punt (d) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(d)

    il-proċeduri li permezz tagħhom il-benefiċjarji finali għar-rimbors jiġu riċevuti, ivverifikati u vvalidati, u l-proċeduri li permezz tagħhom il-ħlasijiet lill-benefiċjarji finali jiġu awtorizzati, mwettqa u mdaħħla fil-kontijiet;”

    (38)

    Fl-Artikolu 121, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’li ġej:

    “1.   Għall-għoti ta’ kuntratti dwar servizzi, forniment u xogħol, il-proċeduri ta’ akkwist se jsegwu mid-dispożizzjonijiet ta’ Kapitolu 3 tat-Taqsima 2 Titolu IV tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u Kapitolu 3 tat-Taqsima 2, Titolu III tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, kif ukoll mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 2034 dwar ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għal kuntratti ta’ servizz, akkwisti pubbliċi u xogħol iffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej għall-iskopijiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, bl-esklużjoni tas-Sezzjoni II.8.2.

    Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw fiż-żona kollha tal-programm transkonfinali, kemm fuq l-Istati Membri kif ukoll fuq it-territorju tal-pajjiżi benefiċjarji.”

    (39)

    Fl-Artikolu 124, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’li ġej:

    “2.   Meta l-kontribuzzjoni mill-fondi tal-Komunità hija kkalkolata b’referenza għan-nefqa pubblika prevista fl-Artikolu 90(2), kwalunkwe informazzjoni dwar infiq minbarra nefqa pubblika ma għandhiex tinċidi fuq l-ammont dovut kif ikkalkolat abbażi tat-talba ta’ ħlas.”

    (40)

    L-Artikolu 126 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 126

    Il-ħlas bis-sħiħ lill-benefiċjarji

    Id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 40 (9) għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

    (41)

    Fl-Artikolu 127(3), it-tieni subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “L-ammont għandu jinqaleb f’euro permezz tar-rata għal kull xahar tal-kambju tal-kontijiet tal-Kummissjoni fix-xahar li matulu l-applikazzjoni tal-pagament tressqet lill-awtorità ta’ ġestjoni mill-benefiċjarju finali msemmi fl-Artikolu 108. Din ir-rata għandha tiġi ppubblikata elettronikament kull xahar mill-Kummissjoni.”

    (42)

    Fl-Artikolu 128(1), l-ammont ta’ finanzjament ta’ qabel il-25 % huwa ssostitwit bi “50 %”.

    (43)

    L-Artikolu 139 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 5, il-punt (c) qiegħed jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    Fir-rigward tal-parti tal-programm transkonfinali li tikkonċerna l-pajjiż rispettiv, l-aġenzija li timplimenta se tieħu taħt idejha l-għoti ta’ offerti u kuntratti, ħlasijiet, rappurtaġġ finanzjarju u dwar kontabbiltà tal-akkwist ta’ servizzi, forniment u ħidmiet u l-għoti ta’ kuntratti, ħlasijiet, kontabiltà u rappurtaġġ finanzjarju dwar għotjiet.”

    (b)

    Il-paragrafu 6 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

    “6.   Fil-każ ta’ ġestjoni deċentralizzata, il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-istrutturi operattivi għandhom ikunu dawk imsemmija fil-programmi rilevanti transkonfinali.”

    (44)

    Fl-Artikolu 140(1), il-punt (a) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    japprova mill-kriterji għall-għażla ta’ operazzjonijiet iffinanzjati mill-programm transkonfinali li jinkludu dawk l-operazzjonijiet li ġew identifikati ‘l barra minn sejħiet għal proposti msemmija fl-Artikolu 95(1);”

    (45)

    Fl-Artikolu 141, it-tielet paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

    “Fil-każ ta’ ġestjoni deċentralizzata, il-Kummissjoni tista’ twettaq kwalunkwe evalwazzjoni ad hoc li hi tqis neċessarja.”

    (46)

    L-Artikolu 148 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 2 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Barra mir-regoli stipulati fl-Artikoli 34(3), l-ispejjeż ta’ deprezzament għall-infrastrutturi mhumiex se jkunu eliġibbli.”

    (b)

    Jiddaħħal il-paragrafu 3 segwenti:

    “3.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 34(3), spejjeż operattivi, li jinkludu spejjeż ta’ kiri, relatati esklussivament mal-perjodu ta’ finanzjament bi sħab tal-operazzjoni, jistgħu jkunu eliġibbli.”

    (47)

    Fl-Artikolu 149, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’li ġej:

    “2.   Il-kontribuzzjoni Komunitarja ma għandhiex taqbeż il-limitu ta’ 85 % tan-nefqa eliġibbli fuq il-livell tal-fus prijoritarju.”

    (48)

    Artikolu 150, huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 1 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Għall-iskopijiet ta’ dan il-komponent, proġett li jiġġenera dħul huwa kwalunkwe proġett propost għal assistenza ta’ qabel l-adeżjoni li jinvolvi investiment f’infrastruttura, li l-użu tiegħu huwa soġġett għal tariffi li jitħallsu direttament minn utenti u li jiġġeneraw dħul, jew kwalunkwe ħidma li tinvolvi l-bejgħ jew kiri ta’ art jew bini jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra tas-servizzi kontra l-ħlasijiet.”

    (b)

    Il-paragrafu 2 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

    “2.   In-nefqa eliġibbli għal proġetti li jiġġeneraw dħul, użati biex bihom tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni Komunitarja b’konformità mal-Artikolu 149, mhux se taqbeż il-valur attwali tad-dħul nett mill-investiment fuq perjodu ta’ referenza speċifiku għal (a) investimenti fl-infrastruttura; Jew (b) proġetti oħra fejn huwa possibbli li jiġi stmat oġġettivament id-dħul bil-quddiem.”

    (c)

    Jiddaħħal il-paragrafu 5 segwenti:

    “5.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu ma japplikawx għal:

    (a)

    operazzjonijiet kofinanzjati taħt dan il-komponiment, l-ispiża totali li hija ekwivalenti jew inqas minn EUR 1 miljun;

    (b)

    dħul iġġenerat matul il-ħajja ekonomika tal-investimenti kofinanzjati fil-każ ta’ investimenti f’ditti;

    (c)

    dħul li sar fi ħdan il-qafas tal-istrumenti ta’ finanzjament li jiffaċilitaw l-aċċess għal revolving financing permezz ta’ kapital ta’ riskju, self u fondi ta’ garanzija.”

    (49)

    Fl-Artikolu 152(2) jiddaħħal il-punt (d) li ġej:

    “(d)

    spejjeż relatati ma’ garanzija tal-bank jew ċertezza kumparabbli li għandha tiġi ppreżentata mill-benefiċjarju tal-għotja.”

    (50)

    Fl-Artikolu 156(1), il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    wara r-reviżjoni annwali tad-dokument ta’ ppjanar indikattiv multiannwali,”

    (51)

    Fl-Artikolu 160, jiddaħħal il-paragrafu 4 segwenti:

    “4.   Fil-każ tal-komponent għall-iżvilupp reġjonali, matul ir-reviżjoni tal-programmi operattivi kif imsemmijin fl-Artikolu 156, il-finanzjament minn qabel imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiżdied sa massimu ta’ 30 % tal-kontribut Komunitarju għal dawn l-aħħar tliet snin.”

    (52)

    Fl-Artikolu 167(4), il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    jiġu eżaminati, matul kull laqgħa, ir-riżultati tal-implimentazzjoni, partikolarment il-kisba tal-miri stabbiliti għal kull fus prijoritarju u miżuri u evalwazzjonijiet interim imsemmija fl-Artikolu 57; għandu jitwettaq dan il-monitoraġġ b’referenza lejn l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 155(2)(d).”

    (53)

    Fl-Artikolu 181, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’li ġej:

    “2.   Il-pajjiżi benefiċjarji għandhom jelaboraw strateġija ta’ taħriġ għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet previsti taħt l-ewwel paragrafu. Din l-istrateġija għandha tinkludi valutazzjoni kritika tal-istrutturi eżistenti ta’ taħriġ, analiżi tal-ħtiġijiet u l-għanijiet tat-taħriġ. Għandha tistabbilixxi wkoll sett ta’ kriterji għall-għażla ta’ fornituri tat-taħriġ. Deskrizzjoni tal-istrateġija tat-taħriġ se tkun inkluża fil-programm.”

    (54)

    Fl-Artikolu 182, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’li ġej:

    “2.   Il-kumitat settorjali ta’ monitoraġġ għal dan il-komponent għandu jkun ikkonsultat dwar l-attivitajiet ta’ assistenza teknika. Għandu japprova kull sena pjan ta’ azzjoni annwali għall-implimentazzjoni ta’ attivijatjiet ta’ għajnuna tekniċi.”

    (55)

    Fl-Artikolu 184, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’li ġej:

    “2.   Kull programm għandu jinkludi:

    (a)

    deskrizzjoni kwantifikata tas-sitwazzjoni attwali li turi d-diskrepanzi, in-nuqqasijiet u l-potenzjal għal żvilupp, ir-riżultati ewlenin tal-ħidmiet preċedenti mwettqa bl-assistenza Komunitarja u minn assistenza bilaterali jew multilaterali oħra, ir-riżorsi finanzjarji użati u l-evalwazzjoni tar-riżultati disponibbli;

    (b)

    deskrizzjoni tal-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp rurali proposta, ibbażata fuq l-analiżi tas-sitwazzjoni attwali fiż-żoni rurali;

    (c)

    deskrizzjoni tal-prijoritajiet strateġiċi tal-programm, ibbażata fuq l-istrateġija nazzjonali ghall-iżvilupp rurali u fuq analiżi tas-setturi kkonċernati, li jinvolvu kompetenza indipendenti. L-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp rurali għandha tinkludi wkoll għanijiet ikkwantifikati, li jindikaw kull fus prijoritarju stipulat taħt l-Artikolu 171(1) il-monitoraġġ adattat u l-indikaturi ta’ evalwazzjoni;

    (d)

    spjegazzjoni ta’ kif il-metodu strateġiku ġenerali u l-istrateġiji settorjali identifikati fid-dokument ta’ ppjanar indikattiv multiannwali tal-pajjiż benefiċjarju jistgħu jwasslu għal azzjonijiet speċifiċi fi ħdan il-komponent tal-iżvilupp rurali;

    (e)

    tabella finanzjarja ta’ indikazzjoni ġenerali li tagħti sommarju tar-riżorsi finanzjarji nazzjonali, Komunitarji u, fejn xieraq, dawk privati mogħtija għal, u li jikkorrisspondu għal, kull miżura ta’ żvilupp rurali, kif ukoll ir-rata ta’ kofinanzjament tal-UE skont il-fus;

    (f)

    deskrizzjoni tal-miżuri magħżula mill-Artikolu 171 bl-inklużjoni ta’:

    id-definizzjoni tal-benefiċjarji finali,

    l-iskop ġeografiku,

    il-kriterji ta’ eliġibbiltà,

    il-kriterji tal-klassifikazzjoni għall-proġetti magħżula,

    l-indikaturi ta’ monitoraġġ,

    l-indikaturi ta’ miri kkwantifikati;

    (g)

    deskrizzjoni tal-istruttura operattiva għall-implimentazzjoni tal-programm, bl-inklużjoni tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;

    (h)

    l-ismijiet tal-awtoritajiet u l-entitajiet responsabbli mit-twettiq tal-programm;

    (i)

    ir-riżultati ta’ konsultazzjonijiet u dispożizzjonijiet addottati għal assoċjazzjoni ta’ awtoritajiet u korpi rilevanti kif ukoll ta’ sħab ekonomiċi, soċjali u ambjentali xierqa;

    (j)

    ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni ex ante tal-programm, flimkien mad-deskrizzjoni tas-segwitu mwettaq mill-pajjiżi benefiċjarji dwar ir-rakkomandazzjonijiet.”

    (56)

    Fl-Artikolu 193(1), il-frażi introduttorja tinbidel b’dan li ġej:

    “1.   Taħt dan il-komponent, ir-rapporti settorjali annwali msemmija fl-Artikolu 61(1) għandhom jitressqu quddiem il-Kummissjoni u l-koordinatur nazzjonali tal-IPA fi żmien sitt xhur mit-tmiem ta’ kull sena kalendarja sħiħa tal-implimentazzjoni tal-programm.”

    (57)

    Fl-Anness, punt 3(o) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(o)

    Is-segregazzjoni tad-dmirijiet

    sabiex jiġi żgurat li ħidmiet differenti fil-ħajja tal-istess tranżazzjoni huma allokati lil persunal differenti sabiex jiżguraw livell ta’ kontroll doppju awtomatiku”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament irid jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2010.

    Għall-Kummissjoni

    José Manuel BARROSO

    Il-President


    (1)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.

    (2)  ĠU L 170, 29.6.2007, p. 1.

    (3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.


    Top