This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0001
2010/1/: Commission Decision of 23 December 2009 on the renewal of the mandate of the European Group on Ethics in Science and New Technologies
2010/1/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 23 ta’ Diċembru 2009 dwar it-tiġdid tal-mandat tal- Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda
2010/1/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 23 ta’ Diċembru 2009 dwar it-tiġdid tal-mandat tal- Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda
ĠU L 1, 5.1.2010, p. 8–9
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 27/05/2016; Imħassar b' 32016D0835
5.1.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 1/8 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-23 ta’ Diċembru 2009
dwar it-tiġdid tal-mandat tal- Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda
(2010/1/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
F’Novembru tal-1991, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tinkorpora l-etika fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-politiki ta' żvilupp tar-riċerka u t-teknoloġija tal-Komunità bit-twaqqif ta' Grupp ta' Konsulenti dwar l-Implikazzjonijiet Etiċi tal-Bioteknoloġija (GKIEB). |
(2) |
Fis-16 ta’ Diċembru 1997 il-Kummissjoni ddeċidiet li tissostitwixxi l-GKIEB bil-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Tekonoloġiji l-Ġodda (GEE) billi estendiet l-mandat tal-Grupp biex ikopri t-taqsimiet kollha tal-applikazzjoni tax-xjenza u t-teknoloġija. |
(3) |
Il-mandat tal-GEE b’portafoll kemxejn mibdul ġie mġedded b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Marzu 2001 għal perjodu ta’ erba’ snin (C(2001) 691). |
(4) |
Il-mandat preżenti tal-GEE ġie deċiż fil-11 ta’ Mejju 2005 (Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/383/KE (1), u ġie estiż minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/757/KE (2). |
(5) |
Issa wasal iż-żmien sabiex jiġġedded il-mandat għal perjodu ta’ ħames snin u b’hekk jiġu appuntati l-membri ġodda; id-deċiżjoni preżenti, madanakollu, ma tippreġudikax il-possibbiltà li l-Kummissjoni l-ġdida tirrevedi s-sustanza tal-mandat. |
(6) |
Id-deċiżjoni li ġejja għandha għaldaqstant tisostitwixxi d-Deċiżjoni 2009/757/EC, |
ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni għaldaqstant tiddeċiedi li ġġedded il-mandat tal-Grupp Ewropew tal-Etika fix-Xjenza u t-Tekonoloġiji l-Ġodda (GEE) għal perjodu ta’ ħames snin.
Artikolu 2
Missjoni
L-inkarigu tal-GEE għandu jkun li jagħti parir lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet etiċi li jirrigwardjaw ix-xjenzi u t-teknoloġiji l-ġodda, jew fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tiegħu. Il-Parlament u l-Kunsill jistgħu jiġbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet li jidhrilhom li huma ta' importanza etika kbira. Il-Kummissjoni għandha, meta titlob l-Opinjoni tal-GEE, tiffissa terminu ta' skadenza li fih għandha tingħata l-Opinjoni.
Artikolu 3
Kompożizzjoni – Nomina – Ħatra
(1) Il-membri tal-GEE jinħatru mill-President tal-Kummissjoni.
(2) Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw:
— |
Il-membri jiġu nominati ad personam. Il-membri jservu f’kapaċità personali u jiġu mitluba jagħtu parir lill-Kummissjoni indipendentament minn kwalunkwe influwenza esterna. Il-GEE għandu jkun indipendenti, pluralist u multidixxiplinarju. |
— |
Il-GEE għandu jkollu sa 15-il membru. |
— |
Kull membru tal-GEE għandu jinħatar għal perjodu ta’ ħames snin. Tali ħatra tista’ tiġi mġedda għal żewġ perjodi ulterjuri. |
— |
L-identifikazzjoni u l-għażla tal-membri tal-GEE għandha ssir fuq il-bażi ta' sejħa miftuħa għall-espressjonijiet ta' interess. Applikazzjonijiet addizzjonali li jiġu riċevuti permezz ta’ kanali oħra se jittieħdu f'kunsiderazzjoni fil-proċedura tal-għażla. |
— |
Il-lista ta’ membri tal-GEE se tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
— |
Il-kandidati li huma adegwati li mhumiex membri nnominati għandhom jitpoġġew fuq lista ta' riserva. |
— |
Meta membru ma jkunx iktar kapaċi li jikkontribwixxi effiċjentement lejn ix-xogħol tal-grupp, jew jirreżenja, il-President jista’ jappunta membru sostitut mil-lista tar-riserva, għall-kumplament taż-żmien tal-mandat tal-membru oriġinali. |
Artikolu 4
Il-Funzjonament
(1) Il-membri tal-GEE għandhom jeleġu president u viċipresident minn fost il-membri għat-tul ta’ żmien tal-kariga.
(2) Il-Programm ta’ Ħidma GEE inkluż reviżjonijiet etiċi bħal dawn issuġeriti fuq inizjattiva tal-GEE, għandu jiġi maqbul mill-President tal-Kummissjoni. L-Uffiċċju tal-Konsulenti dwar il-Politika Ewropea (BEPA) tal-Kummissjoni, li jaġixxi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-president tal-GEE, għandu jkun responsabbli għall-organizzazzjoni tal-ħidma tal-GEE u s-Segretarjat tiegħu.
(3) Is-sessjonijiet ta’ ħidma tal-GEE għandhom ikunu privati. Barra minn dawn is-sessjonijiet il-GEE jista’ jiddiskuti xogħlu mad-dipartimenti tal-Kummissjoni kkonċernati u jista’ jistieden rappreżentanti ta’ NGOs jew organizzazzjonijiet rappreżentattivi meta jkun xieraq għal skambju ta’ opinjonijiet. L-aġenda għal-laqgħat tal-GEE għandha tiġi distribwita lis-Servizzi tal-Kummissjoni relevanti.
(4) Il-GEE normalment jiltaqgħu fis-sede tal-Lummissjoni skont il-modalitajiet u l-kalendarju ffissat mill-Kummissjoni. Il-GEE għandu jiltaqa’ mill-inqas sitt darbiet matul perjodu ta’ 12-il xahar u dan jinvolvi tnax-il jum ta' xogħol fis-sena. Il-membri huma mistennija li jattendu għal erba’ laqgħat fis-sena.
(5) Għall-finijiet tal-preparazzjoni tal-Opinjonijiet tiegħu u fil-limiti tar-riżorsi disponibbli għal din l-azzjoni, il-GEE:
— |
jista’ jistieden esperti li għandhom kompetenza speċifika, biex jigwidaw u jinformaw il-ħidma tal-GEE jekk dan huwa meqjus utli u/jew neċessarju, |
— |
jista’ jibda studji sabiex jiġbor l-informazzjoni xjentifika u teknika neċessarja kollha, |
— |
jista’ jistabilixxi gruppi ta’ ħidma biex jikkonsidra kwistjonijiet speċifiċi, |
— |
għandu jorganizza Diskussjoni pubblika sabiex jiġi promoss d-djalogu u titjieb it-trasparenza għal kull Opinjoni li jipproduċi, |
— |
għandu jistabilixxi kuntatti mill-qrib mad-dipartimenti tal-Kummissjoni involuti fis-suġġett li jkun qed jaħdem fuqu l-Grupp, |
— |
jista’ jistabilixxi kuntatti aktar mill-qrib mar-rappreżentanti tal-korpi tal-etika varji fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi applikanti. |
(6) Kull Opinjoni għandha tiġi ppubblikata immedjatament wara l-adozzjoni tagħha. Meta Opinjoni ma tkunx adottata unanimament, għandha tinkludi kwalunkwe opinjoni li ma taqbilx. Meta jkun hemm rekwiżit operattiv għal parir li jkun irid jingħata aktar malajr dwar suġġett partikolari, Dikjarazzjonijiet qosra għandhom jiġu magħmula, li għandhom jiġu segwitu minn analiżijiet aktar sħaħ jekk ikun hemm bżonn, filwaqt li tiġi żgurata t-trasparenza bħal f’kull Opinjoni oħra. L-Opinjonijiet tal-GEE dejjem jirreferu għat-teknoloġija avvanzata fil-mument tal-ħruġ tal-Opinjoni. Il-GEE jista’ jiddeċiedi li jaġġorna l-Opinjonijiet jekk jikkunsidrah neċessarju.
(7) Il-GEE għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.
(8) Rapport dwar l-attivitajiet tal-GEE għandu jiġi mlesti taħt ir-responsabbiltà tal-president qabel it-tmiem tat-terminu tal-kariga tiegħu. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat.
Artikolu 5
Spejjeż tal-laqgħa
L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ żjarat għal-laqgħat tal-GEE għandhom jiġu koperti mill-Kummissjoni skont ir-regoli tal-Kummissjoni.
Artikolu 6
Dħul fis-Seħħ
Id-Deċiżjoni preżenti għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-nomina tal-membri ġodda tal-GEE. Se tisostitwixxi d-Deċiżjoni 2009/757/KE.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Diċembru 2009.
Għall-Kummissjoni
José Manuel BARROSO
Il-President
(1) ĠU L 127, 20.5.2005, p. 17.
(2) ĠU L 270, 15.10.2009, p. 18.