EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0327

2009/327/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ April 2009 li ttemm il-proċediment kontra d-dumping li jirrigwarda l-importazzjoni ta’ prodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f’fuljetti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea, u t-Tajwan

ĠU L 98, 17.4.2009, p. 39–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/327/oj

17.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 98/39


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ April 2009

li ttemm il-proċediment kontra d-dumping li jirrigwarda l-importazzjoni ta’ prodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f’fuljetti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea, u t-Tajwan

(2009/327/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikulari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   It-tnedija tal-proċediment

(1)

Fl-1 ta’ Frar 2008, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż (“l-avviż ta’ inizjazzjoni”) ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2), il-bidu ta’ proċediment kontra d-dumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet fil-Komunità ta’ prodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f’fuljetti (“SSCR”), li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”), ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan (“il-pajjiżi kkonċernati”).

(2)

Il-proċediment inbeda wara lment imressaq fil-21 ta’ Diċembru 2007 minn EUROFER (“il-kwerelant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon ewlieni, li f’dan il-każ ilaħħaq aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-SSCR fil-Komunità. L-ilment kien fih evidenza prima facie tal-eżistenza ta’ dumping ta’ SSCR li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati u ta’ ħsara materjali li rriżultat minnu, u din l-evidenza tqieset biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu ta’ proċediment.

1.2.   Il-partijiet ikkonċernati u ż-żjarat ta’ verifika

(3)

Il-Kummissjoni avżat b’mod uffiċjali lill-kwerelant, lill-produtturi Komunitarji kollha, l-importaturi/kummerċjanti u l-utenti magħrufa li huma kkonċernati u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom, kif ukoll il-produtturi esportaturi u l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati dwar it-tnedija tal-proċediment. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż ta’ inizjazzjoni. Il-partijiet interessati kollha, li talbu dan u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta ta’ smiegħ.

(4)

Sabiex il-produtturi esportaturi fir-RPĊ jkollhom l-opportunità li jressqu talba gћal trattament tal-ekonomija tas-suq (“MET”) jew għal trattament individwali (“IT”) jekk ikunu jixtiequ, il-Kummissjoni bagћtet il-formoli xierqa lill-produtturi esportaturi magћrufa li huma kkonċernati kif ukoll lill-awtoritajiet tar-RPĊ. Erba’ gruppi ta’ kumpaniji fir-RPĊ talbu MET skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, jew inkella IT f’każ li l-investigazzjoni tistabbilixxi li ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet gћal MET.

(5)

Fid-dawl tal-għadd apparentament għoli ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ, ir-Repubblika tal-Korea, u t-Tajwan, ta’ importaturi fil-Komunità, u ta’ produtturi Komunitarji, it-teħid ta’ kampjuni għal dawk il-partijiet ġie previst fl-avviż ta’ inizjazzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(6)

Madankollu, fil-każ tar-RPĊ u r-Repubblika tal-Korea, billi l-investigazzjoni tal-kumpaniji jew gruppi ta’ kumpaniji kollha li kienu qed jikkooperaw tqieset bħala fattibbli fi żmien id-dati stabbiliti u fl-istess waqt mhux ta’ xi piż sproporzjonat, sussegwentement ġie deċiż li t-teħid tal-kampjuni mhux meħtieġ. Fil-każ tat-Tajwan, minn fost l-10 kumpaniji jew gruppi ta’ kumpaniji (grupp wieħed ikkonsista f’żewġ kumpaniji) li rrispondew għall-mistoqsijiet intiżi għat-teħid tal-kampjuni, intgħażel kampjun ta’ erba’ kumpaniji jew gruppi ta’ kumpaniji. Madankollu, wieħed minnhom sussegwentement irtira l-kooperazzjoni tiegħu; għaldaqstant il-kampjun finali huwa magħmul minn tliet kumpaniji jew gruppi ta’ kumpaniji. Fl-aħħar nett, kumpanija waħda Tajwaniża li ma ntgħażlitx għat-teħid ta’ kampjuni talbet li tiġi eżaminata individwalment skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. Madankollu, billi din ma ressqitx biżżejjed informazzjoni, tqieset li mhix qed tikkoopera.

(7)

Fir-rigward tal-importaturi tal-SSCR, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi kollha magħrufa biex jipprovdu informazzjoni dwar importazzjonijiet u bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Għadd kbir ta’ importaturi offrew li jikkooperaw. Il-ħames importaturi ewlenin f’dak li huwa volum ta’ importazzjonijiet intgħażlu għall-kampjun. Dawn l-importaturi jirrappreżentaw madwar 16 % tal-importazzjonijiet Komunitarji totali mill-pajjiżi kkonċernati. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati u ma qajmu l-ebda oġġezzjoni. Madankollu, tlieta mill-importaturi magħżula eventwalment ma ppreżentawx risposta għall-kwestjonarju u ddeċidew li ma jkomplux jikkooperaw fl-investigazzjoni. Iż-żewġ importaturi li kien għad fadal irrappreżentaw 2-4 % tal-importazzjonijiet Komunitarji totali mill-pajjiżi kkonċernati matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Billi l-inklużjoni ta’ xi wħud mill-importaturi l-oħra li kienu offrew li jikkooperaw qajla kienet se taffettwa r-rappreżentattività tal-kampjun, ġie deċiż li ma jiġux sostitwiti t-tliet importaturi magħżula għall-kampjun li temmew il-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni.

(8)

Fir-rigward tal-produtturi Komunitarji, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, intagħżel kampjun abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-SSCR mill-KE fil-Komunità, li jista’ jkun investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Abbażi tal-informazzjoni li waslet mingħand il-produtturi fil-Komunità, il-Kummissjoni għażlet erba’ kumpaniji (żewġ gruppi ta’ kumpaniji relatati) li jipproduċu u jbiegħu l-akbar volum fil-Komunità. F’dik li hija produzzjoni Komunitarja, il-kumpaniji magħżula għat-teħid tal-kampjun jirrappreżentaw 62 % tal-istima totali ta’ produzzjoni tal-SSCR fil-Komunità u 99 % tal-volum tal-bejgħ fil-Komunità mill-produtturi li offrew li jikkooperaw. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati u ma qajmu l-ebda oġġezzjoni. Barra minn hekk, il-produtturi Komunitarji li kien għad fadal intalbu jipprovdu ċerta dejta ġenerali għall-analiżi tal-ħsara.

(9)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-utenti u lill-assoċjazzjonijiet kollha magħrufa, lill-produtturi u l-esportaturi Komunitarji, u lill-produtturi esportaturi li ġew magħżula bħala kampjuni. Waslu lura kwestjonarji mimlija mingħand erba’ produtturi Komunitarji, 25 kumpanija li jappartjenu għal erba’ gruppi ta’ kumpaniji fir-RPĊ, tmien kumpaniji li jappartjenu għal tliet gruppi ta’ kumpaniji fir-Repubblika tal-Korea, tliet produtturi esportaturi magħżula bħala kampjuni mit-Tajwan, kumpanija waħda mit-Tajwan li talbet eżaminar individwali, żewġ importaturi u ħames utenti fil-Komunità. Barra minn dawn, sitt produtturi Komunitarji oħra minn fost dawk li kien għad fadal ipprovdew id-dejta ġenerali mitluba.

(10)

Il-Kummissjoni kisbet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa għall-iskop ta’ eżaminar tat-talbiet MET/IT fil-każ tar-RPĊ, u għal determinazzjoni tad-dumping, il-ħsara li rriżultat u l-interess Komunitarju għall-pajjiżi kkonċernati. Żjarat ta’ verifika twettqu fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Produtturi Komunitarji

ArcelorMittal, Genk, il-Belġju,

ArcelorMittal, Pariġi, Franza,

ThyssenKrupp Nirosta, Krefeld, il-Ġermanja,

ThyssenKrupp Terni, Terni, l-Italja;

(b)

Produtturi esportaturi fit-Tajwan

Chia Far Industrial Factory Co., Ltd, Tajpej,

Jie Jin Material Science Technology Co. Ltd, Yung Kang City,

Yeun Chyang Industrial Co., Ltd, Shijou Shiang, Chang-Hwa,

Il-Grupp YUSCO (Yieh United Steel Corporation u kumpaniji relatati), Kaohsiung;

(ċ)

Produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Korea

Daiyang Metal Co., Ltd; Seoul,

Il-grupp ta’ BNG Steel Co., Ltd u Hyundai Steel Company; Changwon u Seoul,

Il-grupp ta’ POSCO u Daimyung TMS CO., Ltd; Seoul;

(d)

Produtturi esportaturi fir-RPĊ

Lianzhong Stainless Steel Corp. (LISCO), Guangzhou,

Ningbo Qiyi Precision Metals Co., Ltd; Ningbo,

POSCO China Group, (grupp ta’ 8 kumpaniji); Zhangjiagang, Qingdao u Ħong Kong SAR,

Il-grupp STSS (Shanxi Taigang Stainless Steel Co. Ltd u 14-il kumpanija relatata); Taiyuan, Tianjin, Wuxi, Foshan, Ħong Kong SAR u Willich, il-Ġermanja;

(e)

Importaturi mhux relatati fil-Komunità

Minmetals Germany GmbH, Düsseldorf, il-Ġermanja,

Nord Est Metalli Srl, San Vito al Tagliamento, l-Italja;

(f)

Utenti fil-Komunità

BSH Bosch Siemens Hausgeräte GmbH, Munich, il-Ġermanja,

Eberspächer GmbH & Co. KG, Neunkirchen, il-Ġermanja,

Lowara Srl, Montecchio Maggiore, l-Italja.

(11)

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi stabbilit valur normali għall-produtturi esportaturi fir-RPĊ li jaf ma jingħatalhomx MET, saret verifika fil-pajjiż analogu magħżul provviżorjament, l-Istati Uniti tal-Amerika, fil-kwartieri tal-produtturi li ġejjin:

AK Steel; West Chester, OH, Coshocton, OH u Butler, PA,

Theis Precision Metal; Bristol, CT.

1.3.   Il-perjodu tal-investigazzjoni

(12)

L-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2007 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżaminar tat-tendenzi rilevanti gћall-valutazzjoni tal-ћsara kopriet il-perjodu mill-1 ta Jannar 2004 sat-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu meqjus”).

1.4.   Prodott ikkonċernat

(13)

Il-prodott li allegatament huwa oġġett ta’ dumping jikkonsisti f’prodotti tal-azzar inossidabbli mgħattna, li mhux maħduma ulterjorment għajr mgħattna mingħajr tisħin (imraqqa mingħajr tisħin) f’fuljetti, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea, u t-Tajwan (“il-prodott ikkonċernat”), u li normalment huma ddikjarati fi ħdan il-kodiċi NM 7219 31 00, 7219 32 10, 7219 32 90, 7219 33 10, 7219 33 90, 7219 34 10, 7219 34 90, 7219 35 10, 7219 35 90, 7220 20 21, 7220 20 29, 7220 20 41, 7220 20 49, 7220 20 81 u 7220 20 89.

(14)

L-SSCR jintuża f’firxa wiesgħa ta’ industriji mmirati għall-konsum u applikazzjonijiet finali. Eżempji ta’ dawn huma:

Il-manifattura tal-karozzi: is-sistema tal-egżost, komponenti ta’ dekorazzjoni, tas-sigurtà kif ukoll strutturali;

Tagħmir għall-industriji tal-kimiċi, il-petrokimiċi, il-manifattura tal-karta, l-ipproċessar tal-ikel u l-farmaċewtiċi;

Apparat tad-dar, għodod tal-kċina, oġġetti tal-mejda u pożati;

Il-manifattura ta’ tagħmir mediku;

Dwalijiet pubbliċi u tagħmir ta’ aċċessorji tat-toroq;

Il-manifattura ta’ tubi għat-trasport ta’ fluwidi, dekorazzjoni, applikazzjonijiet strutturali, u skambjaturi tas-sħana;

Bini ta’ vapuri;

Impjanti tad-desalinità;

Il-manifattura ta’ trakkijiet u vaguni tal-ferroviji, bawżers, u kontenituri ta’ tkessiħ;

Applikazzjonijiet strutturali u dekorattivi fl-industrija tal-bini.

1.5.   Rapport Provviżorju u l-proċedura sussegwenti

(15)

Fl-4 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni żvelat lill-partijiet interessati Rapport Interim li jistipula s-sejbiet provviżorji tagħha fir-rigward ta’ dan il-proċediment, jiġifieri l-fatt li l-investigazzjoni stabbiliet b’mod provviżorju l-eżistenza ta’ dumping imma ma kkonkludietx dwar l-eżistenza ta’ xi rabta materjali bejn l-importazzjonijiet li kkostitwew dumping u kwalunkwe ħsara sofferta mill-industrija Komunitarja u enfasizzat il-ħtieġa li tiġi investigata aktar is-sitwazzjoni kif ukoll l-aspett ta’ theddida ta’ ħsara possibbli. Abbażi tas-sejbiet provviżorji tqies xieraq li ma jiġux imposti xi miżuri provviżorji imma li titkompla l-investigazzjoni. Il-partijiet kollha ngħataw l-opportunità li jippreżentaw evidenza u kummenti rigward is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li għamlu din it-talba ngħataw ukoll l-opportunità li jinstemgħu. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li ħasset li kienet meħtieġa għas-sejbiet finali tagħha.

2.   L-IRTIRAR TAL-ILMENT U TMIEM IL-PROĊEDIMENT

(16)

Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Marzu 2009 indirizzata lill-Kummissjoni, il-kwerelant formalment irtira l-ilment tiegħu. Skont il-kwerelant, dan l-irtirar tħeġġeġ mill-fatt li s-sitwazzjoni attwali tas-suq għall-industrija Komunitarja hija differenti ferm mis-sitwazzjoni tas-suq kif kienet meta tressaq l-ilment, billi dan l-aħħar id-domanda reali u apparenti fl-UE waqgħet sew u dan wassal ukoll għal tnaqqis fl-importazzjoni. Minħabba dawn it-turbolenzi fis-suq, il-kwerelant ma jridx ikompli bil-każ attwali tiegħu li kien imsejjes fuq analiżi ta’ dejta storika li m’għadhiex tirrifletti bi sħiħ il-kundizzjonijiet attwali tas-suq. Skont il-kwerelant, ikun aħjar li f’dawn iċ-ċirkostanzi wieħed iwieġeb għal kwalunkwe prattiki kummerċjali inġusti u inġurjużi permezz ta’ każ ġdid - jekk xi sitwazzjoni fil-ġejjieni titlob azzjoni ta’ dan it-tip - biex b’hekk jiġu indirizzati l-kwistjonijiet fit-totalità kollha tagħhom.

(17)

Il-kwerelant argumenta wkoll li jekk il-volumi tal-importazzjoni jerġgħu jikbru, dawn l-importazzjonijiet jafu fiċ-ċirkustanzi prevalenti jixħtu l-vjabbiltà tal-industrija Komunitarja f’dubju.

(18)

Għandu jiġi nnutat li s-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-prodott ikkonċernat kemm fil-KE u anki fil-pajjiżi inkwistjoni hija kkaratterizzata minn bidla bla preċedent tal-parametri ekonomiċi fundamentali. Filwaqt li f’dawn iċ-ċirkustanzi huwa diffiċli li tagħmel preżunzjonijiet motivati dwar l-iżvilupp tas-suq fuq medda qasira u medja ta’ żmien, jidher ukoll li s-sitwazzjoni ekonomika hija volatili u li s-sejbien ta’ dumping inġurjuż ma jistax jiġi eskluż. Billi matul talanqas parti mill-perjodu tal-investigazzjoni nstab li kien hemm żieda konsiderevoli ta’ importazzjonijiet mill-pajjiżi inkwistjoni f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir u meta wieħed iqis it-twaqqigħ tal-prezz stabbilit, hu meqjus xieraq li jiġu ssorveljati l-importazzjonijiet lejn l-UE tal-prodott ikkonċernat. L-informazzjoni miksuba fil-qafas ta’ sorveljanza ta’ dan it-tip tippermetti lill-Kummissjoni tirreaġixxi malajr, jekk ikun meħtieġ. Pereżempju, din tista’ tintuża għall-għanijiet ta’ tnedija ta’ xi proċediment ġdid dejjem jekk il-kundizzjonijiet kif stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku jkunu sodisfatti, jiġifieri jekk ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie ta’ dumping inġurjuż.

(19)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, jekk ikun hemm xi proċediment ġdid rigward dan il-prodott u ċ-ċirkustanzi jkunu jitolbuha, jista’ jkun jixraq li titwettaq investigazzjoni minnufih. Ir-Regolament bażiku fl-Artikolu 7(1) tabilħaqq jaħseb għal xi possibbiltà ta’ dan it-tip billi jippermetti impożizzjoni pjuttost mgħaġġla ta’ miżuri provviżorji wara t-tnedija.

(20)

Il-perjodu ta’ sorveljanza għandu japplika għal perjodu sa 24 xahar mill-pubblikazzjoni tat-tmiem tal-proċediment preżenti.

(21)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista’ jintemm meta l-ilment jiġi rtirat ħlief jekk tmiem bħal dan ma jkunx fl-interess Komunitarju.

(22)

Il-Kummissjoni qieset li l-proċedura attwali għandha tintemm billi l-investigazzjoni ma tefgħet l-ebda dawl fuq il-possibbiltà li dan it-tmiem imur kontra l-interess Komunitarju. Il-partijiet interessati ġew infurmati b’dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Madankollu ma waslu lura l-ebda kummenti li setgħu varjaw din id-deċiżjoni.

(23)

Il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li l-proċediment kontra d-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f’fuljetti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan għandu jintemm mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri kontra d-dumping,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-proċediment kontra d-dumping li jikkonċerna l-importazzjoni ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli mgħattna, li mhux maħduma ulterjorment għajr mgħattna mingħajr tisħin (imraqqa mingħajr tisħin) f’fuljetti, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea, u t-Tajwan, u li normalment huma ddikjarati fi ħdan il-kodiċi NM 7219 31 00, 7219 32 10, 7219 32 90, 7219 33 10, 7219 33 90, 7219 34 10, 7219 34 90, 7219 35 10, 7219 35 90, 7220 20 21, 7220 20 29, 7220 20 41, 7220 20 49, 7220 20 81 u 7220 20 89 jintemm permezz ta’ dan.

Artikolu 2

Id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġunrata wara l-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, il-16 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Catherine ASHTON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU C 29, 1.2.2008, p. 13.


Top