Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0336

2010/336/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/336/PESK tal- 14 ta’ Ġunju 2010 dwar l-attivitajiet tal-UE f’appoġġ għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà

ĠU L 152, 18.6.2010, pp. 14–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/336/oj

18.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 152/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/336/PESK

tal-14 ta’ Ġunju 2010

dwar l-attivitajiet tal-UE f’appoġġ għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 26(2) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003 l-Kunsill Ewropew adotta Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà li appellat għal ordni internazzjonali bbażat fuq multilateraliżmu effettiv. L-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà tirrikonoxxi l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) bħala l-qafas fundamentali għar-relazzjonijiet internazzjonali. It-tisħiħ tan-NU, u li tiġi mgħammra biex tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha u biex taġixxi b’mod effettiv, huwa prijorità tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Fis-6 ta’ Diċembru 2006 l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat ir-Riżoluzzjoni 61/89 bit-titolu “Lejn trattat dwar il-kummerċ tal-armi: stabbiliment ta’ standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta’ armi konvenzjonali”.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill laqa’ l-bidu formali tal-proċess lejn l-elaborazzjoni ta’ Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (minn issa “TKA”) internazzjonali u legalment vinkolanti u nnota b’apprezzament li maġġoranza ċara tal-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni, kienu appoġġaw ir-riżoluzzjoni 61/89 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU. Il-Kunsill afferma mill-ġdid li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom ikollhom rwol attiv f’dan il-proċess, u ssottolinja l-importanza ta’ kooperazzjoni ma’ Stati u organizzazzjonijiet reġjonali oħrajn f’dan il-proċess.

(4)

Is-Segretarju Ġenerali tan-NU stabbilixxa Grupp ta’ Esperti Governattivi (minn issa “il-GGE”) magħmul minn 28 membru biex ikompli jikkunsidra l-possibbiltà ta’ TKA. Il-GGE ltaqa’ matul l-2008 u kkonkluda li kienet meħtieġa aktar konsiderazzjoni u li għandhom isiru sforzi, fuq bażi gradwali, b’mod miftuħ u trasparenti, fil-qafas tan-NU. Il-GGE ħeġġeġ li għandha tingħata assistenza lill-Istati fil-bżonn, fejn tintalab, minn dawk l-Istati li qegħdin f’pożizzjoni li jipprovduha.

(5)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2007, il-Kunsill laqa’ l-istabbiliment ta’ GGE tan-NUE u esprima t-twemmin sod tiegħu li strument komprensiv, legalment vinkolanti, konsistenti mar-responsabbiltajiet eżistenti tal-Istati skont il-liġi internazzjonali relevanti u li jistabbilixxi standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta’ armi konvenzjonali, għandu jkun ta’ kontribut kbir għat-trattament tal-proliferazzjoni mhux mixtieqa u mhux responsabbli ta’ armi konvenzjonali.

(6)

L-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR) appoġġa dan il-proċess billi wettaq studju f’żewġ partijiet li jikkonsisti f’żewġ settijiet ta’ analiżi approfonditi ta’ fehmiet tal-Istati Membri tan-NU dwar il-fattibbiltà, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-abbozz tal-parametri ta’ Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA). Is-settijiet ta’ analiżi, li saru f’Diċembru 2007 u f’Jannar 2008, servew bħala kontribut utli għall-GGE.

(7)

Fl-24 ta’ Diċembru 2008 l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat ir-Riżoluzzjoni 63/240 bit-titolu “Lejn trattat dwar il-kummerċ tal-armi: stabbiliment ta’ standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta’ armi konvenzjonali” li stabbiliet Grupp ta’ Ħidma Miftuħ (minn issa “OEWG”) biex jikkunsidra aktar dawk l-elementi fir-rapport tal-GGE fejn jista’ jkun żviluppat kunsens għall-inklużjoni tagħhom fi trattat legalment vinkolanti eventwali dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta’ armi konvenzjonali. L-OEWG ltaqa’ darbtejn fl-2009, u ppreżenta rapport lill-Assemblea Ġenerali tan-NU fejn innota li l-problema tal-kummerċ mhux regolat fl-armi konvenzjonali u d-diverżjoni tagħhom lejn is-suq illegali, għandha tkun indirizzata permezz ta’ azzjoni internazzjonali.

(8)

Abbażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ hawn fuq, l-Unjoni ddeċidiet li tappoġġa t-TKA, billi tiftaħ id-dibattitu biex jiġu inklużi Stati li mhumiex membri tal-GGE, kif ukoll atturi oħrajn bħas-soċjetà ċivili u l-industrija, sabiex il-kwistjoni tinftiehem aktar u sabiex tikkontribwixxi għall-ħidma tal-OEWG. Għal dan l-għan, fid-19 ta’ Jannar 2009 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/42/PESK (1) dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-UE sabiex jiġi promoss il-proċess li jwassal għat-Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi fost pajjiżi terzi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà.

(9)

Fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2009/42/PESK, l-UNIDIR, bħala l-aġenzija implimentattiva tad-Deċiżjoni, organizzat sitt seminars reġjonali, avveniment sekondarju u avvenimenti ta’ tnedija u konklużjoni bejn Frar 2009 u Frar 2010. Dawn l-attivitajiet ippermettew lill-partijiet interessati relevanti, inklużi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, l-industrija u pajjiżi li ma pparteċipawx fil-GGE, biex jieħdu sehem fid-diskussjonijiet informali miftuħa dwar TKA. L-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/42/PESK offriet ukoll opportunità biex jiġu integrati approċċi nazzjonali u reġjonali għall-proċess internazzjonali li għaddej, u biex jingħata kontribut għall-identifikazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-implikazzjonijiet ta’ trattat dwar il-kummerċ tal-armi konvenzjonali.

(10)

Fit-2 ta’ Diċembru 2009 l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat ir-Riżoluzzjoni 64/48 “It-trattat dwar il-kummerċ tal-armi” li ddeċidiet li ssejjaħ il-Konferenza tan-NU dwar it-TKA fl-2012 biex telabora strument legalment vinkolanti dwar l-ogħla standards komuni internazzjonali possibbli għat-trasferimenti tal-armi konvenzjonali. Ir-riżoluzzjoni ddeċidiet ukoll li s-sessjonijiet li baqa’ tal-OEWG għandhom ikunu kkunsidrati bħala Laqgħat tal-Kumitati ta’ Tħejjija għall-Konferenza tan-NU.

(11)

B’kont meħud tal-attivitajiet tad-Deċiżjoni 2009/42/PESK li tiskadi f’Mejju 2010, il-ħtieġa li titħejja b’suċċess Konferenza tan-NU dwar it-TKA fl-2012, u tar-rakkomandazzjoni li tinsab fir-riżoluzzjoni 64/48 biex tiġi żgurata l-akbar parteċipazzjoni u dik l-aktar effettiva possibbli fil-Konferenza, l-Unjoni għandha tappoġġa l-proċess preparatorju li jwassal għall-Konferenza tan-NU biex jiġi żgurat li huwa jkun inklużiv kemm jista’ jkun u kapaċi jagħmel rakkomandazzjonijiet konkreti dwar l-elementi ta’ Trattat futur. L-appoġġ tal-Unjoni għall-proċess tat-TKAgħandu jinkludi miżuri b’appoġġ għas-sistemi ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni nazzjonali fil-pajjiżi terzi li jridu jikkonformaw ma’ TKA futur.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Biex tappoġġa t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (minn issa “it-TKA”), l-Unjoni għandha twettaq attivitajiet bl-objettivi li ġejjin:

biex tappoġġa l-proċess preparatorju li jwassal għall-Konferenza tan-NU dwar TKA biex jiġi żgurat li jkun inklużiv kemm jista’ jkun u jkun kapaċi jagħmel rakkomandazzjonijiet konkreti dwar l-elementi tat-TKA futur;

biex tappoġġa l-Istati Membri tan-NU fl-iżvilupp u t-titjib tal-għarfien espert nazzjonali u reġjonali għall-implimentazzjoni ta’ kontrolli effettivi tat-trasferimenti tal-armi, sabiex jiġi żgurat li t-TKA futur, meta jidħol fis-seħħ, ikun effettiv kemm jista’ jkun.

2.   Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, l-Unjoni ser twettaq dan il-proġett:

l-organizzazzjoni ta’ seba’ seminars reġjonali, avveniment ta’ tnedija u ta’ konklużjoni, sa tliet avvenimenti sekondarji u t-tqassim tar-riżultati.

Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett imsemmi hawn fuq hi mniżżla fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (minn issa, “ir-RGħ”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tkun imwettqa mill-Istitut tan-NU għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR).

3.   L-UNIDIR għandu jwettaq il-kompitu tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan il-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-UNIDIR.

Artikolu 3

1.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza għall-implementazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu (2) għandu jkun ta’ EUR 1 520 000.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hi għandha tikkonkludi ftehim finanzjarju mal-UNIDIR. Il-ftehim għandu jistipula li l-UNIDIR għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hi għandha tinforma lill-Kunsill dwar id-diffikultajiet f’dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim finanzjarju.

Artikolu 4

Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill abbażi ta’ rapporti regolari wara l-organizzazzjoni ta’ kull seminar reġjonali u s-seminar finali u ta’ ftuħ kif ukoll l-avvenimenti sekondarji. Ir-rapporti għandhom jitħejjew mill- UNIDIR u għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3). Hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha jekk dak il-ftehim ta’ finanzjament ma jkunx ġie konkluż sa dakinhar.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)   ĠU L 17, 22.1.2009, p. 39.


ANNESS

1.   Għan

L-għan ġenerali ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tappoġġa l-proċess preparatorju li jwassal għall-Konferenza tan-NU dwar it-TKA biex jiġi żgurat li huwa inklużiv kemm jista’ jkun u li kapaċi jagħmel rakkomandazzjonijiet konkreti dwar l-elementi tat-TKA futur, u li tappoġġa lill-Istati Membri tan-NU fl-iżvilupp u t-titjib tal-għarfien espert nazzjonali u reġjonali biex jiġu implimentati kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni u t-trasferiment tal-armi.

2.   Deskrizzjoni tal-proġett

2.1.   Għan tal-proġett

Il-proġett għandu l-għan li jilħaq l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

jappoġġa l-proċess preparatorju li jwassal għall-Konferenza tan-NU dwar Trattat dwar it-TKA, inkluż permezz ta’:

(i)

iż-żieda tas-sensibilizzazzjoni, l-għarfien u l-intendiment tal-proċess TKA fost l-Istati Membri tan-NU, is-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-industrija;

(ii)

il-promozzjoni ta’ parteċipazzjoni inklużiva, attiva u effettiva tal-akbar numru possibbli ta’ Stati Membri tan-NU fil-Kumitat Preparatorju li għandu jsir fl-2010-2011;

(iii)

l-identifikazzjoni u l-formulazzjoni ta’ proposti konkreti dwar il-kontenut ta’ TKA, inklużi l-aktar kamp ta’ applikazzjoni, parametri u implikazzjonijiet komprensivi;

(iv)

il-promozzjoni, fost il-pajjiżi terzi, tal-ogħla standards possibbli għat-TKA, anke abbażi tal-esperjenzi u l-istrumenti reġjonali;

(v)

ppoġġ tat-tħejjija tal-Konferenza tal-2012 bit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ negozjar tal-parteċipanti.

(b)

appoġġa l-pajjiżi terzi fl-isforzi tagħhom li jistabbilixxu, itejbu u jimplimentaw, kif adatt, is-sistemi ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni u t-trasferiment, inkluż permezz ta’:

(i)

l-assistenza fl-istabbiliment u t-tisħiħ tas-sistemi ta’ liċenzji;

(ii)

l-assistenza fit-titjib tal-konformità mal-kontrolli nazzjonali li jimplimentaw TKA futur u l-infurzar tagħhom, inklużi l-kontrolli tal-fruntieri, u l-monitoraġġ fuq l-esportazzjonijiet u t-trasferimenti tal-armi;

(iii)

l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ rapporti nazzjonali u reġjonali dwar l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet ta’ armi sabiex jiġu promossi t-trasparenzi u r-responsabbiltà tal-kummerċ tal-armi;

(iv)

l-appoġġ għal aktar trasparenza u responsabbiltà tal-kummerċ tal-armi permezz tal-parteċipazzjoni fir-Reġistru tan-NU dwar l-Armi Konvenzjonali (UN ROCA);

(v)

l-assistenza għall-isforzi nazzjonali biex jiġu mmarkati u rintraċċati armi żgħar u armamenti ħfief (SALW).

2.2.   Riżultati tal-Proġett

L-implimentazzjoni tal-proġett ser tirriżulta fi:

(a)

aktar sensibbilizzazzjoni, għarfien u fehim tal-proċess tat-TKA mill-Istati Membri tan-NU;

(b)

parteċipazzjoni usa’ u aktar sostantiva tal-Istati Membri tan-NU fil-Kumitat Preparatorju li għandu jsir fl-2010-2011, inkluż permezz tal-formulazzjoni ta’ proposti konkreti dwar il-kontenut ta’ TKA li għandu jirrifletti l-aktar kamp ta’ applikazzjoni komprensiv u l-ogħla standards possibbli;

(c)

aktar sensibbilizzazzjoni mill-pajjiżi terzi dwar l-istruttura u l-funzjonament tas-sistemi ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni tal-armi konvenzjonali, inkluż permezz ta’ appoġġ li jimmira għat-titjib tal-konformità mal-kontrolli nazzjonali li jimplimentaw TKA futur u l-infurzar tiegħu, inklużi l-kontrolli tal-fruntieri, u l-monitoraġġ tal-esportazzjonijiet u t-trasferimenti tal-armi;

(d)

it-titjib taż-żamma tar-reġistri u l-kontabbiltà tal-armi, inkluż permezz ta’ marki u rintraċċar u l-preżentazzjoni nazzjonali lir-Reġistru tan-NU dwar l-Armi Konvenzjonali (UN ROCA) u kapaċitajiet nazzjonali mtejbin fil-kontrolli fuq l-esportazzjoni fost stati parteċipanti.

2.3.   Deskrizzjoni tal-attivitajiet

Il-proġett jipprevedi l-organizzazzjoni ta’ seba’ seminars reġjonali, avveniment ta’ tnedija u ta’ konklużjoni, sa tliet avvenimenti sekondarji u t-tqassim tar-riżultati.

Is-seminars reġjonali ser isiru matul tlett ijiem f’post li għandu jiġi ddeterminat fir-reġjuni ta’ mira.

2.3.1   Struttura tas-seminars reġjonali

Is-seminars ser jinkludu l-preżentazzjonijiet u d-diskussjonijiet li ġejjin:

 

L-ewwel parti [JUM 1 u JUM 2 (l-ewwel nofs)]:

(a)

ħarsa ġenerali tat-TKA, sfond, kamp ta’ applikazzjoni possibbli u parametri, eċċ...;

(b)

opinjonijiet nazzjonali u reġjonali dwar it-TKA, inkluża preżentazzjoni tal-opinjoni tal-Unjoni dwar TKA;

(c)

aspetti oħrajn tat-TKA, inklużi miżuri ta’ trasparenza u assistenza;

(d)

formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet għall-ħidma tas-sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju.

 

It-tieni parti [JUM 2 (it-tieni nofs) u JUM 3]:

(a)

preżentazzjoni ta’ sistemi nazzjonali u reġjonali tal-kontroll fuq il-kummerċ tal-armi konvenzjonali, inkluża l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u apparat militari (1);

(b)

aspetti tal-istabbiliment u l-infurzar tas-sistemi ta’ liċenzji, inkluż l-aspetti legali u amministrattiv;

(c)

aspetti tal-konformità mal-kontrolli nazzjonali li jimplimentaw TKA futur u l-infurzar tagħhom, inklużi l-kontrolli tal-fruntieri, u l-monitoraġġ tal-esportazzjonijiet u t-trasferimenti u l-esportazzjonijiet tal-armi;

(d)

aspetti taż-żamma tar-reġistri u l-kontabbiltà tal-armi, inklużu rapporti nazzjonali u reġjonali dwar it-trasferimenti tal-armi;

(e)

rwol u funzjonament tal-UN ROCA, inkluża assistenza fil-preżentazzjoni ta’ rapporti nazzjonali lir-Reġistru;

(f)

strumenti internazzjonali u nazzjonali biex jiġu mmarkati u s-SALW u assistenza għall-implimentazzjoni tagħhom.

Is-seminars ta’ tliet ijiem ser jinkludu sessjonijiet ta’ gruppi ta’ ħidma dwar aspetti speċifiċi ta’ TKA.

2.3.2.   Parteċipanti fis-seminars

Parteċipanti għal dawn is-seminars reġjonali jinkludu:

(a)

persunal diplomatiku u militari/tad-difiża minn pajjiżi fir-reġjuni, partikolarment awtoritajiet responsabbli għal-linji ta’ politika nazzjonali rigward it-TKA, inklużi delegati nazzjonali li jipparteċipaw fil-Kumitat Preparatorju tat-TKA;

(b)

persunal tekniku u tal-infurzar tal-liġi minn pajjiżi fir-reġjuni, partikolarment awtoritajiet ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni, tad-dwana u uffiċjali tal-infurzar tal-liġi (żewġ parteċipanti għal kull pajjiż);

(c)

rappreżentanti minn organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, organizzazzjonijiet mhux governamentali (NGOs) ibbażati reġjonalment, gruppi ta’ riflessjoni u industrija lokali/reġjonali;

(d)

rappreżentanti mill-UNIDIR u l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet tad-Diżarmament (UNODA); (il-Fergħa għall-Armi Konvenzjonali u l-Fergħa Reġjonali, inklużi ċ-ċentri reġjonali, kif adatt);

(e)

esperti nazzjonali u internazzjonali tekniċi dwar l-aspetti tal-kontrolli fuq l-esportazzjonijiet tal-armi konvenzjonali, inklużi esperti tal-Unjoni u rappreżentanti tal-industrija.

Skont id-daqs tar-reġjuni, hu mistenni li f’kull seminar ser ikun hemm parteċipazzjoni ta’ bejn 45 u 80 parteċipant. Uffiċjali diplomatiku jew militari wieħed għal kull stat mistieden ser jipparteċipa fl-ewwel parti ta’ kull seminar, filwaqt li uffiċjal tekniku u tal-infurzar tal-liġi wieħed għal kull stat mistieden ser jattendi t-tieni parti. L-għażla tal-pajjiżi li għandhom ikunu mistiedna għal kull seminar u l-parteċipanti ser issir mir-RGħ, f’konsultazzjoni mal-korpi kompetenti tal-Kunsill, abbażi ta’ proposta li ssir mill-UNIDIR.

Il-parteċipazzjoni tal-esperti tal-Unjoni fis-seminar għandha tkun żgurata f’livell adegwat, f’termini kemm ta’ għarfien espert tekniku kif ukoll politiku.

2.3.3.   Kontribut: Komponent ta’ riċerka

Biex jiġi żgurat kontribut infurmat sew, sostantiv u f’waqtu għall-proċess tan-NU, huwa meħtieġ komponent qawwi ta’ riċerka. L-UNIDIR ser jikkummissjona sa 12-il dokument ta’ riċerka tal-isfond mingħand istituti ta’ riċerka kompetenti jew esperti individwali, waqt li jiġu ffukati xi aspetti prinċipali relevanti tal-proġett u tas-seminars reġjonali. L-UNIDIR għandu jipproponi lir-RGħ lista konċiża ta’ istituti ta’ riċerka possibbli jew esperti individwali li jkollhom sfond sod fi kwistjonijiet speċifiċi ta’ TKA. Ir-RGħ għandu jagħżel dawk l-aktar adatti abbażi tal-lista konċiża u f’konsultazzjoni mal-korpi kompetenti tal-Kunsill.

2.3.4.   Distribuzzjoni reġjonali tas-seminars

Is-seminars reġjonali għandhom isiru skont ir-raggruppamenti li ġejjin:

(a)

seminar għall-Amerika Latina u l-Karibew;

(b)

seminar għal-Lvant Nofsani;

(c)

seminar għall-Afrika ta’ Fuq, Ċentrali u tal-Punent;

(d)

seminar għall-Afrika tal-Lvant u t’Isfel;

(e)

seminar għall-Asja tal-Lvant u l-Paċifiku;

(f)

seminar għall-Asja Ċentrali u tan-Nofsinhar;

(g)

seminar għar-reġjun “Ewropa Usa’”.

Postijiet issuġġeriti tentattivament għas-seminars huma:

(a)

Buenos Aires jew Rio de Janeiro għall-Amerika Latina u l-Karibew;

(b)

il-Kajr jew Bejrut għal-Lvant Nofsani;

(c)

Rabat jew Akkra għall-Afrika ta’ Fuq, Ċentrali u tal-Punent;

(d)

Nairobi jew Johannesburg għall-Afrika tal-Lvant u t’Isfel;

(e)

Jakarta jew Pekin għall-Asja tal-Lvant u l-Paċifiku;

(f)

New Dehli jew Astana għall-Asja Ċentrali u tan-Nofsinhar;

(g)

Moska jew Belgrad għar-reġjun “Ewropa Usa’”.

Il-postijiet finali ser jiġu ddeterminati biex jiġu mmassimizzati r-riżorsi, tiġi minimizzata l-marka tal-karbonju u abbażi tal-assistenza disponibbli fil-livell lokali. L-UNIDIR ser jipproponi rakkomandazzjonijiet raġunati dwar il-postijiet, għal konsiderazzjoni u approvazzjoni mir-RGħ f’konsultazzjoni mal-korpi kompetenti tal-Kunsill.

2.3.5.   Avvenimenti ta’ tnedija u ta’ konklużjoni

Għandu jsir avveniment ta’ tnedija tul jum wieħed biex jiġu preżentati l-għanijiet tal-proġett lill-komunità internazzjonali u biex jiġu mfittxija kontributi mis-soċjetà ċivili, ir-riċerkaturi u l-NGOs biex jiġi żgurat appoġġ għall-proġett. Għandu jkun organizzat avveniment ta’ konklużjoni ta’ jum wieħed biex jiġu ppreżentanti r-riżultati tal-proġett. Il-postijiet finali għal dawn l-avvenimenti għandhom ikunu ddeterminati skont il-proċedura prevista għall-għażla tal-postijiet għas-seminars reġjonali. L-avveniment ta’ tnedija jista’ jsir fil-marġini tal-Kumitat Preparatorju ta’ Lulju 2010, skont id-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.3.6.   Avvenimenti sekondarji

L-ewwel avveniment sekondarju għandu jiġi organizzat fil-marġini tal-Ewwel Kumitat (il-65 laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tan-NU) f’Ottubru 2010 biex tiżdied is-sensibbilizzazzjoni tal-partijiet interessati fi New York dwar il-proġett u biex jiġu diskussi xi elementi sostanzjali konkreti rilevanti għall-proċess tat-TKA.

It-tieni avveniment sekondarju għandu jsir fir-raba’ sessjoni tal-Kumitat Preparatorju tat-TKA mlaqqa’ fi New York, li għandha ssir fl-2011 biex il-partijiet interessati miġbura fi New York jiġu ppreżentati bir-riżultati tal-proġett miksuba sa dakinhar.

F’Ottubru 2001 ser jiġi organizzat it-tielet avveniment sekondarju fil-marġini tal-Ewwel Kumitat (is-66 laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tan-NU) biex jiġu ppreżentati r-riżultati tal-proġett sa dakinhar lill-partijiet interessati kollha mlaqqgħin fi New York.

2.4.   Outputs - Disseminazzjoni

RAPPORTI-PUBBLIKAZZJONI

Kull seminar u avveniment għandhom jipproduċu rapport sommarju qasir tad-diskussjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet u l-ideat imressqa għal TKA u tal-aspetti tekniċi diskussi. Ir-rapporti tas-seminar, miktuba bl-Ingliż, għandhom ikunu disponibbli online u fuq mezzi ta’ ħżin ta’ data elettroniċi għad-distribuzzjoni.

Abbozz tar-rapport finali li janalizza r-rapporti sommarji tas-seba’ laqgħat reġjonali u avvenimenti oħrajn inklużi fil-proġett għandu jkun prodott u ppreżentat għall-kummenti waqt is-seminar ta’ konklużjoni. Ir-rapport finali għandu jkun disponibbli online u fuq mezzi ta’ ħżin ta’ data elettroniċi għad-distribuzzjoni. Pubblikazzjoni li tagħmel sommarju tar-rapport finali għandha ssir disponibbli online u f’kopji stampati.

3.   Tul ta’ żmien

Il-perijodu ta’ implimentazzjoni tal-proġett huwa ta’ 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3).

4.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji ta’ dan il-proġett għandhom ikunu l-Istati Membri tan-NU, b’enfasi partikolari fuq l-awtoritajiet tal-istat responsbbli għall-istabbiliment ta’ linji ta’ politika nazzjonali rigward it-TKA, awtoritajiet ta’ kontrolli fuq l-esportazzjoni, tad-dwana u uffiċjali tal-infurzar tal-liġi li jeħtieġu li jsaħħu l-għarfien espert tagħhom sabiex jiżguraw kummerċ tal-armi responsabbli u jipprevjenu proliferazzjoni irresponsabbli ta’ armi konvenzjonali fil-qafas ta’ TKA futur. L-għażla tal-benefiċjari tal-istat speċifiċi ser ssir abbażi ta’ lista konċiża ta’ benefiċjarji proposta mill-UNIDIR għall-konsiderazzjoni u l-approvazzjoni mir-RGħ, f’konsultazzjoni mal-korpi kompetenti tal-Kunsill.

5.   Entità ta’ implimentazzjoni

L-implimentazzjoni teknika ta’ din id-Deċiżjoni ser tkun fdata lill-UNIDIR. L-UNIDIR għandu jwettaq il-kompitu tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. L-UNIDIR għandu jikkoopera mal-UN-ODA u l-membri tal-Uffiċċju tal-Kumitati Preparatorji għall-Konferenza tan-NU dwar TKA.

L-UNIDIR għandu, fejn adegwat, jaħdem ma’ istituzzjonijiet bħall-organizzazzjonijiet reġjonali, il-gruppi ta’ riflessjoni, l-NGOs u l-industrija. L-UNIDIR għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.


(1)   ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.


Top