This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0424(03)
Decision No E1 of 12 June 2009 concerning the practical arrangements for the transitional period for the data exchange via electronic means referred to in Article 4 of Regulation (EC) No 987/2009 of the European Parliament and of the Council (Text of relevance to the EEA and to the EC/Switzerland Agreement)
Deċiżjoni Nru E1 tat- 12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-arranġamenti prattiċi għall-perjodu tranżitorju tal-iskambju ta’ dejta permezz ta’ mezzi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’relevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)
Deċiżjoni Nru E1 tat- 12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-arranġamenti prattiċi għall-perjodu tranżitorju tal-iskambju ta’ dejta permezz ta’ mezzi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’relevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)
ĠU C 106, 24.4.2010, p. 9–10
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 09/08/2017; Mibdul minn 32017D0719(01)
24.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 106/9 |
DEĊIŻJONI Nru E1
tat-12 ta’ Ġunju 2009
dwar l-arranġamenti prattiċi għall-perjodu tranżitorju tal-iskambju ta’ dejta permezz ta’ mezzi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)
2010/C 106/03
IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,
Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (1), li taħtu l-Kummissjoni Amministrattiva hija responsabbli li tittratta l-mistoqsijiet amministrattivi kollha jew il-mistoqsijiet kollha ta’ interpretazzjoni li joħorġu mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (2),
Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72(d) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, li taħtu l-Kummissjoni Amministrattiva għandha tinkoraġġixxi kemm jista’ jkun l-użu ta’ teknoloġiji ġodda,
Wara li kkunsidrat l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li taħtu t-“Trażmissjoni ta’ dejta bejn l-istituzzjonijiet jew il-korpi ta’ kuntatt għandha ssir b’mezzi elettroniċi …” u “Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tistabbilixxi l-istruttura, il-kontenut, il-format u arranġamenti dettaljati għal skambju ta’ dokumenti u dokumenti elettroniċi strutturati”,
Wara li kkunsidrat l-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, dwar il-perjodu tranżitorju, li jiddikjara li “Kull Stat Membru jista’ jibbenefika minn perjodu tranżitorju għall-iskambju ta’ dejta permezz ta’ mezzi elettroniċi…” u li “Dawn il-perjodi tranżitorji ma għandhomx jaqbżu l-24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-implimentazzjoni.”,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni Amministrattiva biex tistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għal kwalunkwe perjodi tranżitorji meħtieġa, bil-għan li jiżgura skambju ta’ dejta meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolament bażiku u r-Regolament ta’ implimentazzjoni. |
(2) |
Huwa meħtieġ li jiġu ċċarati l-prinċipji bażiċi li se jiġu applikati mill-istituzzjonijiet waqt il-perjodu tranżitorju. |
(3) |
Huwa antiċipat li wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti l-ġodda se jkun għad hemm numru sinifikanti ta’ lmenti fil-progress fejn l-intitolament kien irriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 (3) qabel din id-data u li fir-rigward ta’ dawn l-ilmenti huwa propost li l-iskambju ta’ informazzjoni jkun ibbażat b’mod ġenerali fuq il-proċeduri li jinsabu fir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 (4), inkluż l-użu ta’ formoli elettroniċi. |
(4) |
L-Artikolu 94 (1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 jimplika li “għotja doppja” ssir fiċ-ċirkostanzi tal-premessa preċedenti, fejn il-benefiċjarju jirċievi l-ogħla għotja. |
(5) |
Madankollu, fil-prattika, fil-maġġuranza l-kbira tal-każijiet, jekk mhux kollha, għotja bbażata fuq ir-Regolamenti ta’ qabel mhux se tkun imtejba permezz tal-applikazzjoni tar-Regolamenti l-ġodda. Għaldaqstant ġie meqjus li ma jkunx realistiku li wieħed jistenna li l-istituzzjonijiet f’dawn iċ-ċirkostanzi jwettqu proċeduri doppji skont ir-Regolamenti (KEE) Nru 574/72 u (KE) Nru 987/2009. |
(6) |
Il-Paragrafu 5 tad-Deċiżjoni Nru H1 (5) jiċċara l-istatus ta’ ċertifikati (formoli elettroniċi) u l-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (inklużi ċ-Ċertifikati Provviżorji ta’ Tibdil) maħruġa qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009. |
(7) |
Fil-perjodu tranżitorju huma l-Istati Membri li jiddeċiedu meta huma jkunu lesti biex jingħaqdu mal-Iskambju Elettroniku tat-Tagħrif tas-Sigurtà Soċjali (EESSI) b’mod sħiħ jew settur b’settur. Taġixxi skont il-kundizzjonijiet kif stabbiliti fl-Artikolu 71(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
1. |
Waqt il-perjodu tranżitorju, il-prinċipju ewlieni għandu jkun kooperazzjoni tajba bejn l-istituzzjonijiet, il-prattiċità u l-flessibbiltà. Fuq kollox, il-ħtieġa li tiġi garantita tranżizzjoni bla problemi għaċ-ċittadini li jeżerċitaw id-drittijiet taħt ir-Regolamenti l-ġodda hija importanti ħafna. |
2. |
Mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 883/04 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 verżjonijiet fuq il-karta tad-Dokumenti Strutturati Elettroniċi (SEDs) se jieħdu post il-formoli elettroniċi bbażati fuq ir-Regolamenti (KE) Nru 1408/71 u (KE) Nru 574/72. |
3. |
Minkejja l-paragrafu 2, l-Istati Membri li għandhom applikazzjonijiet nazzjonali elettroniċi li jipproduċu formoli elettroniċi jew li għandhom skambji elettroniċi stabbiliti (pereżempju l-proġetti Build), li raġonevolment ma jistgħux jinbidlu f’dan il-limitu ta’ żmien, jistgħu jkomplu jużawhom waqt il-perjodu tranżitorju, sakemm id-drittijiet taċ-ċittadini jkunu garantiti għal kollox taħt ir-Regolamenti l-ġodda. |
4. |
Fil-każijiet kollha, waqt il-perjodu tranżitorju, istituzzjoni għandha taċċetta informazzjoni rilevanti dwar kwalunkwe dokument maħruġ minn istituzzjoni oħra, anki jekk ikun ibbażat fuq format, kontenut jew struttura mhux aġġornata. F’każ ta’ dubji dwar id-drittijiet taċ-ċittadin ikkonċernat, l-istituzzjoni għandha tikkuntattja lill-istituzzjoni li tkun ħarġitu fi spirtu ta’ kooperazzjoni tajba. |
5. |
Kif ġie ddikkjarat taħt il-paragrafu 5 tad-Deċiżjoni Nru H1, formoli elettroniċi, dokumenti u l-Karti Ewropej tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa inklużi ċ-Ċertifikati Provviżorji ta’ Tibdil) maħruġa qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 għandhom jibqgħu validi u jiġu meqjusa mill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra anki wara din id-data, sakemm tiskadi d-data ta’ validità tagħhom jew sakemm jiġu rtirati jew mibdula mid-dokumenti maħruġa jew kkomunikati taħt ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009. |
6. |
Kull Stat Membru jista’ jsegwi approċċ flessibbli bbażat fuq fażijiet, settur b’settur, fl-implimentazzjoni ta’ Skambju Elettroniku ta’ Tagħrif tas-Sigurtà Soċjali (EESSI), sakemm jikseb l-EESSI permezz tal-Punt(i) ta’ Aċċess tiegħu. Stat Membru jista’ wkoll jagħżel li jingħaqad mal-EASSI biss meta s-setturi kollha tiegħu jkollhom aċċess. |
7. |
Li jkollok “aċċess għall-EESSI” ifisser li dak is-settur/il-Punt ta’ Aċċess jista’ jibgħat kif ukoll jirċievi l-messaġġi kollha f’dak is-settur lil/minn Punti ta’ Aċċess oħra tal-Istati Membri. |
8. |
L-informazzjoni dwar liema settur f’liema Stat Membru hu konness mal-EESSI għandha tinżamm f’lista aċċessibbli għall-istituzzjonijiet nazzjonali u riflessa wkoll fid-Direttorju tal-EESSI. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Amministrattiva bil-miktub qabel id-data tal-konnessjoni kif xieraq. |
9. |
Waqt il-perjodu tranżitorju l-iskambju ta’ informazzjoni bejn żewġ Stati Membri f’settur għandha tkun jew skont l-EESSI jew barra l-EESSI; m’għandux ikun hemm “taħlit u tqabbil”, bla ħsara għal kwalunkwe arranġamenti bilaterali li jistgħu, pereżempju, jikkonċernaw ittestjar jew taħriġ konġunt jew raġunijiet analogi. |
10. |
Format standard għal SEDs fuq il-karta, li għandu jiġi miftiehem mill-Kummissjoni Amministrattiva, għandu jkun aċċessibbli għall-istituzzjonijiet. |
11. |
Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 987/2009. |
Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva
Gabriela PIKOROVÁ
(1) ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.
(2) ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.
(5) Ara paġna 13 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.