Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0030

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 30/2009 tas- 16 ta' Jannar 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1032/2006 f’dak li jikkonċerna r-rekwiżiti għal sistemi awtomatiċi ta' skambju tad-dejta tat-titjira li jappoġġjaw is-servizzi ta’ kollegamenti tad-dejta (servizzi data-link) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 13, 17.1.2009, p. 20–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 04/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1771

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/30/oj

    17.1.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 13/20


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 30/2009

    tas-16 ta' Jannar 2009

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1032/2006 f’dak li jikkonċerna r-rekwiżiti għal sistemi awtomatiċi ta' skambju tad-dejta tat-titjira li jappoġġjaw is-servizzi ta’ kollegamenti tad-dejta (servizzi data-link)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-interoperabilità tax-Xibka (Netwerk) Ewropea ta' Amministrazzjoni ta' Traffiku tal-Ajru (ir-Regolament dwar l-interoperabilità) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex l-użu ta' applikazzjonijiet ta’ kollegamenti tad-dejta bejn l-ajru u l-art ikun possibbli, iċ-ċentri ta’ kontroll taż-żona li jipprovdu servizzi ta’ kollegamenti tad-dejta skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2009 tas-16 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għas-servizzi ta’ kollegamenti tad-dejta għall-Ajru Uniku Ewropew (3) għandu jkollhom aċċess f’waqtu għall-informazzjoni adattata tat-titjira.

    (2)

    Sabiex l-unità ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru li jmiss tkun tista’ tibda tagħmel l-iskambju ta’ dejta mal-ajruplan, meta ċ-ċentri ta’ kontroll taż-żona kkonċernati ma jkollhomx servizz komuni ta’ konnettività ta’ kollegamenti tad-dejta, għandhom jiġu implimentati proċessi awtomatizzati li jkunu relatati mal-informazzjoni u komunikazzjoni tal-log-on mal-awtorità li jmiss.

    (3)

    L-Eurocontrol ingħata s-setgħa, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, li jiżviluppa r-rekwiżiti għall-introduzzjoni kkoordinata ta’ servizzi ta’ kollegamenti tad-dejta. Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq ir-rapport tal-mandat riżultanti tad-19 ta’ Ottubru 2007.

    (4)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1032/2006 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għal sistemi awtomatiċi għall-iskambju ta’ dejta tat-titjira għall-fini ta’ notifikazzjoni, koordinazzjoni u trasferiment ta’ titjiriet bejn unitajiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru (4) għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

    (5)

    Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Ajru Uniku,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1032/2006 hu emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 3, għandu jiżdied dan il-paragrafu 4:

    “4.   Il-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni tal-ajru li jipprovdu servizzi ta’ kollegamenti tad-dejta skont ir-Regolament (KE) Nru 29/2009 għandhom jiżguraw li s-sistemi msemmijin fl-Artikolu 1(2)(a) u ċ-ċentri ta’ kontroll taż-żona li joffru s-servizzi, jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' interoperabilità u prestazzjoni speċifikati fl-Anness I, Partijiet A u D.”;

    (2)

    L-Annessi I u III huma emendati kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 16 ta’ Jannar 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Antonio TAJANI

    Viċi-President


    (1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

    (2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p.1.

    (3)  Ara paġna 3 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (4)  ĠU L 186, 7.7.2006, p. 27.


    ANNESS

    L-Annessi I u III tar-Regolament (KE) Nru 1032/2006 huma emendati kif ġejjin:

    (1)

    Fl-Anness I, tiżdied din il-Parti D:

    “PARTI D:   REKWIŻITI GĦALL-PROĊESSI LI JAPPOĠĠAW IS-SERVIZZI TA’ KOLLEGAMENTI TAD-DEJTA

    1.   LOGON FORWARD

    1.1.   Informazzjoni tat-titjira konċernata

    1.1.1.   L-informazzjoni suġġetta għall-proċess tal-logon forward għandha tinkludi, tal-anqas:

    l-identifikazzjoni tal-ajruplan,

    it-tluq mill-ajruport,

    l-ajruport tad-destinazzjoni,

    it-tip tal-logon,

    il-parametri tal-logon.

    1.2.   Regoli tal-applikazzjoni

    1.2.1.   Għandu jitwettaq proċess wieħed tal-logon forward għal kull titjira data-link logged-on ippjanata li se taqsam il-fruntiera tal-pajjiż.

    1.2.2.   Il-proċess tal-logon forward għandu jinbeda fl-aktar ħin kmieni mill-ħinijiet determinati minn dan li ġej, jew malajr kemm jista’ jkun wara dan il-ħin:

    numru parametru ta’ minuti qabel il-ħin stmat fil-punt ta’ koordinazzjoni,

    il-ħin li fih it-titjira tkun f'distanza mill-punt ta’ koordinazzjoni, liema distanza tkun miftiehma bilateralment,

    skont l-ittri tal-ftehim.

    1.2.3.   Il-kriterji ta’ eliġibilità għall-proċess tal-logon forward għandhom ikunu konformi mal-ittri tal-ftehim.

    1.2.4.   L-informazzjoni tal-logon forward għandha tkun inkluża mal-informazzjoni korrispondenti tat-titjira tal-unità li tirċeviha.

    1.2.5.   L-istatus logged-on tat-titjira jista’ jintwera fil-pożizzjoni tax-xogħol adattata fl-unità li tirċeviha.

    1.2.6.   It-tlestija tal-proċess tal-logon forward, inkluż il-konferma mill-unità li tirċeviha, għandha tiġi pprovduta lill-unità li titrasferixxi.

    1.2.7.   F’każ li l-proċess tal-logon forward ma jikkonfermax li jkun lest, fil-limiti applikabbli tar-rekwiżiti ta’ kwalità tas-servizz, dan għandu jwassal għal talba biex jinbeda kuntatt ta’ kollegament tad-dejta bejn l-ajru u l-art għall-ajruplan.

    2.   NOTIFIKAZZJONI TAL-AWTORITÀ LI JMISS

    2.1.   Informazzjoni tat-titjira konċernata

    2.1.1.   L-informazzjoni suġġetta għall-proċess tan-notifikazzjoni tal-awtorità li jmiss għandha tinkludi, tal-anqas:

    l-identifikazzjoni tal-ajruplan,

    it-tluq mill-ajruport,

    l-ajruport tad-destinazzjoni.

    2.2.   Regoli tal-applikazzjoni

    2.2.1.   Għandu jitwettaq proċess wieħed tan-notifikazzjoni tal-awtorità li jmiss għal kull titjira eliġibbli li taqsam il-fruntiera tal-pajjiż.

    2.2.2.   Il-proċess tan-notifikazzjoni tal-awtorità li jmiss għandu jinbeda wara li t-talba tan-notifikazzjoni tal-awtorità li jmiss mal-ajruplan tiġi rikonoxxuta mis-sistema fl-ajru.

    2.2.3.   Wara li l-proċess tal-informazzjoni tan-notifikazzjoni lill-awtorità li jmiss isir b’mod xieraq, l-unità li tirċeviha għandha tagħti bidu għal talba għal komunikazzjoni ta’ kollegament tad-dejta mal-pilota fil-kontroll (CPDLC- controller pilot data link communication) mal-ajruplan.

    2.2.4.   Jekk l-informazzjoni tan-notifikazzjoni tal-awtorità li jmiss ma tiġix riċevuta fil-ħin parametru miftiehem bilateralment, l-unità li suppost tirċeviha għandha tapplika l-proċeduri lokali biex jingħata bidu għal komunikazzjonijiet ta’ kollegament tad-dejta mal-ajruplan.

    2.2.5.   It-tlestija tal-proċess tan-notifikazzjoni tal-awtorità li jmiss, inkluż il-konferma mill-unità li tirċeviha, għandha tiġi pprovduta lill-unità li titrasferixxi.

    2.2.6.   F’każ li l-proċess tan-notifikazzjoni tal-awtorità li jmiss ma jikkonfermax li jkun lest, fil-limiti applikabbli tar-rekwiżiti ta’ kwalità tas-servizz, dan għandu jwassal biex jinbdew il-proċeduri lokali fl-unità li tittrasferixxi.”

    (2)

    Fl-Anness III, il-punti 2 u 3 jinbidlu b’dan li ġej:

    “(2)

    Ir-rekwiżiti ta’ interoperabilità u prestazzjoni speċifikati fil-paragrafi 3.2.4, 3.2.5, 4.2.3, 4.2.4, 5.2.3, 5.2.4, 6.2.3 u 6.2.4 tal-Anness I, Parti B u 1.2.6, 1.2.7, 2.2.5 u 2.2.6 tal-Anness I, Parti D għandhom jitqiesu wkoll bħala rekwiżiti tas-sikurezza.

    (3)

    Għar-reviżjoni tal-koordinazzjoni, l-abrogazzjoni tal-koordinazzjoni, id-dejta bażika tat-titjira, il-proċessi tal-logon foreward u tan-notifikazzjoni tal-awtorità li jmiss, ir-rekwiżiti ta’ kwalità tas-servizz speċifikati fl-Anness II għandhom jitqiesu wkoll bħala rekwiżiti tas-sikurezza.”


    Top