This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0287
2010/287/: Council Decision of 19 January 2010 on the existence of an excessive deficit in the Netherlands
2010/287/: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Jannar 2010 dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Pajjiżi l-Baxxi
2010/287/: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Jannar 2010 dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Pajjiżi l-Baxxi
ĠU L 125, 21.5.2010, p. 42–43
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 23/06/2014; Imħassar b' 32014D0407
21.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 125/42 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tad-19 ta’ Jannar 2010
dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Pajjiżi l-Baxxi
(2010/287/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 126(6) flimkien mal-Artikolu 126(13) u l-Artikolu 136 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mill-Pajjiżi l-Baxxi,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern. |
(2) |
Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa msejjes fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz ta’ tisħiħ tal-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir qawwi sostenibbli li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi. |
(3) |
Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) taħt l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ikkjarifikat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (1) (li jagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir), tipprovdi għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv. Ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 ukoll jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 104 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula dispożizzjonijiet ulterjuri relatati mal-implimentazzjoni tal-PŻE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (2) jistipula definizzjonijiet u regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll. |
(4) |
Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fittxet li ssaħħaħ l-effettività u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tħares is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Din immirat li tiżgura li b’mod partikolari, l-isfond ekonomiku u baġitarju jiġi kkunsidrat bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jsostni l-politiki tal-gvern għal ritorn ta’ malajr lejn qagħdiet baġitarji mingħajr problemi billi titqies il-qagħda ekonomika. |
(5) |
L-Artikolu 104(5) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kien jobbliga lill-Kummissjoni li tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni kienet tqis li kien jeżisti jew li seta’ nqala’ żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru. Il-Kummissjoni, wara li qieset ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 104(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 104(4) tat-Trattat, li sar l-Artikolu 126(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ikkonkludiet li kien jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat dik l-opinjoni lill-Kunsill fir-rigward tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-11 ta’ Novembru 2009 (3). |
(6) |
L-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara evalwazzjoni ġenerali, jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv. Fil-każ tal-Pajjiżi l-Baxxi, din il-valutazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet disposti f’din id-Deċiżjoni. |
(7) |
Skont dejta notifikata mill-awtoritajiet Olandiżi f’Ottubru 2009, l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali fil-Pajjiżi l-Baxxi hu ppjanat li jlaħħaq l-4,8 % tal-PGD fl-2009, u b’hekk qabeż il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PGD u tbiegħed minnu. L-eċċess ippjanat fuq il-valur ta’ referenza ma jista’ jiġi kwalifikat bħala eċċezzjonali skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan jirriżżulta l-aktar minn tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa tal-2009, il-PGD mistenni li jonqos b’4,5 % fl-2009 u li jikber bi 0,25 % fl-2010. Barra minn hekk, abbażi wkoll tal-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa tal-2009, l-eċċess ippjanat fuq il-valur ta’ referenza ma jistax jitqies bħala wieħed temporanju, billi l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali hu projettat li tiżdied minn 4,7 % tal-PGD fl-2009 għal 6,1 % tal-PGD fl-2010, qabel ma tonqos ftit għal 5,6 % tal-PGD fl-2011 abbażi tas-suppożizzjoni tas-soltu li ma jkunx hemm bidla politika. Il-kriterju tal-iżbilanċ fit-Trattat mhuwiex sodisfatt. |
(8) |
Skont id-dejta nnotifikata mill-awtoritajiet Olandiżi f’Ottubru 2009, id-dejn gross tal-gvern ġenerali għadu taħt il-valur referenzjarju ta’ 60 % tal-PGD, fil-livell ta’ 59,7 % (4) tal-PGD fl-2009. Il-previżjoni tal-ħarifa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni jistennew dejn gross tal-gvern ġenerali ta’ 59,8 % tal-PGD fl-2009 u li dan se jiżdied għal madwar 66 % tal-PGD fl-2010 u 70 % tal-PGD fl-2011, biex b’hekk jaqbeż il-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PGD. Din iż-żieda tfeġġ l-iktar minn deterjorament importanti mistenni fil-bilanċ primarju. |
(9) |
Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, “fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fl-istadji li jwasslu għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv b’konformità mal-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jekk il-kundizzjoni doppja – li l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza u li l-eċċess tiegħu ‘l fuq mill-valur ta’ referenza jkun temporanju – tiġi sodisfatta għal kollox. Fil-każ tal-Pajjiżi l-Baxxi, din il-kundizzjoni doppja ma ntlaħqitx. Għalhekk, fatturi rilevanti ma jitqisux fil-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Minn valutazzjoni kumplessiva jirriżulta li jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Pajjiżi l-Baxxi.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Pajjiżi l-Baxxi.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
E. SALGADO
(2) ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.
(3) Id-dokumenti kollha relatati mal-PŻE għall-Olanda jinsabu fil-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/netstartsearch/pdfsearch/pdf.cfm?mode = _m2
(4) Din iċ-ċifra ma tinkludix il-faċilità ta’ sostenn ta’ assi mhux likwidi tal-gvern lill-ING, li tammonta għal madwar 3½ % tal-PGD (EUR 21 biljun).