Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008E0749

    Azzjoni Konġunta 2008/749/PESK tal-Kunsill tad- 19 ta' Settembru 2008 dwar l-azzjoni ta’ koordinazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għar-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UE NAVCO)

    ĠU L 252, 20.9.2008, p. 39–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2008/749/oj

    20.9.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 252/39


    AZZJONI KONĠUNTA 2008/749/PESK TAL-KUNSILL

    tad-19 ta' Settembru 2008

    dwar l-azzjoni ta’ koordinazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għar-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UE NAVCO)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14, l-Artikolu 25, it-tielet subparagrafu, u l-Artikolu 28(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fir-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja, adottata fit-2 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) iddikjara li jinsab imħasseb dwar il-periklu li l-atti ta’ piraterija u serq bl-użu ta’ armi mwettqin fuq bastimenti qed joħolqu għat-trasport tal-għajnuna umanitarja fis-Somalja, għas-sigurtà tar-rotot marittimi kummerċjali u għat-tbaħħir internazzjonali. Il-KSNU impenja b’mod partikolari lill-Istati li jixtiequ jużaw ir-rotot marittimi kummerċjali li jgħaddu maġenb il-kosta Somala biex jirrinfurzaw u jikkoordinaw, f’kooperazzjoni mal-Gvern federali proviżorju (GFP), l-azzjoni meħuda biex tiskoraġġixxi l-atti ta’ piraterija u serq bl-użu ta’ armi mwettqin fuq il-baħar. Huwa awtorizza lill-Istati li jikkooperaw mal-GFP fejn dan tal-aħħar ikun innotifika isimhom lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, għal perijodu ta’ sitt xhur li jingħaddu mill-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni, biex jidħlu fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja u jużaw il-mezzi neċessarji kollha biex irażżnu l-atti ta’ piraterija u serq bl-użu ta’ armi fuq il-baħar, f’konformità mad-dritt internazzjonali applikabbli. Il-KSNU barra minn hekk talab lill-Istati parteċipanti biex jikkoordinaw bejniethom il-miżuri li jieħdu b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmijin hawn fuq.

    (2)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-26 ta’ Mejju 2008, il-Kunsill iddikjara l-preokupazzjoni tiegħu dwar il-mewġa ġdida ta’ piraterija mal-kosta tas-Somalja, li qed ittellef l-għajnuna umanitarja u t-traffiku marittimu internazzjonali fir-reġjun u qed tirfed il-vjolazzjoni tal-embargo fuq l-armi dikjarat min-Nazzjonijiet Uniti. Bl-istess mod il-Kunsill laqa’ b’sodisfazzjon is-sensiela ta’ inizjattivi meħudin minn ċerti Stati Membri tal-UE bil-ħsieb li joffru protezzjoni lill-bastimenti tal-Programm Dinji tal-Ikel. Huwa saħaq fuq il-ħtieġa ta’ parteċipazzjoni usa’ mill-komunità internazzjonali għal din l-iskorta sabiex l-għajnuna umanitarja titwassal lill-popolazzjoni Somala.

    (3)

    Fis-16 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill stieden lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirriflettu fuq possibbiltajiet differenti biex jiġu kkonkretizzati l-impenji kollha li jidhru fil-konklużjonijiet li huwa adotta fis-26 ta’ Mejju, kif ukoll biex jikkontribwixxu bl-aħjar mod għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-KSNU.

    (4)

    Fil-5 ta’ Awwissu 2008, il-Kunsill approva kunċett ta’ mmaniġġjar ta’ kriżijiet għal azzjoni tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-KSNU.

    (5)

    Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PSC) għandu jeżerċita l-kontroll politiku tal-azzjoni ta’ koordinazzjoni militari tal-UE b’appoġġ għar-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-KSNU, jipprovdi d-direzzjoni strateġika u jieħu d-deċiżjonijiet adatti, f’konformità mal-Artikolu 25, it-tielet subparagrafu, tat-Trattat dwar l-UE.

    (6)

    Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 28(3) tat-Trattat dwar l-UE, in-nefqa operattiva li tirriżulta minn din l-Azzjoni Konġunta, li jkollha implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża, għandha titħallas mill-Istati Membri. Minkejja l-fatt li n-nefqa għal azzjoni ta’ koordinazzjoni bħal dik prevista minn din l-azzjoni komuni mhix prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/384/PESK tal-14 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-amministrazzjoni tal-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (1) (“ATHENA”), ikun jaqbel f’dan il-każ u f’każ eċċezzjonali li n-nefqa ta’ din l-azzjoni ta’ koordinazzjoni tkun maniġġjata f’konformità mad-deċiżjoni msemmija hawn fuq.

    (7)

    L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-azzjoni ta’ koordinazzjoni militari tal-UE jikkostitwixxi l-aħjar stima attwali u ma jippreġudikax iċ-ċifri definittivi li għandhom jiġu inklużi f’baġit li jrid jiġi approvat skont ir-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/384/PESK.

    (8)

    Skond l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-UE u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Id-Danimarka ma tipparteċipax fl-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta u għalhekk ma tikkontribwixxix fil-finanzjament tal-azzjoni ta’ koordinazzjoni militari tal-UE,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    Objettiv

    L-Unjoni Ewropea tmexxi azzjoni ta’ koordinazzjoni militari b’appoġġ għar-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, imsejħa “UE NAVCO”.

    Artikolu 2

    Mandat

    1.   L-azzjoni ta’ koordinazzjoni militari tal-UE għandha l-għan, biex jinkiseb l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 1, li tipprovdi appoġġ għall-attivitajiet tal-Istati Membri li jiskjeraw mezzi militari fil-post sabiex titħaffef id-disponibbiltà u l-azzjoni operattiva tagħhom, partikolarment bil-ħolqien ta’ ċellula ta’ koordinazzjoni fi Brussell, minn issa ’l quddiem imsejjħa “iċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE”.

    2.   Għal dan l-għan, iċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE għandha twettaq il-missjonijiet stabbiliti fil-pjan ta’ implimentazzjoni approvat mill-Kunsill.

    Artikolu 3

    Ħatra tal-Kap taċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE

    Andrés A. BREIJO CLAÚR huwa b’dan maħtur Kap taċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE.

    Artikolu 4

    Stabbiliment taċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE

    Iċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE għandha tkun tinsab fi Brussell.

    Artikolu 5

    Pjan ta’ implimentazzjoni u l-bidu tal-azzjoni ta’ koordinazzjoni militari tal-UE

    1.   Il-pjan ta’ implimentazzjoni għal UE NAVCO huwa b’dan approvat.

    2.   L-azzjoni ta’ koordinazzjoni militari tal-UE għandha tibda fid-data tal-adozzjoni ta’ din l-azzjoni komuni mill-Kunsill.

    Artikolu 6

    Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

    1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-operazzjoni militari tal-UE. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa, skond l-Artikolu 25 tat-Trattat UE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi b’mod partikolari s-setgħat biex jemenda l-pjan ta’ implimentazzjoni. Għandha tinkludi wkoll il-kompetenzi neċessarji biex jittieħdu deċiżjonijiet ulterjuri li jirrigwardaw il-ħatra tal-Kap taċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE. Is-setgħat ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-tmiem tal-azzjoni ta’ koordinazzjoni militari tal-UE għandhom jibqgħu tal-Kunsill, megħjun mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ).

    2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

    3.   Il-KPS għandu jirċievi, f’intervalli regolari, rapporti tal-Kap taċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE dwar it-twettiq tal-azzjoni ta’ koordinazzjoni militari tal-UE. Il-KPS jista’, jekk ikun meħtieġ, jistieden għal-laqgħat tiegħu lill-Kap taċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE.

    Artikolu 7

    Direzzjoni militari

    1.   Il-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni korretta tal-azzjoni ta’ koordinazzjoni militari tal-EU mmexxija taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant taċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE.

    2.   L-EUMC għandu jirċievi, f’intervalli regolari, rapporti mill-Kap taċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE. Huwa jista’, fejn ikun il-każ, jistiednu lill- Kap taċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE għal dawn il-laqgħat.

    3.   Il-President tal-EUMC għandu jaġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt ewlieni mal-Kap taċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE.

    Artikolu 8

    Koerenza tar-rispons tal-UE

    1.   Il-Presidenza, is-SĠ/RGħ, il-Kap taċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE u l-Istati Membri li jiskjeraw mezzi militari fil-post għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni mill-qrib tal-attivitajiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

    2.   L-Istati Membri huma partikolarment mistiedna jikkomunikaw liċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni ta’ l-UE l-informazzjoni dwar l-attivitajiet operattivi tagħhom fil-post u dwar is-sitwazzjoni li tipprevali fiż-żona, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ bastimenti tal-merkanzija.

    Artikolu 9

    Relazzjonijiet man-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Afrikana, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u l-atturi l-oħra

    1.   Is-SĠ/RGħ, megħjun mir-Rappreżentant Speċjali għall-Unjoni Ewropea għall-Unjoni Afrikana, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Presidenza u f’kuntatt mal-Kap taċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE, għandu jkun il-punt ta’ kuntatt ewlieni man-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Afrikana.

    2.   Fil-livell operattiv, il-Kap taċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE għandu jkun il-punt ta’ kuntatt, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti, id-dipartimenti kkonċernati tas-Segretarjat Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Programm Dinji tal-Ikel, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u l-forza marittima “Combined Task Force 150” li taġixxi fil-qafas tal-Operazzjoni Libertà Dejjiema.

    Artikolu 10

    Appoġġ lil Stati terzi

    1.   Il-KPS jista’ jawtorizza, każ b’każ, lill-Kap taċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE biex jiżgura, bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti għall-Istati Membri, il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet meħudin mill-Istati terzi li jimplimentaw ir-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-KSNU, li jkunu talbu dan.

    2.   Għal dan l-għan, il-Kap taċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE huwa awtorizzat biex jikkonkludi arranġamenti amministrattivi u tekniċi mal-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati.

    Artikolu 11

    Responsabbiltà

    1.   Hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru li jkun issekonda persunal maċ-ċellula ta’ koordinazzjoni tal-UE li jwieġeb għal kull ilment marbut mal-issekondar, minn jew dwar il-membru tal-persunal. Hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat li jieħu kwalunkwe azzjoni kontra l-persunal issekondat.

    2.   Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jwieġbu għal kull ilment minn parti terza marbut mal-operazzjonijiet navali mwettqa mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom fil-kwadru tal-parteċipazzjoni ta’ dawk l-Istati fl-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-KSNU.

    Artikolu 12

    Dispożizzjonijiet finanzjarji

    1.   L-ispejjeż komuni tal-azzjoni ta’ koordinazzjoni militari tal-UE għandhom jitħallsu mill-Istati Membri skont l-iskala tad-dħul nazzjonali gross:

    komunikazzjoni,

    trasport/vjaġġar,

    amministrazzjoni

    2.   Il-finanzjament ta’ dawn l-ispejjeż komuni huwa ġestit mill-mekkaniżmu Athena.

    3.   L-ammont ta’ referenza finanzjarju għall-ispejjeż komuni tal-azzjoni ta’ koordinazzjoni militari tal-UE jammonta għal 60 000 EUR. Il-perċentwali tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 33(3) tad-Deċiżjoni 2007/384/PESK għandu jkun ta’ 30 %.

    Artikolu 13

    Komunikazzjoni ta’ informazzjoni lin-Nazzjonijiet Uniti u lil partijiet terzi oħrajn

    1.   Is-SĠ/RGħ huwa b’dan awtorizzat biex jikkomunika lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet terzi l-oħrajn assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE ġġenerati għall-finijiet tal-azzjoni ta’ koordinazzjoni militari tal-UE sal-livell ta’ klassifikazzjoni adatt għal kull wieħed minnhom, skond ir-Regolamenti tal-Kunsill rigward is-Sigurtà (2).

    2.   Is-SĠ/RGħ huwa b’dan awtorizzat biex jikkomunika lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet terzi l-oħra assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta, dokumenti mhux klassifikati tal-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-azzjoni ta’ koordinazzjoni militari tal-UE, koperti bl-obbligu ta’ segretezza professjonali, skond l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (3).

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ u tmiem

    1.   Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    2.   L-azzjoni ta’ koordinazzjoni militari tal-UE għandha tintemm fid-data ffissata mill-Kunsill u tkun soġġetta għal evalwazzjoni mill-ġdid fi tmiem il-perijodu ta’ validità tar-riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

    3.   Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi revokata fid-data tal-għeluq taċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-mekkaniżmu tad-Deċiżjoni 2007/384/PESK.

    Artikolu 15

    Pubblikazzjoni

    1.   Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Id-deċiżjonijiet tal-KPS dwar aktar ħatriet ta’ Kap taċ-Ċellula ta’ Koordinazzjoni tal-UE għandhom ukoll jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 19 ta’ Settembru 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. KOUCHNER


    (1)  ĠU L 152, 13.6.2007, p. 14.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-Regolamenti tal-Kunsill rigward is-Sigurtà (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/338/KE, Euratom tat-22 ta’ Marzu 2004 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 106, 15.4.2004, p. 22).


    Top