Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0279

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 279/2009 tas- 6 ta’ April 2009 li jemenda l-Anness II għad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (Test b’relevanza għaż-ŻEE )

    ĠU L 93, 7.4.2009, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/279/oj

    7.4.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 93/11


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 279/2009

    tas-6 ta’ April 2009

    li jemenda l-Anness II għad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(c)(ii) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Is-Slovakkja ressqet talba motivata biex issir emenda fl-Anness II għad-Direttiva 2005/36/KE. Talbet li tiżdied il-professjoni ta’ tekniku dentali (“zubný technik”), li tissodisfa l-kundizzjonijiet ipprovduti bl-Artikolu 11(c)(ii) tad-Direttiva 2005/36/KE, kif huwa evidenti mir-Regolament tal-Gvern Nru 742/2004 Coll. dwar il-kwalifiki professjonali tal-professjonisti tas-saħħa.

    (2)

    Id-Danimarka ressqet talba motivata biex isiru emendi fl-Anness II għad-Direttiva 2005/36/KE. Talbet li mill-Anness II għad-Direttiva 2003/36/KE titneħħa l-professjoni ta’ optometrista (“optometrist”) li l-livell tagħha ntrefa’ għal dak ta’ diploma, kif provdut bl-Artikolu 11(d) tad-Direttiva 2005/36/KE, u li għalhekk ma jaqdix ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11(c)(ii) ta’ dik id-Direttiva. Id-Danimarka talbet ukoll li mill-Anness II għad-Direttiva 2003/36/KE jitneħħew il-professjonijiet ta’ tekniku tal-ortopedija (“ortopædimekaniker”) u ta’ skarpan taż-żraben u l-butz ortopediċi (“ortopædiskomager”), li ma għadhomx regolati fid-Danimarka.

    (3)

    Id-Direttiva 2005/36/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan.

    (4)

    Il-miżuri provduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness II għad-Direttiva 2005/36/KE huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 6 ta’ April 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Charlie McCREEVY

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.


    ANNESS

    L-Anness II għad-Direttiva 2005/36/KE huwa emendat kif ġej:

    1.

    Fil-punt 1, taħt l-intestatura “fis-Slovakkja” għandu jiżdied dan li ġej:

    “—

    tekniku dentali (‘zubný technik’),

    li tirrappreżenta edukazzjoni u taħriġ ta’ għall-anqas 14-il sena, inklużi 8 jew 9 snin ta’ edukazzjoni primarja, 4 snin ta’ edukazzjoni sekondarja u warajhom sentejn edukazzjoni postsekondarja fi skola sekondarja tal-kura tas-saħħa, ikkompletati b’eżami teoretiku u prattiku fil-livell taċ-Ċertifikat Ġenerali tal-Edukazzjoni (‘maturitné vysvedčenie’).”

    (2)

    Fil-punt 2, għandhom jitħassru l-intestatura “fid-Danimarka” kif ukoll l-entrati għad-Danimarka.


    Top