This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008R0261
Council Regulation (EC) No 261/2008 of 17 March 2008 imposing a definitive anti-dumping duty on imports of certain compressors originating in the People’s Republic of China
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 261/2008 tas- 17 Marzu 2008 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti kompressuri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 261/2008 tas- 17 Marzu 2008 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti kompressuri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
ĠU L 81, 20.3.2008, p. 1–20
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 21/03/2010
20.3.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 81/1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 261/2008
tas-17 Marzu 2008
li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti kompressuri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. PROĊEDURA
1. Il-bidu
(1) |
Fl-20 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni rċeviet ilment li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti kompressuri li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“PRC”) ippreżentat skond l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku mill-Federazione ANIMA/COMPO (“l-entità li għamlet l-ilment”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f’dan il-każ ta’ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni totali Komunitarja ta’ ċerti kompressuri. |
(2) |
L-ilment kien jinkludi evidenza ta’ dumping u ta’ dannu materjali li tqies li kienet suffiċjenti sabiex ikun iġġustifikat li jingħata bidu għal proċediment. |
(3) |
Fil-21 ta’ Diċembru 2006, il-proċediment ingћata bidu bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ inizjazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (2). |
2. Miżuri provviżorji
(4) |
Meta titqies il-ħtieġa li ċerti aspetti ta’ l-investigazzjoni jiġu investigati ulterjorment, kien deċiż li l-investigazzjoni titkompla mingħajr l-impożizzjoni ta’ dispożizzjonijiet provviżorji. |
3. Il-partijiet konċernati mill-proċediment
(5) |
Il-Kummissjoni uffiċċjalment informat lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, lill-importaturi, lin-negozjanti, lill-utenti u lill-assoċjazzjonijiet li kien magħruf li huma konċernati, lir-rappreżentanti tar-RPĊ, lill-produtturi Komunitarji li għamlu l-ilment u lil produtturi Komunitarji oħrajn li kien magħruf li huma konċernati bil-bidu tal-proċediment. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li juru fehmithom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu ta’ żmien iffissat fl-avviż tal-bidu. Il-partijiet interessati kollha li talbu dan u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ġew mismugħa. |
(6) |
Sabiex il-produtturi esportaturi jkunu jistgħu jressqu talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq (“MET”) jew għal trattament individwali (“IT”), jekk xtaqu jagħmlu dan, il-Kummissjoni bagħtet formoli ta’ talbiet lill-produtturi esportaturi Ċiniż li kien magħruf li huma konċernati u lir-rappreżentanti tar-RPĊ. Erbatax-il produttur li jesportaw, inklużi gruppi ta’ kumpanniji relatati, talbu l-MET skond l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, jew l-IT jekk l-investigazzjoni tistabbilixxi li huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-MET. Produttur esportatur wieħed talab IT biss. |
(7) |
Minħabba n-numru fid-deher kbir ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ, importaturi u produtturi fil-Komunità, fl-avviż tal-bidu, il-Kummissjoni indikat li, biex ikunu ddeterminati d-dumping u d-dannu, jista’ jkun applikat teħid ta’ kampjuni skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. |
(8) |
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjun hux meħtieġ u, jekk iva, tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi fir-RPĊ, l-importaturi Komunitarji u l-produtturi Komunitarji kollha ntalbu jippreżentaw irwieħhom quddiem il-Kummissjoni u jipprovdu, kif ġie speċifikat fl-avviż tal-bidu, informazzjoni bażika dwar l-attivitajiet tagħhom relatati mal-prodott konċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (bejn l-1 ta’ Ottubru 2005 u t-30 ta’ Settembru 2006). |
(9) |
Safejn għandhom x’jaqsmu l-produtturi esportaturi, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, intgħażel kampjun fuq il-bażi ta’ l-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet ta’ ċerti kompressuri fil-Komunità, li raġonevolment jista’ jiġi investigat fi ħdan iż-żmien disponibbli. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li waslet mingħand il-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni għażlet is-sitt kumpanniji, jew gruppi ta’ kumpanniji relatati (“il-kumpanniji li ttieħdu għall-kampjun”) li għandhom l-akbar volum ta’ esportazzjonijiet lejn il-Komunità. F’termini ta’ volum ta’ esportazzjonijiet, is-sitt kumpanniji li ttieħdu għall-kampjun kienu jirrappreżentaw 93 % ta’ l-esportazzjonijiet totali ta’ ċerti kompressuri mir-RPĊ lejn il-Komunità matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Skond l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-partijiet konċernati ġew konsultati u ma qajmu l-ebda oġġezzjoni. |
(10) |
Rigward il-produtturi Komunitarji, meta jitqies li tliet gruppi ta’ kumpanniji biss ikkoperaw fl-investigazzjoni, kien deċiż li t-teħid ta’ kampjuni ma kienx meħtieġ. |
(11) |
Rigward l-importaturi, meta jitqies li importatur wieħed biss ikkopera fl-investigazzjoni, kien deċiż li t-teħid ta’ kampjuni ma kienx meħtieġ. |
(12) |
Il-kwestjonarji ntbagħtu lill-kumpanniji kollha li ntgħażlu għat-teħid ta’ kampjuni u lill-partijiet l-oħra kollha li kien magħruf li huma konċernati. Tweġibiet sħaħ waslu mingħand sitt produtturi esportaturi fir-RPĊ, tliet produtturi fil-Komunità u importatur wieħed. Produttur wieħed fil-Komunità wieġeb biss għall-kwestjonarju tat-teħid ta’ kampjuni. Mingħand il-partijiet interessati l-oħra ma waslet l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju. |
(13) |
Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset li kienet meħtieġa biex ikunu ddeterminati d-dumping, id-dannu li rriżulta u l-interess Komunitarju u wettqet il-verifiki fl-uffiċċji tal-kumpanniji li ġejjin:
|
(14) |
Minħabba l-ħtieġa li jkun stabbilit valur normali għall-produtturi esportaturi li ma jistax jingħatalhom l-MET, fl-uffiċċji tal-kumpanniji li ġejjin twettqet verifika biex ikun stabbilit il-valur normali fuq il-bażi tad-data minn pajjiż analogu, f’dan il-każ il-Brażil:
|
4. Il-perjodu ta’ investigazzjoni
(15) |
L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perjodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2005 u t-30 ta’ Settembru 2006 (il-“perjodu ta’ investigazzjoni” jew l-“IP”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2003 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (il-“perjodu meqjus”). |
B. IL-PRODOTT KONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI
1. Il-prodott konċernat
(16) |
Il-prodott konċernat huwa l-kompressuri bil-moviment alternat (reciprocating compressor), li jagħtu fluss li ma jeċċedix iż-2 metri kubiċi (m3) fil-minuta, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“kompressuri” jew “il-prodott konċernat”), li normalment jiġi ddikjarat taħt il-kodiċijiet NM ex 8414 40 10, ex 8414 80 22, ex 8414 80 28 u ex 8414 80 51. |
(17) |
Tipikament, kompressur ikun magħmul minn pompa, li taħdem b’mutur elettriku jew direttament jew permezz ta’ mekkaniżmu ta’ ċinturini. Fil-parti l-kbira tal-każi, l-arja ppressurizzata tiġi ppompjata fit-tank u toħroġ minn regolatur tal-pressjoni u minn pajp tal-lasktu. Il-kompressur, b’mod partikolari dawk li jkunu akbar fid-daqs, jista’ jkollhom ir-roti biex ikunu jistgħu jiġu mċaqilqa minn post għall-ieħor. Jistgħu jinbiegħu waħidhom jew flimkien ma’ aċċessorji għall-isprejjar, għat-tindif jew biex jintefħu t-tajers u oġġetti oħra. |
(18) |
L-avviż tal-bidu ta’ dan il-proċediment kien jirreferi wkoll għall-pompi tal-kompressuri bil-moviment alternat. L-investigazzjoni wriet li l-pompi tal-kompressuri bil-moviment alternat huma wieħed (imma mhux l-uniku) mill-komponenti essenzjali tal-kompressuri investigati (jammontaw għal – jiddependi mill-mudell – bejn 25 % u 35 % tal-prezz totali tal-prodott finali) u jistgħu jinbiegħu wkoll separatament kif ukoll assemblati fuq kompressuri oħra li ma jaqgħux fl-ambitu ta’ din l-investigazzjoni. L-investigazzjoni wriet ukoll li m’għandhomx l-istess karatteristiċi tekniċi u fiżiċi tal-kompressuri kompluti u ma jintużawx għall-istess finijiet. Il-kompressur komplut fih ukoll komponenti ewlenin oħra (eż. it-tank, il-mutur). Il-mezzi ta’ distribuzzjoni u l-perċezzjoni tal-klijenti ta’ pompa, fuq in-naħa l-waħda, u ta’ kompressur komplut, fuq in-naħa l-oħra, ukoll huma differenti. Għalhekk, huwa konkluż li f’dan il-każ il-pompi tal-kompressuri bil-moviment alternat m’għandhomx jitqiesu bħala l-prodott konċernat. |
(19) |
Il-prodott konċernat jintuża biex iħaddem għodod li jaħdmu bl-arja jew għall-isprejjar, għat-tindif jew biex jintefħu t-tajers u oġġetti oħra. L-investigazzjoni wriet li, minkejja d-differenzi fil-forom, fil-materjali u fil-proċess ta’ produzzjoni, it-tipi differenti tal-prodott konċenat kollha jikkondividu l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u bażikament jintużaw għall-istess finijiet. Għalhekk dawn jitqiesu bħala li jikkostitwixxu prodott wieħed għall-fini ta’ dan il-proċediment. |
2. Il-prodott simili
(20) |
L-investigazzjoni wriet li l-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi tal-kompressuri prodotti u mibjugħa mill-industrija Komunitarja fil-Komunità, tal-kompressuri Komunitarja fil-Komunità, tal-kompressurprodotti u mibjugħa fis-suq domestiku fir-RPĊ u fis-suq domestiku fil-Brażil, li għamilha ta’ pajjiż analogu, u l-kompressuri prodotti fir-RPĊ u mibjugħa lill-Komunità essenzjalment għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u l-istess użu bażiku. |
(21) |
Għalhekk qed jitqies li dawn il-kompressuri kollha huma simili fis-sens ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. |
Ċ. ID-DUMPING
1. Ġenerali
(22) |
Erbatax-il kumpannija jew grupp ta’ kumpanniji ppreżentaw irwieħhom, fejn kienu jirrappreżentaw 100 % mill-esportazzjonijiet totali tal-prodott konċernat lejn il-KE. Għaldaqstant il-livell ta’ koperazzjoni kien għoli. Tlettax-il kumpannija jew grupp ta’ kumpanniji talbu l-MET filwaqt li kumpannija waħda talbet l-IT biss. Kif issemma fil-premessa (8) hawn fuq, sitt kumpanniji ntgħażlu fil-kampjun fuq il-bażi tal-volum ta’ l-esportazzjonijiet tagħhom. |
2. It-Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq (“MET”)
(23) |
Skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f’investigazzjonijiet antidumping li jikkonċernaw l-importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ, il-valur normali għandu jkun iddeterminat skond il-punti 1 sa 6 ta’ l-isemmi Artikolu għal dawk il-produtturi li nstab li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. |
(24) |
Fil-qosor, u għal faċilità ta’ referenza biss, il-kriterji ta’ l-MET qed jiġu stabbiliti f’forma mqassra hawn taħt:
|
(25) |
Ħames kumpanniji jew gruppi ta’ kumpanniji ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun għall-bidu talbu l-MET skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku u wieġbu l-formola tat-talbiet għall-MET għall-produtturi esportaturi fl-iskadenzi mogħtija. Dawn il-gruppi kollha kienu jinkludu kemm il-produtturi tal-prodott konċernat kif ukoll il-kumpanniji relatati mal-produtturi u kienu involuti fil-bejgħ tal-prodott konċernat. Fil-fatt, hija l-prattika konsistenti tal-Kummissjoni li teżamina jekk grupp ta’ kumpanniji relatati bħala entità sħiħa jissodisfax il-kondizzjonijiet għall-MET. Il-gruppi li ġejjin kienu talbu gaħl MET.
|
(26) |
Għall-produtturi esportaturi li kkoperaw li ssemmew aktar ‘il fuq li kienu inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni fittxet l-informazzjoni kollha li qieset li kienet meħtieġa u vverifikat l-informazzjoni mressqa fit-talba għall-MET fl-uffiċċji tal-kumpanniji in kwistjoni kif tqies li kien meħtieġ. |
(27) |
L-investigazzjoni wriet li l-MET ma setgħetx tingħata lil tlieta mill-ħames produtturi esportaturi Ċiniżi li ssemmew hawn fuq li kienu talbu l-MET peress li l-ebda waħda minn dawn il-kumpanniji jew mill-gruppi ta’ kumpanniji ma ssodisfat il-kriterju 2 kif issemma fil-qosor fil-premessa (24) hawn fuq. Barra minn hekk, wieħed mill-gruppi ta’ kumpanniji ma ssodisfax lanqas il-kriterju 3. |
(28) |
Żewġ kumpanniji jew gruppi ta’ kumpanniji (FIAC u Nu Air) issodisfaw il-kriterji kollha kif issemma fil-qosor fil-premessa (24) hawn fuq u setgħu jingħataw l-MET. |
(29) |
Kumpannija waħda (Taizhou), parti mill-grupp ta’ kumpanniji (Hongyou/Taizhou) u kumpannija waħda (Wealth Shanghai/Nantong Wealth) ma setgħux juru li kienu jissodisfaw il-kriterju 2 kif issemma fil-qosor fil-premessa (24) hawn fuq peress li nstab li ma kellhomx il-prattiki u l-istandards tal-kontabbiltà skond l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà. Il-grupp ta’ kumpanniji (Hongyou/Taizhou) u l-kumpannija (Wealth Shanghai/Nantong Wealth) għalhekk ma setgħux jingħataw l-MET. |
(30) |
Kumpannija waħda (Xinlei) ma setgħetx turi li kienet tissodisfa l-kriterju 2 kif issemma fil-qosor fil-premessa (24) hawn fuq peress li l-prattiki u l-istandards tal-kontabbiltà tagħha ma kinux skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità. Barra minn hekk, il-kumpannija ma setgħetx turi b’mod sħiħ il-pagament għad-drittijiet ta’ l-użu ta’ l-art tagħha. Għalhekk, hija lanqas ma kienet tissodisfa l-kriterju 3 kif issemma fil-qosor fil-premessa (24) hawn fuq. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan ma setgħetx tingħata l-MET. |
(31) |
Importatur mhux relatat wieħed oġġezzjona għall-għoti ta’ l-MET lil Nu Air, fuq il-bażi ta’ xi inkonsistenzi allegati fil-kontabbiltà vverifikata għall-2004 u għall-2005. Nu Air, madankollu, setgħet turi li ma kien hemm l-ebda inkonsistenza u tiċċara l-punti mqajma minn dak l-importatur. Għaldaqstant, din l-oġġezzjoni kienet miċħuda. |
(32) |
L-istess importatur oġġezzjona għall-għoti ta’ l-MET lil FIAC, minħabba l-fatt li fl-2002 il-kumpannija kienet innegozjat ftehim preliminari ma’ l-awtoritajiet reġjonali, li kien jagħtiha l-użu ta’ plott ta’ art mingħajr ħlas għal massimu ta’ tliet snin, sakemm jitlestew il-formalitajiet ta’ esproprjazzjoni ta’ l-art. Madankollu, il-ftehim skada mingħajr ma’ FIAC qatt għamlet użu minnu jew mingħajr ma qatt akkwistat jedd għal din l-art. Min-naħa l-oħra, FIAC setgħet turi li dejjem ħallset il-kera għall-uffiċċji li użat fl-attivitajiet tagħha. Għaldaqstant, dan l-argument ġie miċħud. |
(33) |
Kumpannija waħda (Hongyou) mill-grupp ta’ kumpanniji (Hongyou/Taizhou) oġġezzjonat li m’għandiex tiġi rifjutata l-MET minħabba kwistjonijiet li nqalgħu f’kumpannija oħra (jiġifieri, Taizhou). Madankollu, fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (3), Hongyou u Taizhou għandhom jitqiesu bħala partijiet relatati. Għalhekk, peress li Taizhou ma setgħetx tingħata l-MET, Hongyou lanqas ma setgħet tingħata l-MET. |
(34) |
Fuq il-bażi ta’ dak li ngħad aktar ‘il fuq, tlieta mill-ħames kumpanniji jew gruppi ta’ kumpanniji Ċiniżi li ttieħdu għall-kampjun li kienu talbu l-MET ma segħux juru li jissodisfaw il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. |
(35) |
Għalhekk tqies li l-MET ma setgħetx tingħata lil żewġ kumpanniji (FIAC u Nu Air) u ġiet miċħuda lit-tliet kumpanniji/gruppi ta’ kumpanniji li fadal. Ġie konsultat il-Kumitat Konsultattiv u ma oġġezzjonax għall-konklużjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni. |
3. It-Trattament Individwali (“IT”)
(36) |
Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, dazju għall-pajjiż kollu, jekk ikun hemm, jiġi stabbilit għal pajjiżi li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan l-Artikolu, ħlief f’dawk il-każi fejn il-kumpanniji jkunu jistgħu juru li jissodisfaw il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. |
(37) |
Il-produtturi esportaturi kollha li talbu l-MET talbu wkoll l-IT fil-każ li ma jingħatawx il-MET. Kumpannija waħda (Anlu) talbet l-IT biss. |
(38) |
Mill-erba’ kumpanniji jew gruppi ta’ kumpanniji li ttieħdu għall-kampjun li jew ma setgħux jingħataw l-MET (Xinlei, Honyou/Taizhou, Wealth Shanghai/Nantong Wealth) jew ma talbux l-MET (Anlu), tliet kumpanniji jew gruppi (Xinlei, Anlu u Wealth Shanghai/Nantong Wealth) issodisfaw il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 9(5) u setgħu jingħataw l-IT. |
(39) |
Instab li Taizhou ma rnexxiliex turi li ssodisfat kumulattivament ir-rekwiżiti kollha għall-IT kif ġie stabbilit fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Prinċipalment, il-problemi serji bis-sistema tal-kontabbiltà tal-kumpannija għamluha impossibbli li jkun ivverifikat jekk ġiex sodisfatt il-kriterju stipulat fl-Artikolu 9(5)(b) tar-Regolament bażiku, li l-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ l-esportazzjoni u l-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ jiġu ddeterminati bil-libertà kollha. |
(40) |
Għalhekk, it-talba għall-IT ta’ Taizhou kienet miċħuda. |
4. Il-Valur Normali
4.1. Il-kumpanniji jew il-gruppi ta’ kumpanniji li setgħu jingħataw l-MET
(41) |
Safejn għandha x’taqsam id-determinazzjon tal-valur normali, għal dawk il-produtturi li jesportaw fil-kampjun li setgħu jingħataw l-MET, il-Kummissjoni l-ewwelnett stabbiliet, skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, jekk il-bejgħ domestiku tagħhom tal-prodott konċernat lil klijenti indipendenti kienx rappreżentattiv, jiġifieri jekk il-volum totali ta’ bejgħ ta’ din ix-xorta kienx jirrappreżenta mill-inqas 5 % mill-volum tal-bejgħ totali mill-esportazzjoni tal-prodott konċernat lill-Komunità. Peress li ż-żewġ kumpanniji jew gruppi ta’ kumpannija kważi ma kellhom l-ebda bejgħ fis-suq domestiku, tqies li l-prodott ma kienx qed jinbiegħ fi kwantitajiet rappreżentattivi sabiex jipprovdi bażi xierqa għall-istabbilment tal-valur normali. |
(42) |
Peress li l-bejgħ domestiku ma setax jintuża biex ikun stabbilit il-valur normali, kellu jiġi applikat metodu ieħor. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni wżat valur normali mibni, skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Il-valur normali nbena fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż tal-manifattura tal-prodott konċernat tal-kumpanniji jew tal-gruppi ta’ kumpanniji. Meta valur normali jinbena skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u ta’ profitt jiżi miżjud ma’ l-ispejjeż tal-manifattura. L-ispejjeż SG&A u l-profitt ma setgħux jiġu stabbiliti fuq il-bażi tad-daħla ta’ l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku peress li l-ebda kumpannija jew grupp ta’ kumpanniji ma kellha bejgħ domestiku rappreżentattiv. Dawn ma segħux jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 2(6)(a) peress li ma kien hemm l-ebda kumpannija oħra li seta’ jingħatalha l-MET. Barra minn hekk, l-ispejjeż SG&A u l-profitti ma setgħux jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 2(6)(b) peress li l-ebda kumpannija jew grupp ta’ kumpanniji ma kellha bejgħ rappreżentattiv ta’ l-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti, fl-andament ordinarju tan-negozju. Għaldaqstant l-ispejjeż SG&A u l-profitti kienu ddeterminati skond l-Artikolu 2(6)(ċ) (“kwalunkwe metodu raġonevoli ieħor”) fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż SG&A u tal-profitti li saru mill-produttur li kkopera fil-pajjiż analogu. L-informazzjoni pubblikament disponibbli uriet li dan il-marġni ta’ profitt ma kienx jeċċedi l-profitt li għamlu produtturi oħra magħrufa ta’ l-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti (jiġifieri, il-makkinarju elettriku) fir-RPĊ matul l-IP. |
4.2. Il-kumpanniji jew il-gruppi ta’ kumpanniji li ma setgħux jingħataw l-MET
(43) |
Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-produtturi li jesportaw li ma ngħatawx l-MET irid jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet jew tal-valur mibni f’pajjiż analogu. |
(44) |
Fl-avviż tal-bidu, il-Kummissjoni indikat li hija kienet qed tipprevedi li tuża lill-Brażil bħala pajjiż analogu xieraq sabiex ikun stabbilit valur normali għar-RPĊ. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkumentaw dwar dan. L-ebda parti interessata ma oġġezzjonat għal din il-proposta. |
(45) |
Hemm erba’ produtturi magħrufa fil-Brażil, li jagħmlu madwar 220 000 kompressur fis-sena, u l-importazzjonijiet huma ta’ madwar 30 000 unità. Il-Kummissjoni fittxet il-koperazzjoni min-naħa tal-produtturi magħrufa kollha fil-Brażil. |
(46) |
Żewġ produtturi Brażiljani kkoperaw fl-investigazzjoni. Wieħed minnhom huwa relatat ma’ produttur Komunitarju, il-Grupp FIAC. L-investigazzjoni wriet li dan il-produttur ġeneralment kellu prezzijiet għoljin, prinċipalment minħabba l-fatt li huwa kien jipproduċi volum żgħir ta’ kompressuri sofistikati għal finijiet mediċi li ma kinux direttament paragunabbli mal-prodott konċernat. Minħabba l-karatteristiċi ferm differenti tal-prodott u tas-suq, ikun diffiċli li jiġu stabbiliti l-aġġustamenti meħtieġa sabiex din id-data tintuża bħala valur normali għall-kompressuri prodotti miċ-Ċiniżi. It-tieni produttur Brażiljan li kkopera nstab li kien jipproduċi xi mudelli ta’ kompressuri paragunabbli ma’ dawk esportati lejn il-Komunità mill-produtturi li jesportaw Ċiniżi. Għaldaqstant, il-prezzijiet fis-suq Brażiljan tal-mudelli paragunabbli ta’ dan il-produttur Brażiljan mibjugħa fl-andament ordinarju tan-negozju ntużaw bħala bażi sabiex ikun stabbilit valur normali għall-produtturi li jesportaw li ma ngħatawx l-MET. |
5. Il-prezz ta’ l-esportazzjoni
(47) |
Il-produtturi li jesportaw għamlu bejgħ mill-esportazzjoni lejn il-Komunità jew direttament lil klijenti indipendenti jew permezz ta’ kumpanniji tan-negozju relatati jew mhux relatati li jinsabu fi ħdan u barra mill-Komunità. |
5.1. Il-kumpanniji jew il-gruppi ta’ kumpanniji li setgħu jingħataw l-MET jew l-IT
(48) |
Fejn il-bejgħ mill-esportazzjoni lejn il-Komunità sar jew direttament lil klijenti indipendenti fil-Komunità jew permezz ta’ kumpanniji tan-negozju mhux relatati, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni kienu stabbiliti fuq il-bażi tal-prezzijiet effettivament imħallsa jew li għandhom jitħallsu għall-prodott konċernat skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku. |
(49) |
Fejn il-bejgħ mill-esportazzjoni lejn il-Komunità sar permezz ta’ kumpanniji tan-negozju relatati li jinsabu fil-Komunità, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni kienu stabbiliti fuq il-bażi ta’ l-ewwel prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid ta’ dawn in-negozjanti relatati lil klijenti indipendenti fil-Komunità, skond l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Għall-bejgħ li kien sar permezz tal-kumpanniji relatati barra mill-Komunità, il-prezz ta’ l-esportazzjoni kien stabblit fuq il-bażi ta’ l-ewwel prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid lil klijenti indipendenti fil-Komunità. |
5.2. Il-kumpanniji jew il-gruppi ta’ kumpanniji li ma setgħux jingħataw il-MET/IT
(50) |
Għaż-żewġ kumpanniji Ċiniżi li jesportaw li ttieħdu għall-kampjun li la ngħataw l-MET u lanqas l-IT (Taizhou/Grupp Honyou), id-data dwar il-bejgħ mill-esportazzjoni tagħhom ma setgħetx tintuża sabiex ikunu stabbiliti marġinijiet individwali tad-dumping għar-raġunijiet li ġew spjegati aktar ‘il fuq fil-premessa (28). Għalhekk, il-marġni tad-dumping kien ikkalkulat kif ġie stabbilit fil-premessa (55). |
6. Il-paragun
(51) |
Il-valur normali u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni kienu pparagunati fuq bażi barra l-fabbrika u fuq l-istess livell ta’ negozju. Sabiex ikun żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa, fil-forma ta’ aġġustamenti, għad-differenzi li jaffetwaw il-prezzijiet u l-paragunabbiltà tal-prezzijiet skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. |
(52) |
Fuq din il-bażi, għal dawk il-produtturi Ċiniżi li jesportaw li setgħu jingħataw l-MET/IT, fejn kien applikabbli u ġġustifikat, saru konċessjonijiet għad-differenzi fil-livell ta’ l-ispejjeż tan-negozju, tat-trasport u ta’ l-assigurazzjoni, ta’ l-ispejjeż ta’ l-immaniġġjar, tat-tagħbija u ta’ spejjeż anċillari, ta’ l-ispejjeż ta’ l-ippakkjar, tal-krediti u ta’ wara l-bejgħ (garanzija). Għall-kumpanniji l-oħra, sar aġġustament medju bbażat fuq l-aġġustamenti li ssemmew qabel. |
(53) |
Għall-bejgħ li sar permezz ta’ negozjanti relatati bbażati barra mill-Komunità, kien applikat aġġustament skond l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, fejn intwera li dawn il-kumpanniji jwettqu funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjonijiet. Dan l-aġġustament kien ibbażat fuq l-SG&A tal-kumpanniji tan-negozju flimkien ma’ data dwar il-profitti miksuba mingħand negozjant mhux relatat fil-Komunità. |
7. Il-marġnijiet tad-dumping
(54) |
Il-marġnijiet tad-dumping, espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF ta’ importazzjoni fuq il-fruntiera Komunitarja, bid-dazju mhux imħallas, huma dawn li ġejjin:
|
(55) |
Għaż-żewġ kumpanniji li ttieħdu għall-kampjun li la ngħataw l-MET u lanqas l-IT, il-marġni tad-dumping kien ikkalkulat bħala medja mgħobbija (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) tal-marġnijiet stabbilita għat-tliet kumpanniji jew gruppi ta’ kumpanniji mogħtija l-IT imma mhux l-MET. |
(56) |
Għall-kumpanniji li kkoperaw li mhumiex inklużi fil-kampjun, il-marġni tad-dumping kien ikkalkulat bħala medja mgħobbija (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) tal-marġnijiet stabbilita għall-kumpanniji kollha fil-kampjun. |
(57) |
Meta jitqies il-livell għoli ta’ koperazzjoni (100 %), li jissemma fil-premessa (22) hawn fuq, kien ifissat marġni medju tad-dumping għall-pajjiż kollu fuq l-ogħla livell applikabbli għal kwalunkwe waħda mill-kumpanniji li ntagħżlu bħala kampjun. |
D. ID-DANNU
1. Il-produzzjoni Komunitarja
(58) |
Fid-dawl tad-definizzjoni ta’ l-industrija Komunitarja kif ġiet stabbilita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku, il-produzzjoni tal-manifatturi Komunitarji li ġejjin tqieset għall-inklużjoni fid-definizzjoni tal-produzzjoni Komunitarja meta nbdiet l-investigazzjoni:
|
(59) |
Tnejn mill-produtturi li għamlu l-ilment waqfu jikkopera ftit wara li ngħata bidu għall-proċediment u ma wieġbux għall-kwestjonarju tat-teħid tal-kampjuni. |
L-esklużjoni ta’ manifattur Komunitarju mid-definizzjoni tal-produzzjoni Komunitarja għal raġunijiet ta’ importazzjonijiet sinifikanti fi ħdan il-perjodu meqjus
(60) |
L-investigazzjoni wriet li t-tliet (gruppi ta’) kumpanniji kollha li kkoperaw, minbarra l-manifattura Komunitarja tagħhom, importaw ukoll ammonti dejjem akbar tal-prodott konċernat għal bejgħ mill-ġdid fis-suq Komunitarju. Kif intwera mill-investigazzjoni, il-(gruppi ta’) kumpanniji kollha ddeċidew li jiddelokalizzaw parti mill-produzzjoni tagħhom, għallinqas għall-parti li l-aktar li kienet esposta għal numru dejjem akbar ta’ importazzjonijiet suġġetti għal dumping mir-RPĊ. L-importazzjonijiet min-naħa tal-(gruppi ta’) kumpanniji kienu prinċipalment ġejjin mill-kumpanniji assoċjati rispettivi tagħhom (sister companies) jew mill-kumpanniji sussidjarji rispettivi tagħhom stabbiliti fir-RPĊ. |
(61) |
B’hekk kien eżaminat jekk, minkejja dawk il-volumi ta’ importazzjoni, iċ-ċentru ta’ interess ta’ dawk il-kumpanniji kienx fi ħdan il-Komunità. |
(62) |
Safejn għandu x’jaqsam il-volum ta’ l-importazzjonijiet mill-manifatturi li kkoperaw fil-Komnità, kien stabbilit li tnejn minn dawn il-(gruppi ta’) kumpanniji (kumpanniji A u B) kienu jimportaw kwantitajiet dejjem akbar imma relattivament baxxi tal-prodott konċernat (matul il-perjodu meqjus kollu, il-volumi tal-bejgħ mill-ġdid tal-prodott konċernat li kienu joriġinaw fir-RPĊ baqgħu inferjuri għall-bejgħ nett rispettiv tal-produzzjoni proprja ta’ dawn il-kumpanniji). Barra minn hekk, dawk il-kumpanniji żammew il-kwartieri ġenerali u l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp (R&D) tagħhom fil-Komunità. Għaldaqstant qed jiġi konkluż li ċ-ċentru ta’ interess għall-kumpanniji A u B baqa’ fil-Komunità u li minkejja l-importazzjonijiet tagħhom mir-RPĊ, dawn għandhom jitqiesu bħala parti mill-produzzjoni Komunitarja. |
(63) |
Rigward il-grupp ta’ kumpanniji l-ieħor li kkopera (il-kumpannija Ċ), kien stabbilit li fil-perjodu meqjus mhux biss kien hemm żieda konsiderevoli fil-proporzjon tal-prodott importat mibjugħ fis-suq Komunitarju imma, ibda mill-2005, dan il-proporzjon kien jeċċedi l-volumi tal-prodott simili manifatturati u mibjugħa fi ħdan il-Komunità. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-volumi tal-bejgħ mill-ġdid tal-prodott konċernat li kienu joriġinaw fir-RPĊ kienu jikkostitwixxu l-maġġoranza vasta tal-bejgħ totali tal-kumpannija Ċ fis-suq Komunitarju. |
(64) |
Tqies jekk, minkejja l-volumi sinifikanti ta’ importazzjoni, il-volumi importati setgħux jitqiesu bħala li jikkomplementaw il-gamma ta’ prodotti jew li għandhom natura temporanja. Deher, madankollu, li l-importazzjonijiet tal-kumpannija Ċ ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkomplementaw il-gamma ta’ prodotti, imma huma bbażati fuq deċiżjoni strateġika sabiex il-produzzjoni tal-prodott tinħareġ barra mill-kumpannija (outsource) għar-RPĊ f’mossa sabiex titnaqqas l-ispiża tal-produzzjoni u sabiex il-kumpannija tkun f’pożizzjoni ħalli tikkompeti ma’ importazzjonijiet Ċiniżi oħra. Kien stabbilit li matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, bosta mudelli prodotti fir-RPĊ kienu prodotti anki fl-Italja minn kumpannija oħra ta’ l-istess grupp. Għalhekk, il-kompressuri prodotti fir-RPĊ kienu f’kompetizzjoni diretta mal-kompressuri prodotti mill-istess grupp fl-Italja. Minħabba dak li ngħad aktar ‘il fuq, u meta titqies l-importanza tal-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti importanti fil-bejgħ totali tal-kumpannija Ċ, b’hekk ma setax jiġi konkluż li ċ-ċentru ta’ interess tal-kumpannija Ċ għall-manifattura tal-prodott konċernat baqgħet fi ħdan il-Komunità. Deher probabbli li l-kumpannija Ċ tkompli jew saħansitra żżid l-importazzjonijiet tal-prodott simili mill-pajjiż konċernat għall-bejgħ mill-ġdid fis-suq Komunitarju, li jfisser li l-kumpannija Ċ għandha titqies bħala importatriċi aktar milli bħala produttriċi Komunitarja. |
(65) |
Għalhekk, qed jiġi konkluż li l-kumpannija Ċ m’għandiex tiġi inkluża fid-definizzjoni ta’ produzzjoni Komunitarja. |
(66) |
Fl-aħħarnett, il-produzzjoni Komunitarja ta’ ċerti kompressuri fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku ġiet iddefinita bħala l-produzzjoni kollha mill-kumpanniji kollha li jissemmew fil-premessa 0, mingħajr il-produzzjoni tal-kumpannija Ċ. Minħabba n-nuqqas ta’ koperazzjoni ta’ numru ta’ produtturi u ta’ assemblaturi fil-Komunità, il-produzzjoni kienet stmata fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni u fuq il-bażi tad-data mressqa fl-ilment. |
2. L-industrija Komunitarja
(67) |
Il-proċediment inbeda minħabba lment li ġie ppreżentat mill-federazzjoni Taljana ANIMA li kienet tirrappreżenta erba’ kumpanniji li jimmanifatturaw il-kompressuri u produttur wieħed li appoġġja l-ilment (kif ġie spjegat fid-dettall fil-premessa 0 hawn fuq). Minkejja n-nuqqas ta’ koperazzjoni min-naħa ta’ żewġ kumpanniji li għamlu l-ilment u l-esklużjoni ta’ manifattur Komunitarju mid-definizzjoni tal-produzzjoni Komunitarja li ssemmew aktar ‘il fuq, iż-żewġ produtturi Komunitarji li fadal li kkoperaw b’mod xieraq ma’ l-investigazzjoni nstab li huma responsabbli għal proporzjon kbir tal-produzzjoni Komunitarja totali, f’dan il-każ madwar 50 %. Għalhekk, qed jitqies li dawn iż-żewġ produtturi li kkoperaw jikkostitwixxu l-industrija Komunitarja fit-tifsira ta’ l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku. |
(68) |
Il-produtturi li fadal, li ġew elenkati fl-ilment u li d-dettalji tagħhom ngħataw fil-premessa 0 hawn fuq, mingħajr il-kumpannija eskluża mid-definizzjoni tal-produzzjoni Komunitarja, minn hawn ‘il quddiem se jissejħu “il-produtturi Komunitarji l-oħra”. L-ebda wieħed minn dawn il-produtturi Komunitarji l-oħra ma oppona l-ilment. |
3. Il-konsum Komunitarju
(69) |
Il-konsum Komunitarju kien stabbilit fuq il-bażi tal-volumi ta’ bejgħ tal-kumpannija Ċ u fuq il-produzzjoni proprja ta’ l-industrija Komunitarja ddestinata għas-suq Komunitarju, fuq id-data dwar il-volumi ta’ importazzjoni fis-suq Komunitarju miksuba mill-Eurostat u, rigward il-bejgħ tal-produtturi Komunitarji l-oħra, fuq l-informazzjoni disponibbli u fl-ilment. |
(70) |
Matul il-perjodu meqjus kollu, is-suq Komunitarju għall-prodott konċernat u għall-prodott simili naqas b’6 % biex fil-PI laħaq it-3 066 000 biċċa. B’mod aktar speċifiku, fl-2004, il-konsum Komunitarju naqas b’7 % qabel ma żdied ħarira b’1 punt perċentwali fl-2005 u stabilizza ruħu f’dan il-livell fil-PI.
|
4. L-importazzjonijiet mill-pajjiż konċernat
(a) Il-volum
(71) |
Bejn l-2003 u l-PI, il-volum ta’ l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat fil-Komunità tela’ bil-kbir. Huma żdiedu matul il-perjodu meqjus b’182 % u laħqu ‘l fuq minn 1 600 000 biċċa. Fid-dettall, bejn l-2003 u l-2004, l-importazzjonijiet mill-pajjiż konċernat żdiedu b’66 %, fl-2005 żdiedu b’110 punti perċentwali ulterjuri, u fil-PI żdiedu b’6 punti perċentwali. |
(b) Is-sehem tas-suq
(72) |
Is-sehem mis-suq miżmum mill-esportaturi fil-pajjiż konċernat żdied b’iktar 35 punt perċentwali matul il-perjodu meqjus u laħaq it-53 % fil-PI. L-esportaturi Ċiniżi żiedu s-sehem tagħhom mis-suq bejn l-2003 u l-2004 bi 13-il punt perċentwali u b’20 punt perċentwali oħra fl-2005. Fil-PI, is-sehem tas-suq ta’ l-esportaturi mill-pajjiż konċernat żdied ħarira b’punt perċentwali ieħor.
|
(ċ) Il-prezzijiet
(i) L-evoluzzjoni tal-prezzijiet
(73) |
Il-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat fit-tabella t’hawn taħt huma bbażati fuq id-data mressqa mill-esportaturi li kkoperaw u li ġiet ivverifikata matul l-investigazzjoni. Matul il-perjodu meqjus, kien hemm żieda totali fil-prezz medju ta’ l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat li joriġina fir-RPĊ li, bejn l-2003 u l-IP, żdied b’6 %. Ix-xejra tal-prezz dejjem jiżdied hija possibilment riflessjoni tal-bidla fit-taħlita tal-prodott, hekk kif l-esportaturi Ċiniżi bil-mod jibdew il-produzzjoni u l-esportazzjoni ta’ kumpressuri aktar avvanzati u li jiswew aktar.
|
(ii) It-twaqqigħ tal-prezzijiet
(74) |
Għal mudelli paragunabbli tal-prodott konċernat, sar paragun bejn il-prezzijiet tal-bejgħ medji fil-Komunità tal-produtturi li jesportaw li ttieħdu għall-kampjun u ta’ l-industrija Komunitarja. Għal dan il-għan, il-prezzijiet barra mill-fabbrika ta’ l-industrija Komunitarja lil klijenti mhux relatati, netti mir-ribassi u mit-taxxi kollha ġew ipparagunati mal-prezzijiet CIF fuq il-fruntieri Komunitarji tal-produtturi esportaturi tal-PRC, debitament aġġustati għall-ispejjeż tal-ħatt u ta’ l-iżdoganar. Meta jitqies li l-industrija Komunitarja normalment tbigħ il-produzzjoni Komunitarja tagħha direttament lill-bejjiegħa bl-imnut, filwaqt li l-merkanzija Ċiniża tinbiegħ lill-bejjiegħa bl-imnut permezz ta’ importaturi u/jew negozjanti relatati jew mhux relatati, fejn kien xieraq, sar aġġustament għall-prezz ta’ importazzjoni sabiex ikun żgurat li l-paragun isir fuq l-istess livell ta’ negozju. Il-paragun wera li matul il-PI, il-prodott konċernat mibjugħ fil-Komunità kien irħas mill-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja b’22 % sa 43 %, jiddependi mill-esportatur konċernat. |
5. Is-Sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja
(75) |
Skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi u l-indiċijiet ekonomiċi rilevanti kollha li għandhom influwenza fuq l-istat ta’ l-industrija Komunitarja. |
(76) |
Meta jitqies li l-industrija Komunitarja tinkludi biss żewġ produtturi, id-data relatata ma’ l-industrija Komunitarja qed tiġi ppreżentata f’format u/jew f’firxiet indiċjati sabiex tinżamm il-kunfidenzjalità, skond l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku. ta’ min ifakkar li d-data li ġiet ippreżentata aktar ‘l isfel tirreferi biss għall-prodott simili prodott fil-Komunità mill-industrija Komunitarja, biex b’hekk ġew esklużi l-pompi awtonomi u l-kompressuri manifatturi mill-kumpanniji relatati ta’ l-industrija Komunitarja fir-RPĊ u sussegwmentement mibjugħa mill-ġdid fil-Komunità. |
(a) Il-produzzjoni
(77) |
Il-produzzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità naqset b’mod sinifikanti bejn l-2003 u l-PI. Speċifikament, hija naqset b’16 % fl-2004, bi 23 punt perċentwali oħra fl-2005 u b’7 punti perċentwali oħra fil-PI. Fil-PI il-volum tal-produzzjoni ta’ l-industrija kien jifrex bejn 300 000 biċċa u 400 000 biċċa.
|
(b) Ir-rati tal-kapaċità u ta’ l-użu tal-kapaċità
(78) |
Il-kapaċità tal-produzzjoni fżdiedet bi ftit bi 3 % bejn l-2003 u l-2004, reġgħet żdiedet b’9 punti perċentwali fl-2005 u stabbiliżżat f’ak il-livell matul il-PI. Iż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni fl-2005 hija attribwibbli għall-investiment li sar minn produttur Komunitarju wieħed f’linja ta’ produzzjoni addizzjonali għall-kompressuri li sservi segment ogħla tas-suq. Matul il-PI, il-kapaċità tal-produzzjoni ta’ l-industrija Komunitarja kienet tvarja bejn is-600 000 u t-800 000 biċċa. |
(79) |
Ir-rata ta’ l-użu tal-kapaċità ta’ l-industrija Komunitarja naqset b’mod kostanti matul il-perjodu meqjus u fil-PI kienet inqas minn nofs il-livell li kienet fl-2003. Dan jirrifletti tnaqqis fil-livelli tal-produzzjoni. Matul il-PI, l-użu tal-kapaċità ta’ l-industrija Komunitarja kienet tvarja bejn l-40 % u l-50 %.
|
(ċ) L-iskorta
(80) |
Fl-2004, il-livell ta’ l-iskorta ta’ l-għeluq żdied b’37 %, fl-2005 żdied b’45 punt perċentwali ieħor, qabel ma naqas b’138 punt perċentwali fil-PI. Matul il-PI l-iskorta ta’ l-industrija Komunitarja kienet tifrex bejn 10 000 u 20 000 biċċa. Meta jitqies li l-produzzjoni tal-prodott simili fil-Komunità prinċipalment issir fuq ordni, il-livell ta’ l-inventarji ma jitqiesx bħala indikatur utli tad-dannu għal dan il-prodott.
|
(d) Il-volum tal-bejgħ
(81) |
Il-bejgħ min-naħa ta’ l-industrija Komunitarja tal-produzzjoni tagħha stess fis-suq Komunitarja naqas b’rata stabbli matul il-perjodu meqjus kollu. B’mod speċifiku, fl-2004 niżel b’19 %, fl-2005 naqas b’24 punt perċentwali oħra u fil-PI niżel b’9 punti perċentwali oħra. Matul il-PI il-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja kien jifrex bejn 200 000 biċċa u 300 000 biċċa.
|
(e) Is-sehem mis-suq
(82) |
Is-sehem miss-suq ta’ l-industrija Komunitarja naqas b’mod kostanti matul il-perjodu meqjus kollu. Fid-dettall, l-indiċi li kien jirrifletti l-evoluzzjoni tas-sehem mis-suq ta’ l-industrija Komunitarja niżel bi 13 % fl-2004, b’27 punt perċentwali fl-2005 u b’9 punti perċentwali oħra fil-PI. Matul il-PI is-sehem mis-suq ta’ l-industrija Komunitarja kien jifrex bejn 5 % u 10 %.
|
(f) It-tkabbir
(83) |
Bejn l-2003 u il-PI, meta l-konsum Komunitarju naqas b’6 %, il-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju naqas ferm aktar bil-kbir b’52 %. Matul il-perjodu meqjus, is-sehem tas-suq ta’ l-industrija Komunitarja kważi naqas bin-nofs, filwaqt li l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping rebħu aktar minn 35 punt perċentwali ta’ sehem tas-suq, biex laħqu 53 %. B’hekk qed jiġi konkluż li ma kien hemm l-ebda tkabbir minfejn l-industrija Komunitarja setgħet tibbenefika. |
(g) L-impjiegi
(84) |
Il-livell ta’ l-impjiegi ta’ l-industrija Komunitarja wera tnaqqis stabbli matul il-perjodu meqjus kollu. Fl-2004 niżel b’10 %, fl-2005 naqas b’16 -il punt perċentwali oħra, u fil-PI niżel b’5 punti perċentwali oħra. Matul il-PI, l-impjiegi ta’ l-industrija Komunitarja dedikati għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili kienu jifirxu bejn 150 u 200 persuna.
|
(h) Il-produttività
(85) |
Il-produttività tal-forza tax-xogħol ta’ l-industrija Komunitarja, imkejla bħala produzzjoni (biċċiet) għal kull persuna impjegata fis-sena, fl-2004 naqset b’7 %, fl-2005 naqset b’10 punti perċentwali oħra, u fil-PI naqset b’5 punti perċentwali oħra. Matul il-PI, il-produttività ta’ l-industrija Komunitarja kienet tifrex bejn 1 500 u 2 000 biċċa għal kull impjegat. It-tnaqqis stabbli fil-produttività huwa rifless tat-tnaqqis fil-produzzjoni li kienet nieżla matul il-perjodu meqjus kollu b’rata xi ftit aktar mgħaġġla mill-impjiegi korrispondenti.
|
(i) L-ispejjeż tax-xogħol
(86) |
Bejn l-2003 u l-2004, l-ispiża medja tax-xogħol għal kull impjiegat żdiedet bi 8 % u stabilizzat ruħa fuq dak il-livell fl-2005, qabel ma naqset ħarira fil-PI b’1 punt perċentwali. Iż-żieda ta’ l-2004 kienet partikolarment minħabba żieda fil-pagi nnegozjata minn wieħed mill-produtturi ta’ l-industrija Komunitarja wara tilwima mat-trejdjunjins tagħha. Barra minn hekk, din iż-żieda li ġiet innegozjata kienet ippreċeduta minn strajk fl-2003 u s-sigħat mhux imħallsin li rriżultaw baxxew relattivament l-ispiża annwali tax-xogħol b’paragun mas-snin sussegwenti.
|
(j) Il-fatturi li jaffetwaw il-prezzijiet Komunitarji
(87) |
Il-prezzijiet ta’ l-unità ta’ l-industrija tal-Komunità tal-produzzjoni proprja għall-konsumaturi mhux relatati żdiedet b’20 % bejn l-2003 u l-PI. Speċifikament, il-prezz medju tal-bejgħ żdied b’9 % fl-2004, b'13-il punt perċentwali oħra fl-2005, qabel ma naqas b’2 punti perċentwali fil-PI. Matul il-PI, il-prezz medju ta’ l-unità kien jifrex bejn 100 u 150 EUR.
|
(88) |
Iż-żieda fil-prezz medju ta’ unità hija rifless taċ-ċaqliqa parzjali gradwali fil-produzzjoni ta’ l-industrija Komunitarja lejn segment ta’ fuq tas-suq, jiġifieri aktar kwalità, rendiment aħjar, kapaċità akbar u konsegwentement mudelli aktar mgħobbijin u bl-ispejjeż u aktar għaljin tal-prodott simili. |
(89) |
Meta jitqiesu l-volum u l-livell tat-traħħis tal-prezzijiet, dawn l-importazzjonijiet żgur li kienu fattur li affetwa l-prezzijiet. |
(k) Il-profittabilità u l-qligħ fuq l-investimenti
(90) |
Matul il-perjodu meqjus, il-profittabilità tal-bejgħ tal-produzzjoni proprja ta’ l-industrija Komunitarja fil-Komunità, espressa bħala perċentwali tal-bejgħ nett, baqgħet negattiva imma tjiebet matul il-perjodu meqjus kollu. Il-profittabilità negattiva tjiebet fl-2004 u aktar fl-2005 meta l-livell tat-telf kien relattivament l-aktar wieħed baxx u fil-PI iddeterjora biss bi ftit. Matul il-PI, il-profittabilità ta’ l-industruja Komunitarja kienet tifreex bejn – 3 % u – 10 %.
|
(91) |
Il-qligħ fuq l-investiment (ROI), epress bħala l-profitt f’perċentwali tal-valur nett kontabbli ta’ l-investimenti, segwa t-tendenza tal-profittabilità t’aktar ‘il fuq. Huwa wkoll baqa’ negattiv matul il-perjodu meqjus. Tjieb fl-2004 u aktar fl-2005, qabel ma ddeterjora bi ftit fil-PI. Matul il-PI, ROI kien jifrex bejn – 30 % u – 15 %. |
(l) Il-likwidità
(92) |
Il-likwidità netta għall-attivitajiet operattivi baqgħet ukoll negattiva matul il-perjodu meqjus, imma tjiebet biċ-ċar u kienet biss ftit negattiva fil-PI, fejn kienet tvarja bejn 100 000 u 0 EUR.
|
(m) L-investiment u l-ħila li jinġabar kapital
(93) |
L-investiment annwali ta’ l-industrija Komunitarja fil-produzzjoni tal-prodott simili żdied fl-2004 b’72 % u b’75 punti perċentwali aktar fl-2005, qabel ma naqas bi ftit b’7 punti perċentwali fil-PI. Minkejja dan, l-investiment nett matul il-PI kien relattivament baxx u kien jifrex bejn 1 300 000 EUR u 2 300 000 EUR. Iż-żieda tista’ tiġi attribwita għal investiment li sar minn wieħed mill-produtturi Komunitarja għall-kiri ta’ bini ġdid bil-ħsieb li jiċċentralizza u jimmodernizza l-proċess tal-produzzjoni kif ukoll xi investiment min-naħa ta’ l-industrija Komunitarja maħsub għall-manutenzjoni u għat-tiġdid tat-tagħmir eżistenti imma wkoll għal tagħmir u moduli ġodda f’attentat sabiex tittejjeb il-kompetittività tal-prodott tagħhom fil-konfront ta’ l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping miċ-Ċina.
|
(94) |
Matul il-perjodu meqjus, ma kienet ipprovduta l-ebda evidenza lill-Kummissjoni rigward ħila mnaqqsa jew miżjuda sabiex jinġabar il-kapital. |
(n) Id-daqs tal-marġni tad-dumping
(95) |
Meta jitqiesu l-volum, is-sehem tas-suq u l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet mill-pajjiż konċernat, ma jistax jitqies li l-impatt fuq l-industrija Komunitarja tad-daqs tal-marġnijiet effettivi tad-dumping huwa wieħed negliġibbli. |
(o) L-irkupru minn dumping fl-imgħoddi
(96) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunke informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ dumping qabel is-sitwazzjoni vvalutata f’dan il-proċediment, qed jitqies li dan il-fattur mhux rilevanti. |
6. Konklużjoni dwar id-dannu
(97) |
Bejn l-2003 u l-PI, il-volum ta’ l-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping tal-prodott konċernat li kienu joriġinaw fir-RPĊ żdied bil-kbir, b’182 % u s-sehem tas-suq Komunitarju ta’ dawn l-importazzjonijiet kiber b’aktar minn 35 punt perċentwali. Matul il-perjodu meqjus, il-prezzijiet medji ta’ l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping kienu ferm aktar baxxi minn dawk ta’ l-industrija Komunitarja. Barra minn hekk, matul il-PI, il-prezzijiet ta’ l-importazzjonjiet mir-RPĊ b’mod sinifikanti kienu irħas minn dawk ta’ l-industrija Komunitarja. Fuq bażi medja mgħobbija (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi), it-traħħis tal-prezzijiet fil-PI, kien bejn it-22 % u t-43 %. |
(98) |
Uħud mill-indikaturi esperjenzaw żvilupp pożittiv bejn l-2003 u l-PI. Il-prezz medju tal-bejgħ ta’ unità żdied b’20 %, l-indikatur tal-kapaċità tal-produzzjoni żdied bi 12 % u kien hemm żieda fl-investiment b’140 %. Madankollu, diġà ntwera fil-premessi (78), (88) u (93) hawn fuq li raġunijiet partikolari jispjegaw dawn l-iżviluppi. Barra minn hekk, kif ġie indikat hawn fil-premessa (90), il-profittabilità matul il-perjodu meqjus kollu wriet sinjali ta’ rkupru hekk kif it-telf naqas b’mod sinifikanti bejn l-2003 u l-PI. Minkejja dan, għandu jitfakkar li l-profittabilità baqgħet negattiva u l-livell tat-telf fil-PI ma jistax jitqies negliġibbli. |
(99) |
Matul il-perjodu meqjus, instab deterorjament sinifikanti fis-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja. Bejn l-2003 u l-PI, il-parti l-kbira ta’ l-indikaturi tad-dannu żviluppaw b’mod negattiv: il-volum tal-produzzjoni naqas b’46 %, l-użu tal-kapaċità naqas b’aktar min-nofs, il-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja naqas bi 52 % u s-sehem tas-suq korrispondenti naqas kważi bin-nofs, bl-impjiegi jonqsu b’31 %, u l-produttività tinżel bi 22 %. |
(100) |
Fid-dawl ta’ dak li ngħad aktar ‘il fuq, qed jiġi konkluż li l-industrija Komunitarja batiet minn dannu materjali fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. |
E. KAWŻALITÀ
1. Introduzzjoni
(101) |
Skond l-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping ikkawżawx dannu lill-industrija Komunitarju sa tali punt li jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala materjali. Fatturi magħrufa għajr l-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping, li fl-istess ħin setgħu kienu qed jagħmlu dannu lill-industrija Komunitarja, kienu eżaminati wkoll sabiex ikun żgurat li d-dannu possibbli kkawżat minn dawn il-fatturi l-oħra ma kienx attribwit lill-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping. |
2. L-effetti ta’ l-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping
(102) |
Bejn l-2003 u l-PI, iż-żieda sinifikanti fil-volum ta’ l-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping b’182 %, u tas-sehem tas-suq Komunitarju korrispondenti tagħha, jiġifieri b’35 punt perċentwali, kif ukoll it-traħħis li nstab (bejn 22 % u 43 % matul il-PI) ġeneralment ikkoinċidew mad-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-industrija Komunitarja, kif ġie spjegat fil-premessa (98) hawn fuq. Barra minn hekk, il-prezzijiet li kienu suġġetti għal dumping, bejn wieħed u ieħor, kienu ferm taħt dawk ta’ l-industrija Komunitarja matul il-perjodu meqjus kollu. Jitqies li dawn l-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping eżerċitaw pressjoni ‘l isfel fuq il-prezzijiet, fejn ma ħallewx li l-industrija Komunitarja żżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha sa livell li kien ikun meħtieġ sabiex tagħmel profitt u li l-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping kellhom impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja. Barra minn hekk, jidher li l-industrija Komunitarja tilfet parti sinifikanti mis-sehem tas-suq tagħha lil dik iż-żieda fil-volum ta’ l-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping. It-tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ wassal għal żieda relattiva fl-ispejjeż fissi ta’ l-industrija Komunitarja li kellha impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni finanzjarja wkoll. Għalhekk, hemm rabta kawżali ċara bejn l-importazzjonijiet mir-RPĊ u d-dannu materjali li batiet l-industrija Komunitarja. |
3. L-effetti ta’ fatturi oħra
Ir-rendiment ta’ l-esportazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja
(103) |
Kif wieħed jista’ jara mit-tabella ta’ hawn taħt, matul il-perjodu meqjus kien hemm tnaqqis bi 33 % fil-volum tal-bejgħ mill-esportazzjoni li, madankollu, ma kienx daqshekk akut daqs it-tnaqqis fil-bejgħ fil-KE, li kien deskritt fil-premessa 0 hawn fuq. Matul il-PI, il-bejgħ mill-esportazzjoni kien ivarja bejn il-100 000 u l-150 000 biċċa. Bejn l-2003 u l-PI, il-prezz medju ta’ unità ta’ bejgħ mill-esportazzjoni baqa’ stabbli u kien ivarja bejn il-100 u l-150 EUR.
|
(104) |
Meta titqies l-istabbiltà tal-prezzijiet fis-swieq ta’ l-esportazzjoni u t-tnaqqis relattivament iżgħar fil-volumi ta’ l-esportazzjoni, jitqies li anki jekk l-attività ta’ l-esportazzjoni setgħet ikkontribwixxiet għad-dannu li batiet l-industrija Komunitarja, dan ma sarx sa tali punt li jikser ir-rabta kawżali. |
Iż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni
(105) |
Parti interessata waħda sostniet li ż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ l-industrija Komunitarja ma setgħetx tkun ikkawżata biss miż-żieda fil-prezz tal-materja prima (prinċipalment il-partijiet metalliċi), imma anki minn kawżi oħra u għaldaqstant dan jindika dannu li l-industrija għamlet lilha nfisha. ta’ min jinnota li l-parti ma kinitx speċifika dwar il-kawżi li suppost jindikaw id-dannu li l-industrija Komunitarja għamlet liha nfisha. |
(106) |
L-investigazzjoni wriet li, bejn l-2003 u l-PI, l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ unità min-naħa ta’ l-industrija Komunitarja żdiedu b’madwar 8 %. Iż-żieda tista’ tkun parzjalment attribwita għaż-żieda apparenti fil-prezz tal-materja prima. L-investigazzjoni wriet li xi parti miż-żieda fl-ispejjeż hija minħabba struttura ta’ l-ispejjeż iddeterjorata u b’mod partikolari l-ispejjeż fissi ta’ unità, li nqalgħu minħabba tnaqqis sinifikanti fin-numru ta’ unitajiet prodotti. Madankollu, il-parti l-kbira taż-żieda għandha tiġi attribwita liż-żieda ċara fil-prezz tal-komponenti li jintużaw għall-produzzjoni tal-mudelli fis-segment ta’ fuq tas-suq. |
(107) |
Madankollu, iż-żieda fl-ispiża medja tal-produzzjoni ta’ unità kienet aktar milli kkumpensata miż-żieda fil-prezz medju ta’ bejgħ ta’ unità (ara l-premessa (87) hawn fuq) li rriżultat f’titjib tal-profittabilità (għalkemm għadha negattiva), kif deskritt fil-premessa (90). Għalhekk, qed jitqies li ż-żieda fl-ispiża tal-produzzjoni ma kkontribwixxietx għad-dannu li batew il-produtturi Komunitarji. |
L-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra
(108) |
Fuq il-bażi tad-data ta’ l-Eurostat, il-volum ta’ l-importazzjonijiet fil-Komunità tal-prodott simili li joriġinaw mill-bqija tad-dinja (jiġifieri, eskluża l-PRC) naqas bi 33 % fl-2004, b’7 punti perċentwali oħra fl-2005, qabel ma rkupra ftit b’9 punti perċentwali fil-PI. B’kollox, it-tnaqqis bejn l-2003 u l-PI jammonta għal 31 %. Is-sehem tas-suq korrispondenti ta’ l-importazzjonijiet mill-bqija tad-dinja naqas minn 35 % fl-2003 għal 26 % fil-PI. |
(109) |
Ma kienet disponibbli l-ebda informazzjoni dettaljata dwar il-prezz ta’ l-importazzjonijiet mill-bqija tad-dinja. Meta jitqies li d-data ta’ l-Eurostat ma tqisx it-taħlita tal-prodotti, din id-data ma setgħet tintuża għall-ebda paragun raġonevoli mal-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja. L-investigazzjoni ma tat l-ebda indikazzjoni li l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet mill-bqija tad-dinja kellhom ikunu orħos mill-prezzijiet Komunitarji. |
(110) |
Meta jitqies it-tnaqqis fil-volum u fis-sehem tas-suq u meta jitqies in-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza li tgħid il-kuntrarju, qed jiġi konkluż li l-importazzjonijiet mill-bqija tad-dinja ma kkważawx dannu materjali, jekk ikkawżaw xi ħaġa, lill-industrija Komunitarja.
|
Il-kompetizzjoni minn produtturi oħra fil-Komunità
(111) |
Kif ġie indikat fil-premessa (64) hawn fuq, produttur wieħed fil-Komunità kien eskluż mid-definizzjoni tal-produzzjoni Komunitarja. Barra minn hekk, numru ta’ produtturi u ta’ assemblaturi ma kkoperawx f’dan il-proċediment (ara l-premessa (58)). Fuq il-bażi ta’ l-informazzzjoni miksuba matul l-investigazzjoni mingħand produtturi li kkoperaw u mill-ilment, qed jiġi stmat li l-volumi tal-bejgħ ta’ dawn il-produtturi l-oħra fil-Komunità għas-suq tal-KE kienu ta’ madwar 1 000 000 biċċa fis-sena 2003 u naqsu b’mod sinifikanti matul il-perjodu meqjus kollu, fejn laħqu madwar 400 000 biċċa fil-PI. Bl-istess mod, is-sehem korrispondenti mis-suq naqas matul il-perjodu meqjus minn 31 % fl-2003 għal 13 % fil-PI. Għalhekk dawn il-produtturi ma ggwadanjaw l-ebda volum tal-bejgħ u sehem mis-suq bi skapitu ta’ l-industrija Komunitarja. Għall-kuntrarju, b’mod simili għall-industrija Komunitarja, tilfu porzjon kbir tal-bejgħ u mis-sehem tas-suq tagħhom lill-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping miċ-Ċina. |
(112) |
Meta jitqies dak li ngħad aktar ‘il fuq, u meta titqies in-nuqqas ta’ informazzjoni li tgħid il-kuntrarju, qed jiġi konkluż li l-produtturi l-oħra fil-Komunità ma kkontribwixxewx għad-dannu li batiet l-industrija Komunitarja.
|
It-tnaqqis fil-konsum fis-suq Komunitarju
(113) |
Kif wieħed jista’ jara mill-premessa (69) hawn fuq, il-konsum naqas b’madwar 200 000 biċċa jew 6 % matul il-perjodu meqjus. Madankollu, ta’ min jinnota li matul l-istess perjodu, it-tnaqqis fil-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarja kien ferm aktar akut, kemm f’termini assoluti (il-bejgħ niżel b’250 000 sa 300 000 biċċa) u f’termini relattivi (il-bejgħ niżel bil-kbir bi 52 %). Fl-istess ħin, filwaqt li l-industrija Komunitarja tilfet kważi nofs is-sehem tas-suq tagħha (ara l-premessa 0, is-sehem tas-suq tal-kompressuri Ċiniżi żdied b’35 punt perċentwali (ara l-premessa (71)). B’hekk qed jiġi konkluż li t-tnaqqis fil-konsum ma kkawżawx id-dannu li batiet l-industrija Komunitarja. |
4. Konklużjoni dwar il-kawżalità
(114) |
Il-koinċidenza fiż-żmien, bejn min-naħa l-waħda, iż-żieda bil-kbir fl-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping mir-RPĊ, iż-żieda korrispondenti fl-ishma tas-suq u t-traħħis tal-prezzijiet li nstab u, fuq in-naħa l-oħra, id-deterjorament fis-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja, twassal għall-konklużjoni li l-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping ikkawżaw id-dannu materjali li batiet l-industrija Komunitarja fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku. |
(115) |
L-investigazzjoni wriet li r-rendiment ta’ l-esportazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja seta’ kkontribwixxa, sa ċertu punt, għad-dannu li batiet, imma mhux sa punt li jikser ir-rabta kawżali. Ġew analizzati fatturi oħra magħrufa imma nstab li ma kkontribwixxewx għad-dannu li batiet l-industrija Komunitarja. Instab li ż-żieda fl-ispiża tal-produzzjoni ta’ unità ta’ l-industrija Komunitarja kienet aktar minn ikkumpensata miż-żieda fl-istess ħin fil-prezz tal-bejgħ, u konsegwentement tqies li ma setgħetx ikkontribwixxiet għad-dannu li batiet l-industrija Komunitarja. Fejn għandhom x’jaqsmu l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, meta jitqies it-tnaqqis fil-volumi u fis-sehem tas-suq tagħhom u meta titqies in-nuqqas ta’ possibbiltà għal paragun xieraq tal-prezzijiet mal-prezzijiet Komunitarji, kien konkluż li dawn l-importazzjonijiet ma kkważawx id-dannu. Rigward il-kompetizzjoni mill-produtturi l-oħra fil-Komunità, meta jitqies it-tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ tagħhom u s-sehem tas-suq mitluf lill-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping, kien stabbilit li l-attività tagħhom ma kkontribwixxietx għad-dannu li batiet l-industrija Komunitarja. Rigward it-tnaqqis fil-konsum, meta jitqies li kien iżgħar mit-tnaqqis fil-bejgħ fil-Komunità tal-produtturi Komunitarji, u li kien jikkoniċidi maż-żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping miċ-Ċina, kien konkluż li, bħala tali, ma kkawżax id-dannu. |
(116) |
Fuq il-bażi ta’ l-analiżi t’aktar ‘il fuq, li għamlet distinzjoni xierqa u sseparat l-effetti tal-fatturi magħrufa kollha li kellhom effett fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja mill-effett dannuż ta’ l-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping, qed jiġi konkluż li l-importazzjonijiet mir-RPĊ ikkawżaw dannu materjali lill-industrija Komunitarja fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku. |
F. L-INTERESS KOMUNITARJU
(117) |
Il-Kunsill u l-Kummissjoni eżaminaw jekk kinux jeżistu raġunijiet konvinċenti li jwasslu għall-konklużjoni li mhuwiex fl-interess Komunitarju li jadottaw miżuri f’dan il-każ partikolari. Għal dan il-għan, u skond l-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill u l-Kummissjoni qiesu l-impatt probabbli tal-miżuri għall-partijiet kollha konċernati. Is-servizzi tal-Kummissjoni oriġinarjament bagħtu l-iżvelar finali fis-sens ta’ l-Artikolu 20 l-paragrafu 4, l-ewwel sentenza, tar-Regolament bażiku, li fih l-orjentazzjoni kienet li ma jiġux imposti miżuri. Skond l-iżvelar, ċerti operaturi, b’mod partikolari żewġ produtturi li kkoperaw fil-Komunità, ressqu ċerti argumenti li wasslu għal rivalutazzjoni tal-kwistjoni. L-iktar argument importanti minnhom se jiġi diskuss hawn taħt. |
1. L-interess tal-produtturi li kkoperaw fil-Komunità
(118) |
Mingħajr preġudizzju għad-definizzjoni ta’ l-industrija Komunitarja (ara l-premessa (67)), huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li, kif issemma fil-premessa (60), il-gruppi ta’ kumpanniji kollha li kkoperaw fil-Komunità stabbilew faċilitajiet ta’ produzzjoni fir-RPĊ u importaw ammonti dejjem akbar tal-prodott konċernat għal bejgħ mill-ġdid fis-suq Komunitarju. Kif imsemmi fil-premessa (58), grupp wieħed ta’ kumpanniji biegħ il-faċilità tiegħu ta’ produzzjoni bbażata fil-Komunità lil kumpannija oħra fl-2007, jiġifieri wara l-PI. Meta jitqies li dan huwa żvilupp li seħħ wara l-PI u li matul il-perjodu meqjus kollu dan il-grupp kien qed jimmanifattura l-prodott simili fil-Komunità, l-interessi tiegħu qed jiġu diskussi taħt din l-intestatura u l-grupp qed jissejjaħ produttur fil-Komunità. |
(119) |
L-investigazzjoni wriet li jekk jiġu imposti xi miżuri, l-industrija Komunitarja probabbilment tkompli tbati minn dannu. Tabilħaqq, probabbli jkun hemm deterjorazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja u tnaqqis ulterjuri fis-sehem tagħha mas-suq. |
(120) |
Min-naħa l-oħra, jekk jiġu imposti xi miżuri, dan jista’ jagħti spazju għal żieda fil-prezzijiet u/jew fil-volumi tal-bejgħ (u fis-sehem mis-suq) li min-naħa tagħha tipprovdi lill-industrija Komunitarja bil-possibbiltà li ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tagħha. |
(121) |
Safejn għandu x’jaqsam l-iżvilupp possibbli tas-sehem tas-suq ta’ l-industrija Komunitarja, jekk jiġu imposti xi miżuri, għandu jiġi nnotat li l-produtturi kollha li kkoperaw, matul il-proċediment, sostnew li dan jirriżulta fit-tidwir tal-proċess kurrenti ta’ delokalizzazzjoni u fiċ-ċaqliq (għall-inqas ta’ parti) tal-produzzjoni lura lejn il-Komunità. |
(122) |
F’dan ir-rigward, l-analiżi tad-data dettaljata mressqa minn żewġ produtturi li kkoperaw fil-Komunità u mis-sussidjarji relatati tagħhom fir-RPĊ wriet biċ-ċar li fis-sitwazzjoni ekonomika partikolari li tipprevali matul dawn l-aħħar snin fir-RPĊ hemm differenzi importanti fl-ispejjeż favur il-produzzjoni fir-RPĊ tal-prodott konċernat iddestinat għas-suq Komunitarjumilli fil-Komunità. Dawn id-differenzi u d-dumping li ġie ppratikat mill-esportaturi Ċiniżi fis-suq Komunitarju setgħu wasslu biex il-produtturi kollha li kkoperaw fil-Komunità l-ewwel nett jiddelokalizzaw (parti mill-) il-produzzjoni tagħhom. |
(123) |
Għalhekk ġie eżaminat jekk l-impożizzjoni ta’ dazji ta’ l-antidumping, li fil-każ ta’ esportaturi relatati mal-produtturi msemmija fil-premess (122) huma relattivament baxxi, hijiex se tbiddel, fir-rigward ta’ mill-inqas żewġ produtturi li kkoperaw, il-parametri ekonomiċi li wasslu għall-proċess ta’ delokalizzazzjoni. Ġie stabbilit li l-ispiża sħiħa tal-kumpressuri mibjugħa fil-Komunità u prodotti fir-RPĊ (inklużi, inter alia, l-ispejjeż ta’ manifattura, bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi, trasport tal-merkanzija bil-baħar, dazju konvenzjonali u dazju possibbli ta’ l-antidumping) għandha tkun ta’ l-istess kobor, għalkemm ftit iktar baxxa, daqs l-ispiża sħiħa ta’ produzzjoni u bejgħ ta’ kupressuri simili fil-Komunità. |
(124) |
Barra minn dan, dawn iż-żewġ kumpanniji tennew il-pożizzjoni tagħhom li jekk il-miżuri jnaqqsu l-livell tat-twaqqigħ fil-prezz imġarrab mill-prodotti Ċiniżi li huma l-oġġett ta’ dumping, huma jkunu f’pożizzjoni li jżidu u/jew jibdew mill-ġdid il-produzzjoni tagħhom fil-Komunità bl-użu tal-kapaċitajiet eżistenti li bħalissa huma weqfin. |
(125) |
Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż, kif iddikjarat miż-żewġ produtturi li kkoperaw fis-sottomissjonijiet tagħhom wara l-iżvelar, li dawk il-produtturi jistgħu jużaw il-kapaċitajiet sostanzjali awżiljari fl-Ewropa. Dan jidher li huwa possibbli fid-dawl li l-miżuri propsti għandhom jaslu qrib li jillivellaw l-ispiża tal-prodotti, ikkunsijati fis-suq Komunitarju, prodotti fir-RPĊ u fil-Komunità. Konsegwentement, ma jistax jiġi eskluż li dawk il-produtturi għandhom iżidu l-produzzjoni tagħhom fil-Komunità bħala konsegwenza ta’ l-impożizzjoni tal-miżuri. Fl-aħħarnett, ma jistax jiġi eskluż, jekk id-dazji fuq l-esportazzjonijiet mill-produtturi relatati fir-RPĊ jnaqqsu d-differenza fl-ispiża tal-prodotti kkunsinjati lis-suq Komunitarju, prodott fir-RPĊ u fil-Komunità, dawk il-produtturi għandhom jippreferu li ma jikkonċentrawx il-produzzjoni kollha ‘l barra mill-Komunità, sabiex jispeċjalizzaw il-produzzjoni ta’ ċerti mudelli f’ċerti lokalitajiet, jew sabiex jiddiversifikaw ir-riskju. |
(126) |
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ produttur terz li kkopera, il-kumpannija relatata tagħha fir-RPĊ ma kinitx inkluża fil-kampjun għall-kalkolu tal-marġini tad-dumping u għalhekk għandha, fil-każ ta’ miżuri ta’ impożizzjoni, taqa’, bħala priċipju, taħt id-dazju medju ta’ 51,8 % applikabbli għal kumpanniji koperanti li ma ttieħdux bħala kampjun. Fid-dawl li ma kinitx inkluża fil-kampjun, il-Kummissjoni ma għandhiex informazzjoni verifikata fir-rigward ra’ l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-kumpannija Ċiniża. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li f’dak il-każ l-ispiża sħiħa tal-kumpressuri mibjugħa fil-Komunità u prodotti fir-RPĊ (inklużi, inter alia, l-ispejjeż ta’ manifattura, bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi, trasport tal-merkanzija bil-baħar, dazju konvenzjonali u dazju possibbli ta’ l-antidumping) għandha taqbeż l-ispiża sħiħa ta’ produzzjoni u bejgħ ta’ kupressuri simili fil-Komunità. |
(127) |
Wara l-iżvelar, l-assoċjazzjoni Taljana tal-manifatturi tal-kumpressuri li ressqet l-ilment (ANIMA) enfasizzat il-ħtieġa tal-miżuri antidumping sabiex jippermettu l-produtturi jkomplu jimmanifatturaw fil-Komunità u għas-sopravivenza ekonomika tagħhom. Għamluha ċara li wkoll jekk il-fornituri relatati Ċiniżi ta’ ċerti produtturi Ewropej jkunu suġġetti għal dazji ta’ l-antidumping relattivament għolja, xorta waħda jkunu favorevoli li jiġu imposti l-miżuri. |
(128) |
Twettqet evalwazzjoni tal-benefiċċju potenzjali ta’ l-industrija Komunitarja f’każ li jiġu imposti xi miżuri. Ġie nnutat li jekk il-miżuri ma jiġux imposti dan jaf iwassal għal deterjorazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja u ta’ tnaqqis ulterjuri tas-sehem tagħhom tas-suq. Dan probabbli jwassal għat-telf ta’ numru ta’ impjiegi kif ukoll ta’ l-investiment li kien sar sabiex tinbena kapaċità ta’ produzzjoni fil-Komunità. Ukoll dawn l-elementi, minkejja li huma diffiċli biex jiġu kkwantifikati, jeħtieġu jqisu l-valutazzjoni globali ta’ l-interess tal-Komunità. Min-naħa l-oħra, jekk id-dazi ta’ l-antidumping jiġu imposti, ma jistax jiġi eskluż li tista’ sseħħ żieda fil-produzzjoni fil-Komunità, possibilment li tinvolvi rilokazzjoni ta’ xi parti mill-produzzjoni lura fil-Komunità. Dan jista’ jwassal għal żieda fl-impjiegi u jista’ jkollu impatt addizzjonali fuq l-industrija ta’ forniment, li tforni prodotti kważi lesti lill-produtturi Komunitarji tal-kumpressuri. |
2. L-interess tal-produtturi Komunitarji l-oħra
(129) |
Dawn il-produtturi ma kkoperawx fl-investigazzjoni. Is-sehem tas-suq tagħhom huwa simili għal dak li għandha l-industrija Komunitarja. Minħabba n-nuqqas ta’ koperazzjoni u minħabba l-fatt li l-biċċa l-kbira minn dawn il-produtturi ma ħadu l-ebda pożizzjoni ċara dwar dan il-proċediment, mhemm l-ebda indikazzjoni ta’ x’ikun l-interess ta’ dawn il-produtturi. Wara l-iżvelar wieħed mill-produtturi li ma kkoperawx u żewġ produturi kwerelanti li ma kkoperawx aktar f’dan il-proċediment (ara l-premessa (59)) kif ukoll assoċjazzjoni Taljana ta’ manifatturi tal-kumpressuri (ANIMA) ippreżentaw ruħhom sabiex itennu l-argumenti msemmija fil-premessa (127) hawn fuq. Huma ddikjaraw b’mod ċar li huma favur l-impożizzjoni tal-miżuri. |
3. L-interess ta’ l-importaturi (mhux relatati), tal-konsumaturi u ta’ operaturi ekonomiċi oħra fil-Komunità
(130) |
Matul il-PI, l-uniku imporatur mhux relatat li kkopera importa madwar 20 % tal-volum totali Komunitarju ta’ l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat li joriġinaw fir-RPĊ. Fin-nuqqas ta’ koperazzjoni alternattiva u meta titqies il-perċentwali li ssemmiet hawn fuq, dan l-importatur qed jitqies li huwa rappreżentattiv tas-sitwazzjoni ta’ l-importaturi mhux relatati. Din il-parti li kkoperat indikat li hija kontra l-impożizzjoni ta’ miżuri antidumpingfuq l-importazzjonijiet ta’dan il-prodott partikolari mir-RPĊ. Matul il-PI, l-attività tal-bejgħ mill-ġdid tal-prodott konċernat kienet tammonta għal bejn 2 % u 8 % tal-fatturat totali tal-kumpannija ta’ dan l-importatur. F’termini ta’ forza tax-xogħol, bejn 30 u 70 persuna huma direttament involuti fix-xiri, fin-negozju u fil-bejgħ mill-ġdid tal-prodott konċernat. |
(131) |
Intalbet anki l-koperazzjoni ta’ l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi kif ukoll tal-bejjiegħa bl-imnut, tad-distributuri, tan-negozjanti u/jew ta’ operaturi ekonomiċi oħra li kien magħruf li kienu involuti fil-katina ta’ distribuzzjoni fil-Komunità. Madankollu, ma nkisbet l-ebda koperazzjoni. Meta jitqies li importatur mhux relatat wieħed biss ikkopera f’dan il-proċediment u meta jitqies in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni min-naħa ta’ kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor fil-Komunità jew min-naħa ta’ kwalunkwe assoċjazzjoni tal-konsumaturi, tqies li kien xieraq li jiġi analizzat l-impatt potenzjali globali u ġenerali tal-miżuri possibbli fuq dawn il-partijiet kollha. B’mod ġenerali, ġie konkluż li s-sitwazzjoni tal-konsumaturi u ta’ l-operaturi ekonomiċi kollha involuti fil-katina ta’ distribuzzjoni fil-Komunità jistgħu jkunu affetwati b’mod negattiv mill-miżuri possibbli. |
4. Konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità
(132) |
Minħabba r-raġunijiet espressi fil-premessi (125) u (126), f’dan il-każ speiċfiku, ma jistax jiġi eskluż li l-produtturi li kkoperaw fil-Komunità jistgħu jieħdu l-opportunità li jgawdu mill-miżuri billi jirkupraw ftit mill-produzzjoni mitlufa minħabba dumping ta’ dannu billi jutilizzaw il-kapaċitajiet eżistenti li mhumiex użati. |
(133) |
Huwa rikonoxxut li, l-impożizzjoni tal-miżuri jista’ jkollha effett negattiv fuq il-konsumaturi u l-operaturi ekonomiċi kollha fil-katina ta’ distribuzzjoni fil-Komunità. Minkejja dan, jidher ċar ukoll li jekk il-produzzjoni fil-Komunità tiżdied (u permezz ta’ hekk, probabbli, in-numru ta’ persuni impjegati f’din il-produzzjoni fil-Komunità tiżdied) il-miżuri għandhom joħolqu ċerti benefiċċji għall-Komunità. |
(134) |
L-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku jirreferi għall-ħtieġa li tingħata konsiderazzjoni speċjali lill-ħtieġa li jinstab rimedju għall-effetti ta’ tgħawwiġ għan-negozju ta’ dumping dannuż u li l-kompetizzjoni effettiva terġa’ lura kif kienet, minkejja li din id-dispożizzjoni partikolari trid titqies fil-qafas ġenerali tat-test ta’ l-interess Komunitarju kif stiġulat fl-Artikolu msemmi qabel. B’hekk, l-effetti ta’ l-impożizzjoni tal-miżuri jew tan-nuqqas ta’ impożizzjoni tal-miżuri fuq il-partijiet kollha konċernati jridu jiġu eżaminati. |
(135) |
Bħala konklużjoni, fid-dawl tal-marġini għoli tad-dumping u d-dannu, huwa meqjus li, f’dan il-każ partikolari, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni ppreżentata mhemmx biżżejjed evidenza sabiex jiġi konkluż li l-impożizzjoni possibbli tal-miżuri għandha tkun sproporzjonata b’mod ċar u kontra l-interess tal-Komunità. |
(136) |
Minkejja dan, jekk irrispettivament mill-impożizzjoni tad-dazji, il-qagħda prevalenti qabel l-impożizzjoni tal-miżuri (b’mod partikolari l-53 % tas-sehem mis-suq ta’ l-importazzjonijiet mir-RPĊ u s-sehem mis-suq relattivament baxx tal-produtturi li kkoperaw fil-Komunità) tibqa’ ma tinbidilx, l-ispiża tad-dazju possibbli li għandha tiġġarrab mill-konsumaturi u l-operaturi ekonomiċi fil-Komunità (inkluż l-importaturi, in-negozjanti u l-bejjiegħa bl-imnut) tista’ titqies, fit-tul, li tkun aqwa mill-benefiċċju għall-industrija Komunitarja. Għalhekk, il-miżuri għandhom jiġu imposti għal sentejn, u se jsiru ċerti obbligi ta’ rappurtar, b’mod partikolari, għall-produtturi tal-Komunità. |
G. IL-MIŻURI DEFINITTIVI
Il-livell stmat ta’ l-eliminazzjoni tal-ħsara
(137) |
Il-livell ta’ kwalunkwe miżura anti-dumping għandu jkun biżżejjed li tiġi eliminata l-ħsara lill-industrija Komunitarja kkawżata mill-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping, mingħajr ma jinqabżu l-marġni ta’ dumping misjuba. Meta jiġi kkalkulat l-ammont ta’ dazju neċessarju biex jitneħħew l-effetti tad-dumping li jagħmel il-ħsara, tqies li kwalunkwe miżura għandha tħalli lill-industrija Komunitarja tikseb profitt qabel it-taxxa li jista’ jinkiseb b’mod raġonevoli minn industrija ta’ dan it-tip fis-settur f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, jiġifieri fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping. Fid-dawl li l-industrija Komunitarja ma kinitx profittabbli fir-rigward tal-prodott simili matul il-perjodu sħiħ meqjus, tqies li marġini ta’ profitt ta’ 5 % li nkiseb mil-industrija fuq prodotti oħra fl-istess kategorija li pproduċew u biegħu matul il-PI, huwa livell xieraq li l-industrija Komunitarja tkun tista’ tiġi mistennija li tikseb fir-rigward tal-prodott simili fin-nuqqas ta’ dumping dannuż. |
(138) |
Iż-żieda fil-prezz meħtieġa mbagħad ġiet iddeterminata fuq bażi ta’ paragun, għal kull tip ta’ prodott, tal-prezz medju mobbli ta’ l-importazzjoni, kif stabbilit għall-kalkoli tal-bejgħ bi prezz aktar baxx minn dak tas-suq, bil-prezz li ma jagħmilx ħsara tal-prodott simili mibjugħ mill-industrija Komunitarja. Il-prezz li ma jagħmilx ħsara nkiseb bl-aġġustament tal-prezz tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja biex jiġi rifless il-marġini ta’ profitt imsemmi hawn fuq. Kull differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet imbagħad espressa bħala perċentwali tal-valur CIF totali ta’ l-importazzjoni. |
(139) |
It-tqabbil tal-prezz imsemmi hawn fuq wera li marġini ta’ dannu kkalkolati huma bejn 61,3 % u 160,8 % u fil-każ tal-kumpanniji kollha huma ogħla mill-marġini rispettivi ta’ dumping. Fid-dawl ta’ dak li ssemma hawn fuq u skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jitqies li gћandu jiġi impost dazju antidumping definittiv fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet ta’ ċerti kumpressuri li joriġinaw fir-RPĊ fil-livell tal-marġini tad-dumping. |
Miżuri definittivi
(140) |
Konsegwentament, id-dazji ta’ l-antidumping għandhom ikunu kif ġej:
|
(141) |
Ir-rati individwali tad-dazju antidumping li ġew speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ l-investigazzjoni attwali. Gћalhekk, dawn jirriflettu l-qagħda ta’ dawn il-kumpanniji li nstabet matul dik l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji. Dawn ir-rati tad-dazju (bil-maqlub ta’ dazji residwi applikabbli għall-“kumpanniji l-oħra kollha”) huma għalhekk esklussivament applikabbli għal importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fir-RPĊ u prodotti minn dawn il-kumpanniji u b’hekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati mmanifatturati minn kwalunkwe kumpannija oћra li ma tissemmix speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament b’isimha u bl-indirizz tagћha, inklużi l-entitajiet relatati ma dawk imsemmija speċifikament, ma jistgћux igawdu minn din ir-rata u gћandhom ikunu suġġetti gћar-rata tad-dazju li tapplika gћall-pajjiż kollu. |
(142) |
Kwalunkwe talba gћall-applikazzjoni ta’ din ir-rata ta’ dazju antidumping gћal kumpanniji individwali (eż. wara bdil fl-isem ta l-entità jew wara li jiġu stabbiliti entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew tal-bejgћ) gћandha tiġi indirizzata minnufih lill-Kummissjoni bit-tagħrif kollu rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpannija marbuta mal-produzzjoni, mal-bejgћ domestiku u ma’ dak ta’ l-esportazzjoni u li jkunu assoċjati, pereżempju, ma’ dik il-bidla fl-isem jew ma’ dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni u tal-bejgћ. Jekk xieraq, ir-Regolament għandu skond dan ta’ hawnhekk jiġi emendat billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpanniji li jgawdu mid-dazji individwali. |
(143) |
Il-miżuri huma imposti sabiex jippermettu l-produtturi fil-Komunità jirkupraw mill-effett danuż tad-dumping. Sal-punt li jkun hemm kwalunkwe żbilanċ inizjali bejn il-benefiċċju potenzjali għall-produtturi fil-Komunità u l-ispiża għall-konsumaturi u operaturi ekonomiċi oħra fil-Komunità, dan l-iżbilanċ jista’ jiġi kkumpensat permezz ta’ żieda u/jew ir-riżunzjoni tal-produzzjoni fil-Komunità. Minkejja dan, kif diġà indikat hawn fuq, fid-dawl ta’ l-enormità tal-piż ta’ dazji possibbli u fid-dawl li x-xenraju mbassar ta’ produzzjoni miżjuda fil-Komunità tista’ wkoll ma timmaterjalizzax, huwa propost bħala prudenti, f’każijiet eċċezzjonali bħal dawn, li jiġi limitat id-dewmien tal-miżuri għal perjodu ta’ sentejn biss. |
(144) |
Dan il-perjodu għandu jkun biżżejjed għall-produtturi fil-Komunità sabiex iżidu u/jew jerġgħu jibdew il-produzzjoni tagħhom fl-Ewropa, filwaqt li fl-istess ħin ma jipperikolawx b’mod sinifikanti l-qagħda tal-konsumaturi u operaturi ekonomiċi oħra fil-Komunità. Huwa meqjus li l-perjodu ta’ sentejn għandu jkun l-aktar xieraq sabiex jiġi analizzat jekk l-impożizzjoni tal-miżuri kellhiex l-effett li żżid il-produzzjoni Ewropea u permezz ta’ hekk tibbilanċja l-effetti negattivi fuq l-importaturi u l-konsumaturi. |
Implimentazzjoni
(145) |
Huwa meqjus ukoll bħala xieraq li l-qagħda fis-suq tal-Komunità tiġi ssorveljata mill-qrib, wara l-impożizzjoni tal-miżuri, fid-dawl tar-reviżjoni possibbli tal-miżuri minnufih jekk jidher li d-dazji mhumiex qed jilħqu l-effett immirat tagħhom, jiġifieri l-iżgurar tal-vijabilità tal-produtturi eżistenti fuq firxa qasira ta’ żmien u t-titjib tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tagħhom fuq firxa medja ta’ żmien. |
(146) |
Għal dan il-għan, il-produtturi fil-Komunità se jiġu mistiedna mill-Kummissjoni sabiex jirrapportawla perjodikament dwar l-evoluzzjoni tan-numru ta’ indikaturi ekonomiċi u finanzjarji ewlenin. Barra minn dan l-importaturi u l-operaturi l-oħra jistgħu jiġu mistiedna b’dan il-mod, jew jistgħu jipprovdu informazzjoni bħal din fuq inizjattiva tagħhom stess. Fuq il-bażi ta’ dawn id-data l-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni perjodika tal-qagħda ta’ importazzjonijiet u produzzjoni Komunitarja, sabiex tkun f’pożizzjoni li taġixxi b’ħeffa jekk ikun meħtieġ. |
(147) |
Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni kienet biħsieba tirrakkomanda l-impożizzjoni tad-dazji definittivi ta’ l-antidumping. Ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet sussegwentement għal dan l-iżvelar. Il-kummenti mressqa mill-partijiet tqiesu kif suppost, u, fejn xieraq, is-sejbiet ġew modifikati skond dan. Il-partijiet kollha ngħataw reazzjonijiet dettaljati għall-kummenti li ppreżentaw. |
(148) |
Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali bejn kwalunkwe esportatur ġdid u l-kumpanniji li kkoperaw li ma ġewx inklużi fil-kampjun, imsemmija fl-Anness għal dan ir-Regolament, għandha ssir dispożizzjoni għad-dazju medju bil-piż differnzjat impost fuq il-kumpanniji msemmija l-aħħar li għandha tiġi applikata għal kwalunkwe esportatur ġdid li jekk mhux hekk ikun intitolat għal reviżjoni skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Huwa b’dan impost dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ kompressuri bil-moviment alternat, li jagħtu fluss li ma jaqbiżx iż-2 metri kubiċi (m3) fil-minuta, li jaqgħu taħt il-kodiċ NM ex 8414 40 10, ex 8414 80 22, ex 8414 80 28 u ex 8414 80 51, (kodiċi TARIC 8414401010, 8414802219, 8414802299, 8414802811, 8414802891, 8414805119 u 8414805199) u li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.
2. Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz liberu fil-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju tal-prodotti deskriti fil-paragrafu 1 u prodotti mill-kumpanniji ta’ hawn taħt għandha tkun kif ġej:
Il-kumpannija |
Dazju |
Il-kodiċi addizzjonali TARIC |
Zhejiang Xinlei Mechanical & Electrical Co. Ltd., Wenling |
77,6 % |
A860 |
Zhejiang Hongyou Air Compressor Manufacturing Co. Ltd., Wenling and Taizhou Hutou Air Compressors Manufacturing Co. Ltd., Wenling |
76,6 % |
A861 |
Shanghai Wealth Machinery & Appliance Co. Ltd., Shanghai and Wealth (Nantong) Machinery Co., Ltd., Nantong |
73,2 % |
A862 |
Zhejiang Anlu Cleaning Machinery Co., Ltd., Taizhou |
67,4 % |
A863 |
Nu Air (Shanghai) Compressor and Tools Co. Ltd., Shanghai |
13,7 % |
A864 |
FIAC Air Compressors (Jiangmen) Co. Ltd., Jiangmen |
10,6 % |
A865 |
Il-kumpanniji li kkoperaw li ma ġewx inklużi fil-kampjun (elenkati fl-Anness) |
51,6 % |
A866 |
Il-kumpanniji l-oħra kollha |
77,6 % |
A999 |
3. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieћor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-dazji doganali li huma fis-seħħ.
4. Fejn kwalunkwe produttur esportatur ġdid fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummisjoni li:
— |
ma esportax lejn il-Komunità l-prodott deskritt fil-paragrafu 1 fil-perjodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2005 u t-30 ta’ Settembru 2006 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”), |
— |
mhuwiex relatat ma’ kwalunkwe esportatur jew produttur fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huwa suġġett għall-miżuri antidumping imposti permezz ta’ dan ir-Regolament, |
— |
fil-fatt esporta lejn il-Komunità l-prodott konċernat wara l-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew li daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli għall-esportazzjoni ta’ kwantità sinifikanti lejn il-Komunità, |
— |
jopera taħt kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq kif definiti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jew b’mod alternattiv li jissodisfa r-rekwiżiti li jkollu dazju individwali skond l-Artikolu 9(5) ta’ dak ir-Regolament, |
il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi permezz ta’ maġġoranza sempliċi dwar proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, jista’ jemenda l-paragrafu 2 billi jżid il-produttur esportatur ġdid mal-kumpanniji li kkoperaw mhux inklużi fil-kampjun u b’hekk suġġetti għad-dazju medju bil-piż differenzjat ta’ 51,6 %.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika sal-21 ta’ Marzu 2010.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Marzu 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
I. JARC
(1) ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).
(2) ĠU C 314, 21.12.2006, p. 2.
(3) ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 214/2007 (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 6).
ANNESS
PRODUTTURI ESPORTATURI ĊINIŻI LI KKOPERAW U LI MA TTIĦDUX BĦALA KAMPJUN
Kodiċi Addizzjonali TARIC A866
Fini (Taishan) Air Compressor Manufacturing Co., Ltd. |
Taishan |
Lacme Dafeng Machinery Co., Ltd. |
Dafeng |
Qingdao D&D Electro Mechanical Technologies Co., Ltd. u Qingdao D&D International Co., Ltd. |
Qingdao |
Shanghai Liba Machine Co., Ltd. |
Shanghai |
Taizhou Sanhe Machinery Co., Ltd. |
Wenling |
Taizhou Dazhong Air Compressors Co., Ltd. |
Wenling |
Taizhou Shimge Machinery & Electronic Co., Ltd. |
Wenling |
Quanzhou Yida Machine Equipment Co., Ltd. |
Quanzhou |