Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0943

2009/943/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 30 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2006/326/KE biex tipprevedi proċedura għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(2) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar is-servizz ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali

ĠU L 331, 16.12.2009, pp. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/943/oj

16.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 331/26


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Novembru 2009

li temenda d-Deċiżjoni 2006/326/KE biex tipprevedi proċedura għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(2) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar is-servizz ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali

(2009/943/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 61(c) tiegħu, flimkien mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (2) ġiet estiża għad-Danimarka taħt l-Artikolu 3(2) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar is-servizz ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (3) (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim”), konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/326/KE (4).

(2)

L-Artikolu 5(2) tal-Ftehim jipprovdi li d-Danimarka ma tidħol fl-ebda ftehim internazzjonali li jista’ jaffettwa jew ibiddel l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007, sakemm dan ma jsirx bi ftehim mal-Komunità u jsiru l-arranġamenti adatti fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-Ftehim u l-ftehim internazzjonali inkwistjoni.

(3)

La l-Ftehim u lanqas id-Deċiżjoni 2006/326/KE ma jistipulaw kif il-Komunità għandha tesprimi l-ftehim tagħha għall-konklużjoni mid-Danimarka, tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni.

(4)

Għalhekk jeħtieġ li tiġi stabbilita proċedura għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(2) tal-Ftehim. Tali proċedura għandha tiżgura li d-deċiżjonijiet li jesprimu l-ftehim tal-Komunità jkunu jistgħu jittieħdu malajr.

(5)

Meta tiġi infurmata mid-Danimarka dwar l-intenzjoni tagħha li tidħol fi ftehim internazzjonali, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-koerenza ta’ dak il-ftehim mar-Regolament (KE) Nru 1393/2007, inkluża l-leġislazzjoni Komunitarja li taffettwa dak ir-Regolament, u tistabbilixxi kwalunkwe arranġament li jista’ jkun meħtieġ. Peress li l-objettiv huwa li jkun hemm applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 fl-Istati Membri kollha u fid-Danimarka, il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-Danimarka ma tidħolx fi ftehim internazzjonali speċifiku jekk dan jista’ jaffettwa l-kondizzjonijiet li bihom il-Komunità nnfisha taderixxi għall-ftehim inkwistjoni, jew, skont il-każ, tawtorizza lill-Istati Membri biex jaderixxu għalih fl-interess tal-Komunità. Jekk il-Komunità hija diġà parti għall-ftehim inkwistjoni jew jekk il-Komunità tkun awtorizzat lill-Istati Membri biex isiru parti għalih fl-interess tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni ta’ natura aktar limitata bil-għan li jiġi vverfikat li d-Danimarka tipproponi li taderixxi għall-ftehim internazzjonali taħt l-istess kondizzjonijiet bħall-Komunità jew, skont il-każ, l-Istati Membri kif awtorizzati mill-Komunità.

(6)

Id-Deċiżjoni 2006/326/KE għandha tiġi emendata skont il-każ sabiex tipprevedi tali proċedura.

(7)

Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(8)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar tal-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Fid-Deċiżjoni Nru 2006/326/KE għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 1a

1.   Għall-fini li jiġi applikat l-Artikolu 5(2) tal-Ftehim il-Kummissjoni għandha tevalwa, qabel ma tittieħed deċiżjoni li tesprimi l-ftehim tal-Komunità, jekk il-ftehim internazzjonali previst mid-Danimarka jirrendix il-Ftehim ineffettiv u ma jimminax il-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita bir-regoli tiegħu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiegħu deċiżjoni motivata fi żmien 90 jum minn meta tiġi infurmata mid-Danimarka bl-intenzjoni tad-Danimarka li tidħol fil-ftehim internazzjonali inkwistjoni.

Jekk il-ftehim internazzjonali inkwistjoni jissodisfa l-kondizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1, id-deċiżjoni mill-Kummissjoni għandha tesprimi il-ftehim tal-Komunità fit-tifsira tal-Artikolu 5(2) tal-Ftehim.

Artikolu 1b

Il-Kummissoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar il-ftehimiet internazzjonali li d-Danimarka tkun ġiet awtorizzata li tikkonkludi skont l-Artikolu 1a.”

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

B. ASK


(1)  Opinjoni tal-24 ta’ Novembru 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)   ĠU L 324, 10.12.2007, p. 79.

(3)   ĠU L 300, 17.11.2005, p. 55.

(4)   ĠU L 120, 5.5.2006, p. 23.


Top