EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0283(01)

2010/283/: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Jannar 2010 dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Belġju

ĠU L 125, 21.5.2010, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/06/2014; Imħassar b' 32014D0393

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/283(1)/oj

21.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/34


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Jannar 2010

dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Belġju

(2010/283/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 126(6) flimkien mal-Artikolu 126(13) u l-Artikolu 136 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mill-Belġju,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa msejjes fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kondizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)

Il-proċedura dwar żbilanċ eċċessiv (PŻE) taħt l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif iċċarata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (1) (li tagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir), tipprovdi għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv. Ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 jistabbilixxi wkoll dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 104 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Protokoll rigward il-proċedura dwar żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi dispożizzjonijiet ulterjuri marbuta mal-implimentazzjoni tal-PŻE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (2) jistabbilixxi definizzjonijiet u regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta’ dak il-Protokoll.

(4)

Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ippruvat fittxet li ssaħħaħ l-effikaċja u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tissalvagwardja s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Din immirat li tiżgura li b’mod partikolari, l-isfond ekonomiku u baġitarju jiġi kkunsidrat bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jsostni l-linji ta’ politika tal-gvern għal ritorn ta’ malajr lejn pożizzjonijiet baġitarji sodi fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika.

(5)

L-Artikolu 104(5) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kien jirrikjedi li l-Kummissjoni tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni kienet tqis li jeżisti jew li jista’ jinqala’ żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru. Wara li kkunsidrat ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 104(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 104(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Belġju. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat tali opinjoni lill-Kunsill fir-rigward tal-Belġju fil-11 ta’ Novembru 2009 (3).

(6)

L-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Kunsill għandu jqis kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara valutazzjoni ġenerali, jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv. Fil-każ tal-Belġju, din il-valutazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet imniżżlin f’din id-Deċiżjoni.

(7)

Skont id-data notifikata mill-awtoritajiet Belġjani f’Ottubru 2009, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern fil-Belġju kien previst li jilħaq il-5,9 % tal-PDG fl-2009, u b’hekk jaqbeż il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG mingħajr ma jkun qrib tiegħu. L-eċċess ippjanat fuq il-valur ta’ referenza jista’ jiġi kwalifikat bħala eċċezzjonali skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. B’mod partikolari, dan jirriżulta, fost affarijiet oħra, minn tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2009, il-PDG hu mbassar li jonqos bi 2,9 % fl-2009 u li jespandi b’0,6 % fl-2010. Barra minn hekk, fuq il-bażi wkoll tat-tbassir tal-ħarifa 2009, l-eċċess previst fuq il-valur ta’ referenza ma jistax jitqies temporanju, billi l-iżbilanċ mistenni jistabbilizza għal 5,8 % tal-PDG fl-2010 u 2011, filwaqt li jitqiesu l-miżuri ta’ konsolidament li diġà ġew speċifikati biżżejjed. Il-kriterju ta’ żbilanċ fit-Trattat mhuwiex sodisfatt.

(8)

Id-dejn gross ġenerali tal-gvern kien qed jonqos b’mod kontinwu minn 134 % tal-PDG fl-1993 għal 84 % tal-PDG fl-2007. Fl-2008, l-operazzjonijiet biex jiġi stabbilizzat is-settur finanzjarju wasslu għal żieda fil-proporzjon tad-dejn mal-PDG għal kważi 90 %. Għalhekk, il-proporzjon baqa’ ogħla sewwa mill-valur ta’ referenza ta’ 60 %. B’konformità mad-data notifikata mill-awtoritajiet Belġjani f’Ottubru 2009, id-dejn gross ġenerali tal-gvern hu previst li jibqa’ ta’ 97,6 % tal-PDG fl-2009. It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2009 jipprevedi li l-proporzjon tad-dejn għandu jiżdied għal madwar 97 % fl-2009, 101 % fl-2010 u 104 % fl-2011. Il-proporzjon tad-dejn ma jistax jitqies bħala wieħed li qed jonqos b’mod suffiċjenti u li qed joqrob lejn il-valur ta’ referenza b’pass sodisfaċenti skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-kriterju tad-dejn fit-Trattat mhuwiex sodisfatt.

(9)

Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, “fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fl-istadji li jwasslu għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv b’konformità mal-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jekk il-kondizzjoni doppja - li l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza u li l-eċċess tiegħu fuq il-valur ta’ referenza jkun temporanju - tiġi sodisfatta għal kollox. Fil-każ tal-Belġju, din il-kondizzjoni doppja ma ntlaħqitx. Għalhekk, il-fatturi rilevanti mhumiex qed jitqiesu fil-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Belġju.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SALGADO


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(2)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

(3)  Id-dokumenti kollha relatati mal-PŻE għall-Belġju jinsabu fis-sit elettroniku li ġej: http://ec.europa.eu/economy_finance/netstartsearch/pdfsearch/pdf.cfm?mode=_m2


Top