Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009E0134

    Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/134/PESK tas- 16 ta′ Frar 2009 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Sudan

    ĠU L 46, 17.2.2009, p. 57–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2009/134/oj

    17.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 46/57


    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2009/134/PESK

    tas-16 ta′ Frar 2009

    li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Sudan

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b′mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

    Billi

    (1)

    Fid-19 ta’ April 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/238/PESK (1) li tappunta lis-Sur Torben BYRLLE bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għas-Sudan.

    (2)

    Fit-12 ta’ Frar 2008, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2008/110/PESK (2), li temenda u testendi li l-mandat tar-RSUE sat-28 ta’ Frar 2009.

    (3)

    Fuq bażi ta′ reviżjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/110/PESK, il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż għal perijodu ieħor ta′ 12-il xahar.

    (5)

    Ir-RSUE se jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta′ Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

    Il-mandat tas-Sur Torben BRYLLE bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għas-Sudan huwa b′dan estiż sat-28 ta′ Frar 2010.

    Artikolu 2

    Objettivi ta′ politika

    1.   Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika tal-Unjoni Ewropea (UE) fis-Sudan, notevolent fir-rigward tal-isforzi, bħala parti mill-komunità internazzjonali u b’appoġġ għall-Unjoni Afrikana (UA) u għan-Nazzjonijiet Uniti (NU), sabiex il-partijiet Sudaniżi, l-UA u n-NU jiġu megħjuna jiksbu riżoluzzjoni politika tal-kunflitt fid-Darfur, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta′ Paċi fid-Darfur (FPD) u sabiex tkun faċilitata l-implimentazzjoni tal-Ftehim Komprensiv ta Paċi (FKP) u jiġi promoss id-djalogu Nofsinhar-Nofsinhar, kif ukoll tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta′ Paċi fil-Lvant tas-Sudan (FPLS), b’kont debitament meħud tar-ramifikazzjonijiet reġjonali ta dawn il-kwistjonijiet u tal-prinċipju ta′ appartenenza Afrikana.

    2.   Il-mandat tar-RSUE għandu addizzjonalment ikun ibbażat fuq l-objettivi ta′ politika tal-UE fir-rigward tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/677/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2007 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali (3) (EUFOR Tchad/RCA).

    Artikolu 3

    Mandat

    1.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

    (a)

    jaħdem mal-UA, il-Gvern tas-Sudan, il-Gvern tas-Sudan tan-Nofsinhar, il-movimenti armati tad-Darfur u partiti Sudaniżi oħra kif ukoll mas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet non-governattivi tad-Darfur u jżomm kollaborazzjoni mill-qrib man-NU u ma′ atturi internazzjonali rilevanti oħra, bil-għan li jitwettqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni;

    (b)

    jirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea fid-djalogu Darfur-Darfur, fil-laqgħat ta’ livell għoli tal-Kummissjoni Konġunta, kif ukoll laqgħat oħra rilevanti kif mitlub;

    (ċ)

    jirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea, kull meta jkun possibbli, fil-Kummissjonijiet ta′ Valutazzjoni u Evalwazzjoni tal-FKP u l-FPD;

    (d)

    isegwi l-iżviluppi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-FPLS;

    (e)

    jiżgura koerenza bejn il-kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-maniġġar tal-kriżi fid-Darfur u r-relazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni Ewropea mas-Sudan;

    (f)

    fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tat-tfal u tan-nisa, u l-ġlieda kontra l-impunità fis-Sudan, isegwi s-sitwazzjoni u jżomm kuntatti regolari mal-awtoritajiet Sudaniżi, l-UA u n-NU, b’mod partikolari mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-osservaturi għad-drittijiet tal-bniedem attivi fir-reġjun, u l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

    (g)

    jaħdem mal-Presidenza, mas-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ), mal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u mal-Kmandant tal-Forza tal-UE tal-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA sabiex jiżgura koordinazzjoni mill-qrib tal-attivitajiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2007/677/PESK; għandha tkun żgurata wkoll koordinazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjonijiet lokali tal-Kummissjoni;

    (h)

    fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2007/677/PESK, jassisti lis-SĠ/RGħ fir-rigward tal-kuntatti tiegħu man-Nazzjonijiet Uniti, l-awtoritajiet taċ-Ċad, l-awtoritajiet tar-Repubblika Afrikana Ċentrali u l-pajjiżi ġirien kif ukoll ma′ atturi rilevanti oħrajn;

    (i)

    mingħajr preġudizzju għall-katina ta′ kmand militari, jipprovdi lill-Kmandant tal-Forza tal-UE tal-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA bi gwida politika b′mod partikolari dwar kwistjonijiet b′dimensjoni politika reġjonali;

    (j)

    fir-rigward tal-kompiti tiegħu relatati mal-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA, jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forza tal-UE dwar kwistjonijiet politiċi b′dimensjoni ta′ sigurtà.

    2.   Bil-għan li jwettaq il-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu, fost l-oħrajn:

    (a)

    ikollu idea ġenerali tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni Ewropea;

    (b)

    jiżgura koordinazzjoni mill-qrib u koerenza tal-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA;

    (ċ)

    jappoġġa l-proċess politiku u l-attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni tal-FPK, l-FPD u l-FPLS; u

    (d)

    isegwi u jirrapporta dwar il-konformità tal-partijiet Sudaniżi mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, notevolment il-1556 (2004), 1564 (2004), 1591 (2005), 1593 (2005), 1672 (2006), 1679 (2006), 1706 (2006), 1769 (2007) u 1778 (2007).

    Artikolu 4

    Implimentazzjoni tal-mandat

    1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ).

    2.   Il-Kumitat Politiku u ta′ Sigurtà (KPS) għandu jżomm rabta privileġġata mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta′ kuntatt primarju mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u d-direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat.

    Artikolu 5

    Finanzjament

    1.   L-ammont finanzjarju ta′ referenza maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perjodu mill-1 ta′ Marzu 2009 sat-28 ta′ Frar 2010 għandu jkun EUR 1 800 000.

    2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eleġibbli sa mill-1 ta′ Marzu 2009. In-nefqa għandha tiġi amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

    3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull infiq.

    Artikolu 6

    Formazzjoni u kompożizzjoni tal-grupp

    1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tat-tim tiegħu f′konsultazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, u f′assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Il-grupp għandu jinkludi l-kompetenzi dwar kwistjonijiet ta′ politika speċifiċi kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lis-SĠ/RGħ, lill-Presidenza u lill-Kummissjoni informati dwar il-kompożizzjoni tal-grupp tiegħu.

    2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu jipproponu l-issekondar ta′ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta′ persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-UE lir-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-UE kkonċernati rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu jiġu stazzjonati wkoll mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b′kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta′ Stat Membru tal-UE.

    3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa′ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-UE mandanti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

    4.   Għandhom jinżammu l-uffiċċji tar-RSUE f′Khartoum u f′Juba, li jinkludu Konsulent Politiku u l-persunal ta′ appoġġ amministrattiv u loġistiku meħtieġ. Skont il-mandat tar-RSUE kif imfisser fl-Artikolu 3, jista′ jiġi stabbilit ukoll sub-uffiċċju f′Darfur jekk l-Uffiċċji eżistenti f′Khartoum u Juba ma jkunux jistgħu jipprovdu s-sostenn kollu meħtieġ lill-persunal tar-RSUE skjerat fir-reġjun tad-Darfur.

    Artikolu 7

    Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu

    Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-parti/jiet ospitanti skont il-każ. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan l-għan.

    Artikolu 8

    Sigurtà ta′ informazzjoni klassifikata tal-UE

    Ir-RSUE u l-membri tal-grupp tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta′ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta′ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (4), b′mod partikolari fil-ġestjoni ta′ informazzjoni klassifikata tal-UE.

    Artikolu 9

    Aċċess għal informazzjoni u sostenn loġistiku

    1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

    2.   Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu sostenn loġistiku fir-reġjun.

    Artikolu 10

    Sigurtà

    F′konformità mal-politika tal-UE dwar is-sigurtà ta′ persunal skjerat barra l-UE f′kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f′konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni ta′ sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, notevolment billi:

    (a)

    jistabbilixxi pjan ta′ sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida tasSegretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta′ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, dwar il-ġestjoni tal-moviment sigur ta′ persunal lejn, u fiż-żona tal-missjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta′ inċidenti ta′ sigurtà u li jinkludi pjan ta′ kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni;

    (b)

    jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-UE jkun kopert b′assigurazzjoni ta′ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

    (ċ)

    jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li jridu jiġu skjerati barra l-UE, inkluż persunal kkuntrattat lokalment, ikunu ħadu taħriġ ta′ sigurtà xieraq qabel u mal-wasla fiż-żona tal-missjoni, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni ta′ riskju mogħtija liż-żona ta′ missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

    (d)

    jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet ta′ sigurtà regolari jiġu implimentati, u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b′rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta′ sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta′ nofs it-term u ta′ implimentazzjoni tal-mandat.

    Artikolu 11

    Rappurtar

    1.   Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lis-SĠ/RGħ u lill-KPS b′rapporti bil-fomm u bil-kitba. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll kif meħtieġ lill-gruppi ta’ ħidma. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni.

    2.   Ir-RSUE għandu jirrapporta regolarment lill-KPS dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur u dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan in ġenerali, kif ukoll dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali fir-rigward ta′ EUFOR Tchad/RCA.

    Artikolu 12

    Koordinazzjoni

    1.   Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-UE. Huwa għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-UE fil-qasam jaġixxu b′mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta′ politika tal-UE. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma′ dawk tal-Presidenza u tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta′ RSUE oħrajn attivi fir-reġjun skont il-każ. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni b′aġġornamenti ta′ informazzjoni regolari.

    2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll jikkoopera ma′ atturi internazzjonali u reġjonali oħra fil-qasam.

    Artikolu 13

    Reviżjoni

    L-implimentazzjoni ta′ din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma′ kontributi oħra mill-Unjoni Ewropea għar-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta′ progress qabel l-aħħar ta′ Ġunju 2009 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2009. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għal valutazzjoni ta′ din l-Azzjoni Konġunta fil-gruppi ta′ ħidma rilevanti u mill-KPS. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-iskjerament, is-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-KPS fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendament jew it-terminazzjoni tal-mandat.

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 15

    Pubblikazzjoni

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata f′Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Frar 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    O. LIŠKA


    (1)  ĠU L 103, 20.4.2007, p. 52.

    (2)  ĠU L 38, 13.2.2008, p. 28.

    (3)  ĠU L 279, 23.10.2007, p. 21.

    (4)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.


    Top