EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0696

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 696/2008 tat- 23 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 dwar l-estensjoni għal min mhux membru ta’ ċerti regoli addottati mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tas-sajd (Verżjoni kodifikata)

ĠU L 195, 24.7.2008, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1420

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/696/oj

24.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 195/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 696/2008

tat-23 ta' Lulju 2008

li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 dwar l-estensjoni għal min mhux membru ta’ ċerti regoli addottati mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tas-sajd

(Verżjoni kodifikata)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkusidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta’ Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tas-sajd u tal-prodotti ta’ l-akwakultura (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(10) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1886/2000 tas-6 ta’ Settembru 2000 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 dwar l-estensjoni għal min mhux membru ta’ ċerti regoli addottati mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tas-sajd (2) ġie emendat (3) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Huwa meħtieġ illi jiġu definiti kriterji sabiex jiġi stmat il-grad tar-rappreżentanza ta’ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fil-qasam tal-qabda li r-regoli tagħhom huma proposti li jiġu estiżi għal min mhux membru. Dawn il-kriterji għandhom jinkludu kemm il-proporzjon tal-kwantitajiet totali kummerċjalizzati ta’ l-ispeċi kkonċernata meqjusa mill-membri ta’ l-organizzazzjoni u l-proporzjon tas-sajjieda fis-settur involut li huma membri ta’ l-organizzazzjoni. Huwa wkoll meħtieġ li jkunu definiti kriterji speċifiċi fis-settur ta' l-akwakultura fejn għandha x’taqsam ir-rappreżentanza.

(3)

Sabiex tiġi armonizzata l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, għandhom jiġu definiti r-regoli tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni li jistgħu jiġu estiżi għal min mhux membru fis-setturi tal-qabda u ta’ l-akwakultura. Għall-istess għan, għandu jiġi speċifikat l-istadju li għalih japplikaw dawn ir-regoli estiżi.

(4)

Għandu jiġi stabbilit perijodu minimu sabiex jiġu applikati r-regoli fil-kwistjoni sabiex tinżamm ċerta stabbilità fil-kondizzjonijiet li fuqhom ikunu kummerċjalizzati l-prodotti tas-sajd.

(5)

L-Istati Membru li jiddeċiedu li jagħmlu obbligatorji r-regoli addottati minn organizazzjoni tal-produtturi huma obbligati li jissottomettuhom lill-Kummissjoni għal eżami. Huwa għalhekk meħtieġ illi jiġi speċifikat liema informazzjoni għandha tintbagħat lill-Kummissjoni.

(6)

Huwa meħtieġ illi l-Istati Membri u l-Kummissjoni jippubblikaw l-informazzjoni dwar l-estensjoni tar-regoli li jista’ jaffettwa lis-settur.

(7)

Kull emenda għar-regoli estiżi għal min mhux membru għandha tkun suġġetta għall-istess ħtiġijiet ta' notifika lill-Kummissjoni u ta' pubblikazzjoni bħall-estensjoni oriġinali.

(8)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-Prodotti tas-Sajd,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-attivitajiet tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ organizzazzjoni tal-produtturi fis-settur tal-qabda għandhom ikunu kkunsidrati bħala rappreżentati b’mod suffiċjenti fil-qasam li fiha huwa propost li jkunu estiżi r-regoli jekk:

(a)

il-kummerċjalizzazzjoni mill-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-membri tagħha ta’ l-ispeċi li għalihom ir-regoli jkunu japplikaw, tkun tammonta għal aktar minn 65 % in-ġenerali tal-kwantitajiet kummerċjalizzati, u

(b)

in-numru ta’ sajjieda li jkun hemm abbord bastimenti mħaddma mill-membri ta’ l-organizzazzjoni tal-produtturi ikun aktar minn 50 % tan-numru totali ta’ sajjieda stabbiliti fil-qasam li għaliha jkunu japplikaw ir-regoli li jistgħu jiġu estiżi.

2.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1(a), għandhom ikunu kkunsidrati l-kwantitajiet kummerċjalizzati matul is-sena tas-suq ta’ qabel.

3.   Għall-għan li jkun ikkalkulat il-perċentaġġ imsemmi fil-paragrafu 1(b), is-sajjieda abbord bastimenti, li t-tul ġenerali tagħhom ikun inqas minn jew ugwali għal 10 metri, għandhom ikunu kkunsidrati fi proporzjon għar-relazzjoni bejn il-kwantitajiet kummerċjalizzati minn dawn is-sajjieda u l-kwantitajiet totali kummerċjalizzati fil-qasam in kwistjoni.

4.   L-attivitajiet tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ organizzazzjoni tal- produtturi fis-settur ta’ l-akwakultura, kif definit fl-Artikolu 3(d) tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 (4), għandhom ikunu kkunsidrati bħala li jkunu rappreżentattivi b’mod suffiċjenti fil-qasam li fiha huwa propost li jkunu estiżi r-regoli, jekk il-produzzjoni mill-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-membri tagħha ta’ l-ispeċi li għalihom ikunu qed japplikaw ir-regoli tkun tammonta għal aktar minn 40 % tal-kwantitajiet prodotti.

5.   Għall-għan biex ikun applikat il-paragrafu 4, għandhom ikunu kkunsidrati l-kwantitajiet prodotti matul is-sena tas-suq ta’ qabel.

Artikolu 2

1.   Ir-regoli tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 għandhom jinkludu dawn l-elementi li ġejjin:

(a)

il-kwalità, id-daqs jew il-piż u l-preżentazzjoni tal-prodotti offruti għall-bejgħ;

(b)

il-kampjuni, ir-reċipjenti wżati għal finijiet ta' bejgħ, l-imballaġġ u l-ittikkettjar u l-użu tas-silġ;

(c)

il-kondizzjonijiet ta’ l-ewwel tpoġġija fis-suq, li jistgħu jinkludu regoli fuq id-disponiment razzjonali tal-produzzjoni biex ikun stabbilizzat is-suq.

2.   Fis-settur ta’ l-akwakultura, ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 jista’ jkollhom miżuri dwar it-tqegħid taż-żgħar jew ta’ intervent, fi stadji oħra, taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ l-ispeċi ta’ l-akwakultura li għalihom r-regoli jkunu japplikaw, u, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet fuq il- ħsad jew il-ħażna, inkluż l-iffriżar, ta’ kwalunkwe produzzjoni żejda.

Artikolu 3

Il-perijodu minimu sabiex jiġu applikati r-regoli li għandhom estiżi għal min mhux membru għandu jkun ta’ 90 jum.

Artikolu 4

Fejn Stat Membru jiddeċiedi illi jestendi ċerti regoli addottati minn organizzazzjoni tal-produtturi għal min mhux membru, in-notifika lill-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 għandha tinkludi mill-anqas:

(a)

l-isem u l-indirizz ta’ l-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata;

(b)

l-informazzjoni kollha meħtieġa biex juri illi l-organizzazzjoni hija rappreżentattiva, b’mod partikolari b’referenza għall-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament;

(c)

ir-regoli involuti;

(d)

il-ġustifikazzjoni għar-regoli, appoġġjati minn data xierqa;

(e)

iż-żona ġeografika fejn ikun maħsub li r-regoli jsiru obbligatorji;

(f)

it-tul taż-żmien ta' validita' ta’ dawn ir-regoli;

(g)

id-data tad-dħul fis-seħħ.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ir-regoli li jkunu ddeċidew li jagħmlu obbligatorji, mill-anqas tmint ijiem qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

Artikolu 6

Kull bdil fir-regoli estiżi għal min mhux membru għandu jkun suġġett għall-Artikoli 4 u 5.

Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea id-deċiżjonijiet tagħha, li bihom tiddikjara estensjoni tar-regoli bħala nulla u mingħajr effett skond it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 7(3) u ta’ l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000.

Artikolu 8

Ir-Regolament (KE) Nru 1886/2000 hu mħassar.

Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 23 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1759/2006 (ĠU L 335, 1.12.2006, p. 3).

(2)  ĠU L 227, 7.9.2000, p. 11. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1812/2001 (ĠU L 246, 15.9.2001, p. 5).

(3)  Ara l-Anness I.

(4)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.


ANNESS I

Regolament imħassar flimkien ma’ l-emendi suċċessivi tiegħu

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1886/2000

(ĠU L 227, 7.9.2000, p. 11)

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1812/2001

(ĠU L 246, 15.9.2001, p. 5)


ANNESS II

Tabella Ta’ Korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 1886/2000

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9

Anness I

Anness II


Top