EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0241

2009/241/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ Marzu 2009 dwar in-noninklużjoni tat-triflumuron fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 1681) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 71, 17.3.2009, p. 59–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/241/oj

17.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/59


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Marzu 2009

dwar in-noninklużjoni tat-triflumuron fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 1681)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/241/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u partikolarment ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipula li Stat Membru, matul perjodu ta’ 12-il sena min-notifika ta’ dik id-Direttiva, jista’ jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mhux elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li jkunu diġà jinsabu fis-suq sentejn wara d-data tan-notifika, waqt li dawn is-sustanzi jkunu qegħdin jiġu eżaminati gradwalment fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 1490/2002 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bl-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi t-triflumuron.

(3)

Għat-triflumuron l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew ivvalutati skont id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 1490/2002 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawn ir-Regolamenti jaħtru lill-Istati Membri relaturi li għandhom jippreżentaw ir-rapporti ta’ valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) skont l-Artikolu 10 (1) tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002. Għat-triflumuron l-Istat Membru li jirrapporta kien l-Italja u kull tagħrif rilevanti tressaq fil-15 ta’ Lulju 2005.

(4)

Ir-rapport ta’ valutazzjoni saritlu reviżjoni inter pares mill-Istati Membri u l-EFSA fil-Valutazzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tiegħu u kien ippreżentat lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Settembru 2008 fil-format tal-konklużjoni tal-EFSA fir-rigward tar-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva triflumuron (4). Dan ir-rapport ġie rrivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġie ffinalizzat fit-2 ta’ Diċembru 2008 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għat-triflumuron.

(5)

Matul il-valutazzjoni ta’ din is-sustanza attiva, ġie identifikat xi tħassib. B’mod partikolari, skont it-tagħrif disponibbli, l-espożizzjoni għall-konsumatur ma ġietx approvata bħala aċċettabbli minħabba nuqqas ta’ dejta skont in-natura u l-livell tar-residwi rilevanti. Fil-fatt, ma kienx possibbli li ssir valutazzjoni tar-riskju fid-dettall għall-metabolite M07 peress li ma kienx hemm dejta suffiċjenti biex tiġi allokata doża ta’ referenza fid-dettall għal din il-metabolite. Barra minn hekk, kien hemm dejta nieqsa biex tkun iddeterminata definizzjoni tar-residwi xierqa u jkun stmat il-livell ta’ residwi f’prodotti ta’ frott ipproċessat. Ġie identifikat ukoll riskju għoli għall-organiżmi akkwatiċi. Konsegwentement, ma kienx possibbli li tintlaħaq konklużjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli li t-triflumuron laħaq il-kriterji għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati tar-reviżjoni inter pares u dwar jekk kienx biħsiebu jkompli jappoġġa s-sustanza jew le. In-notifikant ressaq il-kummenti tiegħu li ġew investigati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikant, it-tħassib identifikat baqa’ ma ġiex solvut, u valutazzjonijiet li saru abbażi tat-tagħrif ippreżentat u vvalutat matul il-laqgħat ta’ esperti tal-EFSA ma wrewx li wieħed jista’ jistenna li, fil-kundizzjonijiet proposti ta’ użu, prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-triflumuron jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(7)

Għalhekk, it-triflumuron ma għandux jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

Għandhom jittieħdu miżuri biex jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom it-triflumuron jiġu rtirati fi żmien perjodu preskritt u ma jiġġeddux u li ma jingħatawx awtorizzazzjonijiet ġodda għal prodotti bħal dawn.

(9)

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti minn Stat Membru għar-rimi, il-ħażna, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-triflumuron għandu jkun limitat għal perjodu ta’ tnax-il xahar biex jippermetti li l-ħażniet eżistenti jkunu użati fi staġun ieħor tat-tkabbir, li jiżgura li l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-triflumuron jistgħu jibqgħu jinkisbu mill-bdiewa sa 18-il xahar wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċizjoni.

(10)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għat-triflumuron skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 (2) tad-Direttiva 91/414/KEE, ir-regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni li minnhom ġew stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (5), bil-ħsieb ta’ inklużjoni possibbli fl-Anness I tagħha.

(11)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-triflumuron ma għandux ikun inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-triflumuron jiġu rtirati sas-16 ta’ Settembru 2009.

(b)

l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-triflumuron mhija se tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kull perjodu fuq ir-riħ garantit mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun mill-iqsar possibbli u għandu jiskadi mhux aktar tard mis-16 ta’ Settembru 2010.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Marzu 2009

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25.

(3)  ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23.

(4)  Rapport Xjentifiku tal-EFSA (2008) 194, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni esperta tat-triflumuron, iffinalizzat fit-30 ta’ Settembru 2008.

(5)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.


Top