Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0385

    2010/385/: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 24 ta’ Ġunju 2010 dwar il-konklużjoni tal-Istatut tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA) mill-Unjoni Ewropea

    ĠU L 178, 13.7.2010, p. 17–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/385/oj

    13.7.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 178/17


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-24 ta’ Ġunju 2010

    dwar il-konklużjoni tal-Istatut tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA) mill-Unjoni Ewropea

    (2010/385/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 194(2) u l-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewopew,

    Billi

    (1)

    Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2009, l-Istatut tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA) (1) (minn issa “l-Istatut”) ġie ffirmat f’isem il-Komunità Ewropea fit-23 ta’ Novembru 2009.

    (2)

    B’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea issostitwiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea.

    (3)

    Huwa xieraq għall-Unjoni li tikkonkludi l-Istatut.

    (4)

    Kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom kompetenzi fl-oqsma koperti mill-Istatut.

    (5)

    L-Artikolu VI.C tal-Istatut jipprevedi li l-organizzazzjonijiet reġjonali u intergovernattivi għall-integrazzjoni ekonomika li jsiru membri tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (minn issa “IRENA”) jiddikjaraw safejn għandha tasal il-kompetenza tagħhom fir-rigward tal-materji rregolati mill-Istatut.

    (6)

    Għalhekk, l-Unjoni għandha tadotta t-tali dikjarazzjoni tal-kompetenzi.

    (7)

    L-Unjoni għandha tħallas kontribuzzjoni annwali lill-IRENA prevista mill-Programm Ewropew għall-Enerġija Intelliġenti (“IEE”),

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Id-Dikjarazzjoni tal-kompetenzi hija b’dan adottata f’isem l-Unjoni u t-test tagħha huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    2.   L-Istatut tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA) (minn issa mssejjaħ “l-Istatut”), huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni u t-test tiegħu huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    1.   Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar il-persuna(i) awtorizzata(i) biex tiddepożita/jiddepożitaw l-istrument tar-ratifikazzjoni, f’isem l-Unjoni, mal-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bħala depożitarju tal-Istatut f’konformità mal-Artikolu XIX u l-Artikolu XX.A tal-Istatut sabiex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bih.

    2.   Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar il-persuna(i) awtorizzata(i) biex tiddepożita/jiddepożitaw, f’isem l-Unjoni, id-Dikjarazzjoni tal-kompetenzi li tinsab fl-Anness I, f’konformità mal-Artikolu VI.C tal-Istatut.

    Artikolu 3

    L-Unjoni għandha tħallas kontribuzzjoni annwali lill-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ġunju 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BLANCO LÓPEZ


    (1)  Id-Dikjarazzjoni tal-Konferenza rigward il-verżjonijiet awtentiċi tal-Istatut tifforma parti integrali mill-Istatut.


    ANNESS

    Dikjarazzjoni tal-kompetenzi

    1.

    L-Artikolu VI.C. tal-Istatut jipprevedi li l-istrument ta’ ratifikazzjoni jew ta’ adeżjoni ta’ organizzazzjoni reġjonali u intergovernattiva għall-integrazzjoni ekonomika għandu jkollu dikjarazzjoni tal-punt safejn għandhom jaslu l-kompetenzi tiegħu fir-rigward tal-materji rregolati mill-Istatut.

    2.

    Waqt li jiġi rikonoxxut l-istatus tal-Unjoni Ewropea bħala membru, bħala regola ġenerali, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom il-kompetenza fuq punti tal-aġenda li jittrattaw materji ta’ organizzazzjoni (pereżempju kwistjonijiet legali jew baġitarji) u kwistjonijiet ta’ proċedura (pereżempju elezzjoni ta’ presidenti, adozzjoni tal-aġenda, adozzjoni ta’ rapporti).

    3.

    Konformement mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom kompetenzi fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli kif ġej:

    l-Unjoni għandha l-kompetenza esklużiva fejn dispożizzjoni tal-istatut tal-IRENA jew att li jimplimenta dak l-istatut ikun meħtieġ biex jippermetti lill-Unjoni teżerċita l-kompetenza interna tagħha jew safejn id-dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni jistabbilixxu regoli komuni li jistgħu jiġu affettwati jew il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jiġi mibdul minn dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-IRENA jew minn att adottat b’implimentazzjoni tiegħu;

    safejn jeżistu regoli komuni iżda li la huma affettwati u lanqas ma l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom mhu mibdul, b’mod partikolari f’każijiet ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jistabbilixxu biss standards minimi, l-Istati Membri għandhom kompetenza, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Unjoni li taġixxi f’dan il-qasam;

    l-Istati Membri jibqgħu unikament kompetenti f’materji taħt l-istatut tal-IRENA fir-rigward ta’ liema l-Unjoni ma adottatx regoli komuni.

    Il-lista ta’ atti tal-Unjoni ta’ hawn taħt turi il-punt safejn l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza interna tagħha f’dan il-qasam f’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-punt safejn twassal il-kompetenza tal-Unjoni li tirriżulta minn dawn l-atti għandu jkun ivvalutat b’referenza għad-dispożizzjonijiet preċiżi ta’ kull miżura, u b’mod partikolari l-punt safejn dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu regoli komuni, u, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni, il-punt safejn dawn ir-regoli komuni huma affettwati jew il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu mibdul mid-dispożizzjonijiet tal-istatut tal-IRENA jew minn att adottat b’implimentazzjoni tiegħu.

    Id-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 dwar il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku (ĠU L 283, 27.10.2001, p. 33);

    Id-Direttiva 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2003 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport (ĠU L 123, 17.5.2003, p. 42);

    Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).

    4.

    L-eżerċizzju tal-kompetenzi li l-Istati Membri tal-Unjoni ttrasferew lill-Unjoni skont it-Trattati huwa, min-natura tiegħu, soġġett għal bdil kontinwu. L-Unjoni Ewropea għalhekk tirriżerva d-dritt li taġġusta din id-Dikjarazzjoni.

    Statut tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli

    (IRENA)

    Il-PARTIJIET għal dan l-Istatut,

    XEWQANA li jippromwovu l-adozzjoni u l-użu wiesgħa u akbar tal-enerġija rinnovabbli bil-ħsieb ta’ żvilupp sostenibbli,

    ISPIRATI mit-twemmin sod tagħhom fl-opportunitajiet kbar li toffri l-enerġija rinnovabbli biex jiġu indirizzati u gradwalment imtaffija l-problemi ta’ sigurtà tal-enerġija u l-prezzijiet mhux stabbli tal-enerġija,

    KONVINTI mir-rwol ewlieni li l-enerġija rinovabbli jista’ jkollha fit-tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra fl-atmosfera, biex b’hekk tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tas-sistema tal-klima, u tippermetti transizzjoni sostenibbli, sigura u li sseħħ b’mod moderat u għaqli lejn ekonomija b’karbonju baxx,

    XEWQANA li jrawmu l-impatt pożittiv li t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli jista’ jkollhom fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien ta’ impjiegi,

    MOTIVATI mill-potenzjal enormi tal-enerġija rinnovabbli fl-għoti ta’ aċċess deċentralizzat għall-enerġija, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u aċċess għall-enerġija lil reġjuni u gżejjer iżolati u mbiegħda,

    IMĦASSBA dwar l-implikazzjonijiet negattivi serji li l-użu tal-fjuwils fossili u l-użu ineffiċjenti tal-bijomassa tradizzjonali jista’ jkollhom fuq is-saħħa,

    KONVINTI li l-enerġija rinnovabbli, flimkien ma’ effiċjenza enerġetika mtejba, tista’ tkopri dejjem b’mod aqwa ż-żjieda qawwija fil-bżonnijiet globali tal-enerġija mistennija tul id-deċennji li ġejjin,

    FILWAQT LI JAFFERMAW ix-xewqa tagħhom li jistabbilixxu organizzazzjoni internazzjonali għall-enerġija rinnovabbli, li tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-Membri tagħha, filwaqt li tistabbilixxi wkoll kollaborazzjoni mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet eżistenti li jippromwovu l-użu tal-enerġija rinnovabbli,

    FTIEHMU DAN LI ĠEJ:

    Artikolu I

    Twaqqif tal-Aġenzija

    A.

    Il-Partijiet għal dan l-Istatut hawnhekk qegħdin jistabbilixxu l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (minn hawn 'l quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) skont it-termini u kondizzjonijiet li ġejjin.

    B.

    L-Aġenzija hija bbażata fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-Membri kollha tagħha u għandha tirrispetta b’mod xieraq id-drittijiet sovrani u l-kompetenzi tal-Membri tagħha fit-twettiq tal-attivitajiet tagħha.

    Artikolu II

    Għanijiet

    L-Aġenzija għandha tippromwovi l-adozzjoni wiesgħa u akbar kif ukoll l-użu sostenibbli tal-enerġija rinnovabbli fil-forom kollha tagħha, waqt li tqis:

    (a)

    prijoritajiet u benefiċċji nazzjonali u domestiċi derivati minn approċċ ikkombinat ta’ miżuri relatati mal-enerġija rinnovabbli u miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija, u

    (b)

    il-kontribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli għall-preservazzjoni ambjentali, permezz ta’ limitazzjoni tal-pressjoni fuq riżorsi naturali u t-tnaqqis tad-deforestazzjoni, b’mod partikolari d-deforestazzjoni tropikali, id-deżertifikazzjoni u t-telfien tal-bijodiversità; għall-ħarsien tal-klima; għat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali inklużi t-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli; għall-aċċess u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; għall-iżvilupp reġjonali u għar-responsabbiltà interġenerazzjonali.

    Artikolu III

    Definizzjoni

    F’dan l-Istatut it-terminu “enerġija rinnovabbli” jfisser il-forom kollha ta’ enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli b’mod sostenibbli, li jinkludu, inter alia:

    1.

    il-bijoenerġija;

    2.

    l-enerġija ġeotermali;

    3.

    l-idroenerġija;

    4.

    l-enerġija mill-oċeani, inkluża inter alia l-enerġija mill-marej, mill-mewġ u dik termali tal-oċeani;

    5.

    l-enerġija solari; u

    6.

    l-enerġija mir-riħ.

    Artikolu IV

    Attivitajiet

    A.

    Bħala ċentru ta’ eċċellenza għat-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli li jieħu r-rwol ta’ faċilitatur u katalista, li jipprovdi l-esperjenza għal applikazzjonijiet u politiki prattiċi u li joffri appoġġ għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-enerġija rinnovabbli filwaqt li jgħin pajjiżi differenti biex jibbenefikaw mill-iżvilupp effiċjenti u t-trasferiment ta’ għarfien u teknoloġija, l-Aġenzija twettaq l-attivitajiet li ġejjin:

    1.

    B’mod partikolari għall-benefiċċju tal-Membri tagħha l-Aġenzija għandha:

    (a)

    tanalizza, twettaq monitoraġġ ta’ u, mingħajr obbligi fuq il-politiki tal-Membri, tissistematizza prattiċi attwali tal-enerġija rinnovabbli, inklużi strumenti ta’ politika, inċentivi, mekkaniżmi ta’ investiment, l-aħjar prassi, teknoloġiji disponibbli, sistemi u tagħmir integrati, kif ukoll fatturi ta’ suċċess u ta’ falliment;

    (b)

    toħloq diskussjoni u tiżgura interazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u netwerks governattivi u mhux governattivi oħra f’dan il-qasam u f’oqsma rilevanti oħra;

    (c)

    tipprovdi pariri u assistenza rilevanti dwar il-politiki lill-Membri tagħha fuq talba tagħhom, mingħajr ma tonqos milli tikkunsidra l-ħtiġijiet rispettivi tagħhom, u tistimola diskussjonijiet internazzjonali dwar il-politika tal-enerġija rinnovabbli u l-kundizzjonijiet ta’ qafas relatati tagħha;

    (d)

    ittejjeb it-tagħrif rilevanti u t-trasferiment tat-teknoloġija waqt li tippromwovi l-iżvilupp tal-kapaċità u l-kompetenza lokali fl-Istati Membri inklużi l-interkonnessjonijiet neċessarji;

    (e)

    toffri lill-Membri tagħha żvilupp ta’ kapaċità istituzzjonali inklużi taħriġ u edukazzjoni;

    (f)

    tipprovdi pariri dwar il-finanzjament għall-enerġija rinnovabbli lill-Membri tagħha meta dawn jitolbuhom u tappoġġja l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi relatati;

    (g)

    tistimola u tinkoraġġixxi r-riċerka, inkluża dik relatata ma’ kwistjonijiet soċjo-ekonomiċi, kif ukoll trawwem netwerks ta’ riċerka, riċerka konġunta, żvilupp u użu ta’ teknoloġiji; u

    (h)

    tipprovdi informazzjoni dwar l-iżvilupp u l-użu ta’ standards tekniċi nazzjonali u internazzjonali fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli, ibbażata fuq għarfien sod miksub permezz ta’ preżenza attiva fil-fora rilevanti.

    2.

    Barra minn hekk, l-Aġenzija għandha xxerred l-informazzjoni u żżid l-għarfien pubbliku dwar il-benefiċċji u l-potenzjal li toffri l-enerġija rinnovabbli.

    B.

    Waqt li tkun qed twettaq l-attivitajiet tagħha, l-Aġenzija għandha:

    1.

    taġixxi b’konformità mal-iskopijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti biex jiġu promossi l-paċi u l-kooperazzjoni internazzjonali, u b’konformità mal-politiki tal-Nazzjonijiet Uniti favur it-titjib u t-tkattir tal-iżvilupp sostenibbli;

    2.

    talloka r-riżorsi tagħha b’tali mod li jiġi żgurat li dawn jintużaw b’mod effiċjenti bil-ħsieb li jiġu indirizzati kif xieraq l-għanijiet kollha tagħha u li twettaq l-attivitajiet tagħha għall-kisba tal-akbar benefiċċju possibbli għall-Membri tagħha u fiż-żoni kollha tad-dinja, filwaqt li ma jintesewx il-bżonnijiet speċjali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll dawk ta’ reġjuni u gżejjer iżolati u mbiegħda;

    3.

    tikkoopera mill-qrib u tagħmel sforz biex jiġu stabbiliti relazzjonijiet ta’ benefiċċju reċiproku ma’ istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet eżistenti sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni bla bżonn tax-xogħol u biex tibni fuq u tagħmel użu effiċjenti u effettiv ta’ riżorsi u attivitajiet mibdija minn gvernijiet, u organizzazzjonijiet u aġenziji oħra, li l-għan tagħhom huwa li jippromwovu l-enerġija rinnovabbli.

    C.

    L-Aġenzija għandha:

    1.

    tissottometti rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħha lill-Membri tagħha;

    2.

    tinforma lill-Membri dwar il-pariri ta’ politika tagħha wara li jingħataw; u

    3.

    tinforma lill-Membri dwar il-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni ma’ u l-ħidma ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali eżistenti li jaħdmu f’dan il-qasam.

    Artikolu V

    Programm u proġetti ta’ ħidma

    A.

    L-Aġenzija għandha twettaq l-attivitajiet tagħha fuq bażi tal-programm ta’ ħidma annwali, imħejji mis-Segretarjat, ikkunsidrat mill-Kunsill u adottat mill-Assemblea.

    B.

    L-Aġenzija tista’, flimkien mal-programm ta’ ħidma tagħha, wara konsultazzjoni mal-Membri tagħha u, f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, wara approvazzjoni mill-Assemblea, twettaq proġetti mibdija u ffinanzjati mill-Membri skont id-disponibilità ta’ riżorsi mhux finanzjarji tal-Aġenzija.

    Artikolu VI

    Sħubija

    A.

    Is-sħubija hija miftuħa għall-Istati li huma membri tan-Nazzjonijiet Uniti u għal organizzazzjonijiet reġjonali intergovernattivi għall-integrazzjoni ekonomika li huma lesti u kapaċi li jaġixxu b’mod konformi mal-għanijiet u l-attivitajiet stabbiliti f’dan l-Istatut. Biex tkun eliġibbli għas-sħubija mal-Aġenzija, organizzazzjoni reġjonali intergovernattiva għall-integrazzjoni ekonomika għandha tkun kostitwita minn Stati sovrani, li mill-inqas wieħed minnhom huwa Membru tal-Aġenzija, u li l-Istati Membri tagħha jkunu ttrasferewlha kompetenza f’mill-inqas waħda mill-kwistjonijiet fl-ambitu tal-Aġenzija.

    B.

    Stati u organizzazzjonijiet reġjonali intergovernattivi għall-integrazzjoni ekonomika bħal dawn imsemmija għandhom isiru:

    1.

    Membri oriġinali tal-Aġenzija billi jiffirmaw dan l-Istatut u jiddepożitaw strument ta’ ratifika;

    2.

    Membri oħra tal-Aġenzija billi jiddepożitaw strument ta’ adeżjoni wara li tkun ġiet approvata l-applikazzjoni tagħhom għas-sħubija. Is-sħubija għandha titqies bħala approvata jekk ma jiġi espress l-ebda nuqqas ta’ ftehim sa tliet xhur wara li tkun intbagħtet l-applikazzjoni lill-Membri. F’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim l-applikazzjoni għandha tiġi deċiża mill-Assemblea skont l-Artikolu IX, paragrafu H, punt 1.

    C.

    Fil-każ ta’ kwalunkwe organizzazzjoni reġjonali intergovernattiva għall-integrazzjoni ekonomika, l-organizzazzjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom rigward it-twettiq tal-obbligi tagħhom skont dan l-Istatut. L-organizzazzjoni u l-Istati Membri tagħha m’għandhomx ikunu intitolati li jeżerċitaw drittijiet, inklużi drittijiet tal-vot, skont l-Istatut fl-istess waqt. Fl-istrumenti tagħhom ta’ ratifika jew ta’ adeżjoni, l-organizzazzjonijiet imsemmija hawn fuq għandhom jiddikjaraw l-estent tal-kompetenza tagħhom fir-rigward tal-kwistjonijiet regolati minn dan l-Istatut. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll jgħarrfu lill-Gvern Depożitarju dwar tibdiliet rilevanti fl-estent tal-kompetenza tagħhom. Fil-każ ta’ votazzjoni dwar kwistjonijiet fil-kompetenza tagħhom, organizzazzjonijiet reġjonali intergovernattivi għall-integrazzjoni ekonomika għandhom jivvotaw bin-numru ta’ voti ugwali għan-numru totali ta’ voti attribwibbli lill-Istati Membri tagħhom li huma wkoll membri ta’ din l-Aġenzija.

    Artikolu VII

    Osservaturi

    A.

    Il-pożizzjoni ta’ osservatur tista’ tingħata mill-Assemblea lil:

    1.

    organizzazzjonijiet intergovernattivi u mhux governattivi attivi fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli;

    2.

    Firmatarji li ma rratifikawx l-Istatut; u

    3.

    applikanti għas-sħubija li l-applikazzjoni tagħhom għas-sħubija ġiet approvata skont l-Artikolu VI, paragrafu B, punt 2.

    B.

    Osservaturi jistgħu jipparteċipaw mingħajr id-dritt għall-vot fis-sessjonijiet pubbliċi tal-Assemblea u tal-organi sussidjarji tagħha.

    Artikolu VIII

    Organi

    A.

    Huma hawnhekk stabbiliti bħala l-organi prinċipali tal-Aġenzija:

    1.

    l-Assemblea;

    2.

    il-Kunsill; u

    3.

    is-Segretarjat.

    B.

    L-Assemblea u l-Kunsill, fuq approvazzjoni mill-Assemblea, jistgħu jistabbilixxu organi sussidjarji bħal dawn skont kif meħtieġ għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom skont dan l-Istatut.

    Artikolu IX

    L-Assemblea

    A.

    1.

    L-Assemblea hija l-organu suprem tal-Aġenzija.

    2.

    L-Assemblea tista’ tiddiskuti kull suġġett li jaqa’ fl-ambitu ta’ dan l-Istatut jew li huwa relatat mas-setgħat u l-funzjonijiet ta’ kwalunkwe organu previsti f’dan l-Istatut.

    3.

    Rigward kull suġġett bħal dan l-Assemblea tista’:

    (a)

    tieħu deċiżjonijiet u tagħmel rakkomandazzjonijiet lil kull organu bħal dan, u

    (b)

    tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Membri tal-Aġenzija, fuq talba tagħhom.

    4.

    Barra minn hekk, l-Assemblea għandu jkollha l-awtorità li tipproponi kwistjonijiet għall-konsiderazzjoni mill-Kunsill u li titlob lill-Kunsill u lis-Segretarjat għal rapporti dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-funzjonament tal-Aġenzija.

    B.

    L-Assemblea għandha tkun komposta mill-Membri kollha tal-Aġenzija. L-Assemblea għandha tiltaqa’ f’sessjonijiet regolari li għandhom isiru kull sena sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor.

    C.

    L-Assemblea tinkludi rappreżentant wieħed minn kull Membru. Ir-rappreżentanti jistgħu jiġu akkumpanjati minn sostituti u konsulenti. L-ispejjeż tal-parteċipazzjoni ta’ delegazzjoni għandhom jitħallsu mill-Istat Membru rispettiv.

    D.

    Sessjonijiet tal-Assemblea għandhom isiru fis-sede tal-Aġenzija, sakemm l-Assemblea ma tiddeċidix mod ieħor.

    E.

    Fil-bidu ta’ kull sessjoni regolari, l-Assemblea għandha teleġġi President u uffiċjali oħra bħal dawn skont kif meħtieġ, waqt li tikkunsidra rappreżentanza ġeografika ekwa. Dawn għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jiġu eletti President u uffiċjali ġodda fis-sessjoni regolari li jkun imiss. L-Assemblea għandha tadotta r-regoli tagħha ta’ proċedura b’konformità ma’ dan l-Istatut.

    F.

    Skont l-Artikolu VI paragrafu C, kull Membru tal-Aġenzija għandu jkollu vot wieħed fl-Assemblea. L-Assemblea għandha tieħu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ proċedura permezz ta’ maġġoranza sempliċi tal-Membri preżenti u li jivvotaw. Deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ sustanza għandhom jittieħdu b’kunsens tal-Membri preżenti. Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq l-ebda kunsens, il-kunsens għandu jitqies bħala milħuq jekk ma joġġezzjonawx aktar minn 2 Membri, sakemm l-Istatut ma jipprovdix mod ieħor. Meta jqum il-punt dwar jekk il-kwistjoni hijiex waħda ta’ sustanza jew le, din għandha tiġi ttrattata bħala ta’ sustanza sakemm l-Assemblea bil-kunsens tal-Membri preżenti ma tiddeċidix mod ieħor, li, jekk ma jintlaħaq l-ebda kunsens, għandu jitqies bħala milħuq jekk ma joġġezzjonawx aktar minn 2 Membri. Maġġoranza tal-Membri tal-Aġenzija għandha tikkostitwixxi kworum għall-Assemblea.

    G.

    L-Assemblea għandha, bil-kunsens tal-Membri preżenti:

    1.

    teleġġi l-membri tal-Kunsill;

    2.

    tadotta fis-sessjonijiet regolari tagħha l-baġit u l-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija, imressqa mill-Kunsill, u jkollha l-awtorità li tiddeċiedi dwar emendi tal-baġit u l-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija;

    3.

    tieħu deċiżjonijiet relatati mas-superviżjoni tal-politika finanzjarja tal-Aġenzija, mar-regoli finanzjarji u ma’ kwistjonijiet finanzjarji oħra kif ukoll teleġġi l-awditur;

    4.

    tapprova emendi li jsiru lil dan l-Istatut;

    5.

    tiddeċiedi dwar it-twaqqif ta’ korpi sussidjarji u tapprova t-termini ta’ referenza tagħhom; u

    6.

    tiddeċiedi dwar il-permess għall-vot skont l-Artikolu XVII, paragrafu A.

    H.

    L-Assemblea għandha b’kunsens tal-Membri preżenti, li jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq l-ebda kunsens, għandu jitqies bħala milħuq jekk ma joġġezzjonawx aktar minn 2 Membri:

    1.

    tiddeċiedi, jekk meħtieġ, dwar l-applikazzjonijiet għas-sħubija;

    2.

    tapprova r-regoli ta’ proċedura tal-Assemblea u tal-Kunsill, li għandhom jiġu ppreżentati minn dan tal-aħħar;

    3.

    tadotta r-rapport annwali kif ukoll rapporti oħra;

    4.

    tapprova l-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar il-mistoqsijiet, il-kwistjonijiet jew l-affarijiet kollha fl-ambitu ta’ dan l-Istatut; u

    5.

    tiddeċiedi dwar proġetti addizzjonali skont l-Artikolu V, paragrafu B fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-Membri tagħha.

    I.

    L-Assemblea għandha tinnomina s-sede tal-Aġenzija u d-Direttur Ġenerali tas-Segretarjat (minn hawn 'l quddiem imsejjaħ “Direttur Ġenerali”) bil-kunsens tal-Membri preżenti, jew, jekk ma jistax jintlaħaq l-ebda kunsens, b’vot ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Membri preżenti u li jivvotaw.

    J.

    L-Assemblea għandha tikkunsidra u tapprova kif xieraq waqt l-ewwel sessjoni tagħha kull deċiżjoni, abbozzi ta’ ftehimiet, dispożizzjonijiet u linji gwida mħejjija mill-Kummissjoni Preparatorja skont il-proċeduri tal-votazzjoni għall-ħruġ rispettiv skont kif stipulat fl-Artikolu IX, paragrafi F sa I.

    Artikolu X

    Il-Kunsill

    A.

    Il-Kunsill għandu jikkonsisti minn mill-inqas 11 iżda mhux aktar minn 21 rappreżentant tal-Membri tal-Aġenzija, eletti mill-Assemblea. In-numru konkret ta’ bejn 11 u 21 rappreżentant għandu jikkorrispondi għall-eqreb ekwivalenti ta’ terz tal-Membri tal-Aġenzija li għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tan-numru ta’ Membri tal-Aġenzija fil-bidu tal-elezzjoni rispettiva għall-membri tal-Kunsill. Il-membri tal-Kunsill għandhom jiġu eletti fuq bażi ta’ rotazzjoni skont kif stabbilit fir-regoli ta’ proċedura tal-Assemblea, bil-għan li jiġu żgurati l-parteċipazzjoni effettiva ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw u dik ta’ pajjiżi żviluppati kif ukoll il-kisba ġusta u ekwa tad-distribuzzjoni ġeografika u l-effettività tal-ħidma tal-Kunsill. Il-membri tal-Kunsill għandhom jiġu eletti għal terminu ta’ sentejn.

    B.

    Il-Kunsill għandu jiltaqa’ kull sitt xhur u l-laqgħat tiegħu għandhom jinżammu fis-sede tal-Aġenzija, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor.

    C.

    Il-Kunsill għandu, fil-bidu ta’ kull laqgħa għall-perjodu sal-laqgħa tiegħu li jmiss, jeleġġi President u uffiċjali oħra minn fost il-membri tiegħu skont kif meħtieġ. Il-Kunsill għandu jkollu d-dritt li jelabora r-regoli tiegħu ta’ proċedura. Dawn ir-regoli ta’ proċedura għandhom jiġu ppreżentati lill-Assemblea għall-approvazzjoni.

    D.

    Kull membru tal-Kunsill għandu jkollu vot wieħed. Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ proċedura permezz ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ sustanza għandhom jittieħdu minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu. Meta jqum il-punt dwar jekk il-kwistjoni hijiex waħda ta’ sustanza jew le, dik il-kwistjoni għandha tiġi ttrattata bħala waħda ta’ sustanza sakemm il-Kunsill, permezz ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu, ma jiddeċidix mod ieħor.

    E.

    Il-Kunsill għandu jkun u għandu jinżamm responsabbli lejn l-Assemblea. Il-Kunsill għandu jwettaq il-poteri u l-funzjonijiet mogħtija lilu permezz ta’ dan l-Istatut, kif ukoll dawk il-funzjonijiet delegati lilu mill-Assemblea. Meta jagħmel dan, għandu jaġixxi b’konformità mad-deċiżjonijiet u b’attenzjoni xierqa għar-rakkomandazzjonijiet tal-Assemblea waqt li jiżgura l-implimentazzjoni xierqa u kontinwa tagħhom.

    F.

    Il-Kunsill għandu:

    1.

    jiffaċilita l-konsultazzjonijiet u l-kooperazzjoni fost il-Membri;

    2.

    jikkunsidra u jissottometti lill-Assemblea l-abbozz tal-programm ta’ ħidma u l-abbozz tal-baġit tal-Aġenzija;

    3.

    japprova arranġamenti għas-sessjonijiet tal-Assemblea inkluża l-preparazzjoni tal-abbozz tal-aġenda;

    4.

    jikkunsidra u jissottometti lill-Assemblea l-abbozz tar-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija flimkien ma’ rapporti oħra kif imħejjija mis-Segretarjat skont l-Artikolu XI, paragrafu E, numru 3 ta’ dan l-Istatut;

    5.

    iħejji rapporti oħra li l-Assemblea tista titlob;

    6.

    jikkonkludi ftehimiet jew arranġamenti ma’ Stati, organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji internazzjonali f’isem l-Aġenzija, b’approvazzjoni minn qabel mill-Assemblea;

    7.

    jivverifika l-programm ta’ ħidma hekk kif adottat mill-Assemblea bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tiegħu mis-Segretarjat u fil-limiti tal-baġit adottat;

    8.

    jkollu l-awtorità li jirreferi lill-Assemblea kwistjonijiet għall-konsiderazzjoni tagħha; u

    9.

    jistabbilixxi organi sussidjarji, meta meħtieġ, skont l-Artikolu VIII, paragrafu B, u jiddeċiedi dwar it-termini tagħhom ta’ referenza u dewmien.

    Artikolu XI

    Is-Segretarjat

    A.

    Is-Segretarjat għandu jassisti lill-Assemblea, lill-Kunsill, u lill-organi sussidjarji tagħhom fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. Huwa għandu jwettaq il-funzjonijiet l-oħra fdati lilu permezz ta’ dan l-Istatut kif ukoll dawk il-funzjonijiet delegati lilu mill-Assemblea jew mill-Kunsill.

    B.

    Is-Segretarjat għandu jkun magħmul minn Direttur Ġenerali, li għandu jkun il-kap u l-uffiċjal amministrattiv prinċipali tiegħu, u minn persunal skont kif meħtieġ. Id-Direttur Ġenerali għandu jinħatar mill-Assemblea fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill għal terminu ta’ erba’ snin, li jista’ jiġġedded għal terminu ieħor, iżda mhux aktar.

    C.

    Id-Direttur Ġenerali għandu jkun responsabbli lejn l-Assemblea u l-Kunsill, inter alia għall-ħatra tal-persunal kif ukoll għall-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Segretarjat. Il-konsiderazzjoni tal-akbar importanza fl-impjieg tal-persunal u fl-istipular tal-kondizzjonijiet tas-servizz għandha tkun il-ħtieġa li jiġu żgurati l-ogħla standards ta’ effiċjenza, kompetenza u integrità. Għandha tingħata attenzjoni lill-importanza tal-fatt li r-reklutaġġ tal-persunal isir primarjament mill-Istati Membri u fuq bażi ġeografika wiesgħa kemm jista’ jkun, billi tiġi kkunsidrata b’mod partikolari r-rappreżentazzjoni adegwata ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw u b’enfasi fuq bilanċ bejn is-sessi.

    Fit-tħejjija tal-baġit ir-reklutaġġ propost għandu jiġi mmexxi mill-prinċipju li n-numru tal-persunal għandu jinżamm f’minimu meħtieġ għall-qadi b’mod xieraq tar-responsabbiltajiet tas-Segretarjat.

    D.

    Id-Direttur Ġenerali jew rappreżentant maħtur minnu jew minnha għandu jipparteċipa, mingħajr id-dritt għall-vot, fil-laqgħat kollha tal-Assemblea u tal-Kunsill.

    E.

    Is-Segretarjat għandu:

    1.

    iħejji u jippreżenta lill-Kunsill l-abbozz tal-programm ta’ ħidma u l-abbozz tal-baġit tal-Aġenzija;

    2.

    jimplimenta l-programm ta’ ħidma u d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija;

    3.

    jipprepara u jippreżenta lill-Kunsill l-abbozz tar-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija flimkien ma’ rapporti oħra relatati fuq talba tal-Assemblea jew tal-Kunsill;

    4.

    jipprovdi appoġġ amministrattiv u tekniku lill-Assemblea, lill-Kunsill u lill-organi sussidjarji tagħhom;

    5.

    jiffaċilita l-komunikazzjoni bejn l-Aġenzija u l-Membri tagħha; u

    6.

    jiċċirkola l-pariri ta’ politika wara li jingħataw lill-Membri tal-Aġenzija skont l-Artikolu IV, paragrafu C, punt 2 u jħejji u jissottometti lill-Assemblea u lill-Kunsill rapport dwar il-pariri ta’ politika tiegħu għal kull waħda mis-sessjonijiet tagħhom. Ir-rapport lill-Kunsill għandu jinkludi wkoll il-pariri ta’ politika ppjanati fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali.

    F.

    Fil-qadi ta’ dmirijiethom, id-Direttur Ġenerali u l-membri l-oħra tal-persunal m’għandhomx ifittxu jew jirċievu struzzjonijiet minn gvernijiet jew minn kwalunkwe sors ieħor barra l-Aġenzija. Huma għandhom jastjenu minn kwalunkwe azzjoni li tista’ tirrifletti fuq il-pożizzjonijiet tagħhom ta’ uffiċjali internazzjonali responsabbli biss lejn l-Assemblea u l-Kunsill. Kull Membru għandu jirrispetta l-karattru esklussivament internazzjonali tar-responsabbiltajiet tad-Direttur Ġenerali u l-membri l-oħra tal-persunal u m’għandux jipprova jinfluwenzahom f’dak li jirrigwarda l-qadi tar-responsabbiltajiet tagħhom.

    Artikolu XII

    Il-baġit

    A.

    Il-baġit tal-Aġenzija għandu jiġi ffinanzjat minn:

    1.

    kontributi obbligatorji tal-Membri tagħha, li huma bbażati fuq l-iskala ta’ valutazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, skont kif stipulat mill-Assemblea;

    2.

    kontribuzzjonijiet volontarji; u

    3.

    sorsi oħra possibbli

    skont ir-regoli finanzjarji li għandhom jiġu adottati mill-Assemblea permezz ta’ kunsens, kif stabbilit fl-Artikolu IX, paragrafu G ta’ dan l-Istatut. Ir-regoli finanzjarji u l-baġit għandhom jiżguraw bażi finanzjarja soda tal-Aġenzija u għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-attivitajiet tal-Aġenzija, kif stabbilit mill-programm ta’ ħidma. Kontribuzzjonijiet mandatorji għandhom jiffinanzjaw attivitajiet ewlenin u spejjeż amministrattivi.

    B.

    L-abbozz tal-baġit tal-Aġenzija għandu jiġi mħejji mis-Segretarjat u ppreżentat lill-Kunsill biex jiġi eżaminat. Il-Kunsill għandu jew jgħaddih lill-Assemblea b’rakkomandazzjoni għall-approvazzjoni jew iroddu lura lis-Segretarjat għal reviżjoni u preżentazzjoni mill-ġdid.

    C.

    L-Assemblea għandha taħtar awditur estern li għandu jżomm il-kariga għal perjodu ta’ erba’ snin u li għandu jkun eliġibbli biex jiġi elett mill-ġdid. L-ewwel awditur għandu jżomm il-kariga għal perjodu ta’ sentejn. L-awditur għandu jeżamina l-kontijiet tal-Aġenzija u għandu jagħmel l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet meqjusa bħala neċessarji fir-rigward tal-effiċjenza tal-ġestjoni u tal-kontrolli finanzjarji interni.

    Artikolu XIII

    Personalità legali, privileġġi u immunitajiet

    A.

    L-Aġenzija għandu jkollha personalità legali internazzjonali. Fit-territorju ta’ kull Membru u soġġett għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, l-Aġenzija għandha tgawdi mill-kapaċità ġuridika nazzjonali li tista’ tkun meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet u t-twettiq tal-għanijiet tagħha.

    B.

    Il-Membri għandhom jiddeċiedu fuq ftehim separat dwar privileġġi u immunitajiet.

    Artikolu XIV

    Relazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet oħra

    Soġġett għall-approvazzjoni tal-Assemblea, il-Kunsill għandu jkun awtorizzat sabiex jikkonkludi ftehim f’isem l-Aġenzija biex jiġu stabbiliti relazzjonijiet xierqa man-Nazzjonijiet Uniti u ma’ kwalunkwe organizzazzjoni oħra li x-xogħol tagħha huwa relatat ma’ dik tal-Aġenzija. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Istatut m’għandux ikollhom effett fuq id-drittijiet u l-obbligi ta’ kwalunkwe Membru li jirriżultaw minn trattati internazzjonali eżistenti.

    Artikolu XV

    Emendi u rtirar, reviżjoni

    A.

    Emendi għal dan l-Istatut jistgħu jiġu proposti minn kwalunkwe Membru. Kopji ċertifikati tat-test ta’ kwalunkwe emenda proposta għandhom jiġu ppreparati mid-Direttur Ġenerali u għandhom jiġu komunikati minnu lill-Membri kollha mill-inqas disgħin jum qabel il-konsiderazzjoni tagħha mill-Assemblea.

    B.

    Emendi għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Membri kollha:

    1.

    meta jiġu approvati mill-Assemblea wara konsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kunsill dwar kull emenda proposta; u

    2.

    wara li l-Membri kollha jkunu qablu li jiġu vinkolati mill-emenda skont il-proċessi kostituzzjonali rispettivi tagħhom. Il-Membri għandhom jesprimu l-kunsens tagħhom li jiġu vinkolati billi jiddepożitaw strument korrispondenti mad-Depożitarju msemmi fl-Artikolu XX, paragrafu A.

    C.

    Fi kwalunkwe żmien wara ħames snin mid-data ta’ meta dan l-Istatut jidħol fis-seħħ skont il-paragrafu D tal-Artikolu XIX, Membru jista’ jirtira mill-Aġenzija permezz ta’ avviż bil-miktub dwar din id-deċiżjoni mogħti lid-Depożitarju msemmi fl-Artikolu XX, paragrafu A, li għandu jgħarraf minnufih lill-Kunsill u lill-Membri kollha.

    D.

    Irtirar bħal dan għandu jidħol fis-seħħ fl-aħħar tas-sena li fiha jkun ġie espress. L-irtirar ta’ Membru mill-Aġenzija m’għandux jaffettwa l-obbligi kuntrattwali tiegħu stipulati skont l-Artikolu V, paragrafu B u l-obbligi finanzjarji tiegħu għas-sena li fiha jirtira.

    Artikolu XVI

    Soluzzjoni ta’ tilwim

    A.

    Il-Membri għandhom isolvu kwalunkwe tilwim bejniethom li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan l-Istatut b’mezzi paċifiċi skont l-Artikolu 2(3) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u, għal dan il-għan, għandhom isibu soluzzjoni permezz tal-mezzi indikati fl-Artikolu 33(1) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

    B.

    Il-Kunsill jista’ jikkontribwixxi għas-soluzzjoni ta’ tilwima permezz ta’ kwalunkwe mezzi li jidhirlu li huma xierqa, inkluż li joffri l-uffiċċji tajbin tiegħu, li jitlob lill-Membri maqbudin fit-tilwima li jibdew il-proċess ta’ soluzzjoni tal-għażla tagħhom u li jirrakkomanda limitu ta’ żmien għal kull proċedura miftiehma.

    Artikolu XVII

    Sospensjoni temporanja ta’ drittijiet

    A.

    Kwalunkwe Membru tal-Aġenzija li qiegħed lura fil-kontribuzzjonijiet finanzjarji tiegħu lill-Aġenzija m’għandu jkollu l-ebda dritt għall-vot jekk l-arretrati tiegħu jammontaw għal jew jaqbżu l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tiegħu għas-sentejn ta’ qabel. Madankollu, l-Assemblea tista’ tippermetti li dan il-Membru jivvota jekk tkun konvinta li n-nuqqas li jsir il-pagament huwa riżultat ta’ ċirkustanzi lil hinn mill-kontroll tal-Membru.

    B.

    Membru li jkompli jikser id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Istatut jew dawk ta’ xi ftehim li jkun daħal fih skont dan l-Istatut jista’ jiġi sospiż milli jeżerċita l-privileġġi u drittijiet ta’ sħubija mill-Assemblea li taġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Membri preżenti u li tivvota fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

    Artikolu XVIII

    Sede tal-Aġenzija

    Is-sede tal-Aġenzija għandha tiġi deċiża mill-Assemblea fl-ewwel sessjoni tagħha.

    Artikolu XIX

    Iffirmar, ratifika, dħul fis-seħħ u adeżjoni

    A.

    Dan l-Istatut għandu jkun miftuħ għall-iffirmar mill-Istati kollha li huma membri tan-Nazzjonijiet Uniti u mill-organizzazzjonijiet reġjonali intergovernattivi għall-integrazzjoni ekonomika waqt il-Konferenza tal-Fondazzjoni kif stipulat fl-Artikolu VI, paragrafu A. Huwa għandu jibqa’ miftuħ għall-iffirmar sad-data ta’ meta jidħol fis-seħħ dan l-Istatut.

    B.

    Għal Stati u organizzazzjonijiet reġjonali intergovernattivi għall-integrazzjoni ekonomika kif stipulat fl-Artikolu VI, paragrafu A li ma ffirmawx dan l-Istatut, dan l-Istatut għandu jkun miftuħ għall-adeżjoni wara li s-sħubija tagħhom tkun ġiet approvata mill-Assemblea skont l-Artikolu VI, paragrafu B, punt 2.

    C.

    Kunsens għal vinkolazzjoni b’dan l-Istatut għandu jiġi espress billi jiġi depożitat strument ta’ ratifika jew ta’ adeżjoni mad-Depożitarju. Ir-ratifika ta’ jew l-adeżjoni ma’ dan l-Istatut għandhom isiru mill-Istati b’konformità mal-proċessi kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

    D.

    Dan l-Istatut għandu jidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara d-data li fiha jkun sar id-depożitu tal-ħamsa u għoxrin strument ta’ ratifika.

    E.

    Għal Stati jew organizzazzjonijiet reġjonali intergovernattivi għall-integrazzjoni ekonomika li jiddepożitaw strument ta’ ratifika jew ta’ adeżjoni wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut, dan l-Istatut għandu jidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara d-data tad-depożitu tal-istrument rilevanti.

    F.

    Ma jistgħu jsiru l-ebda riżervi għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Istatut.

    Artikolu XX

    Id-depożitarju, reġistrazzjoni, it-test awtentiku

    A.

    Il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja hawnhekk qed jiġi nnominat bħala d-Depożitarju ta’ dan l-Istatut u ta’ kull strument ta’ ratifika jew ta’ adeżjoni.

    B.

    Dan l-Istatut għandu jiġi rreġistrat mill-Gvern Depożitarju skont l-Artikolu 102 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

    C.

    Dan l-Istatut, magħmul bl-Ingliż, għandu jiġi depożitat fl-arkivji tal-Gvern Depożitarju.

    D.

    Kopji debitament ċertifikati ta’ dan l-Istatut għandhom jiġu trażmessi mill-Gvern Depożitarju lill-gvernijiet tal-Istati u lill-organi eżekuttivi ta’ organizzazzjonijiet reġjonali intergovernattivi għall-integrazzjoni ekonomika li ffirmaw jew li ġew approvati għas-sħubija skont l-Artikolu VI, paragrafu B, numru 2.

    E.

    Il-Gvern Depożitarju għandu jinforma minnufih lill-Firmatarji kollha ta’ dan l-Istatut dwar id-data ta’ kull depożitu ta’ kwalunkwe strument ta’ ratifika kif ukoll dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut.

    F.

    Il-Gvern Depożitarju għandu jinforma minnufih lill-Firmatarji u lill-Membri kollha dwar id-dati li fihom Stati jew organizzazzjonijiet reġjonali intergovernattivi għall-integrazzjoni ekonomika sussegwentement isiru membri.

    G.

    Il-Gvern Depożitarju għandu jibgħat minnufih applikazzjonijiet ġodda għas-sħubija lill-Membri kollha tal-Aġenzija biex dawn jiġu kkunsidrati skont l-Artikolu VI, paragrafu B, numru 2.

    B’XHIEDA TA’ DAN is-sottoskritti, debitament awtorizzati, iffirmaw dan l-Istatut.

    Magħmul f’Bonn, fis-26 ta’ Jannar 2009, f’oriġinal waħdieni, fil-lingwa Ingliża.


    Top