Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0325

    2009/325/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 26 ta’ Novembru 2008 dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru C 3/08 (eks NN 102/05) – Repubblika Ċeka rigward kumpensi tas-servizz pubbliku għal Southern Moravia Bus Companies (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 7032) (Test b’relevanza għaż-ŻEE )

    ĠU L 97, 16.4.2009, p. 14–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/325/oj

    16.4.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 97/14


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-26 ta’ Novembru 2008

    dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru C 3/08 (eks NN 102/05) – Repubblika Ċeka rigward kumpensi tas-servizz pubbliku għal Southern Moravia Bus Companies

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 7032)

    (Il-verżjoni biċ-Ċek biss hija awtentika)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2009/325/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1) (a) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 14 tiegħu,

    Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (2),

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Permezz ta’ ittra datata t-28 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni rċeviet ilment mill-kumpanija Ċeka ČAS – SERVICE minn issa ‘l quddiem (“l-Ilmentatur”). L-ilment kellu x’jaqsam mal-għajnuna tal-Istat allegatament mogħtija lil diversi kompetituri tal-Ilmentatur mill-awtoritajiet reġjonali bejn l-2003 u l-2005.

    (2)

    Permezz tal-ittri tal-20 ta’ Lulju 2005, tal-14 ta’ Marzu 2006 u tas-7 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni talbet mingħand l-awtoritajiet Ċeki aktar informazzjoni rigward il-kwistjoni li tqajmet mill-Ilmentatur.

    (3)

    L-awtoritajiet Ċeki wieġbu fl-14 ta’ Settembru 2005, fit-2 ta’ Ġunju 2006, fis-6 ta’ Frar 2007 u fit-18 ta’ Ottubru 2007.

    (4)

    Permezz ta’ ittra datata l-15 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Ċeki dwar id-deċiżjoni tagħha li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-għajnuna. L-awtoritajiet Ċeki pprovdew il-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna permezz ta’ ittra datata t-18 ta’ Frar 2008.

    (5)

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-16 ta’ Frar 2008 (3). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna.

    (6)

    Fl-14 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand l-Ilmentatur bħala parti terza. Fis-17 ta’ April 2008, dawn il-kummenti ġew ikkomunikati lill-awtoritajiet Ċeki, li ġew mitluba jikkummentaw fuq il-perspettiva tal-parti terza. Fit-13 ta’ Mejju 2008, l-awtoritajiet Ċeki talbu estensjoni tad-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-kummenti tagħhom, liema talba ġiet aċċettata mill-Kummissjoni. Fis-17 ta’ Ġunju 2008, l-awtoritajiet Ċeki ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kummenti tal-parti terza.

    2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA

    (7)

    L-Ilmentatur huwa kumpanija b’kapital azzjonarju, attiva fil-qasam tat-trasport regolari bil-karozzi tal-linja, tat-trasport b’kiri bi ftehim minn qabel (chartered transport), tat-trasport fil-belt bil-karozzi tal-linja fit-territorju ta’ Znojmo u tat-trasport internazzjonali.

    (8)

    Sa Settembru 2004, l-operat tat-trasport pubbliku reġjonali bil-karozza tal-linja fin-Nofsinhar tal-Moravja kien l-attività ewlenija tal-Ilmentatur, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ kuntratti konklużi mal-awtoritajiet reġjonali. Is-servizzi kienu pprovduti fir-Reġjun tan-Nofsinhar tal-Moravja (Distretti ta’ Znojmo u Moravsky Krumlov).

    (9)

    L-Ilmentatur qed jallega li l-awtoritajiet tan-Nofsinhar tal-Moravja taw, fil-perijodu ta’ bejn l-2003 u l-2005, għajnuna tal-Istat illegali lil Bítešská Dopravní Společnost s.r.o. (“Bítešská”), BK Bus s.r.o. (“BK Bus”), Břežanská dopravní společnost s.r.o. (“Břežanská společnost”), Znojemská dopravnì společnost - PSOTA s.r.o. (“PSOTA”), TREDOS, spol. s.r.o. (“TREDOS”). Dan bħala konsegwenza ta’ għotja ta’ liċenzji li la tkun waħda trasparenti u lanqas objettiva.

    (10)

    Skont l-awtoritajiet Ċeki, il-liċenzja tikkostitwixxi permess mogħti mill-awtoritajiet sabiex iħaddmu servizz tat-trasport pubbliku regolari. L-għan tal-liċenzja huwa li tiggarantixxi li t-trasport bil-karozzi tal-linja jsir biss minn ġarriera li jissodisfaw ċerti rekwiżiti ta’ kwalità. F’dan ir-rigward, skont il-Paragrafu 18 tal-Liġi Nru 111/1994 Coll. dwar it-trasport bit-triq (il-“Liġi dwar it-Trasport bit-Triq”) (4) dawn ir-rekwiżiti jinkludu b’mod partikolari l-obbligu li jiġu pprovduti servizzi b’konformità mal-iskeda approvata ta’ ħinijiet, li jkun żgurat ċertu livell ta’ sigurtà għall-passiġġieri u li jiġu ppubblikati skedi ta’ ħinijiet u li l-karozzi tal-linja jiġu mmarkati bl-ismijiet tal-linji.

    (11)

    Id-dispożizzjoni tal-Paragrafu 19 tal-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq tistipula li l-obbligu tas-servizz pubbliku huwa mifhum bħala “l-obbligu tal-ġarrier fl-interess pubbliku li inkella l-ġarrier ma jaċċettax kompletament jew parzjalment minħabba l-iżvantaġġ ekonomiku tiegħu. L-obbligu tas-servizz pubbliku huwa miftiehem mill-gvern mal-ġarrier u l-gvern għandu wkoll jagħmel tajjeb għat-telf imġarrab mill-ġarrier, liema telf ikun jista’ jingħata prova tiegħu, meta dan jitwettaq. L-obbligu tas-servizz pubbliku jikkonsisti fl-obbligu tal-operat (…), l-obbligu tat-trasport (…), l-obbligu tat-tariffi (…). L-obbligu tas-servizz pubbliku fit-trasport tal-linja pubbliku jsir fuq il-bażi ta’ kuntratt bil-miktub” (konkluż bejn l-awtoritajiet rilevanti u l-operatur) (5).

    (12)

    Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Paragrafu 19 b (2) u (4) tal-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq jistipulaw li “l-istima professjonali preliminari tat-telf li tkun ingħatat prova tiegħu għall-perijodu kollu li għalih ikun impost l-obbligu tas-servizz pubbliku, hija l-parti integrali mandatorja tal-kuntratt tal-obbligu tas-servizz pubbliku”. L-awtoritajiet rilevanti “għandhom iħallsu t-telf li tkun ingħata prova tiegħu, fil-livell massimu ta’ din l-istima professjonali preliminari miżjuda biss bi spejjeż mhux prevedibbli. (…) Jekk il-ġarrier jipprovdi wkoll servizzi ta’ trasport barra l-obbligi tas-servizz pubbliku jew attivitajiet oħra, għandu jżomm kontijiet separati għall-obbligi tas-servizz pubbliku”.

    (13)

    Skont il-Paragrafu 19 b (5) tal-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq “id-determinazzjoni tat-telf li tista’ tingħata prova tiegħu, il-metodu ta’ kalkolu tal-istima professjonali preliminari tat-telf li tista’ tingħata prova tiegħu, ir-regoli għall-allokazzjoni ta’ fondi mill-baġits rilevanti, id-dokumenti li għandhom jappoġġjaw il-kalkoli tat-telf li tista’ tingħata prova tiegħu u l-metodu ta’ eżerċizzju ta’ monitoraġġ professjonali tal-gvern fuq l-iffinanzjar tas-servizzi tat-traffiku huma stipulati mir-regolament ta’ implimentazzjoni.” Dan ir-regolament – ir-Regolament 50/1998 tal-Ministeru tat-Trasport u l-Komunikazzjonijiet tat-13 ta’ Marzu 1998 dwar it-telf li tista’ tingħata prova tiegħu fit-trasport tal-linja pubbliku tal-passiġġieri (“ir-Regolament”) – jiddefinixxi t-telf li tista’ tingħata prova tiegħu fit-trasport tal-linja pubbliku tal-passiġġieri bħala: “id-differenza bejn it-total tal-ispejjeż ekonomikament sostanzjati u l-profitt adegwat u bejn l-irċevuti miksuba u d-dħul” (minn issa ‘l quddiem “telf”).

    (14)

    Il-profitt adegwat huwa mifhum f’dan ir-Regolament bħala “l-ammont li – wara t-taxxa (…) – ma jaqbiżx 1/8 tal-prezz tal-karozzi tal-linja wżati normalment għat-trasport tal-linja pubbliku tal-passiġġieri li jipprovdu s-servizzi tat-traffiku billi jissodisfaw l-obbligu tas-servizz pubbliku mnaqqas mis-somma tad-deprezzament reali totali ta’ dawn il-karozzi tal-linja u mill-ammont li jkun intnefaq f’investimenti relatati mal-operat tat-trasport tal-linja pubbliku tal-passiġġieri, kemm-il darba l-awtorità rilevanti tkun esprimiet l-approvazzjoni tagħha għall-investiment sabiex dan ikun inkorporat fil-kalkolu tat-telf li tista’ tingħata prova tiegħu”.

    (15)

    B’effett mill-1 ta’ Jannar 2003, l-awtoritajiet reġjonali, inklużi l-awtoritajiet tan-Nofsinhar tal-Moravja, saru responsabbli fir-Repubblika Ċeka għall-konklużjoni ta’ kuntratti mal-operaturi tat-trasport sabiex dawn jipprovdu servizzi ta’ trasport pubbliku. L-awtoritajiet tan-Nofsinhar tal-Moravja qabblu l-ispejjeż tal-provvediment tat-trasport pubbliku li ġarrab l-Ilmentatur mal-ispiża medja għall-operat tat-trasport bil-karozzi tal-linja fir-Repubblika Ċeka li nkisbet minn stħarriġ statistiku. Huma kkonkludew li l-prezzijiet tal-Ilmentatur kienu ogħla mill-prezz medju.

    (16)

    Fl-24 ta’ Marzu 2003, minħabba l-valutazzjoni msemmija hawn fuq u wara negozjati bla suċċess mal-Ilmentatur, l-awtoritajiet tar-Reġjun tan-Nofsinhar tal-Moravja ddeċidew li jibdew negozjati għall-provvediment tas-servizzi tat-trasport ma’ operaturi oħrajn. Huma avviċinaw il-ġarriera magħrufa li joperaw fir-Reġjun tan-Nofsinhar tal-Moravja b’talba sabiex jissottomettu offerti għall-provvediment tas-servizzi tat-trasport pubbliku fit-territorju ta’ Znojmo. L-istedina għas-sottomissjoni ta’ offerti ntbagħtet lil 41 ġarrier inkluż lill-Ilmentatur. Din kienet tipprevedi li l-awtoritajiet reġjonali kienu lesti jħallsu lill-operaturi prezz ta’ mhux aktar minn CZK 26 għal kull km għall-provvediment tas-servizz. Barra minn hekk, hija kienet tipprevedi rekwiżit li l-operaturi għandu jkollhom sistema ta’ pproċessar elettroniku u jkunu f’pożizzjoni tajba mal-amministrazzjoni.

    (17)

    L-awtoritajiet reġjonali rċevew risposti mingħand 9 ġarriera li sussegwentement kienu mistednin għal laqgħa mal-awtorità reġjonali. Kumitat tal-għażla maħtur mill-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar tal-Moravja vvaluta u kklassifika s-sejħiet għal offerti. Huwa rrakkomanda li l-kuntratti għall-provvediment ta’ servizzi ta’ trasport jiġu konklużi ma’ 6 ġarriera, inkluż l-Ilmentatur, jiġifieri: Bítešská, BK Bus, Břežanská společnost, PSOTA, TREDOS u l-Ilmentatur (ČAS-Service a.s.).

    (18)

    Il-kriterji kkunsidrati mill-kumitat tal-għażla fl-ivvalutar tas-sejħiet għal offerti kienu ċ-ċarezza u l-kompletezza. Barra dan, l-awtoritajiet tan-Nofsinhar tal-Moravja kkunsidraw ukoll fost l-oħrajn, il-kriterju li jkun minimizzat in-numru ta’ kilometri operattivi tekniċi u l-koeżività tat-territorju magħżul.

    (19)

    Skont l-awtoritajiet Ċeki, l-Ilmentatur kien ikkunsidrat li jissodisfa l-kriterji tal-għażla kundizzjonalment biss, għaliex hu ma speċifikax b’mod ċar il-prezz tal-operazzjoni tat-trasport tiegħu. Waqt laqgħat sussegwenti, l-Ilmentatur imbagħad fisser li ma setax jaċċetta kumpens bir-rata proposta mill-awtoritajiet tan-Nofsinhar tal-Moravja fl-istedina għal sejħiet għall-offerti.

    (20)

    Konsegwentement, l-awtoritajiet reġjonali stabilixxew li l-Ilmentatur ma ssodisfax il-kundizzjonijiet tal-proċedura tal-għażla u li miegħu ma setax jiġi konkluż kuntratt biex jipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku.

    (21)

    Ġew konklużi kuntratti ma’ dawk l-operaturi li aċċettaw li l-prezz massimu li għandu jitħallas biex ikun ipprovdut trasport pubbliku jkun jammonta għal CZK 26 għal kull km. Skont l-awtoritajiet Ċeki dan kien ifisser li kumpanija ġestita u mgħammra tajjeb bi spejjeż ta’ CZK 23 959 għal kull km tirċievi profitt li jammonta għal CZK 2 041 għal kull km. L-ispiża ta’ CZK 23 959 għal kull km inkisbet minn stħarriġ statistiku mwettaq skont l-Att Nru 89/1995 Coll. dwar is-Servizz Statistiku tal-Istat. Dawn l-istħarriġiet kienu jirreferu għall-provvediment ta’ servizzi pubbliċi b’xarabank fit-territorju tar-Repubblika Ċeka għall-perjodu tal-2002.

    (22)

    Il-prezz stmat għal kull km (mhux aktar minn CZK 26 għal kull km) kien speċifikat fil-kuntratt ma’ kull operatur. Dan serva biex jistabbilixxi ammont ġenerali ta’ dħul (prezz għal kull kilometru multiplikat bin-numru ta’ kilometri) li jitħallas lil operatur talli jipprovdi s-servizzi. Minn dan l-ammont tnaqqas id-dħul attwali sabiex ikun iddefinit it-telf (6).

    (23)

    L-operatur kellu jipprovdi lill-awtorità bi prova dokumentarja tad-dħul reali wara li jipprovdi s-servizzi. Huwa biss wara dan, li jkun stabbilit l-ammont finali ta’ telf u li jsir il-ħlas tal-kumpens.

    (24)

    Barra mir-rekwiżiti ġenerali previsti fil-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq għall-ġarriera u abbażi tal-fatt li operaturi bħal dawn kellhom il-liċenzji, kull kuntratt stipula obbligi aktar speċifiċi għal kull operatur, jiġifieri l-obbligu li jipprovdi trasport fuq linji speċifiċi u f’ħinijiet definiti kif ukoll kundizzjonijiet għal emendi tal-kuntratti u penali fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kuntratti.

    (25)

    L-awtoritajiet Ċeki kienu informaw lill-Kummissjoni li wara l-2003 l-awtoritajiet tan-Nofsinhar tal-Moravja qablu li jikkonkludu aktar kuntratti biex jipprovdu servizzi tat-trasport mal-istess operaturi għall-2004 u għall-2005.

    (26)

    L-awtoritajiet Ċeki rrikonoxxew li ma twettqet l-ebda proċedura speċifika bil-għan li jintgħażlu operaturi li jipprovdu servizzi ta’ trasport fl-2004 u fl-2005.

    (27)

    It-tabella li ġejja tipprovdi dejta rigward l-ammonti ta’ kumpens previsti fil-kuntratti għall-2004 (Tabella 1):

    Isem l-operatur

    Data tal-kuntratt

    Ammont massimu tal-kumpens previst fil-kuntratt

    TREDOS

    21/01/2004

    CZK 7 364 733

    Modifikata

     

    31/08/2004

    CZK 7 399 733

    BK Bus

    22/01/2004

    CZK 4 349 779

    Bítešská

    21/01/2004

    CZK 4 780 000

    PSOTA

    20/01/2004

    CZK 18 924 849

    Modifikata:

     

    31/08/2004

    CZK 18 956 769

    17/09/2004

    CZK 18 979 733

    Břežanská společnost

    26/01/2004

    CZK 10 615 611

    (28)

    Barra dan, il-kuntratti konklużi għall-2004 ittawlu għall-2005 (Tabella 2):

    Isem l-operatur

    Data tal-kuntratt

    Ammont massimu ta’ kumpens previst fil-kuntratt

    TREDOS

    04/03/2005

    CZK 11 457 527

    Modifikata:

     

    31/03/2005

    CZK 11 593 799

    BK Bus

    04/03/2005

    CZK 5 244 124

    Bítešská

    04/03/2005

    CZK 6 000 000

    PSOTA

    04/03/2005

    CZK 20 999 640

    Břežanská společnost

    04/03/2005

    CZK 11 953 423

    (29)

    Skont l-awtoritajiet Ċeki, fir-rigward tas-servizzi tat-trasport fir-Reġjun tan-Nofsinhar tal-Moravja, l-impriżi msemmija hawn fuq ma kisbu l-ebda finanzjament ieħor mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat matul l-2004-2005.

    3.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TA’ PROĊEDURA

    (30)

    Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura minħabba r-raġunijiet li jinsabu fil-premessi 31 sa 38.

    3.1.   Preżenza ta’ għajnuna

    (31)

    Il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk it-tielet kundizzjoni stabbilita fis-sentenza Altmark (7) ġietx issodisfata.

    (32)

    Minħabba li l-kalkolu tal-kumpens sar abbażi tal-parametru stabbilit minn qabel (CZK 26 għal kull km) u r-remunerazzjoni finali kienet ibbażata fuq evidenza tat-telf li fil-fatt ikun sar, li ma jaqbiżx dak li kien previst fil-kuntratti, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li l-ammont ta’ kumpens ma setax jaqbeż it-telf reali. Barra dan, il-Kummissjoni kkunsidrat il-profitt inkluż fl-ammont ta’ CZK 26 għal kull km bħala wieħed raġonevoli.

    (33)

    Madankollu, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kunċett ta’ spiża mhux prevedibbli fil-leġiżlazzjoni Ċeka, li tista’ sservi bħala ġustifikazzjoni għal żieda straordinarja tal-limitu għall-kumpens.

    (34)

    Barra dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li lanqas ir-raba’ kundizzjoni stabbilita fis-sentenza Altmark ma ġiet issodisfata. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċedura applikata mill-awtoritajiet Ċeki ma setgħetx tkun ikkunsidrata proċedura ta’ akkwist pubbliku jew proċedura li tiżgura li l-livell ta’ kumpens kien iddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li kien ikollha impriża tipika, immexxija tajjeb u pprovduta sewwa bil-mezzi tat-trasport, kif meħtieġ mis-sentenza Altmark.

    (35)

    Konsegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kien hemm ebda evidenza ċara biex tingħata prova li l-kumpens ma tax vantaġġ selettiv u għaldaqstant, minħabba li l-kundizzjonijiet l-oħrajn tal-Art. 87 (1) tat-Trattat tal-KE ġew issodisfati, l-għajnuna mill-Istat kienet fit-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni.

    3.2.   Kompatibbiltà

    (36)

    Il-Kummissjoni nnotat li l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat bħal din mas-suq komuni għandha tkun ivvalutata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mit-Trattat tal-KE, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza u l-prattika ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni f’oqsma oħrajn barra t-trasport pubbliku (8).

    (37)

    Wara li eżaminat l-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni kkunsidrat li f’dan il-każ kien hemm konformità mal-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna. Il-pre-stabbiliment fil-proċedura ta’ għażla tal-prezz massimu għall-kumpens abbażi ta’ analiżi statistika nazzjonali ggarantixxa n-nuqqas ta’ kumpens eċċessiv lill-operaturi.

    (38)

    Madankollu, minħabba li f’dan il-każ partikolari ma kien hemm l-ebda proċedura pubblika ta’ sejħa għal offerti u l-Ilmentatur jgħid li Bítešská, BK Bus, Břežanská společnost, PSOTA, TREDOS irċevew għajnuna illegali mill-Istat, il-Kummissjoni kkunsidrat li hija kellha tagħti l-opportunità lill-Ilmentatur u lil partijiet terzi biex jikkummentaw dwar il-metodoloġija applikata biex ikun stabbilit l-ammont ta’ kumpens mill-awtoritajiet tan-Nofsinhar tal-Moravja, qabel ma tkun tista’ tikkonkludi b’ċertezza li l-għajnuna hija kompatibbli mal-Art. 73 tat-Trattat tal-KE minħabba l-Art. 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

    4.   KUMMENTI MILL-AWTORITAJIET ĊEKI

    (39)

    Ir-Repubblika Ċeka ddikjarat li l-kunċett ta’ spejjeż mhux prevedibbli huwa regolat mil-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq fir-rigward tal-istima esperta preliminari tat-telf muri għall-perijodu kollu li għalih ikun ġie konkluż il-kuntratt ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku. Din l-istima, li hija ppreżentata mill-ġarrier, tifforma parti mandatorja mill-kuntratt tas-servizz pubbliku.

    (40)

    It-Taqsima 19b (3) ta’ dik il-liġi tistipula li r-reġjun għandu sussegwentement jirrifondi t-telf muri sa ammont li ma jaqbiżx l-istima esperta, miżjud biss bi spejjeż mhux prevedibbli murija. Madankollu, il-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq ma tipprovdix definizzjoni aktar dettaljata ta’ spejjeż mhux prevedibbli murija u definizzjoni ta’ dan il-kunċett titħalla f’idejn ix-xerrejja individwali tas-servizzi tat-trasport.

    (41)

    Ir-Repubblika Ċeka fakkret li l-kuntratti tas-servizz pubbliku konklużi mir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Moravja stipulaw stima preliminarja ta’ telf. Jekk l-ammont tat-telf reali muri għall-perjodu inkwistjoni kien ogħla mill-istima esperta preliminari ta’ telf muri, ir-Reġjun tan-Nofsinhar tal-Moravja rrimborżat it-telf muri biss sal-ammont tal-istima esperta preliminari. F’dan il-kuntest, ir-riskju ta’ spejjeż reali ogħla u dħul reali aktar baxx fir-rigward tal-istima preliminari ta’ telf muri ġġarrab mill-operaturi, bl-eċċezzjoni ta’ spejjeż mhux prevedibbli li tkun ingħatat prova tagħhom.

    (42)

    Il-kunċett ta’ spejjeż mhux prevedibbli ġie stabbilit b’dettall akbar fil-kuntratti tas-servizz pubbliku mir-Reġjun tan-Nofsinhar tal-Moravja mal-operaturi individwali tat-trasport. L-ispejjeż mhux prevedibbli jirreferu għal sitwazzjonijiet li huma indipendenti mill-maniġment tal-kumpanija bħal diżastri naturali, interventi fil-prezz mill-Istat, devjazzjonijiet jew bidliet fid-dazji doganali, VAT, eċċ. ir-Repubblika Ċeka pprovdiet lill-Kummissjoni bis-siltiet relevanti fil-kuntratti tas-servizz pubbliku.

    5.   KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI U OSSERVAZZJONIJIET MILL-AWTORITAJIET ĊEKI

    (43)

    L-Ilmentatur kien l-unika parti terza li ppreżenta kummenti wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura.

    (44)

    Il-kummenti tal-ilmentatur kienu dwar l-aspetti li ġejjin:

    l-allegazzjoni li t-trasport ikkonċernat ma kienx ikkummissjonat bħala kuntratti tas-servizz pubbliku iżda fi ħdan il-kunċett ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku li jirriżulta mil-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq,

    l-allegazzjoni li f’dan il-każ kellha tkun applikata s-Sentenza Altmark,

    l-oppożizzjoni kontra li l-ammont ta’ CZK 26 għal kull km ikun ikkunsidrat bħala l-prezz massimu tal-operazzjoni tat-trasport għall-iddeterminar tal-kumpens. L-Ilmentatur fil-fatt ikkunsidra li dan l-ammont huwa pjuttost biss parti tal-istima esperta preliminari skont liema t-telf li tista’ tingħata prova tiegħu għandu jkun ikkumpensat lill-ġarrier f’konformità mal-Att dwar it-Trasport bit-Triq,

    l-allegazzjoni li l-kundizzjonijiet lokali tal-operazzjonijiet tat-trasport pubbliku bi skeda ma kinux ikkunsidrati meta kien stabbilit il-prezz imħallas għall-provvediment ta’ operazzjonijiet ta’ trasport li jammonta għal CZK 26 għal kull km. Kieku dawn il-kundizzjonijiet lokali ġew ikkunsidrati, kien jirriżulta ammont ogħla,

    il-kumpens għal servizz pubbliku kien mezz kif il-ġarriera l-oħrajn jissostitwixxu l-flotta tagħhom,

    il-Kummissjoni kellha tivvaluta l-ilment ukoll għall-perjodu qabel l-1 ta’ Mejju 2004,

    l-allegazzjoni li l-kuntratti tas-servizz pubbliku wasslu għal sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn trasport issussidjat u trasport mhux issussidjat li toħloq tfixkil tal-kompetizzjoni.

    (45)

    Madankollu, l-Ilmentatur ma kkummentax fuq il-kunċett ta’ spejjeż mhux prevedibbli. Hu lanqas ma kkummenta fuq il-fatt li l-pre-stabbiliment ta’ prezz massimu għal kumpens ibbażat fuq l-analiżi statistika nazzjonali jista’ jiggarantixxi n-nuqqas ta’ kumpens eċċessiv għall-operaturi. Għall-kuntrarju, l-Ilmentatur argumenta li dan l-ammont ta’ referenza ta’ CZK 26 għal kull km ma kellux ikun ikkunsidrat mill-awtoritajiet Ċeki bħala prezz massimu għat-trasport.

    (46)

    Għalhekk, il-kummenti tal-Ilmentatur ma kinux jikkonċernaw speċifikament id-dubji mfissra mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura. Barra dan, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni dwar il-kummenti tal-Ilmentatur. Dawn l-osservazzjonijiet ikkonfermaw il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet speċifiċi mressqa mill-Ilmentatur.

    (47)

    Konsegwentement, il-kummenti tal-Ilmentatur ma biddlux il-valutazzjoni legali tal-Kummissjoni żviluppata fid-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura.

    6.   VALUTAZZJONI LEGALI

    6.1.   Kompetenza tal-Kummissjoni biex teżamina miżuri mogħtija lil pajjiżi li aderixxew mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004

    (48)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Anness IV, Kapitolu 3 tal-Att dwar l-Adeżjoni tal-2003 joħolqu qafas legali għal valutazzjoni ta’ miżuri li ddaħħlu fis-seħħ mill-Istati Membri li aderixxew qabel l-adeżjoni tagħhom mal-UE u għadhom applikabbli wara l-adeżjoni.

    (49)

    B’referenza partikolari għas-settur tat-trasport, id-dispożizzjonijiet tal-Anness IV jistipulaw li “skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali (…)li daħlu fis-seħħ fi Stat Membru ġdid qabel id-data tal-adeżjoni u li għadhom applikabbli wara dik id-data, għandhom jitqiesu bħala għajnuna eżistenti skont it-tifsira tal-Artikolu 88 (1) tat-Trattat tal-KE soġġett għall-kundizzjoni li ġejja: il-miżuri ta’ għajnuna għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni fi żmien erba’ xhur mid-data tal-adeżjoni”.

    (50)

    Skont il-prattika stabbilita ta’ deċiżjoni (9), “il-miżuri ta’ għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni u mhux applikabbli wara l-adeżjoni ma jistgħux jiġu eżaminati mill-Kummissjoni kemm taħt il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 88 tat-Trattat tal-KE kif ukoll taħt il-mekkaniżmu interim. Huma biss dawk il-miżuri li jistgħu jwasslu, wara l-adeżjoni, għall-għoti ta’ għajnuna addizzjonali jew għal żieda fl-ammont ta’ għajnuna diġà mogħtija, li jistgħu jikkwalifikaw bħala għajnuna eżistenti skont il-mekkaniżmu interim – jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet relevanti – u għalhekk huma soġġetti għalih. Min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmu interim bl-ebda mod ma jorbot rigward miżuri ta’ għajnuna li diġà kienu finalment u inkondizzjonament mogħtija għal ammont partikolari qabel l-adeżjoni. (…) [S]abiex ikun iddeterminat jekk dan huwiex il-każ, il-kriterju relevanti hu l-att li jorbot legalment li bih l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jintrabtu li jagħtu għajnuna. Jekk ma jeżisti l-ebda att bħal dan, il-miżura ma ngħatatx qabel l-adeżjoni u tikkostitwixxi għajnuna ġdida li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni hija vvalutata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE. Miżura ġdida għandha tkun ivvalutata fil-waqt meta tingħata l-għajnuna; huwa l-impenn legali tal-istat li huwa sinonimu mal-għoti ta’ għajnuna u mhux sempliċiment il-pagament tagħha. Kull pagament, attwali jew futur, taħt impenn legali hu att ta’ implimentazzjoni sempliċi u ma jistax jitqies li huwa għajnuna ġdida jew addizzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li biex miżura tkun ikkunsidrata applikabbli wara l-adeżjoni għandu jintwera li hija soġġetta li tipproduċi wara l-adeżjoni, benefiċċju addizzjonali li ma kienx magħruf, jew li ma kienx magħruf b’mod preċiż, meta ngħatat l-għajnuna”.

    (51)

    Il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li l-awtoritajiet Ċeki ma kkomunikawx il-kuntratti tat-Tabella 1 (li kollha daħlu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2004) lill-Kummissjoni fil-qafas tal-proċedura stabbilita bl-Anness IV (3) tal-Att dwar l-Adeżjoni tal-2003.

    (52)

    Barra dan, il-Kummissjoni tinnota li, meta titqies id-definizzjoni tal-ispejjeż mhux prevedibbli, kif spjegat wara d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura, il-miżuri setgħu jipproduċu benefiċċju addizzjonali mhux magħruf preċiżament meta ngħatat l-għajnuna.

    (53)

    Bħala riżultat, il-kuntratti kollha elenkati fit-Tabella 1, safejn jinvolvu għajnuna mill-Istat, jikkonċernaw għajnuna mill-Istat applikabbli wara l-adeżjoni li mhijiex għajnuna eżistenti u li għaliha l-Kummissjoni hija kompetenti.

    (54)

    Rigward il-kuntratti elenkati fit-Tabella 2, li kollha ġew konklużi wara l-1 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni hija kompetenti li tinvestiga.

    6.2.   Preżenza ta’ għajnuna

    (55)

    Skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru permezz ta’ riżorsi tal-Istat ta’ kwalunkwe forma li twassal għal tfixkil jew theddida ta’ tfixkil għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew l-għoti ta’ ċerti oġġetti għandha tkun inkompatibbli mas-suq komuni, diment li din tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ħlief fejn hu previst mod ieħor fit-Trattat.

    6.2.1.   Riżorsi tal-Istat

    (56)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-kumpensi tħallsu mill-awtoritajiet tan-Nofsinhar tal-Moravja mill-baġit pubbliku. Għalhekk, huma ngħataw permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

    6.2.2.   Vantaġġ ekonomiku selettiv

    (57)

    Għandu jkun stabbilit jekk il-miżura troddx vantaġġ ekonomiku selettiv.

    (58)

    Mis-sentenza Altmark jirriżulta li “fejn miżura tal-Istat għandha titqies bħala kumpens għal servizzi mogħtija mill-impriża riċevitiriċi sabiex taqdi obbligi ta’ servizz pubbliku, b’mod li dawk l-impriżi ma jgawdux minn vantaġġ finanzjarju reali u l-miżura b’hekk ma għandhiex l-effett li tpoġġihom f’pożizzjoni kompetittiva aktar favorevoli minn impriżi oħrajn li qed jikkompetu magħhom, miżura bħal din ma taqax taħt l-Artikolu 92(1) tat-Trattat. Madankollu, biex kumpens bħal dan ma jaqax taħt il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat f’każ partikolari, għandhom jiġu ssodisfati għadd ta’ kondizzjonijiet” (10).

    (59)

    L-ewwelnett, skont is-sentenza msemmija hawn fuq, għandu jiġi stabbilit jekk “l-impriża riċevitriċi hijiex fil-fatt meħtieġa taqdi obbligi ta’ servizz pubbliku u (jekk) dawk l-obbligi kinux iddefiniti b’mod ċar”.

    (60)

    Il-Kummissjoni ma qajmitx dubji rigward jekk din il-kundizzjoni ġietx issodisfata fid-deċiżjoni tagħha biex tibda l-proċedura.

    (61)

    Rigward dan ir-rekwiżit, il-Kummissjoni tinnota li l-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq tipprovdi definizzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u tistabbilixxi li l-obbligu ta’ servizz pubbliku fit-trasport pubbliku tal-linja jirriżulta abbażi ta’ kuntratt bil-miktub magħmul bejn l-awtoritajiet u l-ġarrier. L-awtoritajiet Ċeki pprovdew lill-Kummissjoni bil-kopji tal-kuntratti u annessi sussegwenti konklużi mal-operaturi tat-trasport.

    (62)

    Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-obbligu ta’ servizz pubbliku kien iddefinit b’mod ċar u speċifiku fil-kuntratti, jiġifieri li l-links u l-perjodi li fihom kellhom ikunu pprovduti servizzi ta’ trasport ġew iddefiniti b’mod ċar għal operaturi partikolari.

    (63)

    It-tieninett, għandu jintwera li “il-parametri li abbażi tagħhom huwa kkalkulat il-kumpens kienu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti”.

    (64)

    Il-Kummissjoni ma qajmitx dubji rigward is-sodisfazzjon ta’ din il-kundizzjoni fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura.

    (65)

    Il-Kummissjoni nnotat li l-prezz massimu għas-servizzi tat-trasport kien stabbilit mill-awtoritajiet abbażi tal-kriterji indikati fil-Paragrafu 19b tal-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq u tar-Regolament fil-livell ta’ CZK 26 għal kull km. Dan il-prezz kien inkluż fl-istedina għall-offerti mibgħuta lill-operaturi kollha li kienu potenzjalment interessati fl-2003. Il-Kummissjoni nnotat li l-prezz kien stabbilit abbażi ta’ dejta statistika.

    (66)

    Għalhekk, il-prezz kien stabbilit minn qabel, jiġifieri qabel seħħet l-għażla tal-operaturi, b’mod oġġettiv u trasparenti. Il-parametru ma kienx immodifikat fl-annessi li sar qbil fuqhom wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea.

    (67)

    It-tielet kundizzjoni elenkata fis-sentenza Altmark hija li, “il-kumpens ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ biex ikopri fl-intier tagħhom jew parzjalment l-ispejjeż li jsiru fil-qadi tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, b’kont meħud tad-dħul relevanti u ta’ profitt raġonevoli talli jinqdew dawn l-obbligi”.

    (68)

    Fid-deċiżjoni tagħha biex tibda l-proċedura, il-Kummissjoni nnotat li l-awtoritajiet reġjonali esprimew fis-sejħa għal offerti li l-prezz CZK 26 għal kull km huwa l-prezz massimu li kienu lesti jħallsu lill-ġarriera talli jipprovdu servizzi ta’ trasport.

    (69)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnutat ukoll li l-kuntratti kollha fihom stima tat-telf li l-operatur tax-xarabank partikolari jbati meta jipprovdi s-servizzi tat-trasport kif previst fil-kuntratt. L-istima tat-telf hija maħduma b’dan il-mod: L-ewwel, it-telf huwa kkalkulat għal xenarju li fih il-kumpanija tirċievi 26 CZK kull kilometru flimkien mad-dħul mill-biljetti mixtrija mill-passiġġieri. Imbagħad, it-telf huwa kkalkulat billi jitqies biss id-dħul mill-biljetti tal-passiġġieri. Il-prezz ta’ 26 CZK kull kilometru jinkludi wkoll profitt raġonevoli kkalkulat fuq il-bażi ta’ parametri oġġettivi stabbiliti fir-Regolament b’referenza għall-valur tal-assi tal-impriżi. Is-saldi finali u l-ħlasijiet ta’ kumpens isiru biss ladarba l-operatur tax-xarabank partikolari jkun ipprovda prova dokumentata tat-telf attwali. Jekk it-telf attwali jkun anqas minn dak previst, jitħallas biss kumpens għat-telf attwali. Jekk it-telf ikun ogħla milli previst, il-livell massimu ta’ kumpens ikun il-livell tal-istima preliminari. Żieda fuq dan il-livell massimu hija possibbli biss jekk jinqalgħu spejjeż li ma jkunux prevedibbli.

    (70)

    Fir-rigward ta’ dan l-aħħar kunċett li dwaru l-Kummissjoni tesprimi dubji fid-deċiżjoni tagħha biex jingħata bidu għall-proċedura, għandu jissemma’ li l-kunċett ta’ spejjeż li ma jkunux prevedibbli huwa rregolat mil-Liġi tat-Trasport bit-Triq. Dan il-kunċett huwa stipulat b’aktar dettall fil-kuntratti ta’ servizzi pubbliċi konklużi fir-Reġjun tan-Nofsinhar tal-Moravja mal-operaturi tat-trasport individwali. L-ispejjeż mhux prevedibbli jirreferu għal sitwazzjonijiet li huma indipendenti mill-ġestjoni tal-kumpaniji bħalma huma d-diżastri naturali, l-indħil mill-Istat fejn jidħlu l-prezzijiet, it-trasferimenti u t-tibdil fit-taxxi tas-sisa, il-VAT, eċċ. L-operaturi jridu jissottomettu prova li dawn l-ispejjeż mhux prevedibbli jkunu verament jeżistu. L-eżistenza ta’ din l-eċċezzjoni għall-prezz ta’ trasport massimu ma tikkompromettix l-abbiltà tal-mekkaniżu ta’ kumpens li jiżgura li l-kumpens ma jaqbiżx it-telf attwali (11).

    (71)

    Għalhekk, billi l-kalkolu tal-kumpens sar fuq il-bażi tal-parametru stabbilit bil-quddiem, (CZK 26 kull kilometru) u billi r-remunerazzjoni finali kienet ibbażata fuq provi tal-eżistenza ta’ telf, u għaldaqstant l-ispejjeż attwali sostnuti, inklużi l-ispejjeż mhux prevedibbli, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ammont ta’ kumpens ma setax jaqbeż it-telf attwali, u allura l-ispejjeż attwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis il-profitt ta’ CZK 2 041 kull kilometru bħala wieħed raġonevoli billi dan jirrappreżenta marġni ta’ 7,85 %.

    (72)

    B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-tielet kundizzjoni stipulata fis-sentenza Altmark hija ssodisfata.

    (73)

    Fl-aħħar nett, is-sentenza Altmark tipprevedi li jekk “l-impriża, li tkun marbuta li twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, ma tintgħażilx fi proċedura ta’ akkwisti pubbliċi, il-livell ta’ kumpens meħtieġ ikun ġie ddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża tipika b’ġestjoni effikaċi u pprovduta kif xieraq b’mezzi ta’ trasport b’mod li tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa għall-forniment ta’ servizz pubbliku, tkun batiet biex twettaq dawn l-obbligi, filwaqt li jitqiesu l-irċevuti rilevanti u livell ta’ profitt raġonevoli għat-twettiq tal-obbligu”.

    (74)

    Il-Kummissjoni trid qabel xejn teżamina jekk il-proċedura applikata mill-awtoritajiet Ċeki tistax tiġi kkunsidrata bħala proċedura ta’ akkwist pubbliku. Fid-deċiżjoni tagħha biex tniedi l-proċedura, il-Kummissjoni nnutat li r-Reġjun tan-Nofsinhar tal-Moravja kien qassam lill-ġarriera magħrufa fir-reġjun (li minnhom kien hemm 41) stedina biex jissottomettu offerti għall-forniment ta’ servizzi tat-trasport fid-distrett ta’ Znojmo.

    (75)

    Għaldaqstant, il-proċedura eskludiet il-possibbiltà li operaturi minn reġjuni jew distretti oħra jkunu infurmati bil-proċedura u b’hekk ma setgħux jissottomettu l-offerti tagħhom. Barra minn hekk, din il-proċedura ħadmet kontra l-possibbiltà li ġarriera minn Stati Membri oħra setgħu jitqiesu fl-għażla tal-operatur għall-forniment tas-servizzi. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li l-awtoritajiet Ċeki ma pprevedew l-ebda proċedura għall-għażla ta’ ġarriera għal matul is-snin 2004-2005 iżda sempliċement tawlu l-kuntratti ma’ dawk il-ġarriera li kienu ntgħażlu biex ifornu s-servizzi fl-2003.

    (76)

    Dawn il-fatti jibqgħu validi. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-proċedura applikata mill-awtoritajiet Ċeki ma tistax titqies bħala proċedura ta’ akkwist pubbliku kif mitlub mis-sentenza Altmark.

    (77)

    Din il-konklużjoni ma tippreġudikax il-pożizzjoni li l-Kummissjoni tista’ tieħu dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri rilevanti mar-regoli tal-akkwisti pubbliċi.

    (78)

    Konsegwentement, il-Kummissjoni jkollha teżamina t-tieni alternattiva stipulata fir-raba’ kundizzjoni tas-sentenza Altmark.

    (79)

    Il-livell ta’ kumpens irid jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż ta’ impriża tipika b’ġestjoni effikaċi u mgħammra kif jixraq, li għandha tkun alternattiva għall-analiżi tal-livell ta’ kumpens stabbilit permezz tal-offerta. Kif imsemmi fid-deċiżjoni tat-tnedija tal-proċedura, skont l-awtoritajiet Ċeki, il-prezz kuntrattwali għas-servizzi kien ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ spejjeż statistiċi li kienu jfissru li impriża b’ġestjoni effikaċi u mgħammra kif jixraq li ġġarrab spejjeż li jammontaw għal CZK 23 959 (Eur 0,87) kull kilometru ddaħħal profitt ta’ CZK 2 041 (Eur 0,08) kull kilometru.

    (80)

    F’dan il-kuntest, l-ewwel nett il-Kummissjoni nnutat li l-użu tad-dejta statistika jimmira lejn l-iżgurar li l-prezz kien ġie stabbilit b’referenza għall-ispejjeż ta’ impriża tipika.

    (81)

    It-tieni, meta jiġi kkunsidrat li l-operaturi kollha li kienu qed jieħdu sehem fil-proċedura kellhom jiksbu liċenzja biex ikunu jistgħu jwettqu l-attività tagħhom, u riedu jissodisfaw ċerti rekwiżiti imposti fuqhom fl-istedina biex jissottomettu l-offerta tagħhom, riedu jkunu pprovduti b’mod xieraq b’mezzi ta’ trasport biex setgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kwalità meħtieġa.

    (82)

    Madankollu, kif imsemmi fid-deċiżjoni tat-tnedija tal-proċedura, l-użu tal-ispejjeż statistiċi ma jistax, per se, iwassal għal konklużjoni li l-operaturi li aċċettaw li jipprovdu s-servizzi għal CSK 26 kull kilometru kellhom jiġu kkunsidrati bħala ġarriera b’ġestjoni tajba. Id-dejta statistika li serviet bħala bażi għall-iffissar ta’ dan l-ammont kienet tikkonċerna biss l-ispejjeż attwali tas-servizzi tat-trasport fir-Repubblika Ċeka għall-perijodu tal-2002. Għalhekk, ma teżisti l-ebda prova li l-medja ta’ dawn l-ispejjeż tirrappreżenta l-ispejjeż ta’ impriża effiċjenti. L-awtoritajiet Ċeki ma pprovdewx informazzjoni biżżejjed dwar dan il-punt, lanqas wara li kienet ittieħdet id-deċiżjoni biex titnieda l-proċedura.

    (83)

    Għalhekk, billi r-rekwiżiti mit-tieni alternattiva tar-raba’ kundizzjoni stipulata fis-sentenza Altmark, mhumiex kollha ssodisfati, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li l-proċedura applikata mill-awtoritajiet reġjonali tista’ tiġi kkunsidrata bħala proċedura li tiżgura li l-livell ta’ kumpens kien ugwali għal-livell li kellu jinkiseb fl-offerta pubblika bil-miftuħ.

    (84)

    Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni ma tistax teskludi li fl-offerta pubblika bil-miftuħ l-awtoritajiet reġjonali setgħu kienu jistgħu jsibu operaturi li jirrappreżentaw spejjeż aktar baxxi u konsegwentement li kienu lesti joffru li jipprovdu s-servizzi għal remunerazzjoni irħas. Barra dan, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li l-ammont ta’ kumpens kien ġie ffissat fil-livell li jiggarantixxi li ma kien ingħata ebda vantaġġ lil ċerti operaturi.

    (85)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni jidhrilha li l-kumpens ipprovda vantaġġ lil ċerti operaturi tat-trasport pubbliku. Konsegwentement, it-tieni kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Art. 87 (1) tat-Trattat tal-KE f’dan il-każ hija ssodisfata.

    6.2.3.   Tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn L-Istati Membri

    (86)

    Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-vantaġġ mogħti mir-riżorsi tal-Istat jistax jgħawweġ il-kompetizzjoni sal-grad li jkun jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    (87)

    Fid-deċiżjoni tagħha biex tniedi l-proċedura, il-Kummissjoni nnutat f’dan ir-rigward li s-sentenza Altmark tipprovdi li: “Mhuwiex impossibbli li sussidju pubbliku mogħti lil impriża li tipprovdi biss servizzi ta’ trasport lokali jew reġjonali u ma tipprovdi l-ebda servizz ta’ trasport barra l-Istat ta’ oriġini tagħha jista’, minkejja dan, ikollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Meta Stat Membru jagħti sussidju pubbliku lil impriża, il-provvediment ta’ servizzi ta’ trasport minn dik l-impriża jista’ għal dik ir-raġuni jiġi sostnut jew miżjud bir-riżultat li impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra jkollhom opportunità inqas li jipprovdu s-servizzi ta’ transport tagħhom fis-suq ta’ dak l-Istat Membru (ara, għall-fini ta’ dan, il-Kawża 102/87 Franza v Il-Kummissjoni [1988] Ġabra 4067, il-paragrafu 19; il-Kawża C-305/89 L-Italja v Il-Kummissjoni [1991] Ġabra I-1603, il-paragrafu 26; u Spanja v Il-Kummissjoni, il-paragrafu 40). Fil-każ preżenti, dak ir-riżultat mhuwiex biss ipotetiku, billi, kif jidher b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, mill-1995 ‘l quddiem, diversi Stati Membri bdew jiftħu ċerti swieq tat-trasport għall-kompetizzjoni minn impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, hekk li għadd ta’ impriżi diġà qed joffru s-servizzi tat-trasport urbani, suburbani u reġjonali tagħhom fi Stati Membri li ma jinkludux l-Istat ta’ oriġini tagħhom. Fl-aħħar nett, skont il-każistika tal-Qorti, ma jeżisti l-ebda limitu jew perċentwal li taħthom jista’ jiġi kkunsidrat li l-kummerċ bejn l-Istati Membri mhux qed jiġi affettwat. L-ammont relattivament żgħir ta’ għajnuna jew id-daqs relattivament ċkejken tal-impriża li tirċiviha ma jeskludux, per se, il-possibbiltà li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi affettwat (ara Tubemeuse, il-paragrafu 43, u Spanja v Il-Kummissjoni, il-paragrafu 42). It-tieni kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat, jiġifieri li l-għajnuna trid tkun kapaċi taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, ma tiddependix għalhekk mill-karattru lokali jew reġjonali tas-servizzi ta’ trasport fornuti jew mill-iskala tal-qasam ta’ attività konċernat” (12).

    (88)

    B’hekk, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li l-kundizzjoni li l-għajnuna trid tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri hija ssodisfata fil-każ preżenti.

    (89)

    Meta tqis il-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li l-miżuri implimentati jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 87 (1) tat-Trattat tal-KE.

    6.3.   Kompatibbiltà tal-għajnuna

    (90)

    L-Artikolu 73 tat-Trattat tal-KE jipprevedi kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà ta’ għajnuna mogħtija fil-qasam ta’ koordinazzjoni bejn it-trasport u l-obbligu ta’ servizz pubbliku fis-settur tat-trasport. Dan l-Artikolu jikkostitwixxi lex specialis f’rabta mal-Art. 86(2), u l-Art. 87 (2) u (3) tat-Trattat tal-KE.

    (91)

    Skont is-sentenza Altmark (13), l-Art. 73 tat-Trattat tal-KE ma jistax jiġi applikat direttament iżda biss bħala riżultat tar-Regolamenti tal-Kunsill, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 tas-26 ta’ Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi interni tal-ilma (14).

    (92)

    F’konformità mal-Art. 1 (1) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 dan l-Artikolu jista’ jiġi applikat biss f’rabta ma’ għajnuna mill-Istat mogħtija lil operaturi tat-trasport bil-ferrovija, bl-art u fil-passaġġi interni tal-ilma.

    (93)

    Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament kwalunkwe impriża li l-attivitajiet tagħha jkunu ristretti esklussivament għall-operazzjoni ta’ servizzi urbani, suburbani u reġjonali.

    (94)

    Fid-deċiżjoni tagħha tat-tnedija tal-proċedura, il-Kummissjoni nnutat diġà li l-awtoritajiet Ċeki ma għamlux eżenzjoni bħal din. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 huma applikabbli.

    (95)

    F’konformità mal-Art. 1 (4) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, sabiex jiġu żgurati servizzi ta’ trasport xierqa, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jikkonkludu kuntratti ta’ servizz pubbliku ma’ impriża tat-trasport.

    (96)

    L-Art. 14 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 jistipula li kuntratt ta’ servizz pubbliku huwa kuntratt konkluż bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u impriża tat-trasport sabiex jiġu pprovduti lill-pubbliku servizzi ta’ trasport xierqa.

    (97)

    Skont l-Art. 14 (2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, kuntratt ta’ servizz pubbliku għandu jkopri, inter alia, dawn il-punti li ġejjin:

    (a)

    in-natura tas-servizz li jrid jiġi pprovdut, speċjalment l-istandards ta’ kontinwità, regolarità, kapaċità u kwalità;

    (b)

    il-prezz tas-servizzi koperti mill-kuntratt, li għandu jew jingħadd mad-dħul mit-tariffi jew inkella għandu jinkludi d-dħul, u dettalji dwar ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn iż-żewġ partijiet;

    (c)

    ir-regoli li jikkonċernaw emendi u modifiki tal-kuntratt, partikolarment biex jitqiesu t-tibdiliet mhux prevedibbli;

    (d)

    il-perijodu ta’ validità tal-kuntratt;

    (e)

    il-penali fl-eventwalità ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt.

    (98)

    L-ewwelnett, kif diġà ntqal fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni tinnota li skont il-Paragrafu 19 tal-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq, “L-obbligu tas-servizz pubbliku fit-trasport tal-linja pubbliku jsir fuq il-bażi ta’ kuntratt bil-miktub” bejn l-awtoritajiet rilevanti u l-operaturi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-kundizzjonijiet tal-provvediment tas-servizzi tat-trasport ma kinux imposti mill-awtoritajiet iżda kienu nnegozjati u miftiehma bejn l-operaturi u l-awtoritajiet reġjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li minkejja l-formolazzjoni tal-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq (“obbligu ta’ servizz pubbliku”), id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni V – “Kuntratti ta’ servizz pubbliku” tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 jistgħu jiġu applikati.

    (99)

    It-tieni, il-Kummissjoni tinnota li n-natura tas-servizz kienet iddefinita fil-kuntratti kemm expressis verbis kif ukoll permezz ta’ referenza għall-fatt li l-operaturi kellhom liċenzji sabiex jipprovdu servizzi ta’ trasport pubbliku.

    (100)

    It-tielet, il-kuntratti kienu jinkludu l-prezz għal kull km u l-ammont totali ta’ remunerazzjoni li għandu jitħallas għall-provvediment tas-servizz.

    (101)

    Ir-raba’, il-kuntratti kienu jipprevedu l-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-emenda tagħhom, il-perijodu ta’ validità u l-penali f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt.

    (102)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li l-elementi bażiċi ta’ kuntratt elenkati fid-dispożizzjoni tal-Artikolu 14 (2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 kienu koperti mill-kuntratti konklużi ma’ Bítešská, BK Bus, Břežanská společnost, PSOTA, TREDOS.

    (103)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni l-ewwelnett tinnota li l-mira tal-leġiżlatur, meta adotta r-Regolament (KEE) Nru 1191/69, kienet li jiddefinixxi taħt liema kundizzjonijiet “għajnuna […] li tikkorrispondi għar-rimbors ta’ ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizzi pubbliċi” imsemmija fl-Artikolu 73 tat-Trattat hija kompatibbli mas-suq komuni. Kemm l-applikazzjoni tal-Artikolu 73 tat-Trattat kif ukoll l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 jassumu minn qabel l-eżistenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 (1) tat-Trattat. Jekk il-kontenut tal-kuntratti jista’ jkun kopert mill-kunċett tal-Artikolu 73 “obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizzi pubbliċi”, il-forma tal-istrument, jiġifieri kuntratt jew obbligu impost min-naħa waħda, ma għandhiex tkun, fiha nnifisha, xkiel għad-dikjarazzjoni ta’ għajnuna tal-Istat potenzjali inerenti fil-prezz tal-kuntratt kompatibbli mas-suq komuni. Anzi, l-element deċiżiv għall-kwalifika ta’ servizz, kemm jekk hu impost minn Stat Membru kif ukoll jekk miftiehem f’kuntratt, bħala obbligu ta’ servizz pubbliku fis-sens tal-Artikolu 73 għandu jkun is-sustanza tas-servizz, u mhux il-forma li fiha jkun organizzat (15).

    (104)

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li minn lat legali, ma hemmx raġuni għaliex għajnuna tal-Istat inerenti fil-prezz imħallas għal kuntratt ta’ servizz pubbliku ma setgħetx tkun kumpatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 73. Il-Kummissjoni tinnota li din is-soluzzjoni ntgħażlet mill-koleġiżlaturi fir-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Skont l-Artikolu 12 tiegħu, dan ir-regolament madankollu ser jidħol fis-seħħ biss fit-3 ta’ Diċembru 2009. Minħabba li l-kuntratti attwali ġew iffirmati qabel din id-data, ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 mhuwiex għalhekk applikabbli għalihom.

    (105)

    Minħabba li l-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 ma fih l-ebda kundizzjoni preċiża li tiddikjara għajnuna tal-Istat inerenti fil-prezz imħallas għal kuntratt ta’ servizz pubbliku kompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-prinċipji ġenerali meħudin mit-Trattat, il-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji u l-prattika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’oqsma oħra minbarra t-trasport pubbliku għandhom jiġu applikati fid-deċiżjoni dwar jekk tali għajnuna tal-Istat tistax tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni (16).

    (106)

    Dawn il-prinċipji ġew imfakkra mill-Kummissjoni b’mod ġenerali fil-qafas Komunitarju għall-għajnuna tal-Istat fil-forma ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku (17). Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna tal-Istat inerenti fil-prezz imħallas għal kuntratt ta’ servizz pubbliku, dan il-qafas Komunitarju jipprevedi dan li ġej fil-punt 14: “L-ammont ta’ kumpens ma għandux jaqbeż dak li hu meħtieġ biex jiġu koperti l-ispejjeż imġarrba fil-qadi tal-obbligi tas-servizz pubbliku, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-irċevuti rilevanti u l-qligħ raġonevoli għall-qadi ta’ dawn l-obbligi. L-ammont ta’ kumpens jinkludi l-vantaġġi kollha mogħtija mill-Istat jew minn riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma”.

    (107)

    Il-Kummissjoni tinnota li permezz tal-pre-stabbiliment fil-proċedura tal-għażla, kif deskritt fil-premessi 12 sa 20, li l-prezz li l-awtoritajiet kienu lesti li jħallsu ma kienx ta’ aktar minn CZK 26 għal kull km, u sussegwentement permezz tal-applikazzjoni ta’ dan il-parametru u ż-żieda ta’ spejjeż mhux prevedibbli sabiex jiġi kkalkulat id-dħul tal-ġarriera, l-awtoritajiet tan-Nofsinhar tal-Moravja żguraw li l-kumpens ma setax jaqbeż l-ispejjeż imġarrba mill-operaturi.

    (108)

    Il-Kummissjoni tinnota li għalkemm l-Ilmentatur ikkuntesta l-parametru għall-kalkolu tal-kumpens, ma ġab l-ebda element li juri li l-kumpens seta’ jaqbeż l-ispejjeż imġarrba mill-operaturi. Għall-kuntrarju ta’ dan, l-Ilmentatur argumenta li l-ammont ikkunsidrat kien pjuttost parti mill-istima esperta preliminari skont liema, it-telf li tista’ tingħata prova tiegħu għandu jkun ikkumpensat lill-ġarrier u anzi għandu jkun stabbilit fuq livell ogħla.

    (109)

    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ servizzi pprovduti fir-Reġjun tan-Nofsinhar tal-Moravja, il-Kummissjoni tinnota li, minbarra l-kumpensi mill-awtoritajiet reġjonali, l-operaturi ma rċevew l-ebda vantaġġ mill-Istat jew minn riżorsi tal-Istat fil-perijodu ta’ bejn l-2004-2005.

    (110)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, kif deskritti hawn fuq, huma ssodisfati f’dan il-każ.

    (111)

    B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna hija kompatibbli mal-Artikolu 73 tat-Trattat.

    7.   KONKLUŻJONI

    (112)

    Fid-dawl tal-valutazzjoni legali, il-Kummissjoni jidhrilha li r-Repubblika Ċeka aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, u għalhekk tat għajnuna illegali skont l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

    (113)

    Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mogħtija lil Bítešská, BK Bus, Břežanská společnost, PSOTA, TREDOS permezz tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku għat-trasport bit-triq fin-Nofsinhar tal-Moravja hija kompatibbli mal-Artikolu 73 tat-Trattat,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għajnuna tal-Istat li r-Repubblika Ċeka implimentat permezz tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku għat-trasport bit-triq fin-Nofsinhar tal-Moravja ma’ Bítešská dopravní společnost spol. s r.o., BK BUS s.r.o., Břežanská dopravní společnost s.r.o., Znojemská dopravní společnost – PSOTA, s.r.o. and TREDOS, spol. s r.o. hija kompatibbli mas-suq komuni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

    Magħmula fi Brussell, 26 ta’ Novembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Antonio TAJANI

    Viċi-President


    (1)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

    (2)  ĠU C 43, 16.2.2008, p. 19.

    (3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

    (4)  Ġħall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenza qed issir għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi fil-verżjoni applikata għal dan il-każ.

    (5)  Fil-liġi Ċeka, il-kumpens għall-kuntratti tas-servizz pubbliku huwa ekwivalenti għal kunċett ta’ telf li tista’ tingħata prova tiegħu. Għal każ simili ta’ dan, ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 495/07 – Repubblika Ċeka - Program pořízení a obnovy železničních kolejových vozidel (ĠU C 152, 18.6.2008, p. 21).

    (6)  Skont il-leġiżlazzjoni Ċeka, it-telf huwa d-differenza bejn it-total tal-ispejjeż ekonomikament sostanzjati u l-profitt xieraq minn naħa, u l-irċevuti u d-dħul maqlugħa min-naħa l-oħra.

    (7)  Sentenza tal-Qorti tal-24 ta’ Lulju 2003, C-280/00 Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg v Nahverkhersgesellschaft Altmark GmbH, u Oberbundesanwalt beim Bundesverwaltungsgericht (2003) E.C.R. I-07747, il-punti 88 sa 93.

    (8)  Ara d-deiżjonijiet tal-Kummissjoni: C 16/07 – L-Awstrija – Appoġġ pubbliku għall-Postbus fid-distrett ta’ Lienz (ĠU C 162, 14.7.2007, p. 19), C 31/07 – L-Irlanda –Għajnuna mill-Istat lil Córas Iompair Éireann Bus Companies (Dublin Bus u Irish Bus) (ĠU C 217, 15.9.2007, p. 44); C 47/07 – Il-Ġermanja – DB Regio AG – Kuntratt ta’ servizz pubbliku (ĠU C 35, 8.2.2008, p. 13); C 41/08 – Id-Danimarka – Kuntratt ta’ servizz pubbliku bejn il-Ministeru tat-Trasport u d-Danske Statsbaner (għadha ma ġietx ippubblikata).

    (9)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C 3/05 – Il-Polonja – Għajnuna għar-ristrutturar tad-DAEWOO-FSO (ĠU C 100, 26.4.2005, p. 2, punti 40 sa 43).

    (10)  Sentenza C-280/00 Altmark, punti 87 u 88.

    (11)  Għandu jitfakkar li t-telf huwa d-differenza bejn it-total tal-ispejjeż ekonomikament sostanzjati u l-profitt xieraq minn naħa, u l-irċevuti u d-dħul maqlugħa min-naħa l-oħra.

    (12)  Il-Kawża C-280/00, Altmark, il-punti 77 sa 82.

    (13)  Il-Kawża C-280/00, Altmark, iċċitata hawn fuq.

    (14)  ĠU L 156, 28.6.1969, p. 1.

    (15)  B’mod simili, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE tat-28 ta’ Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86 (2) tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat fil-forma ta’ kumpens pubbliku mogħti lil ċerti impriżi fdati bl-operat ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67), jirrikorri għall-kunċett ta’ “att ta’ entrustment”, li l-forma tiegħu titħalla f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeterminawha. Ara wkoll ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar is-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri permezz ta-ferrovija u tat-triq u r-Regolamenti tal-Kunsill li jirrevokaw (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).

    (16)  Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni: C 16/07 – L-Awstrija – Appoġġ uffiċjali għal Postbus fid-distrett ta’ Lienz, C 31/07 – l-Irlanda – Għajnuna tal-Istat lil Córas Iompair Éireann Bus Companies (Dublin Bus u Irish Bus); C 47/07 – il-Ġermanja – DB Regio AG – Kuntratt ta’ servizz pubbliku; C 41/08 – id-Danimarka – Kuntratt ta’ servizz pubbliku bejn il-Ministeru tat-Trasport u Danske Statsbaner.

    (17)  ĠU C 297, 29.11.2005, p. 4.


    Top