Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0876

    2009/876/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta’ Novembru 2009 li tadotta miżuri implimentattivi tekniċi għad-dħul tad-dejta u għall-konnessjoni tal-applikazzjonijiet, għall-aċċess, emendar, tħassir u tħassir avvanzat tad-dejta u biex jinżammu u jkun hemm aċċess għar-rekords tal-operazzjonijiet għall-ipproċessar tad-dejta fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (notifikata bid-dokument numru C(2009) 9402)

    ĠU L 315, 2.12.2009, p. 30–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/876/oj

    2.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 315/30


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-30 ta’ Novembru 2009

    li tadotta miżuri implimentattivi tekniċi għad-dħul tad-dejta u għall-konnessjoni tal-applikazzjonijiet, għall-aċċess, emendar, tħassir u tħassir avvanzat tad-dejta u biex jinżammu u jkun hemm aċċess għar-rekords tal-operazzjonijiet għall-ipproċessar tad-dejta fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża

    (notifikata bid-dokument numru C(2009) 9402)

    (It-testi fl-ilsien Bulgaru, Ċek, Olandiż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Żvediż biss huma awtentiċi)

    (2009/876/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 rigward is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (1), u b’mod partikulari l-Artikoli 45(2)(a) sa (d) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (2) waqqfet il-VIS bħala sistema għall-iskambju tad-dejta tal-viża bejn l-Istati Membri u tat mandat lill-Kummissjoni biex tiżviluppa l-VIS.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 jiddefenixxi l-iskop, il-funzjonalitajiet u r-responsabbiltajiet għall-VIS u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-iskambju tad-dejta tal-viża bejn l-Istati Membri biex jiffaċilita l-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-viża u deċiżjonijiet relatati.

    (3)

    L-Artikolu 45(2) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 jipprevedi li l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni teknika tal-VIS Ċentrali, l-interfaces nazzjonali u l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn il-VIS ċentrali u l-interfaces nazzjonali, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 49(2).

    (4)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/377/KE (3) tistabbilixxi l-miżuri għall-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/756/KE (4) tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reżoluzzjoni u l-użu tal-marki tas-swaba’ għall-identifikazzjoni u l-verifika bijometrika fil-VIS.

    (5)

    Skont l-Artikolu 45(2) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni teknika tal-VIS, f’relazzjoni mal-proċeduri għad-dħul tad-dejta u għall-konnessjoni tal-applikazzjonijiet, għall-aċċess, emendar, tħassir u tħassir avvanzat tad-dejta u biex jinżammu u jkun hemm aċċess tar-rekords ta’ operazzjonijiet għall-ipproċessar tad-dejta għandhom jiġu adottati.

    (6)

    Għandu jiġi adottat kunċett tekniku ta’ pussess biex jiġi żgurat li d-dejta fi ħdan il-VIS tinżamm biss mill-awtoritajiet tal-viża tal-Istati Membri responsabbli għad-dħul tad-dejta fil-VIS.

    (7)

    Il-miżuri stabbiliti bid-Deċiżjoni preżenti għall-implimentazzjoni teknika tal-VIS għandhom jitkomplew bl-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Dettaljati u bid-Dokument tal-Kontroll tal-Interface tal-VIS.

    (8)

    Skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 767/2008 u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, billi dak ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 jibni fuq l-acquis ta’ Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka, skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll, innotifikat b’ittra tat-13 ta’ Ottubru 2008 it-traspożizzjoni ta’ dan l-acquis fil-liġi nazzjonali tagħha. Għalhekk, hija marbuta taħt il-liġi internazzjonali biex timplimenta din id-Deċiżjoni.

    (9)

    F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (5), ir-Renju Unit ma ħax sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 u mhux marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu għaliex dan jikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen. Għaldaqstant, ir-Renju Unit mhux destinatarju ta’ din id-Deċiżjoni.

    (10)

    F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tiehu sehem f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (6), l-Irlanda ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu għaliex dan jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen. Għaldaqstant, l-Irlanda mhix destinatarja ta’ din id-Deċiżjoni.

    (11)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa relatat miegħu b’xi mod ieħor fit-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 u tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005.

    (12)

    Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis  (7) ta’ Schengen, li jaqgħu fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8).

    (13)

    Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fl-ambitu tat-tifsira tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/146/KE (9) dwar il-konklużjoni ta’ dak il-Ftehim għan-nom tal-Komunità Ewropea.

    (14)

    Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE kkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE (10) dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll.

    (15)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 51(1) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (11),

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni teknika tal-VIS, f’relazzjoni mal-proċeduri għad-dħul tad-dejta għall-applikanti tal-viża u għall-konnessjoni tal-applikazzjonijiet skont l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-VIS, għall-aċċess, emendar, tħassir u tħassir avvanzat tad-dejta skont l-Artikoli 23 sa 25 tar-Regolament VIS u biex jinżammu u jkun hemm aċċess tar-rekords ta’ operazzjonijiet għall-ipproċessar tad-dejta skont l-Artikolu 34 tar-Regolament VIS għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lir-Repubblika tal-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju tal-Olanda, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Iżvezja.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Jacques BARROT

    Viċi President


    (1)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.

    (2)  ĠU L 213, 15.6.2004, p. 5.

    (3)  ĠU L 117, 12.5.2009, p. 3.

    (4)  ĠU L 270, 15.10.2009, p. 14.

    (5)  ĠU L 131,1.6.2000, p. 43.

    (6)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

    (7)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (8)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

    (9)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

    (10)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.

    (11)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.


    ANNESS

    1.   KUNĊETT TEKNIKU TA’ PUSSESS

    Kunċett tekniku ta’ pussess għandu japplika għar-relazzjoni bejn l-Istati Membri responsabbli biex idaħħlu d-dejta fil-VIS u din id-dejta.

    Il-pussess għandu jiġi implimentat billi tinhemeż l-identifikazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mad-dejta li tiddaħħal fil-fajl għall-applikazzjoni tal-viża.

    Il-pussess tal-applikazzjoni tal-viża u ta’ deċiżjonijiet relatati meħuda mill-awtoritajiet tal-viża għandhom jiġu reġistrati fil-VIS mal-ħolqien tal-fajl tal-applikazzjoni jew mad-dħul tad-deċiżjoni relatata fil-VIS u wara ma jistgħux jiġu mibdula.

    2.   DĦUL TAD-DEJTA U KONNESSJONI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

    2.1.   Id-dħul tad-dejta mal-applikazzjoni

    F’każijiet fejn issir applikazzjoni f’awtorità ta’ Stat Membru li tirrappreżenta Stat Membru ieħor, id-dħul tad-dejta fil-VIS u l-komunikazzjoni sussegwenti rigward il-fajl tal-applikazzjoni għandha tinkludi l-identifikazzjoni tal-Istat Membru rappreżentat, li għandha tiġi merfugħa bħala attribut ta’ “Utent rappreżentat”, meħuda mill-istess tabella tal-kodiċi tal-Istat Membru li jdaħħal id-dejta fil-VIS.

    Il-fajls kollha tal-applikazzjoni konnessi skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament VIS għandu jkollhom il-pussess tal-istess Stat Membru.

    Meta Stat Membru jikkopja l-marki tas-swaba’ minn fajl tal-applikazzjoni reġistrat fil-VIS, huwa jkollu pussess tal-fajl il-ġdid tal-applikazzjoni fejn jiġu kkopjati l-marki tas-swaba’.

    2.2.   Id-dħul tad-dejta wara li ssir l-applikazzjoni

    F’każijiet fejn id-deċiżjonijiet biex tinħareġ viża, biex titwaqqaf l-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni, biex tiġi rifjutata viża, biex titħassar jew tiġi revokata jew biex jitqassar il-perjodu ta’ validità jew biex tiġi estiża l-viża f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament VIS, jittieħdu minn Stat Membru li jirrapreżenta Stat Membru ieħor, il-komunikazzjoni għad-dħul tad-dejta fil-VIS għandha tinkludi l-identifikazzjoni tal-Istat Membru rappreżentat, meħud mill-istess tabella tal-kodiċi tal-Istat Membru li jdaħħal id-dejta fil-VIS.

    Id-deċiżjonijiet biex tinħareġ viża, biex tiġi estiża viża permezz ta’ tikketta ġdida tal-viża u biex jitqassar il-perjodu ta’ validità tal-viża b’tikketta ġdida tal-viża għandhom jiddaħħlu fil-VIS flimkien mad-dejta tat-tikketta tal-viża u mal-istess pussessur.

    In-numru ta’ tikketti tal-viża li jiddaħħal fil-VIS skont l-Artikolu 10(1)(e) tar-Regolament VIS għandu jkun, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 856/2008 (1), kombinazzjoni ta’ numru nazzjonali b’disa’ numri tat-tikketta tal-viża u kodiċi ta’ tliet ittri ta’ identifikazzjoni tal-Istat Membru (2) li joħroġ il-viża u għandu jinkludi kull żero preċedenti sad-disa’ numri tan-numru nazzjonali tat-tikketta tal-viża.

    2.3.   Konnessjoni tal-applikazzjonijiet

    2.3.1.   Konnessjoni tal-applikazzjonjiet jekk l-applikazzjoni preċedenti tkun ġiet irreġistrata

    Huwa biss l-Istat Membru li għandu l-pussess tal-fajl tal-applikazzjoni li jista’ jitħalla jagħmel konnessjoni ma’ fajl ieħor jew fajls oħra tal-istess applikant jew, għall-finijiet tal-korrezzjoni jneħħi l-konnessjoni, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-VIS.

    Il-marki tas-swaba’ ta’ applikant għandhom jiġu kkuppjati biss fil-perjodu ta’ 59 xahar, mill-fajls konnessi tiegħu jew tagħha. Fil-każ li d-dejta tal-marki tas-swaba’ ta’ applikazzjoni tiġi kkuppjata minn fajl tal-applikazzjoni preċedenti li mhux eqdem minn 59 xahar, il-konnessjoni bejn il-fajls tal-applikazzjoni m’għandhiex titneħħa.

    2.3.2.   Konnessjoni tal-applikazzjonijiet ta’ persuni li jivvjaġġjaw flimkien

    Sabiex jiġu konnessi fajls tal-applikazzjoni ta’ persuni li qed jivvjaġġaw flimkien, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament VIS, in-numri tal-applikazzjoni għandhom jiġu trażmessi fil-VIS flimkien mat-tip adatt ta’ valur tal-grupp, li jkun jew ta’ familja jew ta’ vjaġġaturi. Il-ħolqien ta’ grupp, jew għall-fini ta’ korrezzjoni, it-tneħħija tal-konnessjoni bejn il-membri individwali tal-grupp, tista’ titwettaq biss mill-Istat Membru li jkollu pussess tal-fajl tal-applikazzjoni(jiet) tal-applikanti individwali fi ħdan il-grupp.

    2.4.   Proċeduri meta dejta partikolari ma jkunx meħtieġ li tiġi pprovduta għal raġunijiet legali jew bħala fatt ma tistax tiġi pprovduta.

    Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament VIS għandu jitniżżel “mhux applikabbli” fl-ispazju manwalment jew, meta possibbli, billi jintgħażel il-valur mit-tabella tal-kodiċi. Jekk l-ispazju tad-dejta jkunx jikkonsisti f’aktar minn element wieħed, dan għandu jitniżżel għal kull wieħed minnhom.

    F’każ li l-marki tas-swaba’ m’humiex meħtieġa jew ma jistgħux jiġu pprovduti, skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament VIS, żewġ Boolean fields għandhom jiġu implimentati fil-VIS:

    “marki tas-swaba’ Mhux Meħtieġa”;

    “marki tas-swaba’ Mhux Applikabbli”.

    Dawn l-ispazji għandhom isiru skont it-tabella t’hawn taħt li tindika tliet sitwazzjonijiet possibbli:

    il-marki tas-swaba’ iridu jiġu pprovduti;

    il-marki tas-swaba’ m’hemmx bżonn jiġu pprovduti għal raġunijiet legali;

    il-marki tas-swaba’ bħala fatt ma jistgħux jiġu pprovduti.

    Spazju fil-VIS

    Il-marki tas-swaba’ jridu jiġu pprovduti

    Il-marki tas-swaba’ m’hemmx bżonn jiġu pprovduti għal raġunijiet legali

    Il-marki tas-swaba’ bħala fatt ma jistgħux jiġu pprovduti

    “marki tas-swaba’ Mhux Meħtieġa”

    MHUX VERA

    VERA

    MHUX VERA

    “marki tas-swaba’ Mhux Applikabbli”

    MHUX VERA

    VERA

    VERA

    Barra minn hekk, l-ispazju liberu għall-kliem “Raġuni ‘l għala l-Marki tas-Swaba’ Mhux Applikabbli” għandu juri r-raġuni ‘l għala.

    Meta Stat Membru jittrażmetti biss id-dejta msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tar-Regolament VIS, skont l-Artikolu 48(3), in-nuqqas ta’ dejta msemmija fl-Artikolu 5(1)(c) għandha tiġi indikata billi jiddaħħal il-kumment “mhux applikabbli”, kumplimentat b’referenza għall-Artikolu 48(3) tar-regolament VIS fl-ispazju liberu għall-kliem li jindika li d-dejta mhix meħtieġa li tiġi pprovduta għal raġunijiet legali. L-ispazji relevanti għandhom jitniżżlu bħala “marki tas-swaba’ Mhux Meħtieġa” VERA u “marki tas-swaba’ Mhux Applikabbli” VERA.

    3.   AĊĊESS GĦAD-DEJTA

    Id-dejta tal-applikazzjoni għall-ażil għandha tintuża f’konnessjoni mat-tiftix u l-irkupru tad-dejta għall-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 21(20 tar-Regolament VIS. Barra minn hekk, l-irkupru tal-applikazzjonijiet, li ġew konnessi flimkien skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament VIS, għandu jkun possibbli biss għal gruppi tat-tip familja (mara u raġel u/jew tfal) imsemmija fit-taqsima 2.3.2.

    4.   EMENDAR, TĦASSIR U TĦASSIR AVVANZAT TAD-DEJTA SKONT L-ARTIKOLU 24 TAR-REGOLAMENT VIS

    Id-dejta reġistrata fil-VIS segwenti ma tistax tiġi modifikata:

    in-numru tal-applikazzjoni;

    in-numru tat-tikketta tal-viża;

    it-tip ta’ deċiżjoni;

    l-Istat Membru rappreżentat (jekk applikabbli);

    l-Istat Membru responsabbli għad-dħul tad-dejta fil-VIS.

    Jekk id-dejta msemmija hawn fuq ikollha tiġi korretta, il-fajl tal-applikazzjoni jew id-dejta relatata mad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet tal-viża għandhom jitħassru u jinħoloq wieħed ġdid. Huwa biss l-Istat Membru li jkollu pussess tad-dejta li hemm fil-fajl tal-applikazzjoni li jista’ jħassru.

    5.   IŻ-ŻAMMA U L-AĊĊESS GĦAR-REKORDS TA’ OPERAZZJONIJIET GĦALL-IPPROĊESSAR TAD-DEJTA

    5.1.   Iż-żamma tar-rekords ta’ operazzjonijiet għall-ipproċessar tad-dejta

    Kull operazzjoni għall-ipproċessar tad-dejta fi ħdan il-VIS għandha tiġi rreġistrata bħala reġistrazzjoni fl-ispazju “Tip Ta’ Azzjoni” inkluż l-għan tal-aċċess skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament VIS.

    Il-reġistrazzjoni tad-dħul għandha tiġi rreġistrata bil-ħin tal-mument li tasal. Dan il-ħin għandu jiġi użat aktar tard biex jidentifika r-reġistrazzjonijiet li jridu jitħassru.

    Għall-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-dejta, l-awtorità li ddaħħal jew li tirkupra d-dejta għandha tiġi reġistrata. L-utent u l-VIS ċentrali għandhom jiġu speċifikati fir-reġistrazzjoni jew bħala li bagħtu jew li rċevew id-dejta.

    Ebda dejta operazzjonali oħra ħlief l-awtorità li ddaħħal jew li tirkupra d-dejta u n-numru tal-applikazzjoni tal-viża m’għandhom jiġu inklużi fir-reġistrazzjoni. It-tip ta’ dejta trażmessa jew użata għall-interrogazzjoni msemmija fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament VIS għandha tinħażen.

    Meta rekords imsemmija fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament VIS, li jkollhom spazju “Tip ta’ Azzjoni” ssettjat għal “Tħassir tal-Applikazzjoni” jew “Tħassir Awtormatiku” jinstabu mill-VIS, hija għandha tikkalkula li għaddiet sena minn mindu skada l-perjodu taż-żamma msemmi fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament VIS u mbagħad tipproċedi bit-tħassir. Ir-rekords kollha tal-operazzjonijeiet tal-ipproċessar tad-dejta li jkollhom l-istess numru tal-applikazzjoni għandhom jitħassru flimkien, jekk mhux meħtieġa għall-għanijiet tal-monitoraġġ tal-protezzjoni tad-dejta, skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament tal-VIS.

    Rekords tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-dejta la għandhom jiġu modifikati u lanqas imħassra qabel sena minn mindu jiskadi l-perjodu tal-ħażna msemmi fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament VIS.

    5.2.   Aċċess għar-rekords tal-operazzjonijiet għall-ipproċessar tad-dejta

    L-aċċess għar-rekords (logs) miżmuma mill-Awtorità ta’ Ġestjoni skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament VIS għandu jkun ristrett għall-amministraturi awtorizzati tal-VIS u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika għall-aċċess tar-rekords mutatis mutandis.


    (1)  ĠU L 235, 2.9.2008, p. 1.

    (2)  Eċċezzjoni għall-Ġermanja: Il-kodiċi tal-pajjiż għall-Ġermanja huwa “D”.


    Top