Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0459

    2009/459/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 6 ta’ Mejju 2009 li tagħti għajnuna finanzjarja tal-Komunità lir-Rumanija fuq medda medja ta’ żmien

    ĠU L 150, 13.6.2009, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 30/03/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/459/oj

    13.6.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 150/8


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-6 ta’ Mejju 2009

    li tagħti għajnuna finanzjarja tal-Komunità lir-Rumanija fuq medda medja ta’ żmien

    (2009/459/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002, li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament (1) tal-Istati Membri, u partikolarment l-Artikolu 3(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF),

    Billi:

    (1)

    Permezz tad-Deċiżjoni 2009/458/KE (2) il-Kunsill iddeċieda li għandha tingħata għajnuna reċiproka lir-Rumanija.

    (2)

    Minkejja t-titjib mistenni fil-kont kurrenti, il-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern tar-Rumanija fil-perjodu sal-ewwel kwart tal-2011 huma stmati mill-Kummissjoni, mill-Fond Monetarju Ineternazzjonali (FMI) u mill-awtoritajiet tar-Rumanija għal EUR 20 biljun f’Marzu 2009; fid-dawl tal-iżviluppi riċenti fis-swieq finanzjarji, il-kont finanzjarju u tal-kapital jista’ jiddeterjora sostanzjalment.

    (3)

    Jixraq li tingħata għajnuna Komunitarja lir-Rumanija ta’ massimu ta’ EUR 5 biljun skont il-Faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja fuq medda medja ta’ żmien għall-bilanċ tal-ħlasijiet tal-Istati Membri stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 332/2002. L-għajnuna għandha tingħata flimkien ma’ self mill-FMI ta’ SDR 11,443 biljun (madwar EUR 12,95 biljun) taħt arranġament stand-by li mistenni jiġi approvat fis-6 ta’ Mejju 2009. Il-Bank Dinji qabel ukoll li jipprovdi self lir-Rumanija ta’ EUR 1 biljun u l-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżviluipp (BERŻ) se jipprovdu total ta’ EUR 1 biljun ta’ appoġġ addizzjonali.

    (4)

    L-għajnuna Komunitarja għandha tiġi mmaniġġjata mill-Kummissjoni. Il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika miftiehma mal-awtoritajiet tar-Rumanija wara konsultazzjoni mal-KEF għadhom ikunu stipulati f’Memorandum ta’ Ftehim. It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni fil-Ftehim dwar is-Self.

    (5)

    Il-Kummissjoni għandha tivverifika f’intervalli regolari li l-kundizzjonijijet ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna jiġu sodisfatti permezz ta’ missjonijiet u rappurtar regolari mill-awtoritajiet tar-Rumanija.

    (6)

    Matul l-implimentazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni se tipprovdi konsulenza politika addizzjonali kif ukoll għajnuna teknika f’oqsma speċifiċi.

    (7)

    Mingħajr ħsara għall-Artikolu 27 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha d-dritt li tagħmel kull kontroll jew verifika finanzjarja li hija tqis neċessarja fir-rigward tal-immaniġġjar ta’ din l-għajnuna. Il-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, għandha d-dritt tibgħat l-uffiċjali tagħha jew rappreżentanti debitament awtorizzati biex iwettqu kontrolli jew verifiki tekniċi jew finanzjarji li tqis neċessarji fir-rigward tal-immaniġġjar tal-għajnuna finanzjarja Komunitarja fuq medda medja ta’ żmien.

    (8)

    Indipendentement mit-tul u mill-qafas tal-programm ta’ għajnuna, il-Kummissjoni sejra wkoll, bl-appikazzjoni tal-proċeduri eżistenti rilevanti, inkluż il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika, tkompli timmonitorja l-progress fl-oqsma li jikkontrigwixxu għall-infiq pubbliku trasparenti u effettiv, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġustizzja u fl-implimentazzjoni tal-fondi strutturali sabiex jiff’ċilitaw lir-Rumanija sabiex tirrinforza l-impatt tal-għajnuna Komunitarja.

    (9)

    L-għajnuna għandha tingħata bil-ħsieb li tiġi appoġġjata s-sostenibbiltà tal-bilanċ tal-ħlasijiet fir-Rumanija u, b’dan il-mod, tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tajba tal-programm ta’ politika ekonomika tal-Gvern,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-Komunità għandha tagħmel disponibbli self fuq medda medja ta’ żmien lir-Rumanija li jammonta għal massimu ta’ EUR 5 biljun, b’maturità medja massima ta’ seba’ snin.

    2.   L-għajnuna finanzjarja tal-Komunità għandha tkun disponibbli għal tliet snin, li jibdew mill-ewwel jum wara d-data meta din id-Deċiżjoni ssir effettiva.

    Artikolu 2

    1.   L-għajnuna għandha titmexxa mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-impenji tar-Rumanija u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, b’mod partikolari r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma kif ukoll il-programm ta’ konverġenza.

    2.   Il-Kummissjoni għandha taqbel mal-awtoritajiet tar-Rumanija, wara li tikkonsulta l-KEF, dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna finanzjarja, kif stipulat fl-Artikolu 3(5). Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stipulati f’Memorandum ta’ Ftehim konsistenti mal-impenji u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1. It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni fil-Ftehim dwar is-Self.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f’intervalli regolari, f’kollaborazzjoni mal-KEF, li l-kundizzjonijijet ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna, jiġu sodisfatti. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet tar-Rumanija għandhom ipoġġu kull tagħrif meħtieġ għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u jikkooperaw bis-sħiħ magħha. Il-KEF għandu jinżamm mgħarraf mill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta’ rifinanzjament tas-self jew ir-ristrutturar tal-kundizzjonijiet finanzjarji.

    4.   Ir-Rumanija għandha tkun lesta tadotta u timplimenta miżuri addizzjonali ta’ konsolidament biex tassigura l-istabbiltà makrofinanzjarja, jekk ikun il-każ li dawn il-miżuri jkunu neċessarji matul il-programm ta’ għajnuna. L-awtoritajiet tar-Rumanija għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni qabel jadottaw xi miżuri addizzjonali bħal dawn.

    Artikolu 3

    1.   L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lir-Rumanija f’mhux iktar minn ħames ħlasijiet li d-daqs tagħhom għandu jiġi stipulat fil-Memorandum ta’ Ftehim.

    2.   L-ewwel ħlas għandu jiġi rilaxxat suġġett għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar is-Self u l-Memorandum ta’ Ftehim.

    3.   Jekk ikun meħtieġ sabiex jiġi ffinanzjat is-self, l-użu prudenti ta’ skambji tar-rata tal-interess ma’ kontropartijiet tal-ogħla kwalità ta’ kreditu, għandu jkun permess.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx ta’ iktar ħlasijiet wara li tkun kisbet l-opinjoni tal-KEF.

    5.   Ir-rilaxx ta’ kull ħlas sussegwenti għandu jsir fuq il-bażi ta’ implimentazzjoni sodisfaċenti tal-programm ekonomiku l-ġdid tal-Gvern tar-Rumanija inkluż fil-Programm ta’ Konverġenza tar-Rumanija, fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika stabbiliti fil-Memorandum ta’ Ftehim. Dawn għandhom jinkludu, inter alia,

    (a)

    l-adozzjoni ta’ programm fiskali ppjanat sewwa fuq medda medja ta’ żmien imfassal biex inaqqas, sal-2011, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern għal mhux aktar mil-livell ta’ referenza tat-Trattat ta’ 3 % tal-PGD;

    (b)

    l-adozzjoni u t-twettiq ta’ baġit emendat għall-2009 (sat-tieni kwart tal-2009), li jimmira lejn żbilanċ ġenerali tal-gvern ta’ mhux aktar minn 5,1 % tal-PGD fit-termini tal-ESA 95;

    (c)

    it-tnaqqis fin-nefqa fuq il-pagi fis-settur pubbliku f’termini nominali meta mqabbla mar-riżultat tal-2008 billi jitneħħew iż-żidiet fil-pagi tas-settur pubbliku (li jammontaw għal 5 % f’termini nominali) ippjanati għall-2009 (jew tnaqqis ulterjuri ekwivalenti fl-impjiegi) u billi jitnaqqsu l-impjiegi fis-settur pubbliku, inkluż billi jiġi sostitwit wieħed biss minn kull seba’ impjegati li jitilqu;

    (d)

    restrizzjonijiet addizzjonali fl-infiq fuq oġġetti u servizzi u f’sussidji għall-impriżi pubbliċi;

    (e)

    it-titjib tal-immaniġġjar baġitarju bl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ qafas fiskali vinkolanti fuq medda medja ta’ żmien, u billi jiġu stabbiliti limiti fuq reviżjonijiet tal-baġit matul is-sena, inklużi r-regoli fiskali u jinħoloq kunsill fiskali li jipprovdi skrutinju indipendenti u espert;

    (f)

    ir-riforma tas-sistema ta’ kumpens tas-settur pubbliku, inkluż billi jingħaqdu u jiġu simplifikati l-iskali tal-pagi u tiġi rriformata s-sistema tal-bonusijiet;

    (g)

    ir-riforma ta’ parametri ewlenin tas-sistema tal-pensjonijiet permezz ta’ tqarrib lejn l-indiċjar tal-pensjonijiet fuq il-prezzijiet tal-konsumatur, minflok il-pagi, filwaqt li l-età tal-irtirar tkun aġġustata b’mod gradwali lil hinn mill-ftehim ippjanat, speċjalment għan-nisa, u l-parteċipazzjoni progressiva għall-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni ta’ gruppi ta’ impjegati pubbliċi li bħalissa jinsabu esklużi minn dawn il-kontribuzzjonijiet;

    (h)

    jiġu emendati l-liġijiet bankarji u dawk dwar il-likwidazzjoni biex ikunu jistgħu jwieġbu b’mod effettiv u f’waqtu fil-każ ta’ bank fil-periklu. Għan ewlieni tal-emendi se jkun li jissaħħu s-setgħat tal-amministraturi tal-banek imqiegħda taħt amministrazzjoni speċjali. Lil hinn mir-riżoluzzjoni tal-bank, is-setgħat ta’ rimedju tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija (NBR) għandhom jissaħħu permezz ta’ dispożizzjonijiet li jippermettulu li jitlob li l-azzjonisti l-kbar iżidu l-kapital tal-ishma tagħhom u jappoġġjaw il-bank finanzjarjament. Is-sorveljanza finanzjarja se tkun imsaħħa b’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. Barra minn hekk, se jiġu introdotti aktar rekwiżiti ta’ rappurtar dettaljat dwar il-likwiditàUkoll, proċeduri għall-attivazzjoni tal-assigurazzjoni tad-depożiti għandhom jiġu modifikati biex jissimplifikaw u jaċċelleraw il-pagamenti. Skont il-leġiżlazzjoni modifikata, l-assigurazzjoni tad-depożiti se tiġi attivata fuq deċiżjoni tal-NBR fi żmien 21 jum. Fl-aħħar nett, biex jiġi garantit forniment biżżejjed ta’ likwidità, l-NBR hu impenjat li jwessa’ l-firxa ta’ assi aċċettabbli bħala kollaterali. B’konsiderazzjoni għaċ-ċirkostanzi partikolari, il-livell minimu regolatorju tal-proporzjon ta’ adegwatezza tal-kapital għandu jiżdied minn 8 % għal 10 % fi żmien xieraq;

    (i)

    il-miżuri ta’ riforma strutturali fl-oqsma tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi maħruġa fil-kuntest tal-Istrateġija ta’ Liżbona. Dawn se jinkludu miżuri maħsuba biex itejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika, isaħħu l-kwalità tan-nefqa pubblika, l-użu tajjeb u l-assorbiment akbar tal-fondi tal-UE, inaqqsu l-piżijiet amministrattivi, fiskali u legali fuq in-negozju u jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat, u b’hekk iwessgħu l-bażi fiskali.

    6.   Biex tassigura l-implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-kundizzjonalità tal-programm u biex taġġusta l-iżbilanċi b’mod sostenibbli, il-Kummissjoni se tipprovdi pariri u gwida kontinwi dwar ir-riformi fiskali, finanzjarji u strutturali.

    7.   Ir-Rumanija għandha tiftaħ kont speċjali mal-NBR għall-immaniġġjar tal-għajnuna Komunitarja fuq medda medja ta’ żmien.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 6 ta’ Mejju 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. TOŠOVSKÝ


    (1)  ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.

    (2)  Ara paġna 6 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    Top