EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0155

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta’ Ottubru 2009 dwar għajnuna provduta fl-Artikolu 99(2)(a) (fir-rigward tas-settur agrikolu) u l-Artikolu 124(1) u (2) (emendat), tal-Liġi Reġjonali ta’ Sqallija Nru 32, tat- 23 ta’ Diċembru 2000 , li tipprovdi dispożizzjonjiet għall-implimentazzjoni tal-POR (Programm Reġjonali Operattiv) 2000-2006 u għar-riorganizzazzjoni tal-iskemi tal-għajnuna lill-intrapriżi (fajl tal-għajnuna C 21/04 – ex N 590/B/01) (notifikata bid-dokument numru C(2009) 8064)

ĠU L 63, 12.3.2010, p. 24–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/155/oj

12.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 63/24


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Ottubru 2009

dwar għajnuna provduta fl-Artikolu 99(2)(a) (fir-rigward tas-settur agrikolu) u l-Artikolu 124(1) u (2) (emendat), tal-Liġi Reġjonali ta’ Sqallija Nru 32, tat-23 ta’ Diċembru 2000, li tipprovdi dispożizzjonjiet għall-implimentazzjoni tal-POR (Programm Reġjonali Operattiv) 2000-2006 u għar-riorganizzazzjoni tal-iskemi tal-għajnuna lill-intrapriżi (fajl tal-għajnuna C 21/04 – ex N 590/B/01)

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 8064)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(2010/155/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom f’konformità mal-Artikolu msemmi,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Awwissu 2001, irreġistrata fid-29 ta’ Awwissu 2001, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Italja għall-Unjoni Ewropea nnotifikat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 99, 107, 110, 111, 112, 120, 122, 123, 124 u l-Artikolu 135(3) u (4), tal-Liġi Reġjonali ta’ Sqallija Nru 32 tat-23 ta’ Diċembru 2000, li tipprovdi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-POR 2000-2006 u għar-riorganizzazzjoni tal-iskemi tal-għajnuna lill-intrapriżi (minn issa ‘l quddiem: “il-Liġi Nru 32/2000”).

(2)

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Mejju 2002, irreġistrata fil-21 ta’ Mejju 2002, u oħra tal-10 ta’ Ottubru 2002, irreġistrata fil-11 ta’ Ottubru 2002, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Italja għall-Unjoni Ewropea kkomunikat lill-Kummissjoni t-tagħrif addizzjonali mitlub lill-Awtoritajiet Taljani fl-ittri tal-24 ta’ Ottubru 2001 u tat-18 ta’ Lulju 2002.

(3)

Fl-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2002, l-Awtoritajiet Taljani pprovdew tagħrif addizzjonali biss fir-rigward tal-għajnuna skont l-Artikolu 123 tal-Liġi Nru 32/2000, minħabba li dan kien meqjus bħala urġenti.

(4)

L-għajnuna skont l-Artikolu 123 tal-Liġi Nru 32/2000 ġiet mifruda minn għajnuniet oħra pprovduti fl-Artikoli notifikati u ġiet iddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni fil-kuntest tal-fajl tal-għajnuna Nru 590/A/2001 (1).

(5)

Minħabba li l-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2002 mill-Awtoritajiet Taljani kienet tirrigwarda biss l-Artikolu 123 tal-Liġi Reġjonali inkwistjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Frar 2003, bagħtu talba lill-awtoritajiet imsemmija hawn fuq sabiex iwieġbu għall-mistoqsijiet oħrajn elenkati fl-ittra tat-18 ta’ Lulju 2002.

(6)

Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Marzu 2003, irreġistrata fis-6 ta’ Marzu 2003, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Italja għall-Unjoni Ewropea kkomunikat lill-Kummissjoni t-tweġiba tal-Awtoritajiet Taljani għall-mistoqsijiet li saru fl-ittra tat-18 ta’ Lulju 2002.

(7)

Wara li studjaw din it-tweġiba, is-servizzi tal-Kummissjoni talbu iktar tagħrif lill-Awtoritajiet Taljani permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Mejju 2003.

(8)

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Awwissu 2003, irreġistrata fit-18 ta’ Awwissu 2003, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Italja għall-Unjoni Ewropea kkomunikat lill-Kummissjoni t-tweġiba tal-Awtoritajiet Taljani għall-mistoqsijiet li saru fl-ittra tat-2 ta’ Mejju 2003. F’din l-ittra l-Awtoritajiet Taljani ħabbru l-irtirar tal-Artikolu 111 tal-Liġi Nru 32/2000 u talbu lill-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni separata għal ċerti Artikoli tal-Liġi.

(9)

Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ottubru 2003, is-servizzi tal-Kummissjoni spjegaw lill-Awtoritajiet Taljani li kienet se tittieħed deċiżjoni fuq il-fajl kollu (għajnuna Nru 590/B/2001), u talbu lill-Awtoritajiet Taljani sabiex jiċċaraw xi punti fuq wieħed mill-Artikoli tal-Liġi Nru 32/2000.

(10)

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Jannar 2004, irreġistrata fl-14 ta’ Jannar 2004, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Italja għall-Unjoni Ewropea kkomunikat lill-Kummissjoni t-tweġiba tal-Awtoritajiet Taljani għall-ittra tal-1 ta’ Ottubru 2003.

(11)

Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni talbet b’mod uffiċjali lill-Awtoritjiet Taljani iktar kjarifiki li kienu diġà intalbu f’kuntatti informali.

(12)

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ April 2004, irreġistrata fil-21 ta’ April 2004, u oħra tal-24 ta’ Mejju 2004, irreġistrata fil-25 ta’ Mejju 2004, l-Awtoritajiet Taljani kkomunikaw il-kjarifiki msemmija fil-premessa 11 lill-Kummissjoni.

(13)

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Ġunju 2004 (2) u oħra tal-10 ta’ Settembru 2004 (kjarifika tal-ittra msemmija, li kienet inkitbet wara kummenti li saru mill-Awtoritajiet Taljani f’ittra mibgħuta mir-Rappreżentanza Permanenti tal-Italja għall-Unjoni Ewropea fis-7 ta’ Lulju 2004 u rreġistrata fit-12 ta’ Lulju 2004) (3), il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja bid-deċiżjoni tagħha li ma toġġezzjonax fir-rigward tal-Artikolu 99(2)(b) (għas-settur agrikolu). u l-Artikoli 107, 110 (4), 112, 120, 122 u 135 tal-Liġi Nru 32/2000, u sabiex tinbeda proċedura kif provdut fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat fir-rigward tal-għajnuniet provduti fl-Artikolu 99(2)(a) (għas-settur agrikolu) u l-Artikolu 124(1) u (2) (għal ċerti assoċjazzjonijiet ta’ produtturi) tal-Liġi (5).

(14)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (6). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna inkwistjoni.

(15)

Il-Kummissjoni ma rċevitx kummenti dwar dan mill-partijiet interessati.

II.   DESKRIZZJONI

(16)

L-Artikolu 99(2)(a) tal-Liġi Nru 32/2000 jipprovdi għal għotjiet lil konsorzji ta’ kreditu tal-ewwel u t-tieni grad (fi kliem ieħor, konsorzji ta’ kreditu u l-assoċjazzjonijiet tagħhom), għotjiet sabiex jifformaw jew jintegraw il-fondi ta’ riskju maħsuba għal attivitajiet ta’ għoti ta’ garanziji sabiex jiffavorixxu l-finanzjament minn azjendi u istituti ta’ kreditu, minn kumpaniji tal-kiri, minn kumpaniji ta’ trasferiment ta’ dejn tal-intrapriżi u entitajiet parabankarji (7).

(17)

Dawn l-għotjiet, li ma jistgħux jingħataw ma’ skemi oħrajn li għandhom l-istess finijiet u li huma ffinanzjati minn parti mill-għotja ta’ EUR 20 000 000 allokati għal miżuri kollha msemmijin fl-Artikolu 99, jingħataw lill-konsorzji ta’ kreditu li jitolbuhom. Dawn ma jistgħux jaqbżu l-ammont globali ffirmat mill-imsieħba u minn entitajiet tal-istess konsorzji li jappoġġjawhom.

(18)

Il-garanziji, fil-veru sens tal-kelma, għandhom jippermettu aċċess iktar faċli għall-kreditu lill-benefiċjarji (minħabba li madwar 70 % tal-intrapriżi Sqallin fis-settur agrikolu huma żgħar fid-daqs, xi wħud minnhom għandhom mnejn ma jkunux jistgħu jagħtu l-garanziji meħtieġa sabiex jagħmlu tajjeb għas-self jew sabiex jiksbu garanzija). Dawn ikollhom il-karatteristiċi li ġejjin:

l-ammont ta’ sussidju gross ekwivalenti huwa kkalkulat skont il-metodu deskritt fit-tieni inċiż tal-punt 3.2 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għal għajnuna mill-Istat mogħtija f’forma ta’ garanziji (8),

ma jistgħux ikopru iktar minn 80 % tas-self, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-punti 3.3 u 3.4 tal-avviż imsemmi hawn fuq,

għandhom jiġu mislufa għal operazzjonijiet li huma konformi fil-karatteristiċi (livell tal-għajnuna, benefiċjarji u għanijiet) mad-dispożizzjonijiet tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu (9) u lil intrapriżi solventi li jinsabu f’qagħda finanzjarja tajba, skont id-dispożizzjonijiet fil-punti 3.5 u 5.2 tal-avviż imsemmi hawn fuq,

dawn jistgħu jirrigwardaw biss self mogħti fil-kuntest tal-kundizzjonijiet tal-iskemi awtorizzati mill-Kummissjoni,

l-għoti tagħhom jiddependi mill-implimentazzjoni ta’ proċeduri legali provduti fil-konfront tad-debitur fil-każ ta’ insolvenza (meta jkun hemm falliment tal-intrapriża benefiċjarja, eċċ),

jistgħu jibbenefikaw minnnhom ukoll dawk kollha li mhumiex imsieħba f’konsorzju (is-sħab fil-konsorzji huwa mifuħ għall-operaturi kollha tas-settur agrikolu mingħajr limiti) (10).

(19)

L-Artikolu 124(1) u (2), tal-Liġi Nru 32/2000 jipprovdi għal għotjiet bil-għan li jinbdew assoċjazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1035/72 tat-18 ta’ Mejju 1972, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-setturi tal-frott u l-ħaxix (11). Din l-għajnuna, mogħtija għal perjodu ta’ ħames snin, tkopri 100 % tal-ispejjeż mġarrba mill-grupp fl-ewwel sena u għandha titnaqqas b’20 % kull sena fis-snin suċċessivi sakemm jispiċċa l-perjodu msemmi hawn fuq. Barra minn hekk, ma għandhiex tingħata għajnuna sabiex jitħallsu spejjeż li ntefqu wara l-ħames sena, jew li jitħallsu wara s-seba’ sena wara r-rikonoxximent tal-grupp. L-għajnuna hija ffinanzjata b’parti mill-allokazzjoni ta’ EUR 3 615 198 provduta għall-miżuri kollha kkunsidrati fl-Artikolu 124.

(20)

Fl-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2003, l-Awtoritajiet Taljani kkomunikaw l-intenzjoni tagħhom li jemendaw il-liġi sabiex il-mod ta’ kif tingħata l-għajnuna ikun konformi mal-modi ddefiniti fir-Regolament (KEE) Nru 1035/72. Huma kkjarifikaw ukoll li dawn l-assoċjazzjonijiet li ġejjin biss setgħu jibbenefikaw mill-għajnuna:

l-assoċjazzjoni ASPROSUD ta’ Messina, rikonoxxuta fit-13 ta’ Marzu 1992, għar-raba’ u l-ħames sena wara r-rikonoxximent (1995 u 1996),

l-assoċjazzjoni Sicilia Verde ta’ Bagheria, rikonoxxuta fit-8 ta’ Lulju 1993, għat-tielet, ir-raba’ u l-ħames sena wara r-rikonoxximent (1996, 1997 u 1998),

l-assoċjazzjoni AGRISUD ta’ Vittoria, rikonoxxuta fil-15 ta’ Novembru 1994, għat-tieni, t-tielet, ir-raba’ u l-ħames sena wara r-rikonoxximent (1996, 1997, 1998 u 1999),

l-assoċjazzjoni APRO FRUS ta’ Capo d’Orlando, rikonoxxuta fit-23 ta’ Novembru 1990, għar-raba’ u l-ħames sena wara r-rikonoxximent (1994-1995 u 1995-1996).

III.   BIDU TAL-PROĊEDURA SKONT L-ARTIKOLU 88(2) TAT-TRATTAT

(21)

Il-Kummissjoni bdiet proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat, fir-rigward tal-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 99(2)(a) u l-Artikolu 124(1) u (2) tal-Liġi Nru 32/2000 (fir-rigward tas-settur agrikolu, fl-ewwel każ u fir-rigward tal-assoċjazzjoni ASPROSUD, Sicila Verde u APRO FRUS, fit-tieni każ) minħabba li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni.

(22)

Fir-rigward tal-għajnuna pprovduta fis-settur agrikolu mill-Artikolu 99(2)(a), tal-Liġi Nru 32/2000, l-istess prinċipju ta’ għotja ta’ granzija jimplika l-eżistenza ta’ self; fil-lista tal-iskemi li għalihom jistgħu japplikaw għotjiet ta’ garanziji, mibgħuta mill-Awtoritajiet Taljani fuq talba tas-servizzi tal-Kummissjoni, kienu jidhru xi skemi li diffiċilment setgħu ġew iffinanzjati permezz ta’ self, meta wieħed jikkunsidra n-natura tal-miżuri previsti fil-kuntest rilevanti (pereżempju huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li għajnuna intenzjonata sabiex tkopri primjums ta’ assigurazzjoni fis-settur agrikolu tieħu forma ta’ self).

(23)

Element ieħor li wassal għad-dubji tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna provduta fl-Artikolu 99(2)(a) tal-Liġi Nru 32/2000 huwa l-possibbiltà li dawn jingħataw flimkien mal-applikazzjoni tal-miżuri provduti fl-Artikolu 124(1) u (2), tal-liġi. Il-Kummissjoni ma setgħetx ma tiddubitax dwar il-kompatibbiltà tagħhom minħabba li kien hemm xi riżervi anke dwar l-eliġibbiltà tal-għajnuna provduta fl-Artikolu 124(1) u (2).

(24)

Fl-aħħar, il-Kummissjoni ma kellhiex indikazzjonijiet dwar kif l-Awtoritjiet Taljani kienu se jivverifikaw li t-total tal-element potenzjali tal-għajnuna tal-garanziji u tal-għajnuna provduta bl-iskemi li għalihom kienu japplikaw il-garanziji imsemmija ma jaqbiżx il-perċentwali tal-għajnuna eliġibbli fil-kuntest tal-iskemi imsemmijin hawn fuq.

(25)

Fir-rigward tal-għajnuna provduta fl-Artikolu 124(1) u (2) tal-Liġi Nru 32/2000, l-Awtoritajiet Taljani kienu ċċaraw li din kienet allokata esklussivament sabiex jitħallsu pagamenti ta’ għajnuna dovuti lill-produtturi rikonoxxuti skont ir-Regolament (KEE) Nru 1035/72. Dawn l-għotjiet kellhom ikunu diġà mħallsin, iżda ma tħallsux minħabba li l-FAEGG ma kinitx iggarantiet il-kopertura finanzjarja tal-impenji finanzjarji meħuda f’livell Taljan.

(26)

L-Awtoritajiet Taljani kienu żiedu li setgħu jibbenefikaw mill-għajnuna biss dawk l-entitajiet li kienu laħqu kisbu d-dritt għall-għajnuna qabel il-21 ta’ Novembru 1996 (id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex (12) li ssostitwixxa ir-Regolament (KEE) Nru 1035/72), u li ma tilfux dan id-dritt.

(27)

Il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi, meta eżaminat il-fajl, li skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, id-drittijiet miksuba mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, skont l-Artikolu 14 u t-Titolu IIa tar-Regolament (KEE) Nru 1035/72 setgħu jinżammu sakemm dawn jiġu eżawriti, u li fil-każ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 1035/72, l-għajnuna kollha nazzjonali li tingħata abbażi tal-istess Artikolu għandha tkun ipso iure kompatibbli mar-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u ma għandhiex tkun soġġetta għal eżami fid-dawl tar-regoli applikabbli fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat (13).

(28)

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Awtoritajiet Taljani impenjaw irwieħhom li jemendaw il-mod tal-għoti tal-għajnuna provduta sabiex ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1035/72 (ara l-premessi 19 u 20). Madankollu, mill-lista tal-benefiċjarji pprovduta mill-Awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet li, fil-każ tal-assoċjazzjonijiet imsemmijin fil-premessa 21, l-għajnuna eżaminata kienet se tingħata ferm wara li għaddew is-seba’ snin mir-rikonoxximent tal-assoċjazzjoni, u li, konsegwentement, il-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 1035/72 ma setgħux jibqgħu sodisfati kollha (meta wieħed jikkunsidra li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tipprovdi li l-għajnuna għandha tingħata f’ħames snin, qabel tmiem is-seba’ snin wara r-rikonoxximent) u li, konsegwentement, l-għajnuna kellha tiġi analizzata fid-dawl tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat.

(29)

Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, fid-dawl tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat, il-Kummissjoni stabbilixxiet li, minħabba li r-Regolament (KEE) Nru 1035/72 ġie mħassar bir-Regolament (KE) Nru 2200/96, l-għoti ta’ għajnuna abbażi ta’ dispożizzjoni li ma kinitx għada teżisti lill-assoċjazzjonijiet li d-drittijiet tagħhom kienu twaqqfu (u għalhekk l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 imsemmi fil-premessa 27 ma baqax japplika) seta’ jfixkel il-funzjonament tal-mekkaniżmi tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 2200/96. Skont il-punt 3.2 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu, il-Kummissjoni fl-ebda każ ma tista’ tapprova għajnuna li hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-swieq jew li tista’ tfixkel il-funzjonament korrett ta’ din l-organizzazzjoni.

(30)

Konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx ma tiddubitax dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna provduta mas-suq komuni.

(31)

Dawn id-dubji kienu msaħħa mill-fatt li għajnuna mogħtija fiċ-ċirkostanzi deskritti kienet tinvolvi għajnuna b’effett retroattiv li huwa projbit b’mod espliċitu skont il-punt 3.6 tal-Linji Gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu, minħabba n-nuqqas ta’ inċentiv meħtieġ għall-għajnuna fis-settur agrikolu, ħlief fil-każijiet ta’ għajnuna li tingħata għall-kumpens.

(32)

Fl-aħħar, il-Kummissjoni ddubitat ukoll dwar il-bażi tal-argument skont liema, il-FAEGG ma kinitx iggarantiet il-kopertura finanzjarja tal-impenji finanzjarji meħuda f’livell Taljan, minħabba li l-kofinanzjament tal-istabbiliment ta’ assoċċjazzjonijiet ta’ produtturi jinvolvi rimborż awtomatiku, min-naħa tal-FAEGG, ta’ parti mill-għajnuna approvata fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq.

IV.   KUMMENTI MILL-AWTORITAJIET TALJANI

(33)

Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Awwissu 2004, irreġistrata fit-30 ta’ Awwissu 2004, u oħra tal-24 ta’ Novembru 2004, irreġistrata fis-26 ta’ Novembru 2004, u oħra tas-26 ta’ Ottubru 2005, irreġistrata fit-28 ta’ Ottubru 2005, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Italja għall-Unjoni Ewropea għarrfet lill-Kummissjoni dwar it-tweġiba tal-Awtoritajiet Taljani dwar il-bidu ta’ proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2), tat-Trattat, fir-rigward tal-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 99(2)(a) u l-Artikolu 124(1) u (2) tal-Liġi Nru 32/2000 (fir-rigward tas-settur agrikolu, fl-ewwel każ u fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet ASPROSUD, Sicila Verde u APRO FRUS, fit-tieni każ).

(34)

Fl-ittra tas-26 ta’ Awwissu 2004, l-Awtoritajiet Taljani bagħtu t-talbiet u l-kummenti li ġejjin dwar l-għajnuna provduta fl-Artikolu 99(2)(a) tal-Liġi Nru 32/2000:

talbu li xi wħud mill-iskemi msemmijin fil-lista u li għalihom saret referenza fil-premessa 22 jiġu eliminati minn din il-lista, minħabba li huma kienu sabu li effettivament dawn ma setgħux jiġu ffinanzjati permezz ta’ self,

huma ċċaraw li għall-iskemi li għadhom fil-lista imsemmija, il-garanzija għandha tirrigwarda biss il-parti privata tal-investiment, fil-każ li l-iskema tkun diġà ġiet approvata u ffinanzjata, u l-ammont kollu eliġibbli fil-każ li l-iskema tkun diġà ġiet approvata iżda ma tkunx għadha ffinanzjata. Madankollu, fi kwalunkwe każ, l-ammont gross tal-għajnuna ma jistax jaqbeż il-limitu massimu tal-għajnuna awtorizzata mill-iskema inkwistjoni (huwa previst li ssir verifika fuq kampjun ta’ mill-inqas 5 % tal-awtoċertifikazzjonijiet mitluba lill-benefiċjarji),

huma kkonfermaw li kellhom ifasslu modi ta’ implimentazzjoni applikabbli għall-Artikolu 99(2)(a), tal-Liġi Nru 32/2000 u li f’dawn il-modi kellha tidher il-lista isemmija hawn fuq.

(35)

Fl-istess ittra, l-Awtoritajiet Taljani bagħtu l-kummenti li ġejjin dwar l-għajnuna provduta lit- tliet assoċjazzjonijiet imsemmijin fil-premessa 21 tal-Artikolu 124(1) u (2) tal-Liġi Nru 32/2000:

huma sostnew li, fil-fehma tagħhom, il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-fajl Nru 157/2000 kellha tiġi segwita ukoll f’dan il-każ u li l-għajnuna provduta lit-tliet assoċjazzjonijiet ma kellhiex tkun soġġetta għal analiżi fid-dawl tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat,

reġgħu irreferew għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, skont liema, id-drittijiet miksuba mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jinżammu sakemm jiġu eżawriti mill-istess produtturi (u għalhekk sakemm tingħata l-aħħar għotja tal-għajnuna), sabiex jiġi ċċarat il-fatt li d-dritt jiġi miksub meta l-assoċjazzjoni ressqet applikazzjoni b’mod regolari, u li f’dan il-każ l-applikazzjonijiet kollha tressqu sa qabel skada l-perjodu ta’ seba’ snin mir-rikonoxximent, u li d-dritt ma jistax jitnaqqas minħabba d-dewmien li wettqu l-amministrazzjonijiet pubbliċi, b’mod ġenerali, fir-riċerki ta’ fondi adattati għall-għoti tal-għajnuna.

huma kkonfermaw l-emenda tal-Liġi Nru 32/2000 imsemmija fil-premessa 20

(36)

Permezz ta’ ittra li waslet fl-24 ta’ Novembru 2004, l-Awtoritjiet Taljani bagħtu kopja tal-Artikolu 12 tal-Liġi Reġjonali Nru 15 tal-5 ta’ Novembru 2004 (minn issa ‘l quddiem: “il-Liġi Nru 15/2004”), li temenda, fost l-oħrajn, l-Artikoli 99 u 124 tal-Liġi Nru 32/2000.

(37)

Fir-rigward tal-Artikolu 99 tal-Liġi Nru 32/2000, l-Artikolu 12(2) u (4) tal-Liġi Nru 15/2004, żied l-għadd ta’ benefiċjarji potenzjali tal-miżuri provduti lill-intrapriżi mhux assoċjati li jassumu r-responsabbiltà tal-ispejjeż amministrattivi involuti fil-forniment tal-garanzija, u stabbilixxa li għall-perjodu 2000-2006, l-ammont gross intenzjonat għall-miżuri kkunsidrati fl-Artikolu huwa ta’ EUR 20 000 000.

(38)

Fir-rigward tal-Artikolu 124 tal-liġi Nru 32/2000, l-Artikolu 12(8) tal-liġi Nru 15/2004, daħħal pargrafu 2 ġdid, fejn biddel il-mod ta’ kif tingħata l-għajnuna deskritta fil-premessa 19 imsemmi hawn fuq, b’modi li huma konformi ma’ dawk provduti fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 1035/72.

(39)

Dan il-paragrafu 2 il-ġdid flimkien mal-Artikolu 124 tal-Liġi Nru 32/2000, minflok il-paragrafu eżistenti li l-Awtoritajiet Taljani kienu impenjaw rwieħhom li jemendaw (ara il-premessa 20) jinqara kif ġej:

“L-ammont massimu ta’ dawn l-għotjiet ta’ għajnuna, f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 1035/72, huwa ta’ 5 %, 5 %, 4 %, 3 % u 2 % tal-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata koperta mill-attività tal-organizzazzjoni tal-produtturi għall-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames sena rispettivament. L-ammont tal-għajnuna ma jista’ qatt jaqbeż l-ispejjeż reali involuti fl-istabbiliment u l-funzjonament amministrattiv tal-organizzazzjoni. Ma tistax tingħata għajnuna għal spejjeż imġarrba wara l-ħames sena, jew wara s-seba’ sena wara r-rikonoxximent.” (traduzzjoni mhux uffiċjali)

(40)

Fl-ittra li waslet fis-26 ta’ Ottubru 2005, l-Awtoritajiet Taljani għarrfu li l-Artikolu 99(2)(a) tal-liġi Nru 32/2000 ġie mħassar bl-Artikolu 23 tal-Liġi Reġjonali Nru 11 tal-21 ta’ Settembru 2005 u ħabbru l-irtirar tan-notifika li kienet tikkonċernah.

V.   VALUTAZZJONI

(41)

Skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, għajnuna mogħtija minn Stati Membri jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat ta’ kwalunkwe forma, li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti intrapriżi jew ċerti produzzjonijiet titqies, bħala inkompatibbli mas-suq komuni,minħabba li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

(42)

Il-miżuri analizzati f’dan il-każ jikkorrispondu ma’ din id-definizzjoni fis-sens li huma ffinanzjati minn riżorsi pubbliċi, li jiffavorixxu ċerti produzzjonijiet (pereżempju, is-settur tal-frott u l-ħaxix) u li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ, meta wieħed jikkunsidra l-pożizzjoni li tokkupa l-Italja fis-swieq inkwistjoni (fil-każ tal-frott - eskluż il-frott taċ-ċitru - fl-2005 l-Italja kellha produzzjoni ta’ 11 443 miljun tunnellata, li jfisser li l-Italja kellha l-ikbar produzzjoni ta’ frott fl-Unjoni).

(43)

Madankollu, fil-każi provduti fl-Artikolu 87(2) u (3) tat-Trattat, xi miżuri jistgħu jgawdu minn derogi u jiġu kkunsidrati kompatibbli mas-suq komuni.

(44)

F’dan il-każ, meta jitqiesu l-miżuri deskritti hawn fuq, l-unika deroga li possibilment tista’ tiġi invokata hija dik imsemmija fl-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat, fejn jingħad li għajnuna intenzjonata sabiex tgħin l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq komuni, dejjem jekk ma jbiddlux il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’tali mod li jmur kontra l-interess komuni.

(45)

Il-Kummissjoni innotat qabel xejn li l-paragrafu 2(a) tħassar mill-Artikolu 99 tal-Liġi Nru 32/2000 mingħajr ma ġie applikat (filwaqt li tqies l-effett ta’ sospensjoni marbut mal-bidu ta’ proċedura imsemmi fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat) u li l-Awtoritajiet Taljani irtiraw in-notifika li kienet tirreferi għalih, u għalhekk ma jibqax skop li wieħed jeżamina l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-deroga provduta fl-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat.

(46)

Fir-rigward tal-għajnuna imsemmija fl-Artikolu 124(1) u (2) tal-Liġi Nru 32/2000. il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-modi ta’ kif tingħata l-għajnuna ġew ikkonformati ma’ dak ipprovdut fir-Regolament (KEE) Nru 1035/72, emendat mill-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3284/83 tal-14 ta’ Novembru 1983, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1035/72 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-setturi tal-frott u l-ħaxix kif jirrigwarda l-organizzazzjoni tal-produtturi (14) permezz tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 il-ġdid tal-Artikolu 124 tal-Liġi Nru 32/2000, imdaħħal mill-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 15/2004.

(47)

Fid-data tal-adozzjoni ta’ din il-liġi, l-għajnuna lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi kienet irregolata bir-Regolament (KE) Nru 2200/96.

(48)

Kif indikat fil-premessa 27 fl-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, id-drittijiet kollha miksuba minn organizzazzjonijiet ta’ produtturi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament bl-applikazzjoni tal-Artikolu 14 u t-Titolu IIa tar-Regolament (KEE) Nru 1035/72 għandhom jinżammu sakemm jiġu eżawriti mill-istess organizzazzjonijiet, dejjem jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 14 imsemmi hawn fuq jiġu ssodisfati.

(49)

Id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu 2 il-ġdid tal-Artikolu 124 tal-Liġi Nru 32/2000 imdaħħal mill-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 15/2004 juru l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 14 imsemmi hawn fuq u jiżguraw li kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ produtturi li ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet tiġi eskluża. Minħabba li fir-Regolament (KEE) Nru 1035/72 ir-regoli fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat kienu jiġu applikati biss fil-limiti ddefiniti mill-Kunsill, u minħabba li fl-Artikolu 14 tal-istess Regolament kien hemm dispożizzjoni applikabbli direttament li kienet tawtorizza l-għoti ta’ għajnuna nazzjonali mingħajr il-ħtieġa ta’ konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet li issa ġew issodisfati, l-għajnuna nazzjonali inkwistjoni ma għandhiex tibqa’ soġġetta għal eżami fid-dawl tar-regoli applikabbli fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat.

(50)

Konsegwentement, id-dubji l-oħra espressi mill-Kummissjoni meta nbdiet il-proċedura, isiru bla skop.

VI.   KONKLUŻJONI

(51)

Minħabba li l-paragrafu 2(a) tal-Artikolu 99 tal-Liġi Nru 32/2000 tħassar, il-Kummissjoni ma għandhiex tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-konformità tal-għajnuna provduta fih mas-suq komuni. Għaldaqstant, il-proċedura mifuħa rigward dawn id-dispożizzjonijiet li issa ma baqgħalhiex skop, tista’ tingħalaq.

(52)

Minħabba li t-tieni subparagrafu l-ġdid tal-Artikolu 124 tal-Liġi Regjonali Nru 32/2000, emendat bl-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 15/2004, iġib f’konformità l-għajnuna pprovduta lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1035/72 u minħabba li din l-għajnuna, b’konsegwenza ta’ din l-istess ċirkostanza, hija kkunsidrata bħala kompatibbli awtomatikament mar-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-swieq u ma għandhiex tkun soġġetta għal eżami fid-dawl tar-regoli applikabbli fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat, il-proċedura miftuħa rilevanti, ladarba ma baqgħalhiex skop, tista’ wkoll tingħalaq,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 88(2), tat-Trattat, li kienet inbdiet fir-rigward tal-għajnuna provduta fl-Artikolu 99(2)(a) (fir-rigward tas-settur agrikolu) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sqallija Nru 32 tat-23 ta’ Diċembru 2000, hija magħluqa minħabba li baqgħalhiex iktar skop minħabba li l-Italja irtirat in-notifika.

Artikolu 2

Il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 88(2), tat-Trattat, li kienet inbdiet fir-rigward tal-għajnuna provduta fl-Artikolu 124(1) u (2) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sqallija Nru 32 tat-23 ta’ Diċembru 2000, iżda li ma baqgħalhiex iktar skop, hija magħluqa.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ittra SG(2002)D/233133 tat-18.12.2002.

(2)  Ittra SG-Greffe (2004) D/202440 tal-21.6.2004.

(3)  Ittra SG-Greffe (2004) D/203974 tal-10.9.2004.

(4)  Madankollu d-deċiżjoni tinkludi rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ dan l-artikolu.

(5)  L-artikolu 124 tal-Liġi Nru 32/2000 kien jinkludi wkoll miżura għall-għajnuna fil-paragrafu 3. iżda l-Kummissjoni ddeċidiet li dan kien jinvolvi għajnuna nazzjonali awtorizzata b’mod espliċitu minn regolament li kien jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq u li, konsegwentement, ma kellux għalfejn jiġi analizzat aktar.

(6)  ĠU C 52, 2.3.2005, p. 23.

(7)  Dawn id-dispożizzjonijiet jgħoddu kemm għas-settur agrikolu kif ukoll għal dak tas-sajd. Il-fatt li sar biss riferement għas-settur agrikolu fid-deċiżjoni li tinbeda proċedura kif provdut fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat u f’din id-deċiżjoni huwa dovut għal fatt li, fl-ittra tal-24 ta’ Mejju 2005, li ssemmiet fil-premessa 12. id-Dipartiment tas-Sajd Sqalli kkomunika li iktar ‘il quddiem kellha ssir notifika oħra differenti għas-settur tas-sajd.

(8)  ĠU C 71, 11.3.2000, p. 14.

(9)  ĠU C 232, 12.8.2000, p. 17.

(10)  Dawn il-parametri ma jidhrux fl-Artikolu 99, iżda ġew ikkomunikati fit-tagħrif addizzjonali mill-Awtoritajiet Taljani.

(11)  ĠU L 118, 20.5.1972, p. 1.

(12)  ĠU L 297, 21.11.1996, p. 1.

(13)  Dan l-approċċ kien diġà ttieħed fir-rigward ta’ għajnuna provduta f’livell nazzjonali għal assoċjazzjonijiet ta’ produtturi bl-applikazzjoni tal-Artiklou 14 tar-Regolament (KEE) Nru 1035/72 – ara l-fajl tal-għanjuna Nru 157/2000, magħluq bl-ittra SG (2001) D/288558 tas-16.5.2001.

(14)  ĠU L 325, 22.11.1983, p. 1.


Top