EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0141

Direttiva tal-Kummissjoni 2009/141/KE tat- 23 ta’ Novembru 2009 li temenda l-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livelli massimi tal-arseniku, it-teobromina, id- Datura sp., ir- Ricinus communis L ., il- Croton tiglium L . u l- Abrus precatorius L . (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 308, 24.11.2009, p. 20–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/141/oj

24.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/20


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/141/KE

tat-23 ta’ Novembru 2009

li temenda l-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livelli massimi tal-arseniku, it-teobromina, id-Datura sp., ir-Ricinus communis L., il-Croton tiglium L. u l-Abrus precatorius L.

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/32/KE tistipola li l-użu ta’ prodotti li huma intenzjonati għall-għalf għall-annimali li fihom livelli ta’ sustanzi mhux mixtieqa li jaqbżu l-livelli massimi stipulati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva huwa pprojbit.

(2)

Fir-rigward ta’ prodotti tal-għalf li jkunu ġejjin mill-ipproċessar tal-ħut jew minn annimali oħrajn tal-baħar, informazzjoni reċenti mwassla minn awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar il-preżenza tat-total ta’ arseniku (is-somma ta’ arseniku organiku u inorganiku) tindika li hemm il-ħtieġa li jiżdiedu l-livelli massimi tat-total ta’ arseniku. Prodotti sekondarji mill-industrija tal-iffilittjar tal-ħut huma materja prima importanti għall-produzzjoni tal-għalf tal-ħut u taż-żejt tal-ħut għall-użu fl-għalf imħallat, partikolarment l-għalf tal-ħut.

(3)

Iż-żieda fil-livelli massimi tat-total ta’ arseniku fil-prodotti tal-għalf li jkunu ġejjin mill-ipproċessar tal-ħut u ta’ annimali oħrajn tal-baħar u fil-prodotti tal-għalf għall-ħut ma timplika ebda bidla fil-livelli massimi ta’ arseniku inorganiku. Minħabba li l-effetti potenzjali mhux mixtieqa tal-arseniku fuq saħħet l-annimali u saħħet il-bniedem huma stabbiliti mill-frazzjoni inorganika f’għalf jew fi prodotti tal-ikel partikolari, u minħabba li t-taħlitiet tal-arseniku organiku jimmanifestaw potenzjal tossiku tabilħaqq baxx (2), il-livelli miżjuda tat-total ta’ arseniku ma jaffettwawx il-ħarsien tas-saħħa tal-annimali u dik pubblika.

(4)

Fl-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE, l-arseniku jirreferi għat-total ta’ arseniku għall-fini li jiġu stabbiliti l-livelli massimi minħabba li ma jeżisti ebda metodu ta’ rutina standard għall-analiżi tal-arsemiku inorganiku. Iżda għall-każijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti jitolbu analiżi tal-kontenut tal-arseniku organiku, dak l-Anness jistabbilixxi livell massimu ta’ arseniku inorganiku.

(5)

Minħabba li f’xi każijiet il-metodu ta’ estrazzjoni għandu influwenza sinifikanti fuq ir-riżultat analitiku tat-total ta’ arseniku, huwa f’loku li tiġi speċifikata proċedura ta’ estrazzjoni għal referenza sabiex tintuża f’verifiki uffiċjali.

(6)

L-informazzjoni mwassla mill-awtoritajiet kompetenti u minn organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati tindika livelli sinifikanti ta’ arseniku fl-addittivi li jappartjenu għall-grupp funzjonali ta’ taħlitiet ta’ elementi ta’ traċċa, awtorizzati bl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Huwa f’loku li jiġu stabbiliti l-livelli massimi ta’ arseniku f’dawn l-addittivi biex titħares is-saħħa tal-annimali u dik pubblika.

(7)

Fir-rigward tat-teobromina, fl-opinjoni tagħha tal-10 ta’ Ġunju 2008 (4) l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) ikkonkludiet li jista’ jagħti l-każ li l-livelli massimi ta’ teobromina kif stabbiliti fil-preżent mhumiex iħarsu għal kollox lil xi wħud mill-ispeċi tal-annimali. L-Awtorità ġibdet l-attenzjoni dwar il-possibbiltà ta’ effetti mhux mixtieqa fuq il-ħnieżer, il-klieb u ż-żwiemel, u dwar il-produzzjoni tal-ħalib fil-baqar tal-ħlib. Għaldaqstant huwa f’loku li jiġu stabbiliti livelli massimi aktar baxxi.

(8)

Fir-rigward tal-alcaloids fid-Datura sp., fl-opinjoni tagħha tad-9 ta’ April 2008 (5) l-EFSA kkonkludiet li, minħabba li l-alcaloids tropani huma preżenti fid-Datura sp. kollha, ikun f’loku li fl-interess tal-ħarsien ta’ saħħet l-annimali, speċjalment fil-każ tal-ħnieżer, jiġu estiżi l-livelli massimi tad-Datura stramonium L., kif stipulat fl-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE, għad-Datura sp kollha.

(9)

Fir-rigward tar-ricin (mir-Ricinus communis L.), fl-opinjoni tagħha tal-10 ta’ Ġunju 2008 (6) l-EFSA kkonkludiet li, minħabba l-effetti tossiċi simili tat-tossiċi mir-Ricinus communis L. (ricin), il-Croton tiglium L. (crotin) u l-Abrus precatorius L. (abrin), huwa f’loku li għar-Ricinus communis L. jiġu applikati l-livelli massimi kif stipulat fl-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE, anki għall-Croton tiglium L. u l-Abrus precatorius L., separatament jew inkella flimkien.

(10)

Id-Direttiva 2002/32/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ.

(11)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponiehom,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2010. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10.

(2)  L-Opinjoni Xjentifika tal-Bord dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (l-EFSA) fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, b’rabta mal-arseniku bħala sustanza mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali, The EFSA Journal (2005) 180, 1-35.

(3)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(4)  L-Opinjoni Xjentifika tal-Bord dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-riċin (mir-Ricinus communis) bħala sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali. The EFSA Journal (2008) 725, 1-66.

(5)  L-Opinjoni Xjentifika tal-Bord dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea relatata mal-alcaloids (mid-Datura sp.) bħala sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali. The EFSA Journal (2008) 691, 1-55.

(6)  L-Opinjoni Xjentifika tal-Bord dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-riċin (mir-Ricinus communis) bħala sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali. The EFSA Journal (2008) 726, 1-38.


ANNESS

L-Anness I għad-Direttiva 2002/32/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

Ir-Ringiela 1, Arseniku, tinbidel b’li ġej:

Sustanzi mhux mixtieqa

Prodotti intenzjonati għall-għalf għall-bhejjem

Kontenut massimu f’mg/kg (ppm) li huwa relattiv għal oġġett tal-għalf b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 %

(1)

(2)

(3)

“1.

Arseniku (*)  (**)

Materjali tal-għalf bl-eċċezzjoni ta’:

2

l-għalf magħmul mill-ħaxix, minn xnien imnixxef u minn silla mnixxfa, u polpa mnixxfa tal-pitravi u polpa mnixxfa tal-ġulepp magħqud tal-pitravi

4

iż-żejt li joħroġ mill-qalba tal-palma

4  (***)

il-fosfati u l-algi kalkarji tal-baħar

10

il-karbonat tal-kalċju

15

l-ossidu tal-manjeżju

20

il-prodotti tal-għalf li jkunu ġejjin mill-ipproċċessar tal-ħut jew ta’ annimali oħrajn tal-baħar, inkluż il-ħut

25  (***)

l-għalf mill-alka tal-baħar u materjali tal-għalf li jkunu ġejjin mill-alka tal-baħar

40  (***)

Il-partikuli tal-ħadid użati bħala traċċatur fl-għalf.

50

Addittivi li jagħmlu parti mill-grupp funzjonali ta’ taħlitiet tal-elementi ta’ traċċa, ħlief:

30

il-pentaidrat tas-sulfat tar-ramm u l-karbonat tar-ramm

50

l-ossidu taż-żingu, l-ossidu tal-manganiż u l-ossidu tar-ramm.

100

Prodotti tal-għalf kompluti, ħlief:

2

il-prodotti tal-għalf kompluti għall-ħut u prodotti tal-għalf kompluti għall-annimali tal-pil.

10  (***)

Prodotti tal-għalf komplementari, ħlief:

4

il-prodotti tal-għalf minerali.

12

(2)

Ir-Ringiela 10, Teobromina, tinbidel b’li ġej:

Sustanzi mhux mixtieqa

Prodotti intenzjonati għall-għalf għall-bhejjem

Kontenut massimu f’mg/kg (ppm) li huwa relattiv għal prodott tal-għalf b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 %

(1)

(2)

(3)

“10.

teobromina

Prodotti tal-għalf kompluti, ħlief:

300

il-prodotti tal-għalf tal-annimali kompluti għall-ħnieżer

200

il-prodotti tal-għalf kompluti għall-klieb, fniek, żwiemel u l-annimali bil-pil.

50 ”

(3)

Ir-Ringiela 14, Żerriegħa tal-ħaxix ħażin u frott mhux mitħun u mhux mgħaffeġ li fihom l-alcaloids, il-glucosides jew sustanzi tossiċi oħra, qed tinbidel b’dan li ġej:

Sustanzi mhux mixtieqa

Prodotti intenzjonati għall-għalf għall-bhejjem

Kontenut massimu f’mg/kg (ppm) li huwa relattiv għal prodott tal-għalf b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 %

(1)

(2)

(3)

“14.

Żerriegħa tal-ħaxix ħażin u frott mhux mitħun u mhux mgħaffeġ li fih l-alcaloids, il-glucosides jew sustanzi tossiċi oħra, separatament jew inkella flimkien, inkluża d-

Il-prodotti tal-għalf kollha tal-annimali

3 000

Datura sp.

 

1 000 ”

(4)

Ir-Ringiela 15, Il-pjanta ta’ żejt ir-riġnu – Ricinus communis L., tinbidel b’li ġej:

Sustanzi mhux mixtieqa

Prodotti intenzjonati għall-għalf għall-bhejjem

Kontenut massimu f’mg/kg (ppm) li huwa relattiv għal prodott tal-għalf b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 %

(1)

(2)

(3)

“15.

Iż-żerriegħa u l-ħlief mir-Ricinus communis L., il-Croton tiglium L. u l-Abrus precatorius L. kif ukoll id-derivattivi pproċessati tagħhom (****), separatament jew inkella flimkien.

Il-prodotti tal-għalf tal-annimali kollha

10

(5)

Ir-Ringiela 34, Krotonu – Croton tiglium L, titħassar.


(*)  Il-livelli massimi jirreferu għat-total ta’ arseniku.

(**)  Il-livelli massimi jirreferu għad-determinazzjoni analitika tal-arseniku, fejn l-estrazzjoni ssir fl-aċidu nitriku (5 % w/w) għal 30 minuta f’temperatura tbaqbaq. Proċeduri ta’ estrazzjoni ekwivalenti jistgħu jiġu applikati fil-każijiet fejn jintwera li l-proċedura ta’ estrazzjoni użata tagħti l-istess effiċjenza ta’ estrazzjoni.

(***)  Fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti, l-operatur responsabbli jrid iwettaq analiżi biex juri li l-kontenut tal-arseniku inorganiku huwa anqas minn 2 ppm. Din l-analiżi hija partikolarment importanti għall-ispeċi tal-alka tal-baħar Hizikia fusiforme.”

(****)  Kemm-il darba wieħed ikun jista’ jiddetermina dan permezz tal-mikroskopija analitika.”


Top