Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0734

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 734/2009 tal- 11 ta’ Awwissu 2009 li jiftaħ investigazzjoni rigward il-possibiltà li ġew evitati miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1858/2005 dwar importazzjonijiet ta’ ċerti ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina permezz ta' importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils tal-azzar ikkunsinjati mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni

    ĠU L 208, 12.8.2009, p. 7–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/734/oj

    12.8.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 208/7


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 734/2009

    tal-11 ta’ Awwissu 2009

    li jiftaħ investigazzjoni rigward il-possibiltà li ġew evitati miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1858/2005 dwar importazzjonijiet ta’ ċerti ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina permezz ta' importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils tal-azzar ikkunsinjati mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b' mod partikolari l-Artikoli 13(3), 14(3) u 14(5) tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    1.   IT-TALBA

    (1)

    Il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibiltà li ġew evitati miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjoni ta’ ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

    (2)

    It-talba ntbagħtet fid-29 ta’ Ġunju 2009 mill-Kumitat Kollaborattiv tal-industriji tal-ħbula tal-wajer tal-UE (EWRIS – EU Wire Rope Industries) f'isem il-produtturi Komunitarji ta’ ħbula u kejbils tal-azzar.

    2.   IL-PRODOTT

    (3)

    Il-prodott ikkonċernat minn din il-possibiltà li ġew evitati miżuri anti-dumping huwa ħbula u kejbils tal-azzar inklużi l-ħbula kolja, esklużi l-ħbula u kejbils magħmula minn azzar li ma jsaddadx, b'dimensjoni trasversali massima ta’ aktar minn 3 mm, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, bħalissa klassifikabbli bil-kodiċi tan-NM ex ex 7312 10 81, ex ex 7312 10 83, ex ex 7312 10 85, ex ex 7312 10 89 u ex ex 7312 10 98 (“il-prodott ikkonċernat”).

    (4)

    Il-prodott investigat huwa ħbula u kejbils tal-azzar inkluż l-ħbula kolja, esklużi l-ħbula u kejbils magħmula minn azzar li ma jsaddadx, b'dimensjoni trasversali massima ta’ aktar minn 3 mm, kkunsinjati mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja (“il-prodott investigat”), bħalissa klassifikabbli bl-istess kodiċi bħall-prodott ikkonċernat.

    3.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

    (5)

    Il-miżuri attwalment fis-seħħ u li possibbilment dwarhom qed ikun hemm evażjoni huma l-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1858/2005 (2), kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 283/2009 (3).

    4.   IL-BAŻI

    (6)

    It-talba tinkludi biżżejjed xhieda prima facie li l-miżuri anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina qegħdin jiġu evitati permezz ta' trasbord ta' ħbula u kejbils tal-azzar mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja.

    L-evidenza mressqa hija kif ġejja:

    (7)

    It-talba turi bidla sinifikanti fil-mod kif seħħ il-kummerċ li jinvolvi l-esportazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja lejn il-Komunità wara l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq il-prodott ikkonċernat, u li mhemmx raġuni dovuta suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ħlief l-impożizzjoni tad-dazju għal bidla ta’ din ix-xorta.

    (8)

    Dan it-tibdil fil-mod kif isir il-kummerċ jidher li jibda mit-trasbord ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina vija r-Repubblika tal-Korea u l-Malażja.

    (9)

    Barra minn hekk, it-talba tinkludi biżżejjed evidenza prima facie li l-effetti ta' rimedju tal-miżuri antidumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qegħdin jiddgħajfu kemm f’termini ta’ kwalità kif ukoll ta’ prezz. Volumi sinifikanti ta' importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja jidhru li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, hemm biżżejjed evidenza li din iż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet qiegħda ssir bi prezzijiet ferm taħt il-prezz li ma jikkawżax danni stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti.

    (10)

    Finalment, it-talba tinkludi biżżejjed xhieda prima facie illi l-prezzijiet tal-prodott investigat qegħdin ikunu oġġett ta' dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat.

    (11)

    Jekk fil-proċess tal-investigazzjoni tkun identifikata prassi ta' evażjoni vija r-Repubblika tal-Korea u l-Malażja koperta mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr it-trasbord, l-investigazzjoni tista’ tkopri din il-prassi wkoll.

    5.   IL-PROĊEDURA

    (12)

    Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet illi hemm biżżejjed evidenza għal bidu ta' investigazzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja u kemm jekk le, suġġetti għal reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

    5.1.   Il-kwestjonarji

    (13)

    Sabiex tikseb l-informazzjoni meqjusa neċessarja għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-esportaturi/produtturi u lill-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi ġewwa r-Repubblika tal-Korea u l-Malażja, lill-esportaturi/produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi ġewwa r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, lill-esportaturi/produtturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa ġewwa l-Komunità u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, tar-Repubblika tal-Korea u tal-Malażja. Tagħrif, kif xieraq, jista' jintalab ukoll mill-industrija Komunitarja.

    (14)

    F'kull każ, il-partijiet kollha interessati għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, iżda mhux aktar tard mil-limitu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament biex ikunu jafu jekk humiex elenkati fit-talba u jitolbu kwestjonarju fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament, billi l-limitu taż-żmien stipulat fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha.

    (15)

    L-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u tar-Repubblika tal-Korea u tal-Malażja se jkunu nnotifikati bil-bidu tal-investigazzjoni.

    5.2.   Il-ġbir tat-tagħrif u s-seduti ta' smigħ

    (16)

    Il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, sakemm ikunu għamlu talba bil-miktub u wrew li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

    5.3.   L-eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri

    (17)

    Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat jistgħu jkunu eżentati mir-reġistrazzjoni jew mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tikkostitwix evażjoni.

    (18)

    Billi l-possibiltà ta' evażjoni ssir barra mill-Komunità, eżenzjonijiet jistgħu jingħataw, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lill-produtturi tal-prodott investigat li jistgħu juru li ma huma relatati mal-ebda produttur suġġett għall-miżuri u li jinstabu li mhumiex involuti fi prassi ta’ evażjoni kif iddefinit fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni għandhom jibagħtu talba b’evidenza xierqa ta' sostenn fil-limitu taż-żmien stipulat fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament.

    6.   IR-REĠISTRAZZJONI

    (19)

    Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat għandhom ikunu suġġetti għal reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk mill-investigazzjoni jinstab li kien hemm evażjoni, ammont xieraq ta' dazji tal-anti-dumping jistgħu jinġabru b’mod retroattiv mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ din ix-xorta mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja.

    7.   IL-LIMITI TAŻ-ŻMIEN

    (20)

    Fl-interess ta' amministrazzjoni soda, għandhom jiġu stabbiliti limiti ta' żmien li matulhom:

    (21)

    Ta' min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-parti l-kbira tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha fil-limiti taż-żmien imsemmijin fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

    8.   IN-NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

    (22)

    F’każ li xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għal tagħrif meħtieġ jew ma tipprovdihx fil-limiti ta’ żmien stipulati, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    (23)

    Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, dak it-tagħrif għandu jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli. Jekk xi parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    9.   L-ISKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

    (24)

    L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa' xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    10.   L-IPPROĊESSAR TA’ DEJTA PERSONALI

    (25)

    Ta’ min jinnota li kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta (4).

    11.   L-UFFIĊJAL GĦAS-SEDUTI TA' SMIGĦ

    (26)

    Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn ikunu jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Seduti ta' Smigħ tad-DĠ għall-Kummerċ. Dan jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, filwaqt li joffri, fejn ikun meħtieġ, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f'dan il-proċediment, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni taż-żmien preskritt u t-trattament tas-sottomissjoni tal-opinjonijiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar informazzjoni u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet tal-Uffiċjal għas-Seduti ta' Smigħ fuq il-websajt tad-DĠ għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    B'dan qed tinbeda investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, sabiex ikun iddeterminat jekk l-importazzjonijiet fil-Komunita' ta' ħbula u kejbils tal-azzar inklużi l-ħbula kolja, esklużi l-ħbula u kejbils magħmula minn azzar li ma jsaddadx, b'dimensjoni trasversali massima ta' aktar minn 3 mm, ikkunsinjati mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja u kemm jekk le, bħalissa klassifikati bil-kodiċi tan-NM ex ex 7312 10 81, ex ex 7312 10 83, ex ex 7312 10 85, ex ex 7312 10 89 u ex ex 7312 10 98 (kodiċi TARIC 7312108113, 7312108313, 7312108513, 7312108913 u 7312109813) humiex qed jevadu l-miżuri imposti mir-Regolament (KE) Nru 1858/2005.

    Artikolu 2

    L-awtoritajiet doganali huma permezz ta' dan mitluba, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, li jieħdu l-passi xierqa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet fil-Komunità identifikati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

    Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Il-Kummissjoni tista', permezz ta' Regolament, titlob lill-awtoritajiet doganali jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet lejn il-Komunità ta' prodotti mmanifatturati mill-produtturi li jkunu applikaw għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u li jkunu nstabu li ma jkunux qegħdin jevadu d-dazji tal-anti-dumping.

    Artikolu 3

    1.   Il-kwestjonarji għandhom jintalbu minn għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Il-partijiet interessati, jekk ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom iridu jitqiesu waqt l-investigazzjoni, iridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, iressqu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

    3.   Il-produtturi fir-Repubblika tal-Korea u fil-Malażja li jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri għandhom jippreżentaw it-talba flimkien ma' evidenza ta' sostenn fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 ġurnata.

    4.   Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum.

    5.   Kull tagħrif, kull talba għal seduta jew għal kwestjonarju kif ukoll kull talba għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri trid issir bil-miktub (mhux f’format elettroniku, sakemm mhux speċifikat mod ieħor) u trid tindika l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Kull preżentazzjoni bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f'dan ir-Regolament, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandha tkun immarkata bħala “Limitata (5) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandha tkun akkumpanjata minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate General for Trade

    Directorate H

    Office: N-105 4/92

    B-1049 Brussels

    IL-BELĠJU

    Faks +32 22956505

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Catherine ASHTON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

    (2)  ĠU L 299, 16.11.2005, p. 1.

    (3)  ĠU L 94, 8.4.2009, p. 5.

    (4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (5)  Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Hu protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Anti-dumping).


    Top