Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0820

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 820/2008 tat- 8 ta’ Awwissu 2008 li jistipula miżuri għall-implimentazzjoni ta’ l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 221, 19.8.2008, p. 8–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/04/2010; Imħassar b' 32010R0185

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/820/oj

    19.8.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 221/8


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 820/2008

    tat-8 ta’ Awwissu 2008

    li jistipula miżuri għall-implimentazzjoni ta’ l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li, meta meħtieġ, tadotta miżuri għall-implimentazzjoni ta’ l-istandards bażiċi komuni tas-sigurtà fl-avjazzjoni fil-Komunità kollha. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2003 ta’ l-4 ta’ April 2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni (2) kien l-ewwel att li jistabbilixxi miżuri bħal dawn.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 622/2003 kien emendat 14-il darba mill-adozzjoni tiegħu. Għal finijiet ta’ ċarezza u razzjonalità, huwa f’loku li l-emendi kollha jkunu kkonsolidati f’Regolament ġdid.

    (3)

    L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002 jipprovdi li l-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4(2) ta’ dak ir-Regolament għandhom ikunu sigrieti u ma għandhomx ikunu ppubblikati meta jirrigwardaw kriterji ta’ prestazzjoni u testijiet għall-approvazzjoni ta’ tagħmir, proċeduri dettaljati dwar informazzjoni sensittiva jew kriterji dettaljati għall-eżenzjoni minn miżuri ta’ sigurtà. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 622/2003 jipprovdi li l-miżuri ta’ implimentazzjoni stipulati fl-Anness għalih għandhom ikunu sigrieti, ma għandhomx ikunu ppubblikati u għandhom jitqiegħdu biss għad-dispożizzjoni ta’ persuni bl-awtorizzazzjoni dovuta minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni. Emendi sussegwenti għar-Regolament (KE) Nru 622/2003 stipulaw li din id-dispożizzjoni għandha tapplika għal emendi tali.

    (4)

    Biex ittejjeb it-trasparenza tal-miżuri ta’ implimentazzjoni li adottathom sallum skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002, il-Kummissjoni rrivediet il-miżuri fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 622/2003, kif emendat suċċessivament, fid-dawl tal-kriterji stipulati fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002. Ir-reviżjoni wriet li bosta minn dawk il-miżuri ma għandhomx għalfejn jibqgħu sigrieti, u li għaldaqstant għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    (5)

    Madankollu, jibqa’ essenzjali li jinżammu sigrieti ċerti miżuri li l-kxif tagħhom jista’ jiffaċilita l-evitar tagħhom u t-twettiq ta’ atti ta’ interferenza illegali. Miżuri bħal dawn jinkludu, b’mod partikolari, ċerti proċeduri dettaljati, u eżenzjonijiet minnhom, rigward it-tgħarbil ta’ vetturi li jidħlu f’żoni ristretti ta’ sigurtà, it-tiftix ta’ l-inġenji ta’ l-ajru u tal-passiġġieri, it-trattament ta’ passiġġieri li jikkawżaw disturb, it-tgħarbil ta’ bagalji ta’ l-istiva mhux akkumpanjati u ta’ bagalji ta’ l-istiva bl-użu ta’ Sistemi għar-Rilevament ta’ l-Isplussivi u l-kontroll tal-merkanzija u l-posta, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-tagħmir ta’ tgħarbil. Dawn il-miżuri għandhom ikunu adottati separatament, permezz ta’ deċiżjoni indirizzata lill-Istati Membri kollha.

    (6)

    Fid-dawl ta’ valutazzjoni tar-riskju lokali, għandha tkun permessa distinzjoni bejn ajruporti differenti. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa bl-ajruporti li huma kkunsidrati li jippreżentaw riskju iżgħar.

    (7)

    Għandhom jiġu permessi wkoll miżuri ta’ l-implimentazzjoni li jvarjaw skond it-tip ta’ l-attività tat-titjir. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tiġi mgħarrfa meta jiġu applikati miżuri kumpensatorji sabiex jiġu żgurati l-livelli ekwivalenti tas-sigurtà.

    (8)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni Ċivili,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-għan

    Dan ir-Regolament jistipula miżuri għall-implimentazzjoni u l-adattament tekniku ta’ l-istandards bażiċi komuni li jirrigwardaw is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni li għandhom jiddaħħlu fil-programmi nazzjonali tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom jgħoddu t-tifsiriet li ġejjin:

    “Programm nazzjonali tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili” għandu jfisser ir-regolamenti, il-prattiki u l-proċeduri adottati mill-Istati Membri skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002, biex jiżguraw is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili fit-territorju tagħhom,

    “Awtorità xierqa” għandha tfisser l-awtorità nazzjonali ddeżinjata minn Stat Membru skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002 biex tkun responsabbli għall-koordinament u l-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili.

    Artikolu 3

    Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 huma stipulati fl-Anness.

    Artikolu 4

    Metodi u proċessi tekniċi ġodda

    1.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu metodu jew proċess tekniku għall-kontrolli tas-sigurtà li jintuża minflok dawk stipulati fl-Anness, bil-kundizzjoni li:

    (a)

    ikun qed jintuża għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ mod ġdid kif jitwettaq il-kontroll ikkonċernat, u

    (b)

    mhuwiex sejjer jaffettwa ħażin il-livell globali ta’ sigurtà li jintlaħaq.

    2.   Talanqas erba’ xhur qabel ma jkun ippjanat li jiddaħħal, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-miktub dwar il-metodu jew il-proċess li jkun biħsiebu jsegwi, filwaqt li jinkludi valutazzjoni ta’ kif sejjer jiggarantixxi li l-applikazzjoni tal-metodu jew il-proċess il-ġdid sejjer jissodisfa r-rekwiżit tal-punt (b) tal-paragrafu 1. In-notifika għandu jkun fiha wkoll informazzjoni dettaljata dwar il-lokazzjoni(jiet) fejn se jintuża l-metodu jew il-proċess u t-tul previst tal-perjodu ta’ valutazzjoni.

    3.   Jekk il-Kummissjoni lill-Istat Membru tagħtih risposta pożittiva, jew jekk ma tasal l-ebda risposta fi żmien tliet xhur mill-wasla tat-talba bil-miktub, l-Istat Membru jkun jista’ jippermetti li jiddaħħal il-metodu jew il-proċess il-ġdid.

    Jekk il-Kummissjoni ma tkunx sodisfatta li l-metodu jew il-proċess il-ġdid propost jipprovdi biżżejjed garanziji li l-livell globali tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni sejjer jinżamm fil-Komunità, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru b’dan fi żmien tliet xhur mill-wasla tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2, filwaqt li tispjega t-tħassib tagħha. F’tali ċirkustanza, l-Istat Membru kkonċernat ma għandux jibda bil-metodu jew il-proċess sakemm ma jkunx issodisfa lill-Kummissjoni.

    4.   Il-perjodu massimu ta’ valutazzjoni għal kull metodu jew proċess tekniku għandu jkun 18-il xahar. Il-Kummissjoni tista’ testendi l-perjodu ta’ valutazzjoni b’massimu ta’ 12-il xahar ieħor, bil-kundizzjoni li l-Istat Membru jipprovdi ġustifikazzjoni adegwata għall-estensjoni.

    5.   F’intervalli ta’ mhux aktar minn 6 xhur matul il-perjodu ta’ valutazzjoni, l-awtorità xierqa fl-Istat Membru kkonċernat għandha tagħti lill-Kummisjsoni rapport dwar il-progress li jkun sar fil-valutazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar ir-riżultati tar-rapport dwar il-progress.

    6.   L-ebda perjodu ta’ valutazzjoni ma għandu jkun itwal minn 30 xahar.

    Artikolu 5

    Notifika

    L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-ajruporti kollha li fir-rigward tagħhom ħadu l-opportunità ta’ l-għażla permessa jew taħt il-punt (a) jew il-punt (c) ta’ l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002.

    Artikolu 6

    Miżuri kumpensatorji

    L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miktub dwar il-miżuri kumpensatorji li jkunu applikati skond il-punt 4.2 ta’ l-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2320/2002.

    Artikolu 7

    Ir-Regolament (KE) Nru 622/2003 huwa rrevokat.

    Artikolu 8

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Awwissu 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Antonio TAJANI

    Viċi President


    (1)  ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 849/2004 (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 1).

    (2)  ĠU L 89, 5.4.2003, p. 9. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 358/2008 (ĠU L 111, 23.4.2008, p. 5).


    ANNESS (1)

    1.   DEFINIZZJONIJIET

    Flimkien mad-definizzjonijiet stipulati fl-anness tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1.1.

    “A.C.A.M.S” tfisser Sistema ta’ Kontroll ta’ l-Aċċess u tal-Monitoraġġ ta’ l-Allarm li għandha tikkontrolla elettronikament l-aċċess għall-bibien, gradi u punti tad-dħul oħra li jwasslu direttament jew indirettament għal żoni ristretti ta’ sigurtà, u li għandha tallarma lill-awtorità rilevanti meta jseħħ dħul mhux awtorizzat;

    1.2.

    “Utent ta’ ajruport” tfisser kwalunkwe persuna naturali jew ġuridika responsabbli għall-ġarr tal-passiġġieri, posta u/jew merkanzija bl-ajru minn, jew lejn, l-ajruport ikkonċernat, kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE (2);

    1.3.

    “Ground handling” tfisser is-servizzi pprovduti għall-utenti ta’ l-ajruporti fl-ajruporti kif deskritt fl-Anness għad-Direttiva 96/67/KE;

    1.4.

    “trasportatur ta’ l-ajru” tfisser impriża tat-trasport bl-ajru b’liċenzja valida għall-operat, li tkun attiva f’operazzjonijiet bl-ajru.

    1.5.

    “Service Panel” tfisser punt estern ta’ aċċess għal inġenju ta’ l-ajru li jintuża għall-forniment ta’ servizzi fuq l-inġenji ta’ l-ajru; punti ta’ dan it-tip jinkludu l-konnessjonijiet fuq l-art ta’ l-ilma, tat-tojlits u ta’ l-elettriku u kompartiemtni oħra tas-servizz li jkollhom panewijiet esterni li jagħlqu bi klipp;

    1.6.

    “Inġenju ta’ l-ajru li mhux fis-servizz” tfisser inġenju ta’ l-ajru li huwa pparkjat għal perjodu ta’ aktar minn 12-il siegħa jew li mhux taħt biżżejjed sorveljanza biex jinqabdu każijiet ta’ aċċess mhux awtorizzat.

    2.   SIGURTÀ FL-AJRUPORT

    2.1.   Rekwiżiti ta’ Ppjanar fl-Ajruport

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    2.2.   Kontroll ta’ l-Aċċess

    2.2.1.   Żoni ristretti ta’ sigurtà u Żoni Airside Oħrajn

    1.

    L-awtorità rilevanti għandha tiżgura li l-aċċess għal żoni ristretti ta’ sigurtà jkun ikkontrollat:

    Fejn żoni mhux ristretti ta’ sigurtà li jkunu maġenb, u jippermettu aċċess għal, żoni ristretti ta’ sigurtà, għandhom jiġu stabbiliti konfini u kontrolli li jippermettu r-rilevament ta’ aċċess mhux awtorizzat u biex jittieħdu miżuri xierqa.

    2.

    L-awtorità rilevanti li tawtorizza l-aċċess għal żoni ristretti ta’ sigurtà għandha tiżgura li l-istaff kollha b’aċċess għal dawn iż-żoni jeżegwixxi miżuri stretti tal-kontroll ta’ l-aċċess. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu:

    (a)

    persunal b’identifikazzjoni ta’ l-ajruport għall-aċċess għal żoni ristretti ta’ sigurtà għandhom ikunu familjari mal-forom ta’ identifikazzjoni maħruġa mill-ajruport u dawk approvati iżda li ma jinħarġux mill-ajruport, u fejn dawn ikunu validi għall-aċċess għal żoni ristretti ta’ sigurtà;

    (b)

    il-membri tal-persunal għandhom iwaqqfu jew jirrappurtaw lill-awtorità rilevanti l-persuni kollha f’żoni ristretti ta’ sigurtà li ma jurux identifikazzjoni valida;

    (ċ)

    il-membri tal-persunal għandhom iwaqqfu jew jirrappurtaw lill-awtorità rilevanti l-vetturi kollha mhux awtorizzati li jaraw f’żoni ristretti ta’ sigurtà.

    3.

    L-awtorità rilevanti fil-programm nazzjonali tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili għandha tiżgura li l-karti ta’ l-identifikazzjoni fl-ajruporti li jippermettu l-aċċess għal żoni ristretti ta’ sigurtà jkunu kkontrollati kif ġej:

    (a)

    il-karti ta’ l-identità fl-ajruport għandhom jillimitaw l-aċċess tal-persunal għal dawk iż-żoni skond kif meħtieġ għal xogħolhom biss;

    (b)

    malli jintemm jew jinbidel l-istatus tax-xogħol ta’ impjegat, il-karta ta’ l-identità tiegħu tiegħu fl-ajruport għandha tintradd lura lill-awtorità ta’ l-ajruport u tinqered;

    (ċ)

    id-detentur jeħtieġlu jinforma immedjatament lil min iħaddmu u lill-awtorità li toħroġ il-karta dwar it-telfien jew is-serq tal-karta ta’ identità fl-ajruport. Wara n-notifika il-karta ta’ identità fl-ajruport għandha tiġi invalidata minnufih.

    4.

    L-awtorità xierqa għandha tiżgura li l-bibien ta’ aċċess li jintużaw għal skopijiet ta’ żbark biss, li jippermettu l-aċċess għar-rampa jew żoni ristretti ta’ sigurtà għandhom jibqgħu miftuħin biss matul il-proċess ta’ żbark.

    5.

    Il-punti ta’ kontroll fejn isir it-tgħarbil tas-sigurtà għandhom jitħarsu minn gwardji jew tagħmir ta’ sorveljanza adegwat, għad-deterrenza u l-prevenzjoni ta’ dgħajfien tas-sigurtà fil-punti ta’ kontroll għas-sigurtà tad-dħul u ħruġ, u biex il-protezzjoni tiġi estiża għall-persunal involut fil-proċess ta’ tgħarbil.

    6.

    Materjali maħżuna f’żoni ristretti tas-sigurtà u f’żoni airside oħra li jintużaw għall-finijiet ta’ l-ipproċessar tal-passiġġieri u tal-bagalji għandhom ikunu protetti, jew ikunu taħt is-sorveljanza l-ħin kollu biex ma jitħalliex li jkun hemm aċċess mhux awtorizzat. Il-materjali mormija għandhom jinqerdu biex ikun żgurat li ma jintużawx minn persuni mhux awtorizzati.

    Sistemi għall-kontroll tat-tluq u sistemi għaċ-check in fl-ajruporti għandhom ikunu kkontrollati biex ma jitħalliex li jkun hemm aċċess mhux awtorizzat.

    Iċ-check-in magħmul mill-passiġġier innifsu u alternattivi applikabbli ta’ l-internet għall-użu mill-passiġġieri għandhom jitqiesu bħala aċċess għal tali materjali jew sistemi.

    2.2.2.   Żoni tat-Terminal

    Ir-rekwiżiti stipulati fil-punt 2.2.1.6 għandhom japplikaw ukoll għaż-żoni tat-terminal li huma miftuħa għall-pubbliku.

    2.2.3.   Żoni Pubbliċi Oħra

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    2.3.   Tgħarbil ta’ staff, oġġetti fuq il-persuna u vetturi

    2.3.1.   Tgħarbil tal-persunal u l-oġġetti ttrasportati

    Il-persunal tas-sigurtà jista jirrifjuta d-dħul f’żona ristretta ta’ sigurtà lil kwalunkwe membru tal-persunal li jkollu fuqu oġġett li jikkawża tħassib.

    2.3.2.   Tgħarbil ta’ vetturi

    1.

    Il-vetturi għandhom ikunu eżaminati biex ikunu rilevati oġġetti pprojbiti u persuni mhux awtorizzati.

    2.

    Is-sewwieq jew kull okkupant ieħor tal-vettura ma għandux ikun fil-vettura meta jsir l-eżami.

    2.3.3.   Proċeduri ta’ sikurezza għall-provvisti ta’ likwidi u boroż li juru kull tbagħbis

    Id-dispożizzjonijiet ġenerali

    1.

    “Provvisti ta’ likwidi” għandhom jiġu kkunsidrati bħala likwidi għall-bejgħ fi ħwienet li jinstabu jew f’żona airside lil hinn mill-punt fejn jiġu kkontrollati l-karti ta’ l-imbarkazzjoni jew f’żona ristretta ta’ siġurtà, mill-ewwel ilqugħ tagħhom fl-airside sa meta jaslu fil-ħwienet bħal dawn.

    2.

    “Provvisti ta boroż li juru kull tbagħbis” għandhom ikunu kkunsidrati bħala boroż li juru kull tbagħbis li jinsabu f’żona airside lil hinn mill-punt fejn jiġu kkontrollati il-karti ta’ l-imbarkazzjoni, mill-ewwel ilqugħ tagħhom fl-airside sa l-użu finali tagħhom.

    Kontrolli tal-provvisti

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    Il-fornitur magħruf

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    Boroż li juru kull tbagħbis

    3.

    Il-provvisti ta’ boroż li juru kull tbagħbis għandhom jintbagħtu f’pakketti li juru kull tbagħbis lil ħwienet li jinstabu f’żona airside lil hinn mill-punt fejn jiġu kkontrollati l-karti ta’ l-imbarkazzjoni.

    4.

    Wara li jaslu fi ħwienet bħal dawn u sa l-użu finali tagħhom, il-provvisti ta’ boroż li juru kull tbagħbis għandhom jitħarsu minn intereferenza mhux awtorizzata.

    2.4   Sigurtà fiżika u għassa mobbli

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    3.   SIGURTÀ TA’ L-INĠENJI TA’ L-AJRU

    3.1.   Tiftix u kontroll ta’ l-inġenji ta’ l-ajru

    It-trasportatur bl-ajru għandu jiżgura li l-persunali jwettaq tiftix u kontrolli ta’ sigurtà fuq l-inġenji ta’ l-ajru jkun familjari mat-tip ta’ inġenju ta’ l-ajru li jkun qed jiġi kkontrollat u li jkun ġie mħarreġ biżżejjed fit-twettiq ta’ attivitajiet bħal dawn.

    3.1.1.   Kontroll tas-sigurtà ta’ l-inġenji ta’ l-ajru

    Malli jitlesta l-kontroll tas-sigurtà fuq inġenju ta’ l-ajru, għandu jinżamm reġistru mit-trasportatur ta’ l-ajru għal 24 siegħa jew kemm iddum it-titjira, skond liema jkun l-itwal.

    3.1.2.   Tiftix tas-sigurtà fuq l-inġenji ta’ l-ajru

    1.

    Malli titlesta t-tiftixa tas-sigurtà fuq inġenju ta’ l-ajru, għandu jinżamm reġistru mit-trasportatur ta’ l-ajru għal 24 siegħa jew kemm iddum it-titjira, skond liema jkun l-itwal perjodu.

    2.

    Tiftix tas-sigurtà fuq l-inġenji ta’ l-ajru għandu jsir f’kabina ta’ l-inġenju vojta.

    3.2.   Protezzjoni ta’ l-inġenju ta’ l-ajru

    It-trasportatur bl-ajru għandu jkun responsabbli għall-istabbiliment tal-protezzjoni ta’ l-inġenji ta’ l-ajru tiegħu.

    4.   PASSIĠĠIERI U BAGALJI TAL-KABINA

    4.1.   Tgħarbil tal-Passiġġieri

    4.1.1.   Oġġetti pprojbiti

    1.   Il-passiġġieri mhumiex permessi jdaħħlu l-oġġetti li ġejjin fiż-żona ristretta tas-sigurtà u fil-kabina ta’ l-ajruplan:

    a)   Pistoli, armi tan-nar u armi

    Kwalunkwe oġġett li jista’, jew li jidher li jista’, jispara projettili jew li jikkawża ġrieħi, inklużi:

    L-armi tan-nar kollha (pistoli, revolvers, xkubetti, snieter, eċċ.)

    Repliki u imitazzjonijiet ta’ armi tan-nar

    Partijiet komponenti ta’ armi tan-nar, (esklużi t-trombi teleskopiċi ta’ avvistament u għajnuniet għall-mira)

    Pistoli u xkubetti ta’ l-arja u pistoli tal-pellets

    Pistoli tas-sinjalar (flares)

    Pistoli tat-tlielaq

    L-armi tan-nar tal-logħob kollha

    Armi tan-nar li jisparaw il-ball bearings

    Pistoli industrijali tal-boltijiet u ta’ l-imsiemer

    Balestri

    Katapulti

    Ħarpuni u froxxni

    Tagħmir għall-qtil uman ta’ l-annimali

    Tagħmir għall-istordiment jew l-ixxukkjar (eż. niggieża elettriċi għall-bhejjem, armi ballistiċi li jwasslu l-enerġija (taser))

    Lajters f’forma ta’ arma tan-nar

    b)   Armi ppuntati bix-xifer jaqta u Oġġetti jaqtgħu

    Oġġetti ppuntati jew b’xafra li jistgħu jikkawżaw ġrieħi, fosthom:

    Imnanar u mannaretti

    Vleġeġ u darts

    Ganċijiet

    Ħarpuni u lanez

    Fisien u baqquni tas-silġ

    Skejz tas-silġ

    Imwies li jissakkru jew li jisparaw ’il barra bi xfafar ta’ kwalunkwe tul

    Skieken, inklużi skieken ċerimonjali, bi xfafar ta’ aktar minn 6 ċm, magħmula minn metall jew kwalunkwe materjal li hu b’saħħtu biżżejjed biex jintuża bħala arma potenzjali.

    Skieken tal-biċċiera

    Machetes

    Imwies u xfafar miftuħa (esklużi l-imwies tal-leħja ta’ sikurezza jew li jintremew, li x-xfafar tagħhom ikunu magħluqa)

    Xwabel u lasti bix-xwabel fuqhom

    Skieken ta’ l-operazzjonijiet

    Imqassijiet bi xfafar ta’ aktar minn 6 ċm tul

    Arbli ta’ l-iskijjar u tal-mixi

    Stilel tat-tfigħ

    Għodod tas-sengħa li jistgħu jintużaw bħala arma bil-ponta jew arma li taqta’ eż. brejsijiet u golji, xfafar tal-karti, xfafar, kull tip ta’ sega, turnaviti, skalpellini, mrietel, tnalji, spaners, blow torches.

    ċ)   Strumenti mhux bil-ponta/li ma jaqtgħux

    Kwalunkwe strument mhux bil-ponta/li ma jaqtax, iżda li jista’ jikkawża ġrieħi, inklużi:

    Mazez tal-baseball u tas-softball

    Mazez jew bsaten – riġidi jew flessibbli – eż Billy clubs, blackjacks, night sticks u bsaten

    Mazez tal-krikit

    Mazez tal-golf

    Mazez tal-ħoki

    Mazez tal-Lacrosse

    Imqadef tal-kajak u tal-kanu

    Skejtbords

    Lasti tal-biljard u tas-snooker

    Qasab tas-sajd

    Apparat ta’ l-arti marzjali eż. knuckle dusters, mazez, coshes, rice flails, num chucks, kubatons, kubasaunts

    d)   Splussivi u sustanzi li jieħdu n-nar

    Kwalunkwe sustanzi splussivi jew li faċli jieħdu n-nar li huma ta’ riskju għas-saħħa tal-passiġġieri u l-ekwipaġġ jew is-sigurtà / sikurezza ta’ l-inġenju ta’ l-ajru jew tal-proprjetà, fosthom:

    Munizzjon

    Mezzi detonaturi

    Detonaturi u niċeċ

    Splussivi u tagħmir splussiv

    Repliki jew imitazzjonijiet ta’ tagħmir jew materjal splussiv

    Mini u mħażen militari splussivi oħra

    Granati ta’ kull tip

    Gass u kontenituri tal-gass (eż. butejn, propejn, aċitilena, ossiġnu) f’volumi kbar

    Logħob tan-nar, flares (fi kwalunkwe forma) u oġġetti pirotekniċi oħra (inklużi l-party poppers u l-faqqaturi tal-logħob)

    Sulfarini mhux tas-sikurezza

    Bottijiet jew skrataċ li jiġġeneraw id-duħħan

    Fjuwil likwidu li jaqbad (eż. Petrol/gażolina, diżil, likwidu tal-lajters, alkoħol, etanol)

    Żebgħa ta’ l-isprej fil-bottijiet

    Terpentina u żejt taż-żebgħa

    Xorb alkoħoliku li jaqbeż is-70 % tal-volum (140 % proof)

    e)   Sustanzi kimiċi u tossiċi

    Kwalunkwe sustanzi kimiċi jew tossiċi li jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa tal-passiġġieri u l-ekwipaġġ jew għas-sigurtà jew sikurezza ta’ l-inġenju ta’ l-ajru jew il-proprjetà, fosthom:

    Aċidi u Alkali eż. (batteriji “mxarrbin” li jista’ joħroġ il-likwidu minnhom)

    Sustanzi korrożivi jew li jqaxxru (eż. merkurju, klorin)

    Sprejs li jiddiżabilitaw jew li jinkapaċitaw (eż. mace jew sprej tal-bżar, gass tad-dmugħ)

    Materjal radjuattiv (eż iżotopi mediċinali jew kummerċjali)

    Veleni

    Materjal infettuż jew bijoloġikament perikoluż (eż demm infettat, batterji u vajrusis)

    Materjal li jista’ jieħu n-nar jew jaqbad waħdu.

    Ċilindri tat-tifi tan-nar

    f)   Likwidi

    Likwidi, sakemm mhux f’kontenituri individwali b’kapaċità ta’ mhux aktar minn 100 millilitru jew ekwivalenti u li jinsabu f’borża tal-plastik trasparenti u li tista’ tiġi ssiġillata b’kapaċità ta’ mhux aktar minn 1 litru. Il-kontenuti tal-borża tal-plastik għandhom joqogħdu faċilment fiha u l-borża għandha tkun kompletament magħluqa. Likwidi inklużi ġels, pejsts, sustanzi tad-dlik, taħlitiet ta’ likwidi/solidi u l-kontenuti ta’ kontenituri taħt pressjoni eż, toothpaste, ġel tax-xagħar, xorb, sopop, xiroppi, fwieħa, fowm tal-leħja, bottijiet ta’ l-isprej u oġġetti oħra ta’ konsistenza simili.

    Jistgħu jingħataw eżenzjonijiet jekk il-likwidu huwa:

    (1)

    biex jintuża matul il-vjaġġ u huwa meħtieġ għall-raġunijiet mediċi inkella bħala rekwiżit djetetiku speċjali, inkluż l-ikel tat-trabi. Meta jintalab jagħmel dan, il-passiġġier għandu jagħti prova ta’ l-awtentiċità tal-likwidu eżentat; jew

    (2)

    jinxtara fuq in-naħa “airside”, lil hinn mill-punt fejn jiġu kkontrollati tal-karti tat-tlugħ, minn ħwienet li huma soġġetti għall-proċeduri approvati tas-sigurtà bħala parti mill-programm tas-sigurtà ta’ l-ajruport, bil-kundizzjoni li l-likwidu jkun ippakkjat f’borża li turi li ma ġietx imbagħbsa u li juri biżżejjed provi li jkun inxtara mill-ajruport dakinhar; jew

    (3)

    jinkiseb fiż-żona ristretta tas-sigurtà minn ħwienet li huma soġġetti għall-proċeduri approvati tas-sigurtà bħala parti mill-programm tas-sigurtà fl-ajruport; jew

    (4)

    miksub minn ajruport ieħor tal-Komunità, bil-kundizzjoni li l-likwidu jkun ippakkjat f’borża li turi li ma ġietx imbagħbsa u li juri biżżejjed provi li jkun inxtara mill-ajruport fin-naħa “airside” dakinhar; jew

    (5)

    miksub minn fuq ajruplan ta’ trasportatur ta’ l-ajru tal-Komunità, bil-kundizzjoni li l-likwidu jkun ippakkjat f’borża li turi li ma ġietx imbagħbsa u li juri biżżejjed provi li jkun inxtara minn dak l-ajruplan dakinhar; jew

    (6)

    miksuba minn ħwienet li jinsabu f’żona airside lil hinn mill-punt fejn jiġu kkontrollati l-karti ta’ l-imbarkazzjoni jew f’żona ristretta ta’ sigurtà f’ajruport li jinstab f’pajjiż terz elenkat fid-Dokument Mehmuż 1. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament KE) Nru 2320/2002, li tinkludi fid-Dokument Mehmuż 1 ajruport ta’ pajjiż terz, sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    il-pajjiż terz għandu rapport tajjeb ta’ kooperazzjoni mal-Komunità u l-Istati Membri tagħha; u

    il-Kummissjoni rikonoxxiet wara verifika li:

    (a)

    il-pajjiż terz japplika standards sodisfaċenti ta’ sigurtà fl-avjazzjoni; u

    (b)

    fl-ajruport jiġu applikati miżuri ta’ sigurtà li jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-punt 2.3.3 ta’ dan l-Anness u l-paragrafu 2.3.6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Awwissu 2008 (3); u

    (ċ)

    il-linji ta’ gwida irrakkomandati għall-kontroll tas-sigurtà ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili għat-tgħarbil ta’ likwidi, gels u aerosols jiġu implimentati fl-ajruport, kif stabbilit fl-ittra ta’ l-istat ta’ l-1 ta’ Diċembru 2006 (Referenza: AS 8/11-06/100 Kunfidenzjali) u fl-ittra ta’ l-istat tat-30 ta’ Marzu 2007 (Referenza: AS 8/11-07/26 Kunfidenzjali) jew, fil-każ tal-boroż tamper-evident, speċifikazzjonijiet ekwivalenti; u

    (d)

    il-borża li f’borża li turi li ma ġietx imbagħbsa li fiha jitqiegħed il-likwidu turi prova sodisfaċenti ta’ xiri fin-naħa “airside” fl-ajruport tal-pajjiż terz matul is-sitta u tletin siegħa preċedenti.

    2.   Passiġġier jista’ jiġi eżentat mir-rekwiżiti tal-punt 4.1.1.1 bil-kundizzjoni li:

    a)

    L-awtorità xierqa tkun ġiet infurmata minn qabel u tkun qablet li l-oġġett(i) jita’ jinġarr/jistgħu jinġarru; u

    b)

    Il-kaptan ta’ l-inġenju ta’ l-ajru jkun ġie infurmat dwar il-passiġġier u dwar l-oġġett(i) ipprojbit(i) li jkun qed jinġarru minnu/ha.

    Fejn xieraq, l-oġġett(i) pprojbit(i) għandu/hom jitqiegħ/jitqiegħdu f’kundizzjonijiet sikuri.

    3.   Il-lista ta’ oġġetti pprojbiti msemmija fil-punt 4.1.1.1 u l-informazzjoni dwar l-eżenzjonijiet permess għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

    4.   L-awtorità xierqa tista’ tipprojbixxi oġġetti minbarra dawk koperti bil-punt 4.1.1.1. L-awtorità xierqa għandha tagħmel sforzi raġjonevoli biex tinforma lill-passiġġieri dwar oġġetti bħal dawn qabel ma jkunu lestew il-proċedura taċ-check in għall-bagalji ta’ l-istiva.

    5.   Sakemm ma jkunux ipprojbiti mill-punt 5.2.3.1, l-oġġetti pprojbiti mill-punti 4.1.1.1 jew 4.1.1.4 jistgħu jinġarru f’bagalji ta’ l-istiva, bil-kundizzjoni li l-passiġġieri ma jkollhom l-ebda aċċess mhux sorveljat għal bagalji bħal dawn mill-punt li fih il-bagalji jiddaħħlu fiċ-check-in sal-punt fejn jinġabru mal-wasla.

    6.   L-istaff tas-sigurtà jista’ jirrifjuta l-aċċess għal-żona ristretta tas-sigurtà u l-kabina ta’ ajruplan kwalunkwe passiġġier li jkollu fil-pussess tiegħu oġġett li ma jinsabx fil-punt 4.1.1.3 li dwaru jkunu kkonċernati.

    4.1.2.   Kalibrazzjoni tat-tagħmir fiss ta’ ditezzjoni tal-metall fuq il-persuna

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    4.1.3.   It-tgħarbil ta’ passiġġieri b’mobilità mnaqqsa.

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    4.1.4.   Dispożizzjonijiet ta’ sigurtà għal passiġġieri potenzjalment ta’ sfrattu

    1.

    Għandhom jiġu introdotti miżuri speċifiċi ta’ sigurtà għat-trasport bl-ajru tal-gruppi li ġejjin ta’ passiġġieri potenzjalment ta’ sfrattu

    a)

    Deportati:

    Persuni li tħallew jidħlu legalment fi Stat Membru mill-awtoritajiet tiegħu jew li daħlu fi Stat Membru b’mod illegali, u li f’xi stadju aktar tard ikun ġie ordnat formalment mill-Awtoritajiet biex jitlaq minn dak l-Istat Membru.

    b)

    Persuni inammissibbli:

    Persuni li d-dħul tagħhom fi Stat Membru huwa rrifjutat mill-awtoritajiet kompetenti u li qed jittieħdu lura fil-pajjiż tat-tluq tagħhom jew lejn kwalunkwe pajjiż ieħor fejn huma ammissibbli dawk il-persuni.

    ċ)

    Persuni miżmuma skond il-liġi:

    Persuni arrestati jew ikkundannati minn qorti tal-liġi, li għandhom jiġu ttrasportati.

    2.

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lit-trasportatur bl-ajru kkonċernat fi żmien xieraq, u bil-miktub, meta jkunu biħsiebhom itellgħu abbord passiġġeri potenzjalment ta’ sfrattu.

    3.

    In-notifika bil-miktub lit-trasportatur bl-ajru u lill-pilota fil-kmand għandu jkun fiha d-dettalji li ġejjin:

    l-identità tal-persuna;

    ir-raġuni għall-vjaġġ;

    l-isem u t-titlu ta’ l-iskorta/i, jekk rilevanti;

    valutazzjoni tar-riskju mill-awtoritajiet kompetenti (inklużi r-raġunijiet għall-iskorta jew nuqqas ta’ skorta);

    arranġamenti minn qabel għall-akkomodazzjoni, jekk meħtieġa; u

    in-natura tad-dokument(i) disponibbli.

    4.

    Għandhom jiġu introdotti miżuri speċifiċi ta’ sigurtà għal passiġġieri ta’ sfrattu. Passiġġieri ta’ sfrattu huma persuni li waqt li jkunu abbord inġenju ta’ l-ajru ċivili, mill-mument li jingħalaq il-bieb ta’ l-inġenju qabel it-tluq, sal-mument li fih jinfetaħ, iwettqu att ta’:

    attakk, inditimidazzjoni, theddid jew ta’ traskuraġni volontarja li jipperikola l-ordni pubblika jew is-sikurezza tal-proprjetà jew tal-persuni;

    attakk, intimidazzjoni, theddid jew indħil ma’ membru ta’ l-ekwipaġġ fil-qadi ta’ dmirijietu jew li jnaqqaslu l-kapaċità li jwettaq dmirijietu;

    traskuraġni jew ħsara volontarja lill-inġenju ta’ l-ajru, it-tagħmir tiegħu jew strutturi u tagħmir anċillari b’tali mod li jiġu pperikolati l-ordni pubblika u s-sikurezza ta’ l-inġenju ta’ l-ajru jew ta’ l-okkupanti tiegħu;

    komunikazzjoni ta’ informazzjoni li hija magħrufa bħala falza, biex b’hekk tiġi pperikolata s-sikurezza ta’ l-inġenju ta’ l-ajru matul it-titjira;

    diżubbidjenza ta’ ordnijiet jew struzzjonijiet legali għall-operat sikur, ordnat u effiċjenti.

    5.

    Persuni miżmuma legalment dejjem għandhom ikunu skurtati.

    4.2.   Separazzjoni tal-Passiġġieri

    Fil-każ li parti mill-faċilitajiet tat-terminal ta’ l-ajru li jinsabu bejn punti ta’ kontroll tas-sigurtà bit-tgħarbil u l-punt ta’ l-imbark fuq l-inġenju ta’ l-ajru jkunu ntużaw minn passiġġieri tal-wasla li ma ġewx skrinjati skond ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002, qabel ma jseħħ kwalunkwe imbark ta’ passiġġieri skrinjati għandha ssir tiftixa f’din iż-żona sabiex jiġi żgurat li ma jkunu tħallew l-ebda oġġetti pprojbiti.

    4.3.   It-tgħarbil tal-Bagalji tal-Kabina

    1.

    Il-likwidi kollha għandhom jiġu ppreżentati għall-eżaminar fil-punti tat-tgħarbil.

    2.

    Kompjuters portabbli u oġġetti elettroniċi kbar oħra għandhom jitneħħew mill-bagalji tal-kabin qabel ma jsir it-tgħarbil u jiġu skrinjati b’mod separat.

    3.

    Il-kowtijiet u l-ġkieket tal-passiġġieri għandhom jgħaddu mit-tgħarbil bħala bagalja separata tal-kabina.

    4.3.1.   It-tgħarbil tal-bagalji tal-kabina li jużaw apparat ta’ l-xray ta’ definizzjoni għolja bit-TIP installat u użat

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    4.4   It-tgħarbil ta’ Staff Diplomatiku

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    5.   BAGALJI TA’ L-ISTIVA

    5.1.   Rikonċiljazzjoni tal-Bagalji ta’ l-Istiva

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    5.2.   It-tgħarbil tal-Bagalji ta’ l-Istiva

    5.2.1.   Bagalji ta’ l-Istiva Akkumpanjati

    1.

    It-trasportatur bl-ajru għandu jiżgura li kull passiġġier jivvjaġġja fuq l-istess titjira bħall-bagalji għall-istiva li għaddew miċ-check-in. Fejn dan ma jkunx il-każ dawk il-bagalji ta’ l-istiva għandhom jitqiesu bħala bagalji mhux akkumpanjati.

    2.

    L-awtorità xierqa għandha tistipula l-proċeduri dettaljati fil-programm nazzjonali għas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili dwar kif għandu jintlaħaq l-għan tat-tgħarbil fil-każ li l-apparat tat-tgħarbil jieqaf jaħdem sew.

    5.2.2.   Bagalji ta’ l-Istiva Mhux Akkumpanjati

    Trasportatur bl-ajru li jaċċetta bagalji ta’ l-istiva mhux akkumpanjati minn trasportatur bl-ajru ieħor għandu jikseb dikjarazzjoni bil-miktub li l-kontrolli tas-sigurtà stipulati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002 twettqu għal dawn il-bagalji ta’ l-istiva qabel ma jiġu aċċettati għall-ġarr.

    5.2.3.   Oġġetti pprojbiti mill-bagalji ta’ l-istiva

    1.

    L-oġġetti li ġejjin m’għandhomx jitqiegħdu fil-bagalji ta’ l-istiva:

    Splussivi, inklużi detonaturi, niċeċ, grenati, mini u splussivi

    Gassijiet inklużi propejn u butejn

    Likwidi li jieħdu n-nar inklużi l-gażolina u l-metanol

    Solidi li jieħdu n-nar u sustanzi reattivi, inkluż il-manjeżju, lajters, logħob tan-nar u flares

    Ossidizzanti u perossidi organiċi, inkluż bliċ u kits għat-tiswija tal-karrozzerija

    Sustanzi tossiċi jew infettwużi, inkluż velenu tal-firien u demm infettat

    Materjal radjuattiv inklużi iżotopi mediċinali jew kummerċjali

    Sustanzi korrużivi, inkluż il-merkurju u batteriji tal-vetturi

    Komponenti tas-sistemi tal-karburant tal-vetturi li kien fihom il-karburant

    2.

    Il-lista ta’ oġġetti pprojbiti msemmija fil-punt 5.2.3.1 għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fl-aġenziji tat-trasportaturi bl-ajru u permezz ta’ meżżi xierqa oħra.

    3.

    L-awtorità xierqa tista’ tipprojbixxi oġġetti minbarra dawk koperti bil-punt 5.2.3.1. L-awtorità xierqa għandha tagħmel l-isforzi raġjonevoli biex tinforma lill-passiġġieri b’oġġetti bħal dawn.

    4.

    L-istaff tas-sigurtà jista’ jirrifjuta t-trasport ta’ bagalji ta’ l-istiva li jkun fihom oġġett mhux kopert mill-punt 5.2.3.1 u li dwaru jkunu kkonċernati.

    5.2.4   It-tgħarbil tal-bagalji ta’ l-istiva permezz ta’ Sistema għad-Ditezzjoni ta’ l-Isplussivi (EDS)

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    5.2.5   It-tgħarbil tal-bagalji tal-kabina li juża apparat x-ray konvenzjonali ta’ definizzjoni għolja bit-TIP installat u użat

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    5.3.   Protezzjoni tal-Bagalji ta’ l-Istiva

    1.

    L-aċċess għaż-żoni ta’ pproċessar u tal-ħżin tal-bagalji għandu jkun limitat għal dawk l-istaff bi ħtieġa operattiva li jidħol f’dawk iż-żoni. Dawn għandhom jinkludu dawk involuti fit-tagħbija, fil-ħatt u fil-protezzjoni tal-bagalji ta’ l-istiva u persuni awtorizzati mill-awtorità xierqa biex jitħallew ikollhom aċċess għaż-żoni ta’ pproċessar u ta’ ħżin.

    2.

    Il-passiġġieri jistgħu jitħallew ikollhom aċċess għall-oġġetti tagħhom tal-bagalji ta’ l-istiva skrinjati fejn dan ikun meħtieġ, bil-kundizzjoni li jiġu ssorveljati l-ħin kollu sabiex jiġi żgurat li l-ebda oġġett ipprojbit ma:

    (a)

    jiddaħħal fil-bagalji ta’ l-istiva; jew

    (b)

    jitneħħa mill-bagalji ta’ l-istiva u jitella’ fil-kabina ta’ l-inġenju ta’ l-ajru jew żona ristretta ta’ sigurtà.

    6.   TAGĦBIJA, PAKKETTI TAL-KURRIER U EKSPRESS

    6.1.   Applikazzjoni

    Għall-fini ta’ dan ir-Regolament:

    “konsenjatur akkont” tfisser konsenjatur li l-kunsinni tiegħu jistgħu jiġu identifikati pożittivament għall-ġarr esklussiv fuq inġenji ta’ l-ajru tal-merkanzija biss, kif jissemma fil-punt 6.5 ta’ l-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2320/2002.

    6.2   Kwalifiki għal Aġent Irregolat

    Nominazzjoni, approvazzjoni jew lenekar mill-awtorità xierqa

    6.2.1.

    Sabiex entità tkun nominata, approvata jew elenkata mill-awtorità xierqa bħala aġent irregolat, l-Istati Membri għandho jiżguraw li tiġi implimentata l-proċedura li ġejja:

    (a)

    L-entità għandha tapplika għand l-awtorità xierqa ta’ l-Istat Membru li fih tinsab għall-istatus ta’ aġent regolat.

    L-applikant għandu jressaq programm ta’ sigurtà lill-awtorità xierqa. Il-programm għandu jiddeskrivi l-metodi u l-proċeduri li għandu jsegwi l-aġent biex jaderixxi kemm ma’ dan ir-Regolament kif ukoll mal-programm nazzjonali ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili ta’ l-Istat Membru li fih tinsab. Il-programm għandu jiddeskrivi wkoll kif l-aderenza ma’ dawn il-metodi u proċeduri għandha tiġi sorveljata mill-aġent innifsu.

    L-applikant għandu jippreżenta wkoll dikjarazzjoni bil-miktub dwar l-impenn tiegħu li jżomm l-istandards tas-sigurtà stipulati fil-programm tiegħu u li jinnotifikaw lill-awtorità xierqa minnufih dwar kwalunkwe tibdil fil-programm tiegħu. Dan għandu jiġi ffirmat mir-rappreżentant legali jew mill-persuna rresponsabbli għas-sigurtà.

    (b)

    L-awtorità xierqa għandha teżamina l-programm tas-sigurtà sabiex tiżgura li l-miżuri tas-sigurtà stipulati fil-programm jilħqu l-istandard meħtieġ. L-awtorità xierqa mbagħad għandha tagħmel verifika fuq il-post fil-proprjetà ta’ l-applikant li tkun se tiġi koperta biex tivvaluta jekk l-applikant huwiex kapaċità jikkonforma kemm ma’ dan ir-Regolament kif ukoll mal-programm nazzjonali ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili ta’ l-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà.

    (ċ)

    Jekk l-awtorità xierqa tkun sodisfatta bl-informazzjoni pprovduta skond il-punti a) u b), tista’ taħtar, tapprova jew tleneka l-aġent bħal aġent irregolat għal siti speċifiċi.

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu 2008.

    6.2.2.

    Spezzjoni mill-awtorità xierqa fuq il-proprjetà ta’ l-aġent irregolat tista’ titqies bħala verifika fuq il-post għall-finijiet tal-punt 6.2.1(b).

    6.2.3.

    Jekk l-awtorità xierqa m’għadhiex sodisfatta li l-aġent irregolat huwa kapaċi jikkonforma kemm ma’ dan ir-Regolament kif ukoll mal-programm nazzjonali tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili, għandha tirtira l-istatus ta’ aġent irregolat.

    6.3.   Kontrolli ta’ sigurtà

    6.3.1.

    Waqt it-tgħarbil tal-merkanzija skond il-punt 6.3.1(b) ta’ l-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2320/2002, l-aġenti jew it-trasportaturi ta’ l-ajru għandhom:

    a)

    jużaw il-mezzi jew il-metodu li l-aktar li huwa probabbli li jirrileva oġġetti pprojbiti, fil-qies tan-natura tal-kunsinna; u

    b)

    jiżguraw li l-mezzi jew il-metodu użat ikun ta’ standard biżżejjed li jiżgura li l-ebda oġġett ipprojbit ma’ jkun moħbi fil-merkanzija.

    6.3.2.

    L-awtorità xierqa għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bil-mezzi l-oħrajn kollha, kif imsemmi fil-punt 6.3.1(b) taħt (iv) ta’ l-Anness għar-Regolaent (KE) Nru 2320/2002, li tippermetti għat-tgħarbil tal-merkanzija.

    6.4.   Kriterji għal Konsenjatur Magħruf

    6.4.1.

    Id-dikjarazzjoni tal-konsenjatur magħruf kif imsemmi fil-punt 6.4.1(b) ta’ l-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2320/2002 għandha ssir darba kull sena bil-miktub u bl-użu ta’ format nazzjonali standardizzat.

    Id-dikjarazzjoni għandha tinkludi ċ-ċertifika li l-kunsinni ma fihom l-ebda oġġett ipprojbit kif elenkat fil-punti (iv) u (v) tal-Hemża, kif imsemmi fil-punt 6.4.1(c) taħt (i) ta’ l-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2320/2002.

    Il-kunsenjatur magħruf għandu jieħu r-responsabbiltà kollha għad-dikjarazzjoni tiegħu.

    6.4.2.

    Meta kunsinna jkun fiha kwalunkwe oġġett ipprojbit, il-konsejatur magħruf għandu jiċċertifika bil-kitba, fi kwalunkwe waqt, lill-aġent regolat jew lit-trasportatur ta’ l-ajru li kunsinna fiha dawk l-oġġetti.

    6.4.3.

    Jekk il-konsenjatarju magħruf ma jkunx għadu jista’ jikkonforma ruħu ma’ dan l-obbligu, l-istatus tal-konsejatur magħruf għandu jkun irtirat mill-awtorità xierqa jew mill-aġent regolat jew mit-trasportatur ta’ l-ajru responsabbli għall-validazzjoni.

    6.5.   Ġarr fuq inġenji ta’ l-ajru esklussivament għall-ġarr tal-merkanzija

    6.5.1.

    Biex aġent regolat jew trasportatur ta’ l-ajru jiddeżinjaw entità bħala konsenjatur akkunt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun implimentata l-proċedura li ġejja:

    (a)

    L-entità għandha tissottometti dikjarazzjoni ffirmata ta’ impenji, li fiha tiddikjara li hija:

    tikkonferma r-riċevuta ta’ struzjonjiet nazzjonali dwar is-sigurtà ta’ l-artijiet u l-bini, tal-persunal u tat-trasport;

    tiżgura li l-istruzzjonijiet nazzjonali dwar is-sigurtà jkunu kkomunikati lill-persunal li jaħdem fl-artijiet u l-bini tagħha;

    iżżomm il-merkanzija fis-sigurtà sakemm tingħadda f’idejn l-aġent regolat jew it-trasportatur ta’ l-ajru;

    taċċetta li l-kunsinni jkunu jistgħu jkunu suġġetti għal-kontrolli tas-sigurtà, inkluż it-tgħarbil; u

    taċċetta spezzjonijiet bla avviż minn qabel min-naħa ta’ l-awtorità xierqa fl-artijiet u l-bini tagħha biex ikun eżaminat jekk il-konsenjatur akkont jikkonformax ma’ l-istruzzjonijiet nazzjonali;

    l-entità għandha tiddeżinja talanqas persuna waħda responsabbli għas-sigurtà fl-artijiet u l-bini tagħha u għandha tinforma lill-aġent regolat jew lit-trasportatur ta’ l-ajru bl-isem u bid-dettalji ta’ kuntatt ta’ din il-persuna.

    (b)

    L-aġent regolat jew it-trasportatur ta’ l-ajru għandhom jistabbilixxu d-dettalji li ġejjin ta’ l-entità:

    id-dettalji tal-kumpanija, inklu l-indirizz kemmerċjali bona fide;

    in-natura ta’ l-azjenda;

    id-dettalji ta’ kuntatt, inklużi dawk tal-persuna/i responsabbli għas-sigurtà;

    in-numru ta’ referenza tal-Vat jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija; u

    l-kont bankarju.

    (ċ)

    Jekk l-aġent regolat jew it-trasportatur ta’ l-ajru jkun sodisfatt bl-informazzjoni pprovduta skond il-punti a) u b), l-entità tista’ tkun deżijata bħala konsenjatur akkont.

    6.5.2.

    L-aġent regolat jew it-trasportatur ta’ l-ajru għandu jżomm database bl-informazzjoni msemmija fil-punt 6.5.1(b). Id-database għandu jkun disponibbli għal-ispezzjoni min-naħa ta’ l-awtorità xierqa.

    6.5.3.

    Jekk l-aġent regolat jew it-trasportatur ta’ l-ajru ma jibqax sodisfatt li l-konsenjatarju akkont jista’ jikkonforma ma’ l-istruzzjonijiet nazzjonali, għandu jirtiralu l-istatus ta’ konsenjatur akkont.

    7.   POSTA

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    8.   POSTA U MATERJALI TAT-TRASPORTATUR BL-AJRU

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    9.   STOKKIJIET U PROVVISTI TAL-CATERING TAT-TRASPORTATUR BL-AJRU

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    10.   STOKKIJIET U PROVVISTI TAT-TINDIF TAT-TRASPORTATUR BL-AJRU

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    11.   AVJAZZJONI ĠENERALI

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    12.   REKLUTAĠĠ U TAĦRIĠ TAL-PERSUNAL

    12.1.   Programm Nazzjonali ta’ Taħriġ fis-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni

    Il-programm nazzjonali ta’ taħriġ fis-sigurtà ta’ l-avjazzjoni għandu jinkludi rekwiżiti ta’ taħriġ għat-trattament ta’ passiġġieri ta’ sfrattu.

    12.2.   Persunal tas-Sigurtà

    12.2.1.   Il-Ġestjoni tas-Sigurtà tat-Trasportatur bl-Ajru u ta’ l-Ajruport.

    1.

    L-awtorità xierqa għandha tiżgura li kull ajruport Komunitarju u trasportatur bl-ajru għandu jkollu sistemi kkwalifikati kif jixraq għall-ġestjoni tas-sigurtà. L-awtorità rilevanti għandha tiżgura li jkun hemm organizzazzjoni adegwata tal-ġestjoni tas-sigurtà. Maniġers ta’ livell għoli li huma responsabbli għall-konformità tat-trasportaturi jew ta’ l-ajruporti man-normi tas-sigurtà għandhom ikollhom il-livelli xierqa ta’ kwalifiki, għarfien u esperjenza, li għandhom jinkludu:

    (a)

    esperjenza fl-operazzjonijiet tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni; jew

    (b)

    esperjenza minn oqsma oħra rrelatati mas-sigurtà, bħall-infurzar tal-liġi, il-militar jew oħrajn; u

    (ċ)

    ċertifikazzjoni jew approvazzjoni ekwivalenti mill-awtorità rilevanti; u

    (d)

    għarfien fl-oqsma li ġejjin:

    is-sistemi ta’ sigurtà u l-kontroll ta’ l-aċċess;

    is-sigurtà fuq l-art u matul it-titjira;

    armi u oġġetti pprojbiti;

    għarfien ġenerali dwar it-terroriżmu.

    12.3   Persunal ieħor

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

    13.   SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI GĦAT-TAGĦMIR TAT-TGĦARBIL

    L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.


    (1)  Dan l-Anness isegwi l-istess struttura u numerazzjoni bħall-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2320/2002. Fejn dan ir-Regolament ma jipprovdi l-ebda dispożizzjoni għall-implimentazzjoni jew l-adattament tekniku ta’ l-istandards bażiċi komuni, dan ikun indikat espliċitament taħt l-intestatura korrispondenti.

    (2)  ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36.

    (3)  Id-Deċiżjoni għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    Anness 1

    Ajruport(i) li minnhom jitilqu t-titjiriet lejn ajruporti fil-Komunità:

    L-ajruport ta’ Singapore (SIN)

    Il-Kroazja:

    L-ajruport ta’ Dubrovnik (DBV)

    L-ajruport ta’ Rijeka (RJK)

    L-ajruport ta’ Pula (PUY)

    L-ajruport ta’ Split (SPU)

    L-ajruport ta’ Zadar (ZAD)

    L-ajruport ta’ Zagreb (ZAG)


    Top