Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0746

    2008/746/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 20 ta’ Mejju 2008 li tikkonċerna l-għajnuna mill-istat mogħtija minn Franza għall-kostruzzjoni tal-bastiment tal-kruċiera Le Levant (C 74/99 (ex NN 65/99)) (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5419) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 252, 20.9.2008, p. 17–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/746/oj

    20.9.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 252/17


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    ta’ l-20 ta’ Mejju 2008

    li tikkonċerna l-għajnuna mill-istat mogħtija minn Franza għall-kostruzzjoni tal-bastiment tal-kruċiera Le Levant (C 74/99 (ex NN 65/99))

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5419)

    (It-test bil-lingwa Franċiża biss huwa awtentiku.)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2008/746/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-ewwel inċiż tal-Artikolu 88 (2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u partikolarment il-punt a) tal-Artikolu 62 (1) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 90/684/KEE tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1990 li tikkonċerna l-għajnuna għall-kostruzzjoni navali (1), u partikolarment l-Artikolu 4 (7) tagħha,

    Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skond l-Artikoli (2) msemmija u li kkunsidrat dawn l-osservazzjonijiet,

    Billi:

    I.   IL-PROĊEDURA

    (1)

    Il-Kummissjoni, li kienet taf bl-għajnuna li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, fl-ewwel lok talbet informazzjoni lill-awtoritajiet Franċiżi permezz tal-ittri tat-2 ta’ Diċembru 1998 u tal-4 ta’ Ġunju 1999. L-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom permezz tal-ittri tat-12 ta’ Mejju 1999 (A/33645) u tad-19 ta’ Awwissu 1999 (A/36449).

    (2)

    Fir-rigward ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 1999 (3), fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88 (2) tat-Trattat fir-rigward ta’ ċerta għajnuna mogħtija għall-kostruzzjoni tal-bastiment tal-kruċiera Le Levant.

    (3)

    B’riżultat ta’ din id-Deċiżjoni, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw il-kummenti tagħhom permezz tal-ittri tat-12 ta’ Jannar 2000 (A/30357), l-14 ta’ Ġunju 2000 (A/34964), it-30 ta’ April 2001 (A/33440) u l-11 ta’ Ġunju 2001 (A/34609). Il-Kummissjoni rċeviet ukoll l-osservazzjonijiet mingħand parti interessata, il-Compagnie des Iles du Levant (minn issa ‘l quddiem “CIL”), li ġew ikkomunikati lill-awtoritajiet Franċiżi, li rrispondewhom.

    (4)

    Id-Deċiżjoni 2001/882/KE tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Lulju 2001 li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza taħt forma ta’ għajnuna għall-iżvilupp għall-bastiment tal-kruċiera Le Levant mibni għal Alstom Leroux Naval u maħsub biex jintuża f’Saint-Pierre u Miquelon (4) fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni kkonkludiet li l-għajnuna mill-Istat kienet inkompatibbli mas-suq komuni u żiedet titlob lil Franza li “tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex twaqqaf u tirkupra [l-għajnuna] mingħand l-investituri, li huma l-benefiċjarji diretti tal-għajnuna u l-propjetarji attwali tal-bastiment tal-kruċiera”.

    (5)

    Id-Deċiżjoni 2001/882/KE ġiet annullata permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-22 ta’ Frar 2006 (5). Il-Qorti kkunsidrat partikolarment li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni kellha nuqqasijiet fil-ġustifikazzjoni, hekk li ma setgħetx tivverifika li l-elementi li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 (1) kienu miġbura.

    (6)

    Bħal ma ġara wara s-sentenza tal-Qorti, il-proċedura ta’ investigazzjoni mibdija mid-Deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 1999 baqgħet miftuħa.

    (7)

    Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti u tal-informazzjoni l-ġdida li ġiet mgħarrfa lilha, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistieden mill-ġdid lill-awtoritajiet Franċiżi u lill-partijiet interessati, fuq il-bażi tal-Artikolu 88 (2) tat-Trattat, li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni tat-2 ta’ Diċembru 1999 għalhekk ġiet supplimentata mit-tieni deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2006 (6).

    (8)

    Wara d-deċiżjoni, l-awtoritajiet Franċiżi, li qabel kienu talbu u kisbu estensjoni fiż-żmien għall-għoja tar-risposta, ippreżentaw kummentarji permezz ta’ ittri fis-16 ta’ Marzu 2007 (A/32335) u fit-12 ta’ Diċembru 2007 (A/40301). Ġew ippreżentati wkoll osservazzjonijiet minn partijiet interessati, jiġifieri CIL, permezz ta’ ittra rreġistrata fil-21 ta’ Marzu 2007 (A/32446), u l-investituri, soċji anzjani tas-soċjetajiet proprjetarji konġunti appoġġati mill-Bank (7), permezz ta’ ittri rreġistrati fl-1 ta’ Marzu 2007 (A/31951) u fis-7 ta’ Marzu 2007 (A/32026).

    II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

    1.   Il-loi Pons

    (9)

    Il-liġi tal-11 ta’ Lulju 1986 dwar il-Liġi Finanzjarja ta’ Rettifika għall-1986, kif emendata, kienet tipprevedi tnaqqis mit-taxxa għal ċerti investimenti fit-territorji u d-dipartimenti Franċiżi ‘l barra mill-pajjiż (“il-loi Pons”).

    (10)

    Franza nnotifikat dawn il-miżuri lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-kompatibbiltà tagħhom mad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Permezz tal-ittra tas-27 ta’ Jannar 1993, il-Kummissjoni infurmat lil Franza li wara li sar eżami tal-miżuri, din iddeċidiet li ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni skond l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat (li saru l-Artikolu 87 u 88). Madankollu, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-applikazzjoni tal-għajnuna in kwistjoni kienet suġġetta għal regolamenti u linji gwida tal-liġi Komunitarja rigward ċerti setturi ta’ attività.

    (11)

    F’din id-deċiżjoni, ir-referenzi għal loi Pons jistipulaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 238 bis HA I u III quater tal-Code Général des Impôts (minn issa ‘l quddiem “CGI”), hekk kif applikabbli fit-23 ta’ Novembru 1996,li jistgħu jinġabru kif ġej.

    L-Artikolu 238 bis HA I tas-CGI

    (12)

    Skond l-Artikolu 238 bis HA I tas-CGI, l-impriżi jistgħu jnaqqsu mid-dħul taxxabbli tagħhom somma ugwali għall-ammont totali tal-investimenti produttivi mwettqa f’ċerti dipartimenti u territorji Franċiżi barra l-pajjiż, fosthom Saint-Pierre u Miquelon (8). Dan l-Artikolu jinkludi deroga għall-iskema ġenerali tas-CGI li ma jinkludix it-tnaqqis ta’ dawn l-ammonti għall-fini tad-dħul taxxabbli tal-impriża.

    (13)

    L-Artikolu 238 bis HA III ter tas-CGI jippreċiża li l-investimenti f’ċerti setturi, fosthom it-tbaħħir rekreattiv, ma jagħtux dritt għat-tnaqqis previst fil-paragrafu I ta’ dan l-Artikolu sakemm ma tkunx ingħatat l-approvazzjoni preċedenti tal-Ministru tal-Finanzi. Din l-approvazzjoni “tista’ tingħata, jekk fl-opinjoni tal-Ministru tad-Dipartimenti u t-Territorji lil hinn mill-pajjiż, l-investiment huwa fl-interess ekonomiku tad-dipartiment li fih ikun twettaq, jekk dan jintegra ruħu fil-politika tat-tmexxija tat-territorju u tal-ambjent, u jekk jiggarantixxi l-ħarsien tal-investituri u ta’ terzi persuni.”

    L-Artikolu 238 bis HA III quater tas-CGI

    (14)

    Il-CGI jistipula li l-persuni fiżiċi jħallsu taxxa fuq id-dħul tagħhom. Din it-taxxa tnaqqas id-dħul nett globali tal-persuna taxxabbli, li huwa magħmul mit-total tad-dħul nett f’ċertu numru ta’ kategoriji ta’ dħul. Bħala regola ġenerali, id-dħul nett fil-kategoriji differenti huwa magħmul mill-propjetà, kapitali, salarji, eċċ. li għandhom il-persuni taxxabbli, kif ukoll mill-benefiċċji tal-operazzjonijiet bi qliegħ li huma jipparteċipaw fihom, partikolarment wara t-tnaqqis tad-defiċit innutat f’kategorija tad-dħul.

    (15)

    Madankollu, meta wieħed jitratta l-kategorija tal-“benefiċċji industrijali u kummerċjali”, l-Artikolu 156 1o bis tas-CGI jistipula li t-tnaqqis mhux ammess għal “defiċit li ġej, direttament jew indirettament minn attivitajiet li jaqgħu taħt benefiċċji industrijali jew kummerċjali meta dawn l-attivitajiet ma jinvolvux il-parteċipazzjoni personali, kontinwa u diretta ta’ xi wieħed mill-membri tat-tax household mat-twettiq tal-atti neċessarji għall-attività. Għalhekk, partikolarment meta l-ġestjoni tal-attività hija limitata fid-dritt jew fil-fatt għal persuna li mhix membru tat-tax household permezz ta’ mandat, ta’ kuntratt tax-xogħol jew ta’ kull ftehim ieħor.”

    (16)

    B’deroga minn dan il-prinċipju, l-Artikolu 238 bis HA III quater tas-CGI jistipula li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 156 1o bis mhumiex applikabbli għad-defiċit li ġej mit-tnaqqis tal-investimenti maħsuba fil-paragrafu I ta’ tal-imsemmi Artikolu 238 bis HA u mill-użu tagħhom meta dawn l-investimenti huma mwettqa mill-1 ta’ Jannar 1996 u jirċievu permess preċedenti mill-Ministru responsabbli mill-baġit taħt il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 238 bis HA III ter.

    2.   L-operazzjoni tal-finanzjament tal-Levant

    (17)

    Fl-1996, il-Bank u l-Compagnie des Iles du Ponant (minn issa ‘l quddiem “CIP”) implimentaw installazzjoni li taħseb biex tiffinanzja l-kostruzzjoni u l-użu ta’ bastiment tal-kruċiera ta’ lussu li ma tesax ħafna (madawar 95 passiġġier u 55 membru tal-ekwipaġġ) imsejjaħ “Le Levant”. Dan il-ftehim ġie formalizzat permezz ta’ protokoll bid-data tad-9 ta’ Diċembru 1996 bejn il-Bank, CIP u CIL, sussidjarja ta’ CIP mwaqqfa speċjalment għall-bżonnijiet tal-proġett (9).

    (18)

    L-elementi differenti tal-arranġament jistgħu jinġabru kif ġej.

    Il-koproprjetà marittima

    (19)

    Il-Bank u CIL waqqfu koproprjetà marittima (fis-sens tal-liġi Nru 67-5 tat-3 ta’ Jannar 1967 dwar l-istat tal-vapuri u bastimenti oħra tal-baħar, emendat), imsejħa “koproprjetà tal-bastiment Le Levant” u li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha f’Nantes. Skond l-istatuti tagħha, il-koproprjetà kellha bħala għan “il-finanzjament, ix-xiri, l-armar u l-użu ta’ bastiment tal-kruċiera ta’ lussu msejjaħ ‘Le Levant’”. Il-koproprjetà kienet maqsuma f’740 parti, jew “ishma”, li minnhom CIL kellha tnejn u l-Bank kellu s-738 li baqa’.

    (20)

    Kien previst li l-koproprjetà tordna l-bastiment mit-tarzna Leroux & Lotz Naval fi Franza għall-prezz ta’ 228 550 000 Frank Franċiż (FRF) (jiġifieri madwar EUR 35 miljun (10)). Il-bastiment kellu jitlesta fl-1998.

    (21)

    CIL inħatret bħala amministratiċi tal-koproprjetà u għalhekk, bi ħlas, tassigura t-tkomplija tal-kostruzzjoni tal-bastiment u l-użu tiegħu wara l-kunsinna.

    It-tqassim tal-ishma

    (22)

    Il-Bank ittrasferixxa s-738 sehem tiegħu lill-investituri, suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul u li kienu jixtiequ jibbenefikaw mill-vantaġġi fiskali li joħorġu mil-loi Pons. Għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni, kull investitur ikkostitwixxa impriża li fiha kien l-uniku soċju, li jkollha bħala oġġettiv soċjali l-akkwist tal-ishma u l-użu tal-bastiment f’koproprjetà (“is-soċjetajiet li huma propjetarji konġunti”). Dawn is-soċjetajiet kellhom il-forma ta’ impriżi b’azzjonist uniku b’responsabbiltà limitata (jew “EURL”).

    (23)

    Għandu jkun ippreċiżat li EURL li l-azzjonist uniku tagħha huwa persuna fiżika hija fiskalment trasparenti. L-azzjonist għalhekk idaħħal fid-dħul taxxabbli tiegħu (fil-kategorija tal-benefiċċji industrijali u kummerċjali) il-benefiċċji soċjali miksuba mill-EURL. Jekk ikun il-każ, jista’ jdaħħal ukoll id-defiċit tas-soċjetà fuq id-dħul l-ieħor tiegħu, sakemm dawn ikunu tal-istess natura. Madankollu, skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 156 1o bis tas-CGI, fil-prinċipju ma jistax idaħħal id-defiċit li ġej minn attivitajiet li jiġu mill-benefiċċji industrijali u kummerċjali ħlief meta dawn l-attivitajiet jinkludu l-parteċipazzjoni personali ta’ wieħed mill-membri tat-tax household mat-twettiq tal-atti neċessarji għall-attività.

    (24)

    Kull investitur għandu jikseb tal-anqas żewġ ishma. Il-prezz kien ta’ 636 216 FRF (madwar EUR 100 000) għal kull lott ta’ żewġ ishma. Is-soċjetajiet li huma propjetarji konġunti jiffinanzjaw il-kisba tal-ishma bil-mod kif ġej (għal lott ta’ żewġ ishma):

    Injezzjoni ta’ kapital tal-azzjonist ta’ 50 000 FRF (madwar EUR 7 700).

    Self approvat mill-Bank b’rata fissa ta’ 8 % u mifrux fuq seba’ snin mill-31 ta’ Diċembru 1996. Għal-lott ta’ żewġ ishma, l-ammont jitla’ għal 554 683 FRF (madwar EUR 85 300).

    Il-proporzjon tad-depożitu ta’ garanzija magħmul mis-CIL favur kull soċjetà proprjetarja konġunta bħala garanzija tal-ġestjoni tajba tal-koproprjetà. Din il-garanzija kienet tirrappreżenta ammont globali ta’ 40 000 000 FRF (madwar EUR 6 150 000), jiġifieri 108 108 FRF (madwar EUR 16 600) għal kull lott ta’ żewġ ishma, u tagħti interessi bir-rata ta’ 8 % fis-sena, bl-interessi jiġu kapitalizzati kull sena b’effett mill-31 ta’ Diċembru 1996. Il-garanzija kellha titħallas lura, kemm is-somma prinċipali kif ukoll l-imgħax, fil-31 ta’ Diċembru 2003.

    (25)

    Wara l-bejgħ tal-ishma kollha miżmuma mill-Bank, il-koproprjetà marittima kienet magħmula minn soċjetajiet li huma propjetarji konġunti u mis-CIL (fil-kwalità tagħha bħala propjetarja ta’ żewġ ishma).

    Il-fażi tal-użu tal-bastiment

    (26)

    Skond il-mekkaniżmu tal-arranġament, Le Levant kellu jintuża bħala bastiment tal-kruċiera mill-mument tal-kunsinna sat-tmiem tal-2003. Skont l-istatut tal-koproprjetà, il-koproprjetarji jaqsmu l-profitti u t-telf tal-użu prorata tal-interessi tagħhom fil-bastiment. Madankollu għandu jkun enfasizzat li l-kostruzzjoni kienet ibbażata fuq it-tbassir tad-defiċit importanti fl-ewwel ħames snin tal-użu tal-Levant (11).

    (27)

    Il-bżonn ta’ flus kontanti tas-soċjetajiet li huma propjetarji konġunti kien jintlaħaq:

    mid-dħul li jiġi mill-użu tal-koproprjetà, li skond it-tbassir kien negattiv,

    mill-ħlas lura u mill-ispejjeż finanzjarji fuq is-self mill-bank approvati mill-Bank għax-xiri tal-ishma, u

    mill-ispejjeż għall-ġestjoni tas-soċjetajiet.

    (28)

    Dawn il-ħtiġijiet ta’ flus kontanti jridu jkunu koperti mill-investituri, li jimpenjaw ruħhom formalment li jerġgħu jinvestu kull sena, taħt il-forma ta’ żieda fil-kapital tas-soċjetajiet koproprjetarji rispettivi tagħhom, t-taxxa ffrankata mit-tnaqqis tad-defiċit mill-operazzjoni tal-bastiment fil-koproprjetà (ħlief għall-aħħar sena tal-użu, li għaliha t-taxxa ffrankata kellha tibqa’ għand l-investituri). Dawn l-investimenti mill-ġdid tat-taxxa ffrankata huma l-uniku sors ta’ finanzjament tas-soċjetajiet koproprjetarji matul il-fażi tal-użu.

    Il-konklużjoni tal-operazzjoni

    (29)

    Permezz ta’ wegħdiet magħquda, is-soċjetajiet koproprjetarji jimpenjaw ruħhom li jbigħu lill-Bank (u l-Bank li jixtri) l-ishma tagħhom bi prezz totali ta’ 124 861 905 FRF (jiġifieri madwar EUR 19-il miljun) fit-tmiem tal-fażi tal-użu tal-bastiment. Dan il-prezz, imsejjaħ “prezz bażiku”, madankollu seta jvarja skond formola definita minn qabel skond ir-rati tat-taxxa fil-fatt applikati fil-faxx massimu tat-taxxa fuq id-dħul fis-snin 1997-2003. Il-prezz bażiku kien imnaqqas bil-passiv tas-soċjetajiet koproprjetarji fid-data tat-trasferiment (li essenzjalment tikkorrispondi għall-għotja ta’ garanzija mill-CIL b’interessi kapitalizzati). Il-prezz nett kien stmat għal 56 494 213 FRF (madwar EUR 8,7 miljun), jiġifieri 153 101 FRF (madwar EUR 23 500) għal kull lott ta’ żewġ ishma. Kien previst li dan it-trasferiment iseħħ sad-29 ta’ Frar 2004 l-aktar tard.

    (30)

    Min-naħa tagħhom, il-Bank u CIL kienu marbuta minn wegħdiet magħquda skond liema CIL kellha ssir ix-xerrej tal-ishma kollha li kellu l-Bank bi prezz li jikkorrispondi għall-prezz imħallas mill-Bank. Dan it-trasferiment, li bih CIL kienet ser issir il-propjetarju legali tal-Levant, kellu jseħħ sad-29 ta’ Frar 2004 l-aktar tard.

    3.   L-approvazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi

    (31)

    Il-Bank u CIP ippreżentaw fil-qosor l-arranġament deskritt fit-taqsima 2 lill-awtoritajiet Franċiżi bil-ħsieb li jiksbu l-approvazzjoni neċessarja għall-għotja tal-vantaġġi fiskali previsti mill-loi Pons.

    (32)

    Fis-26 ta’ Novembru 1996, b’approvazzjoni mogħtija taħt l-Artikolu 238 bis HA III ter u quater tas-CGI, il-Ministru tal-Finanzi ddeċieda li:

    is-soċjetajiet koproprjetarji jkunu jistgħu jnaqqsu l-ammont tal-investimenti tagħhom mid-dħul taxxabbli tagħhom, ippreżentati matul is-sena finanzjarja li fiha jkunu kisbu l-ishma tagħhom (il-bażi tat-tnaqqis totali kienet ġiet iffissata għal 228,5 miljun FRF, miżjuda bl-ispejjeż eventwali), u li

    id-dispożizzjonjiet tal-Artikolu 156 1o bis tas-CGI ma jkunux applikabbli għad-defiċit li jirriżulta mix-xiri tal-bastiment u tal-użu tiegħu (u dan, għalhekk, kien jippermetti lis-soċji tas-soċjetajiet koproprjetarji li jnaqqsu dan id-defiċit mid-dħul tagħhom).

    (33)

    Fit-test tal-approvazzjoni, l-awtoritajiet Franċiżi nnutaw b’attenzjoni ċerti elementi tal-operazzjoni, u partikolarment dak li s-CIP u l-Bank “kienu jiggarantixxu… lil dawk li għandhom ishma fil-kumpaniji kostitwiti biex jixtru l-ishma, ix-xiri mill-ġdid tal-ishma tagħhom fit-tmiem tal-5 sena tal-użu għal valur ugwali għal 56,756 MF”.

    (34)

    Il-ftehim kellu fih il-kundizzjoni li s-soċjetajiet koproprjetarji jżommu l-partijiet tal-koproprjetà tagħhom għal ħames snin mill-kunsinna tal-bastiment, u li l-bastiment jopera minn territorju barra mill-pajjiż, u partikolarment minn Saint-Pierre u Miquelon. Matul dan l-istess perjodu, is-soċji kellhom iżommu l-ishma tagħhom fis-soċjetajiet koproprjetarji.

    (35)

    Għalhekk jirriżulta mit-talba għall-ftehim li l-Bank u CIP kienu jafu li l-vantaġġ fiskali mitlub kien jikkostitwixxi Għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 tat-Trattat (12). Il-Bank u CIP madankollu implimentaw l-arranġament tal-finanzjament anke jekk id-deċiżjoni tal-approvazzjoni ma kienet tinkludi l-ebda notifika ta’ din l-għajnuna lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88 tat-Trattat jew il-kompatibbiltà tiegħu mas-suq komuni.

    4.   Is-sitwazzjoni attwali

    (36)

    Skond l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, l-operazzjoni ta’ finanzjament tal-Levant ġiet implimentata skond l-arranġament miġbur fil-qosor fis-sezzjoni 2.

    (37)

    Il-wegħdiet differenti ta’ bejgħ u ta’ xiri li jorbtu lill-partijiet bl-arranġament ġew applikati kif previst, b’mod li CIL saret il-propjetarju tal-ishma kollha tal-Levant f’Jannar 2004 bil-prezz ta’ EUR 17 825 989.

    (38)

    Il-Kummissjoni tinnota li fil-liġi Franċiża, iż-żamma tal-ishma kollha minn azzjonist wieħed twassal għax-xoljiment tal-koproprjetà marina. Is-soċjetajiet koproprjetarji kienu xolti u mħassra mir-reġistru tal-kummerċ f’Mejju u Lulju 2004 (13).

    III.   IR-RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

    (39)

    Fid-Deċiżjonijiet tagħha tal-bidu tat-2 ta’ Diċembru 1999 u tas-6 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-applikazzjoni tal-loi Pons għall-għotja tal-finanzjament għall-Levant kienet twassal għal vantaġġ lis-soċji tas-soċjetajiet koproprjetarji (minn issa ‘l quddiem “l-investituri”) u lil CIL, u li dan il-vantaġġ, li kien jagħti tnaqqis fuq l-irċevuti fiskali, kien mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat. Fir-rigward tal-għażla ta’ dan il-vantaġġ, il-Kummissjoni qajmet il-punt li l-kamp tal-applikazzjoni tal-loi Pons kien selettiv għax l-arranġament tagħha kien japplika biss għal investimenti f’ċerti territorji Franċiżi ta’ barra l-pajjiż. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni qieset li l-għajnuna setgħet tgħawweġ il-kompetizzjoni fuq is-suq tal-kruċieri, suq ikkaratterizzat minn skambji bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għalhekk innutat li l-miżura in kwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    (40)

    Fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni kkunsidrat li din ma deheritx li kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet applikabbli għall-għajnuna għall-iżvilupp stipulata fl-Artikolu 4 (7), tad-Direttiva 90/684/KEE. B’mod aktar partikolari, il-Kummissjoni fasslet dubji rigward il-kundizzjoni skond liema l-propjetarju reali tal-bastiment irid ikun jgħix fit-territorju li huwa eliġibbli għall-għajnuna għall-iżvilupp kif ukoll għall-eżistenza ta’ “komponent għall-iżvilupp” veru.

    (41)

    Għalhekk, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura formali ta’ investigazzjoni.

    IV.   IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

    (42)

    Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti mingħand CIL kif ukoll minn rappreżentanti tal-investituri, appoġġati mill-Bank.

    1.   Il-Kummenti ta’ CIL

    (43)

    CIL l-ewwel tqajjem dubji dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 90/684/KEE. CIL tqis li s-suġġett tad-Direttiva 90/684/KEE huwa li titpoġġa f’qafas l-għajnuna li jistgħu jibbenefikaw minnha, direttament jew indirettament, it-tarzni stabbiliti fil-Komunità. Minn dan, din tasal għall-konklużjoni li din id-Direttiva tista’ tapplika biss għall-għajnuna li minnha tibbenefika tarzna. Minħabba li l-Kummissjoni ma wrietx tali benefiċċju, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża l-analiżi tagħha tal-għajnuna fuq id-Direttiva 90/684/KEE.

    (44)

    CIL tikkuntesta wkoll l-eżistenza ta’ Għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-kriterji tal-Artikolu 87 (1) tat-Trattat. Fir-rigward tal-vantaġġ li CIL kienet tikseb mix-xiri tal-partijiet tal-bastiment miżmuma mill-investituri, CIL irrimarkat li din xtrat mill-ġdid il-partijiet tal-bastiment mingħand is-soċjetajiet koproprjetarji bil-prezz ta’ EUR 17 825 989. Dan il-prezz kien superjuri għall-valur fis-suq tal-assi tal-bastiment, li f’Ġunju 2004 kien stmat mill-aġent marittimu magħruf Barry Rogliano Salles għal bejn EUR 14,5 u EUR 16,1 miljun. Dan kien superjuri wkoll għall-prezz li bih CIL reġgħet biegħet il-bastiment f’Ġunju 2004 (EUR 15 322 581 miljun). Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li CIL kienet tibbenefika minn vantaġġ meta tixtri mill-ġdid il-partijiet miżmuma mill-investituri għal prezz anqas ma kinitx eżatta.

    (45)

    Fir-rigward tal-vantaġġ li CIL kienet tieħu mill-użu tal-Levant, CIL tagħmel tliet osservazzjonijiet. L-ewwelnett din tqis li mhux korrett li wieħed jikkunsidra li CIL użat il-bastiment, minħabba li din aġixxiet fi kwalità ta’ amministratur għan-nom tal-koproprjetà li fil-fatt kienet tuża l-bastiment. CIL tqis ukoll li l-Kummissjoni ma wrietx li l-għajnuna kienet tippermetti l-użu ta’ Le Levant f’kundizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk aċċessibbli għal operaturi oħra minħabba li l-Kummissjoni ma qisitx l-importanza tal-vantaġġ allegat.

    (46)

    Fl-aħħarnett, fir-rigward tal-kriterju tat-twettiq ta’ skambji bejn l-Istati Membri, CIL tirrimarka li Le Levant huwa bastiment li ma jesax ħafna, li matul l-ewwel ħames snin tal-użu tiegħu qatt ma ntuża fl-ilmijiet Komunitarji, li matul dan il-perjodu l-klijentela tiegħu kienet fil-parti l-kbira mill-Amerika ta’ Fuq u għalhekk barra mill-Komunità, u fl-aħħarnett li m’hemm l-ebda kompetitur Ewropew fuq ir-rotta tiegħu. CIL tiddubita li huwa possibbli li wieħed jikkunsidra li l-użu tal-Levant seta’ jaffetwa l-iskambji bejn l-Istati Membri.

    (47)

    CIL għalhekk ma bbenefikatx mill-għajnuna fil-kwalità tagħha ta’ koproprjetarju, minħabba li, bħala soċjetà stabbilita barra mill-pajjiż, din ma kinitx tħallas taxxa fi Franza u għalhekk ma kienet tapplika l-ebda tnaqqis fiskali.

    2.   Il-kummenti tal-investituri

    (48)

    L-investituri l-ewwelnett iqisu li l-proċedura li ttieħdet mill-Kummissjoni hija mimlija irregolaritajiet. Inoltre, id-Deċiżjoni tal-Qorti tat-22 ta’ Frar 2006 kellha tissupera d-deċiżjoni tal-bidu tat-2 ta’ Diċembru 1999, minħabba li din kienet marbuta b’mod inseparabbli mad-deċiżjoni finali annullata, b’tali mod li l-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’ tlesti din b’mod validu minħabba d-deċiżjoni tagħha tas-6 ta’ Diċembru 2006. Sabiex tirrispetta l-proċedura, il-Kummissjoni kien messha adottat deċiżjoni tal-bidu ġdida, u d-Deċiżjoni komplimentari tagħha tat-2 ta’ Diċembru 2006 għandha titqies bħala tali bidu ex novo.

    (49)

    L-investituri jkomplu jqisu li d-Deċiżjoni komplimentari tas-6 ta’ Diċembru 2006 tinkludi serje ta’ żbalji u nuqqasijiet, li jikkorrispondu għal nuqqasijiet rilevati mill-Qorti fid-deċiżjoni tagħha tat-22 ta’ Frar 2006, partikolarment fejn jikkonċerna l-karattru tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-investituri, il-Bank u s-CIL.

    (50)

    L-investituri jenfasizzaw li huma daħlu f’kuntratt ta’ adeżjoni, propost mill-Bank u li għandu l-għan li dawn jibbenefikaw minn skema ta’ ottimizzazzjoni fiskali. Huma jenfasizzaw ukoll li huma ma għandhom l-ebda kwalifika biex jeżerċitaw attività ta’ kruċieri, billi l-parti l-kbira minnhom huma managers għolja, membri ta’ professjonijiet tradizzjonali (tobba, spiżjara, avukati, marixxalli, nutara) jew persuni rtirati. Filwaqt li huwa formalment korrett li dawn kienu soċji fis-soċjetajiet koproprjetarji, dawn tal-aħħar, mingħajr assi oħra ħlief l-ishma, qatt ma kienu impriżi fis-sens tal-Artikolu 87 (1) tat-Trattat. L-investituri ma kinux ikunu operaturi ekonomiċi, fejn tgħabbew bir-riskji inerenti ta’ attività ekonomika, imma biss abbonati għal prodott finanzjarju flimkien ma’ dħul minimu garantit permezz tal-promoturi tal-arranġament. B’hekk jirriżulta li la l-investituri, u l-anqas is-soċjetajiet koproprjetarji jew il-koproprjetà li tgħaqqadhom, ma kienu f’pożizzjoni li jkunu benefiċjarji tal-Għajnuna mill-Istat, minħabba li dawn ma jeżerċitawx attività ekonomika.

    (51)

    L-investituri jqisu wkoll li l-Kummissjoni wettqet żball meta applikat id-Direttiva 90/684/KEE għall-għajnuna in kwistjoni. Fil-fatt, dawn iqisu li din id-Direttiva tapplika biss għal għajnuna li jkun ibbenefika minnha min ikun bena l-bastiment (jiġifieri lit-tarzna), u li, fil-fatt, il-Kummissjoni ma nkluditux. F’dan ir-rigward, l-investituri jqisu wkoll li din il-konklużjoni tal-Kummissjoni tgħaddi għal analiżi superfiċjali u li eżami aktar dettaljat tal-fatti kien juri li l-għajnuna mogħtija tat vantaġġ lit-tarzna. B’hekk, il-kisba tal-kuntratt kienet tassew tkun “nifs ġdid” għat-tarzna li kienet għaddejja minn diffikultajiet finanzjarji. Minħabba li l-bastiment ma kienx jiġi kostruwit mingħajr il-mekkaniżmu finanzjarju permess mill-loi Pons, il-vantaġġi fiskali in kwistjoni taw vantaġġ finanzjarju mingħajr ħlas lit-tarzna.

    V.   IL-KUMMENTI TAL-AWTORITAJIET FRANĊIŻI

    (52)

    Fil-qafas tal-osservazzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Franċiżi l-ewwelnett jirrimarkaw li l-għan reali tal-loi Pons kien li tingħata l-għajnuna lill-operaturi barra l-pajjiż biex jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom sabiex tikkumpensa n-nuqqasijiet speċifiċi li huma jiffaċċjaw. Għalhekk, dan ma jitrattax għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ bastiment, u b’hekk ma ngħatat l-ebda għajnuna diretta għall-kostruzzjoni fil-qafas tal-proġett.

    (53)

    F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Franċiżi jirrimarkaw ukoll li, jekk il-finanzjament tal-bastiment permezz tal-loi Pons jirrikjedi skema ta’ subappalt li tinkludi intervent minn investituri magħquda fi koproprjetà marittima, li joffru l-bastiment għad-dispożizzjoni tal-operatur effettiv, dawn l-investituri jintervjenu biss bħala abbonati ta’ prodott finanzjarju “turnkey”, li l-profitabbiltà tiegħu hija fiskali u li jgħaddi l-għajnuna lill-operatur li huwa l-benefiċjarju reali tagħha, sakemm id-dispożizzjoni tippermettilu li fl-aħħarnett jikseb il-bastiment b’kundizzjonijiet vantaġġużi. Għalhekk, dawn jikkontestaw b’mod formali li l-investituri għandhom jitqiesu bħala benefiċjarji ta’ għajnuna tal-Istat.

    (54)

    Fir-rigward tas-selettività tal-għajnuna, l-awtoritajiet Franċiżi jikkuntestaw l-argument sussegwenti tal-Kummissjoni fuq il-bażi tad-diskrezzjoni mogħtija lill-awtoritajiet fil-ħruġ tal-awtorizzazzjoni neċessarja għall-għotja tal-vantaġġi fiskali tal-loi Pons. L-awtoritajiet Franċiżi l-ewwelnett jenfasizzaw li dan l-aspett huwa parti mil-loi Pons hekk kif approvata mill-Kummissjoni mingħajr l-ebda riserva. Wara dan, l-awtoritajiet Franċiżi jesprimu s-sorpriża tagħhom li l-kriterji tal-għotja tal-ftehim jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “vagi” meta dawn huma ppreċiżati minn istruzzjoni amministrattiva u li huma identiċi għal dawk previsti fil-liġijiet imsejħin Paul et Girardin, żewġ skemi ta’ għajnuna mill-Istat approvati mill-Kummissjoni mingħajr riserva fuq dan il-punt (14).

    (55)

    L-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw ukoll li minħabba li l-kostruzzjoni tal-bastiment ma bbenefikatx mill-għajnuna (u partikolarment minħabba li ma bbenfikatx minnha t-tarzna li bniet Le Levant), id-Direttiva 90/684/KEE ma tistax tiġi applikata.

    (56)

    Anke meta l-għajnuna kellha tiġi analizzata fid-dawl tad-Direttiva 90/684/KEE, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-kundizzjonijiet huma magħquda biex l-għajnuna in kwistjoni tiġi meqjusa kompatibbli mal-għajnuna għall-iżvilupp fis-sens tal-Artikolu 4 (7), tal-istess Direttiva. Għalhekk, l-awtoritajiet Franċiżi jippreżentaw partikolarment l-argumenti li ġejjin.

    (57)

    F’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni skond liema l-propjetarju reali jrid jgħix fil-pajjiż benefiċjarju u li l-impriża benefiċjarja ma tridx tkun sussidjarja mhux operazzjonali ta’ impriża barranija, l-awtoritajiet Franċiżi jirrimarkaw, filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fil-fajl simili “Renaissance” (15), li CIL trid titqies bħala l-propjetarja effettiva tal-bastiment u l-benefiċjarja reali tal-għajnuna. Billi CIL hija stabbilita f’Wallis u Futuna, territorju eliġibbli għall-għajnuna għall-iżvilupp, il-kundizzjoni tar-residenza hija sodisfatta. Barra minn dan, kif CIL tassigura l-aspetti kollha tal-użu tal-bastiment, din mhix kumpanija sussidjarja mhux operazzjonali.

    (58)

    Fir-rigward tal-kwistjoni tal-“komponent għall-iżvilupp”, l-awtoritajiet Franċiżi jressqu l-osservazzjonijiet li ġejjin:

    L-ewwelnett, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-għajnuna trid tiġi analizzata skont is-sitwazzjoni speċifika ta’ Saint-Pierre u Miquelon, partikolarment id-distanza tiegħu, il-kundizzjonijiet ta’ użu diffiċli marbuta mal-klima u r-restrizzjonijiet ġeografiċi, u partikolarment, is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tal-arċipelagu marbuta mal-kriżi tal-“monokultura” tas-sajd. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw l-importanza tad-diversifikazzjoni fit-turiżmu biex jingħata impetu ġdid lill-ekonomija lokali u jsostnu li l-użu tal-Levant ser ikun wieħed mill-ftit proġetti mifruxa li jistgħu jikkontribwixxu għal tali bidu ġdid.

    It-tieni, rigward in-nuqqasijiet fil-qasam tal-impjiegi, l-awtoritajiet Franċiżi jirrimarkaw li ġew impjegati 16-il persuna li ġejjin minn Saint-Pierre u Miquelon abbord il-Levant matul l-ewwel ħames snin tal-użu tiegħu. L-ispejjeż li saru fl-arċipelagu fir-rigward tal-użu tal-bastiment bejn l-1999 u l-2003 jistgħu jitqiesu għal total ta’ EUR 3 328 891. L-awtortiajiet Franċiżi jqisu li ma’ dawn l-ammonti jridu jiġu miżjuda l-ammonti li ntefqu f’territorji oħra eliġibbli għall-għajnuna għall-iżvilupp matul waqfiet imwettqa minn Le Levant matul il-kruċieri tiegħu.

    (59)

    Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-proporzjonalità tal-għajnuna trid tiġi meqjusa mhux skond il-valur assolut imma skont il-valur relattiv. L-effetti tal-għajnuna jridu jitqiesu fir-rigward tad-daqs tal-ekonomija tal-arċipelagu u tal-potenzjal ekonomiku tiegħu.

    VI.   IR-RISPOSTA TAL-AWTORITAJIET FRANĊIŻI GĦALL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

    (60)

    Il-kummenti tal-partijiet terzi interessati ġew ikkomunikati lill-awtoritajiet Franċiżi, li m’għamlu l-ebda osservazzjoni supplementari.

    VII.   L-APPLIKAZZJONI TAL-MIŻURA

    1.   Il-proċedura

    (61)

    L-ewwelnett jaqbel li jitwarrbu l-ilmenti tal-irregolarità tal-proċedura, ippreżentati mill-investituri.

    (62)

    Il-Kummissjoni ma tistax tikkondividi l-opinjoni li biha l-annullament tad-Deċiżjoni 2001/882/KE tal-Qorti kien ikollha l-effett li twassal għad-dekadenza tad-Deċiżjoni tal-bidu tat-2 ta’ Diċembru 1999. Hija prattika normali fil-liġi li l-annullament ta’ att li ġej minn istituzzjoni Komunitarja mhux bil-fors jaffetwa l-atti ta’ preparazzjoni li jkunu wasslu għall-adozzjoni tagħha (16).

    (63)

    Hija l-istituzzjoni li annullat l-att li trid tieħu l-miżuri kollha li, kemm fi-rigward tad-dispożizzjoni u kemm fir-rigward tad-deċiżjoni tal-annullament, jkunu meħtieġa biex jirmedjaw għall-iżbalji li jkunu wasslu għall-annullament. Għalhekk, il-Qorti annullat id-Deċiżjoni 2001/882/KE għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet naqqset mid-drittijiet għad-difiża u mill-obbligu tal-motivazzjoni tal-konklużjonijiet tagħha rigward l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 (1) tat-Trattat.

    (64)

    F’dak li jikkonċerna l-atti preliminari għad-Deċiżjoni finali f’din il-kwistjoni, id-Deċiżjoni tal-Qorti għalhekk timponi lill-Kummissjoni li tieħu l-miżuri tal-istruzzjoni neċessarji sabiex din tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru u tal-partijiet interessati. Dan bl-ebda mod ma jimplika li d-deċiżjoni tal-bidu tat-2 ta’ Diċembru 1999 għandha titqies bħala skaduta u mwarrba mill-proċedura, kif kien jidher li qed jaħsbu l-investituri. Huwa biżżejjed li din id-deċiżjoni tiġi emendata u titlesta, fil-partijiet tagħha li fihom nuqqasijiet, b’tali mod li l-awtoritajiet Franċiżi u l-partijiet interessati jkunu f’pożizzjoni li jippreżentaw sew l-osservazzjonijiet tagħhom hekk kif previst mill-Artikolu 88 (2) tat-Trattat (17). Dan ir-riżultat intlaħaq bis-sħiħ permezz tad-Deċiżjoni komplimentari tas-6 ta’ Diċembru 2006.

    2.   L-eżistenza ta’ Għajnuna mill-Istat

    (65)

    Wara l-proċedura formali tal-eżami u b’kunsiderazzjoni għall-argumenti ppreżentati f’dan il-kuntest mill-awtoritajiet Franċiżi u l-partijiet interessati, il-Kummissjoni tqis li l-vantaġġi fiskali mogħtija fir-rigward tal-kostruzzjoni u l-użu tal-Levant jikkostitwixxu Għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 (1) tat-Trattat, skond liema “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.”

    (66)

    Il-kwalifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat b’mod nazzjonali timplika li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin: 1) il-miżura in kwistjoni tagħti vantaġġ permezz tar-riżorsi tal-Istat, 2) dan il-vantaġġ huwa selettiv, jiġifieri li jiffavorixxi lil ċerti impriżi jew lil ċerti produtturi, u 3) il-miżura in kwistjoni twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni u li tista’ taffetwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (18).

    (67)

    Jaqbel li jintwerew ir-raġunijiet li jippermettu li jitqies li l-miżuri fiskali adottati fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-Levant jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet.

    2.1.   Dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat

    (68)

    Id-dispożizzjonijiet tal-loi Pons applikati għall-arranġament in kwistjoni jikkostitwixxu deroga għal-liġi fiskali ġenerali u, sakemm dawn joffru possibilitajiet ta’ tnaqqis aktar mir-regola ġenerali, dawn jagħtu vantaġġ lill-persuni taxxabbli li għalihom japplikaw. Permezz tal-għotja ta’ dan il-vantaġġ, Franza tirrinunzja għal introjtu fiskali, li jwassal għal tnaqqis tar-riżorsi tagħha. Għalhekk, il-vantaġġ jingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

    (69)

    L-att li jagħti dan il-vantaġġ huwa d-deċiżjoni tal-approvazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi tat-23 ta’ Novembru 1996. Fit-termini tal-approvazzjoni, il-benefiċċju tal-Artikolu 238 bis HA III ter u quater tas-CGI jingħata “lill-koproprjetà marittima tal-bastiment Le Levant”.

    (70)

    Madankollu, ir-riżultati tal-koproprjetà huma taxxabbli fil-livell tal-soċjetajiet koproprjetarji li jiffurmawha, u huma dawn l-istess soċjetajiet li huma affetwati mill-possibbiltà li mir-riżultati fiskali tagħhom jitnaqqas l-ammont tax-xiri tal-ishma (mogħti fuq il-bażi tal-Artikolu 238 bis HA I tas-CGI).

    (71)

    Id-deroga għall-Artikolu 156 (1) bis tas-CGI, mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 238 bis HA III quater tas-CGI, tibbenefika lill-investituri li għandhom ser jiġu intaxxati r-riżultati tas-soċjetajiet koproprjetarji (it-taxxa fuq id-dħul) skond it-trasparenza fiskali tas-soċjetajiet koproprjetarji. Il-vantaġġi mogħtija mill-ftehim għalhekk jipproduċu effetti finanzjarji immedjati lill-investituri, taħt il-forma ta’ benefiċċji fiskali li jsiru possibbli permezz tat-tnaqqis mogħti bis-saħħa tal-iskema ta’ deroga tal-loi Pons.

    (72)

    Jaqbel ukoll li wieħed jinnota li dawn il-benefiċċji fiskali ma jitħallewx għad-dispożizzjoni tal-investituri imma li fit-termini tal-kostruzzjoni, aċċettat mill-awtoritajiet Franċiżi permezz tad-deċiżjoni tal-approvazzjoni, dawn huma r-riżultat ta’ raġuni premeditata. Fil-fatt, l-investituri huma marbuta, mit-termini tal-investiment li huma pparteċipaw fih, li jerġgħu jinvestu kważi l-benefiċċji fiskali kollha fil-koproprjetà, taħt il-forma ta’ żidiet tal-kapital tas-soċjetajiet koproprjetarji rispettivi tagħhom, sabiex ikopru l-ispejjeż relattivi għall-finanzjament tax-xiri tal-Levant u d-defiċit li jirriżulta mill-użu tiegħu (ara l-punt 27).

    (73)

    L-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tinħtieġ eżami fil-fond tar-relazzjonijiet li jsostnu x-xiri u l-użu tal-Levant.

    (74)

    Jaqbel l-ewwelnett li jitfakkar li l-istess għan tal-arranġament, minħabba li jirriżulta mit-talba tal-ftehim introdotta minn CIP, kien “ix-xiri ta’ bastiment tal-kruċieri (19).

    (75)

    Għaldaqstant, “CIP m’għandhiex il-mezzi finanzjarji meħtieġa biex issostni l-ispejjeż tax-xiri tal-Levant fil-qafas ta’ finanzjament klassiku (kreditu b’ipoteka)”. CIP għalhekk tipproponi li tiffinanzja l-bastiment tagħha “fil-qafas ta’ finanzjament li jibbenefika minn għajnuna fiskali għall-investiment barra l-pajjiż”, li jiddependi fuq “skema ta’ finanzjament ibbażata fuq il-kostituzzjoni ta’ koproprjetà marittima”. Għalhekk, il-Bank “għandu jipproponi lill-klijenti tiegħu li jixtru l-ishma fil-Koproprjetà”, u “għandu jipproċedi għal offerta pubblika ta’ tifdil …” (20).

    (76)

    Għalhekk jidher ċar li l-għan finali tal-arranġament kien li jippermetti lil CIP li tixtri bastiment li din tkun propjetarja tiegħu u li l-intervent tal-investituri magħżula minn fost il-klijenti tal-Bank kien limitat għall-finanzjament ta’ dan ix-xiri.

    (77)

    L-arranġament finanzjarju magħżul għal dan il-għan huwa wieħed, li jintuża ħafna fil-qafas tal-investimenti “mingħajr taxxa” barra l-pajjiż (21), ta’ arranġament “b’subappalt”, fejn soċjetà li tixtieq tikseb tagħmir imma li, minħabba nuqqas ta’ mezzi, ma tistax tagħmel dan l-investiment bil-fondi tagħha stess, tagħmel sejħa lil investituri esterni li jixtru l-oġġett u jpoġġuh għad-dispożizzjoni tal-operatur, li jużah u, fit-tmiem tal-perjodu tal-użu impost mil-liġi, isir il-propjetarju tiegħu. Fl-arranġamenti ta’ dan it-tip, il-vantaġġ fiskali jiġi trasferit parzjalment lid-detentur, filwaqt li parti oħra minn dan il-vantaġġ tinżamm mill-investitur, li b’hekk tassigura redditu suffiċjenti fuq l-investiment tiegħu. It-trasferiment tal-vantaġġ lid-detentur isir l-aktar spiss permezz ta’ tnaqqis tal-kera rċevuta matul il-perjodu tal-użu (arranġament “lokatizju”).

    (78)

    Il-Kummissjoni diġà analizzat l-aspetti tal-għajnuna mill-Istat ta’ tali arranġamenti li jikkonċernaw il-finanzjament ta’ bastimenti tal-kruċieri bis-saħħa tal-vantaġġi tal-loi Pons fil-kwistjonijiet “Club Med” (22) u “Renaissance” (23). Il-kwistjoni tal-aħħar hija partikolarment pertinenti minħabba li hija simili ħafna mal-operazzjoni tal-finanzjament tal-Levant. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, hija kwistjoni ta’ investituri li s-sitwazzjoni fiskali tagħhom tippermetti li jipprofittaw minn l-eżenzjoni fiskali, magħquda f’koproprjetà, li jixtru bastimenti tal-kruċieri maħsuba li jintużaw għal perjodu determinat barra l-pajjiż minn detentur (Renaissance jew CIL) li jieħu impenn lejn l-investituri li jerġa’ jixtri l-bastiment fit-tmiem tal-perjodu tal-użu.

    (79)

    Fil-kwistjoni “Renaissance”, il-bastiment kien mikri lill-operatur u l-vantaġġ fiskali li jibbenefikaw minnu l-investituri taħt il-loi Pons kien trasferit lilu permezz ta’ tnaqqis tal-kera skond it-teknika klassika tal-arranġament tal-kera deskritt fil-punt 77. L-awtoritajiet Franċiżi osservaw li dan l-arranġament kien jippermetti “it-trasferiment lura effettiv tal-għajnuna fiskali għall-operatur”. Il-Kummissjoni (li fid-deċiżjoni tagħha tal-bidu kienet innutat li l-investituri kienu l-“benefiċjarji immedjati” u l-“benefiċjarji tal-għajnuna li tista’ tiġi kwantifikata” (24)) innutat li “RF [Renaissance] hija l-benefiċjarja vera tal-għajnuna u, minħabba li RF hija obbligata li terġa’ tixtri mill-ġdid il-bastimenti, din tista’ titqies bħala l-propjetarju effettiv”. Għalhekk, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-investituri, il-benefiċjarji immedjati tal-għajnuna, u l-benefiċjarju “reali” (fis-sens tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat), li għalihom il-vantaġġi fiskali kienu trasferiti f’parti permezz ta’ kera mnaqqsa meta mqabbla mal-valur tas-suq tal-bastiment (25).

    (80)

    Fil-kas tal-Levant, it-trasferiment tal-vantaġġi fiskali tal-investituri (il-benefiċjarji immedjati) lil CIL huwa assigurat minn mekkaniżmu differenti. Fil-fatt, fil-kwistjoni “Renaissance”, l-investituri jikru l-bastimenti lill-operatur filwaqt li f’din il-kwistjoni, CIL m’għandhiex formalment bastiment ħlief fil-kapaċità tagħha bħala amministratriċi tal-koproprjetà, fejn hi stess hija formalment l-operatur tal-bastiment. Għalhekk, a priori m’hemm l-ebda rapport ta’ lokazzjoni li jippermetti li jsir trasferiment lura tal-vantaġġ permezz tat-tnaqqis tal-kera.

    (81)

    B’mod konkret, it-trasferiment tal-vantaġġ lil CIL jaħdem kif ġej.

    (82)

    Is-spejjeż tax-xiri tal-bastiment u t-telf tal-użu tiegħu huma riflessi f’telf tal-EURL koproprjetarji. Bis-saħħa tal-vantaġġi fiskali mogħtija taħt il-loi Pons, l-investituri jistgħu jnaqqsu dan id-defiċit mid-dħul l-ieħor tagħhom li jiġu intaxxati bit-taxxa fuq id-dħul, biex b’hekk jiksbu benefiċċju fiskali li hija t-twettiq tal-vantaġġ fiskali favur tagħhom, u li għalhekk, hija magħmula mir-riżorsi tal-Istat fis-sens tal-liġi Komunitarja. Għalhekk, pjuttost milli jżommu dawn l-benefiċċji fiskali għalihom infushom, l-investituri impenjaw ruħhom li jużaw il-maġġor parti f’sejħiet għal fondi maħsuba biex ikopru d-defiċit tal-EURL.

    (83)

    Issa, skond il-loġika normali ta’ profitabbiltà, investitur ifittex li jieħu l-profitti mill-investiment tiegħu (fil-każ preżenti, il-bastiment) billi jassigura lilu nnifsu li jkollu dħul fuq l-investiment li jkopri l-ispejjeż tax-xiri u li jinkludi marġini ta’ profitt sodisfaċenti. B’hekk, fl-isfera tal-arranġament lokatizju fil-kwistjonijiet “Club Med” u “Renaissance”, dan ir-riżultat jinkiseb permezz tal-kera mħallsa mid-detentur (b’kera li hija madankollu vantaġġuża għad-detentur minħabba li parti mill-vantaġġ fiskali jingħata lura lilu fil-forma ta’ kera inferjuri għall-prezz tas-suq).

    (84)

    B’hekk, f’sitwazzjoni normali, dawn l-ispejjeż (bħalma hu l-ħlas tal-kera jew it-teħid tar-responsabbiltà għat-telf kollu) jitħallsu minn CIL u mhux mill-investitur. Għalhekk, fl-arranġament imsemmi, dawn l-ispejjeż isiru lil EURL u, permezz tal-mekkaniżmu tas-sejħa għall-fondi, jinġabru mill-benefiċċji fiskali li huma riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 (1) tat-Trattat. Bl-istess mod, CIL hija meħlusa mill-ispejjeż marbuta mal-użu tal-bastiment li normalment din kien ikollha tħallas. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kummissjoni tqis li hemm trasferiment tal-vantaġġ mill-investituri lil CIL. Madankollu, jinħtieġ li jkun innutat li mhux il-vantaġġ fiskali kollu jiġi trasferit lil CIL. Fil-fatt, fit-termini tal-arranġament, l-investituri kellhom iżommu t-taxxa ffrankata fl-2003, l-aħħar sena tal-użu.

    (85)

    Indipendentement minn din id-differenza teknika fl-arranġament, l-effetti ma jiddistingwux ruħhom minn dawk prodotti mill-arranġament fil-kwistjoni “Renaissance”. Fil-fatt, bħal fil-każ tal-kwistjoni “Renaissance”, CIL effettivament għandha l-benefiċċju tal-Levant sa mill-kunsinna tiegħu, biex b’hekk tantiċipa fuq il-propjetà formali tagħha tal-bastiment, li sseħħ biss wara li jintemm l-arranġament. Bħal fil-kwistjoni “Renaissance”, il-bastiment jingħata lil CIL mingħajr ma din tkun fil-fatt ħallset il-prezz reali, minħabba li ma nħtieġet tikkontribwixxi l-ebda kontroparti finanzjarja. B’dan il-mod, l-ispejjeż li CIL kienet tħallas normalment għall-użu tal-bastiment huma mnaqqsa, li jikkostitwixxi vantaġġ għal CIL.

    (86)

    Jekk l-investituri setgħu jpoġġu l-bastiment għad-dispożizzjoni ta’ CIL mingħajr ħlas, dan huwa bis-saħħa tal-vantaġġi fiskali li ngħataw skont il-loi Pons u li jippermettulhom, permezz tal-EURL tagħhom, li jnaqqsu mid-dħul taxxabbli tagħhom kemm il-prezz tax-xiri tal-bastiment u kemm it-telf tal-EURL tagħhom, li jinkludu partikolarment il-pagamenti tal-kapital u tal-interessi fuq is-self mogħti mill-Bank għax-xiri tal-ishma. Ir-riżultat li jitnaqqas mill-EURL jinkludi wkoll il-partijiet rispettivi mir-riżultati tal-użu tal-Levant fil-limiti garantiti minn CIL.

    (87)

    Dan l-arranġament u l-kopertura, mill-investituri, tal-ispejjez tal-finanzjament u, tal-anqas parzjalment, tal-użu tal-Levant permezz tal-mekkaniżmu tas-sejħiet għall-fondi obbligatorji għall-benefiċċju tal-EURL huma maħsuba biex CIL tibbenefika mill-vantaġġi mogħtija taħt il-loi Pons. Dan il-mekkaniżmu ta’ trasferiment tal-għajnuna kien kundizzjoni prevista fit-talba għall-ftehim u għalhekk kien aċċettat mill-awtoritajiet Franċiżi. Dan it-trasferiment ta’ riżorsi min-naħa tal-investituri bi profitt għall-koproprjetà jippermetti li jkun sussidjat l-użu tal-Levant minn CIL. Mingħajr dan il-mekkaniżmu, l-użu tal-bastiment minn CIL ma jkunx jagħmel sens ekonomiku.

    (88)

    Għall-investituri, id-dħul mill-arranġament iseħħ fit-tmiem tal-operazzjoni ta’ finanzjament, permezz tax-xiri mill-ġdid tal-ishma tagħhom u mill-fatt li huma jistgħu jżommu għalihom infushom il-benefiċċji fiskali li jirrelataw għall-2003, l-aħħar sena tal-perjodu tal-użu (li mhux koperta minn sejħa għal fondi obbligatorja).

    (89)

    B’hekk hemm tqassim tar-riżorsi tal-Istat (magħmula mill-benefiċċji fiskali tal-investituri) bejn CIL, li tingħata lura mill-ġdid kważi l-fondi kollha, u l-investituri. Il-parti tal-vantaġġ mogħtija lura lil CIL hija magħmula mis-somma tas-sejħa għall-fondi li għaliha rrispondew l-investituri favur l-EURL.

    (90)

    Il-kummenti ta’ CIL, skont liema l-Kummissjoni ma wrietx li l-għajnuna kienet tippermetti l-użu tal-Levant f’kundizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk aċċessibbli għall-operaturi l-oħra, għalhekk ma jistgħux jintlaqgħu.

    (91)

    Fir-rigward tal-prezz tal-bejgħ tal-Levant lil CIL f’Jannar 2004, fir-rigward tal-informazzjoni li għandha l-Kumissjoni, ma jidhirx li dan kien iġib miegħu element ta’ liberalità favur CIL. Fil-fatt, skont CIL, il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid kien stmat minn aġent marittimu indipendenti bħala superjuri għall-valur tas-suq tal-bastiment. Il-Kummissjoni m’għandha l-ebda element ieħor li jwassalha biex tiddubita din l-informazzjoni.

    2.2.   Dwar il-kwalifikazzjoni “ta’ impriża” tal-benefiċjarji tar-riżorsi tal-Istat

    (92)

    Kundizzjoni supplementari għall-kwalifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat hija li l-vantaġġ jiffavorixxi lil ċerti impriżi (jew lil ċerti produtturi). L-idea ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 87 (1) tat-Trattat tkopri kull entità li teżerċita attività ekonomika indipendentement mill-istat ġuridiku ta’ din l-entità u l-metodu tal-finanzjament tagħha. Kull attività li toffri oġġetti jew servizzi fuq suq magħruf tikkostitwixxi attività ekonomika (26).

    (93)

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, fil-kwistjoni Cassa di Risparmio, fejn din kellha tiddistingwi bejn “operatur f’kuntatt dirett mas-suq u, indirettament, [ta’] entità oħra li tikkontrolla lil dan l-operatur fil-qafas ta’ unità ekonomika li dawn jiffurmaw flimkien”, ikkunsidrat li “iż-żamma sempliċi tal-ishma, anke bħala kontroll, mhux biżżejjed biex tikkaratterizza attività ekonomika tal-entità detentriċi ta’ dawn l-ishma, għax din tippermetti biss l-eżerċizzju tad-drittijiet marbuta mal-kwalità ta’ azzjonista, filwaqt li, jekk ikun il-każ, għall-għotja tad-dividendi, li huma l-frott tal-propjetà” (27).

    (94)

    Il-ġurisprudenza għalhekk turi li, lil hinn mill-forom ġuridiċi, il-kwalifikazzjoni ta’ impriża trid tibbaża ruħha fuq analiżi tal-realitajiet ekonomiċi tal-każ partikolari. Il-kwalità ta’ impriża ta’ CIL u tal-investituri għalhekk trid tistabbilixxi ruħha min analiżi tar-relazzjonijiet ekonomiċi tal-arranġament sabiex ikun deċiż b’liema mod tiġi eżerċitata, skont il-fatti, l-attività ekonomika li tikkonsisti fl-użu tal-Levant bħala bastiment tal-kruċieri.

    (95)

    Jaqbel l-ewwelnett li jintwera li, fit-termini formali tal-arranġament, huma l-investituri, permezz tal-EURL tagħhom magħquda fil-koproprjetà, li huma ppreżentati bħala propjetarji u operaturi, għal rashom, tal-bastiment, fejn ir-rwol ta’ CIL huwa limitat għal dak ta’ amministratriċi tal-bastiment “f’isem u fir-riskji tal-koproprjetà (28). Wieħed jista’ jipprevedi perfettament li propjetarju-operatur jafda l-attività ta’ ġestjoni ta’ kuljum tal-attività ekonomika tiegħu lil amministratur, mingħajr ma l-propjetarju jitlef il-kwalifika ta’ impriża fis-sens tar-regoli fil-qasam ta’ Għajnuna mill-Istat, sakemm madankollu jilħaq il-kriterji determinanti elaborati mil-liġi, jiġifieri li l-attività tinkludi l-offerta ta’ oġġetti u servizzi fuq suq u li mhix limitata għaż-żamma tal-ishma u l-irċevuta tad-dividendi.

    (96)

    Fil-fatt, il-Kummissjoni tirrileva li fit-termini tal-istat tal-koproprjetà, kull investitur jeżerċita, permezz tal-ishma tiegħu, drittijiet fuq il-bastiment, fejn dawn id-drittijiet jistgħu jiġu eżerċitati biss b’mod kollettiv (kull sehem jagħti wkoll dritt għal parti proporzjonali tad-dħul mill-użu). L-investituri jeżerċitaw id-dritt tagħhom fil-qafas tal-assemblea ġenerali tal-koproprjetarji, fejn kull koproprjetarju għandu dritt għal vot proporzjonali għall-parti tal-koproprjetà tiegħu. Minn dan il-punt, is-sitwazzjoni tal-investituri tista’ titqabbel ma’ dik ta’ azzjonisti jew ta’ soċji.

    (97)

    Barra dan, l-investituri mhumiex attivament involuti fl-attività ekonomika tal-Levant, li hija kompletament fdata f’idejn CIL. Fil-fatt, mill-mandat tal-ġestjoni jirriżulta li CIL hija responsabbli mill-aspetti kollha tal-użu tal-bastiment u li għandha l-poteri kollha meħtieġa, b’tali mod li kull indħil tal-investituri fl-użu huwa eskluż. Għalhekk:

    CIL hija responsabbli mill-armar, żamma, l-użu u l-ġestjoni teknika u kummerċjali tal-bastiment.

    CIL torganizza l-ġestjoni tas-servizzi ta’ lukanda u tal-kejtering, il-waqfiet u ż-żjarat turistiċi. CIL hija responsabbli mill-ġestjoni tal-ispejjeż tal-port, ta’ tmexxija, eċċ. B’mod aktar ġenerali, din tuża l-bastiment fl-aqwa kundizzjonijiet ekonomiċi u “tista’ tikkonkludi kull charter party, u b’mod aktar ġenerali, li tinnegozja l-atti kummerċjali kollha” (l-Artikolu 3.1 tal-mandat tal-ġestjoni). Għalhekk, il-koproprjetà tat lil CIL diskrezzjoni sħiħa biex tiddetermina x’jikkostitwixxi l-essenza tal-attività ekonomika in kwistjoni, jiġifieri l-offerta tal-kruċieri abbord il-Levant.

    “L-amministratur igawdi poteri, meta mqabbel ma’ partijiet terzi, li huma l-aktar mifruxa għall-ġestjoni tal-oġġetti u tal-attivitajiet tal-koproprjetà, u jista’ jagħmel l-atti kollha tal-amministrazzjoni inkluż it-twarrib għal żmien twil tal-vapur, imma mhux li jiddisponi mill-propjetà” (l-Artikolu 6 tal-mandat tal-ġestjoni). Il-koproprjetà għalhekk tagħti awtonomija kważi totali lil CIL, fejn din tkun tista’ wkoll, fuq l-inizjattiva tiegħu u mingħajr konsultazzjoni mal-investituri, tipproċedi li żżarma l-vapur għal żmien twil, jiġifieri li tieqaf tużah.

    Skond l-Artikolu 6 tal-mandat tal-ġestjoni, l-amministratur “jassigura jew jikseb assigurazzjoni f’isem il-koproprjetà partikolarment l-attivitajiet li ġejjin: - l-għażla u l-ġestjoni tal-persunal, l-organizzazzjoni tax-xogħol abbord […]. Il-poteri mogħtija lill-amministratur huma l-aktar mifruxa b’tali mod li dan ikun jista’ jassigura l-ġestjoni tal-koproprjetà bl-akbar faċilità possibbli”.

    (98)

    In-nuqqas ta’ involviment min-naħa tal-investituri mhux ir-riżultat ta’ għażla kummerċjali li dawn jistgħu liberament jerġgħu jiddeċiedu fuqha, imma tirriżulta mill-istess struttura tal-arranġament. Fil-fatt, fit-termini tal-kuntratti tal-investiment tagħhom, kull soċjetà koproprjetarja hija mmexxija minn żewġ ko-amministraturi li fil-fatt huma appuntati mill-Bank. L-aspetti prattiċi kollha tal-kostituzzjoni u tal-użu tas-soċjetajiet koproprjetarji huma r-responsabbiltà ta’ dawn l-amministraturi jew minn persuni ppreżentati mill-Bank, u lill-assemblea ġenerali tal-koproprjetà (fejn, fit-teorija, l-investituri jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fuq il-vapur u l-użu tiegħu), is-soċjetajiet koproprjetarji huma rrappreżentati mill-amministraturi u mhux mis-soċji tagħhom. Madankollu, l-investitur ma jistax jinnomina lil amministraturi oħra, jew inkella jieħu f’idejh stess l-amministrazzjoni tal-EURL tiegħu, ħlief bil-kundizzjoni li jirrinunċja għall-“wegħda tax-xiri” tal-ishma min-naħa tal-Bank, li tikkostitwixxi l-garanzija tad-dħul tal-investiment tiegħu. Fir-rigward tal-għażla tal-amministratur tal-koproprjetà u fit-termini tal-mandat tagħha, CIL ġiet innominata fl-istatuti tal-koproprjetà (ippreparati mill-Bank u CIP) u fil-prattika tista’ tiġi revokata biss f’każ ta’ nuqqas gravi jew li jista’ jikkawża ħsara. Il-Kummissjoni tinnota għalhekk li fl-arranġament ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu li jippermetti indħil effettiv tal-koproprjetà fl-użu tal-Levant bħala vapur tal-kruċieri, jiġifieri fl-istess attività ekonomika, li huwa esklussivament f’idejn CIL. Fil-qosor, wieħed jista’ jikkonkludi li l-investituri daħlu għal kuntratt ta’ adeżjoni fejn huma ma setgħux liberament jiddeterminaw il-kundizzjonijiet.

    (99)

    Fl-aħħarnett, huwa importanti li wieħed jinnota li fir-relazzjoni bejn propjetarju-operatur u l-amministratur tiegħu, ir-riskju ekonomiku marbut mal-użu tal-oġġett jiddependi normalment mill-propjetarju, filwaqt li l-amministratur jitħallas għas-servizzi tiegħu u ma jkunx interessat fir-riżultati tal-użu. Madankollu, fil-każ tal-Levant, l-investituri, li jibbenefikaw mill-garanzija tad-dħul li jinġieb mill-promoturi tal-proġett, ma jkollhomx ir-riskji reali marbuta mar-riżultat tal-użu tal-Levant. Dawn ir-riskji fil-fatt jaqgħu fuq CIL, li, għalkemm għandha biss żewġ partijiet mis-740 tal-koproprjetà, aċċettat li tieħu r-responsabbiltà kollha ta’ kull possibbiltà ta’ telf fir-rigward tat-tbassir tal-użu għall-perjodu 1996-2003. Il-Kummissjoni tinnota li dan it-tqassim tar-riskji, li ma jinstabx f’relazzjoni normali bejn operatur u amministratur, turi l-fatt li l-attività kummerċjali tiddependi biss fuq CIL.

    (100)

    Jixraq għalhekk li l-proġett Le Levant kien deskritt lill-investituri potenzjali mhux bħala offerta biex jipparteċipaw fl-organizzazzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-kruċieri abbord il-Levant imma bħala “investiment effikaċi, mingħajr riskju u mingħajr bżonn ta’ ġestjoni (29). Dan juri wkoll dwar ir-rapporti reali bejn CIL u l-investituri li “CIP permezz tas-sussidjarja tagħha CIL” hija kwalifikata bħala “operatur u amministratur tal-koproprjetà (30).

    (101)

    Din l-organizzazzjoni tirrifletti perfettament l-għan tal-arranġament, li bih CIL għandha tixtri bastiment u l-investituri jintervjenu biss għall-finijiet tal-finanzjament tiegħu, mingħajr l-għażla li jipparteċipaw fl-użu tiegħu. Il-fatt li l-investituri, bis-saħħa tas-soċjetajiet tagħhom, huma l-propjetarji formali tal-vapur, huwa biss minħabba l-kontabbiltà fiskali tal-arranġament u ma tikkorrispondix għal sehem reali fl-użu kummerċjali tiegħu.

    (102)

    L-attività tal-investituri hija limitata għal parteċipazzjoni fil-kontabbiltà fiskali, mingħajr l-ebda parteċipazzjoni reali fl-użu tal-Levant. Min-naħa l-oħra, CIL, li formalment hija biss l-amministratur, għandha l-garanzija li tikseb, meta jispiċċa l-arranġament, il-propjetà esklussiva tal-vapur bi prezz li t-termini tal-kalkolazzjoni tiegħu huma ffissati minn qabel, u sakemm iseħħ dan il-qafas legali tad-drittijiet tagħha fuq il-bastiment, tiddeċiedi liberament (f’konsultazzjoni mal-investituri) dwar it-termini tal-użu tiegħu. F’dak li jikkonċerna l-użu kummerċjali tal-Levant, CIL għalhekk taġixxi bħala l-propjetarju reali tal-bastiment.

    (103)

    F’dak li jikkonċerna l-użu tal-Levant, hija biss CIL li tista’ tiġi kkwalifikata bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 87 (1) tat-Trattat. Minħabba li l-investituri mhumiex impriżi f’dan is-sens, il-vantaġġi li dawn kisbu permezz tar-riżorsi tal-Istat fil-qafas tal-arranġament tal-finanzjament tal-Levant ma jikkostitwux Għajnuna mill-Istat.

    (104)

    F’dak li jikkonċerna l-istatut tat-tarzna, il-Kummissjoni tinnota li l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati f’dan ir-rigward ma jagħtu l-ebda prova ta’ vantaġġ iffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat għall-benefiċċju tat-tarzna. Il-proċedura formali ta’ investigazzjoni għalhekk ma wriet l-ebda element ta’ prova li bih it-tarzna tista’ titqies li tkun ibbenefikat mill-għajnuna.

    2.3.   Dwar il-karattru selettiv tal-miżura

    (105)

    L-ispeċifiċità ta’ miżura mill-Istat, jiġifieri l-karattru selettiv tagħha, tikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 (1) tat-Trattat. Għalhekk, jaqbel li jkun ivverifikat jekk il-miżura fiskali in kwistjoni tagħtix jew le vantaġġi għall-benefiċċju esklussiv ta’ ċerti impriżi jew ta’ ċerti setturi ta’ attività (31).

    (106)

    Fi-prinċipju, sabiex miżura fiskali tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, l-impriżi li jibbenefikaw minnha jridu jkunu parti minn kategorija determinata mill-applikazzjoni, bid-dritt jew bil-fatt, tal-kriterju stabbilit mill-miżura in kwistjoni (32). Fil-fatt, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li l-miżura eżaminata hija applikazzjoni tal-loi Pons, skema fiskali li tistipula biss investimenti magħmula f’ċerti territorji barra l-pajjiż ta’ Franza u li l-karattru selettiv tagħhom diġà ngħaraf mill-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Jannar 1993 li ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni għall-iskema ta’ għajnuna mill-Istat imwaqqfa mil-loi Pons  (33).

    (107)

    Il-Kummissjoni tqis li l-karattru selettiv tal-miżura in kwistjoni jintwera biżżejjed mill-fatt li din tirriżulta mill-applikazzjoni tal-iskema selettiva tal-loi Pons, u li għalhekk mhux neċessarju li wieħed jieħu pożizzjoni fuq it-tip tad-diskrezzjoni rriservata għall-awtoritajiet Franċiżi fl-għotja tal-ftehim previst fit-termini tal-Artikolu 238 bis HA III ter tas-CGI, aspett li l-Kummissjoni qajmet biss sussidjarjament.

    2.4.   Dwar il-kundizzjonijiet tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ta’ tgħawwiġ tal-kompetizzjoni

    (108)

    L-awtoritajiet Franċiżi u CIL sostnew li Le Levant intuża minn Saint-Pierre u Miquelon, u għalhekk fuq suq tassew limitat fejn ma kienet attiva l-ebda kumpanija tal-kruċieri oħra. CIL seħqet ukoll fuq il-kapaċità żgħira tal-Levant u l-fatt li l-offerta tagħha kienet fil-fatt immirata lejn klijentela mill-Amerika ta’ Fuq. Għal dawn ir-raġunijiet, l-awtoritajiet Franċiżi u CIL ikkontestaw il-punt li l-vantaġġ mogħti lil CIL seta’ kellu effett ta’ tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u li seta’ jaffetwa l-iskambji bejn l-Istati Membri.

    (109)

    Jaqbel li wieħed ifakkar li l-għajnuna maħsuba biex teħles lil impriża mill-ispejjeż li din ikollha tħallas normalment fil-qafas tal-ġestjoni kurrenti tagħha jew tal-attivitajiet normali tagħha fil-prinċipju tgħawweġ il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (34). Fil-fatt kien ġie deċiż li kull għotja ta’ għajnuna lil impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha fuq is-suq Komunitarju tista’ tikkawża tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u taffetwa l-iskambji bejn l-Istati Membri (35).

    (110)

    Il-Kummissjoni tqis li mhuwiex pertinenti li wieħed jikkunsidra l-kruċieri li jitilqu minn Saint-Pierre u Miquelon bħala suq distint. Huwa probabbli li l-konsumatur li jkun qed jippjana kruċiera f’dan ir-reġjun jista’ jkun lest ukoll li jikkunsidra kruċieri lejn destinazzjonijiet oħra, jew li jitilqu minn portijiet oħra, u li l-għażla tiegħu tkun determinata minn serje ta’ fatturi, fosthom il-prezz, li jista’ jkun affetwat mill-miżura li qed tiġi eżaminata. Il-kruċieri għalhekk huma parti minn suq aktar importanti u safejn il-vantaġġi fiskali in kwistjoni jeħilsu lil CIL mill-ispejjeż li din kien ikollha tħallas normalment għall-iffinanzjar tal-attività ekonomika tagħha, l-għajnuna tista’ tikkawża tgħawwiġ fil-kompetizzjoni f’dan is-suq.

    (111)

    F’dak li jikkonċerna l-effett fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni nnutat li l-offerta tal-Levant kienet prinċiparjament indirizzata lejn is-suq tal-Amerika ta’ Fuq u li, għalhekk, CIL kienet qed tikkollabora ma’ aġenzija tal-ivjaġġar Amerikana li kienet tassigura l-promozzjoni u d-distribuzzjoni tal-kruċieri. Il-Kummissjoni madankollu tirrileva li mhux eskluż li l-għajnuna tista’ tgħawweġ il-kompetizzjoni anke fil-każ fejn il-benefiċjarju jesporta kważi l-produzzjoni kollha tiegħu barra mill-Komunità (36). Barra minn hekk, jidher li l-kruċieri kienu ser jiġu kkummerċjalizzati wkoll fl-Ewropa.

    (112)

    Il-miżura in kwistjoni għalhekk tista’ tgħawweġ il-kompetizzjoni u taffetwa l-iskambji bejn l-Istati Membri.

    2.5.   L-intensità tal-għajnuna

    (113)

    Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna tinkludi t-tnaqqis fit-taxxa kollha trasferita mill-investituri lis-soċjetajiet koproprjetarji tagħhom skond iż-żieda ta’ kapital li huma kienu impenjaw ruħhom li jagħmlu taħt l-arranġament għall-finanzjament tal-Levant.

    (114)

    L-awtoritajiet Franċiżi ddikjaraw li mhumiex kapaċi li jikkwantifikaw il-benefiċċji fiskali mingħajr ma jipproċedu għal eżami individwali tas-sitwazzjoni fiskali ta’ kull wieħed mill-investituri.

    (115)

    Il-Kummissjoni tqis li fi kwalunkwe każ mhix marbuta li tikkwantifika eżattament l-għajnuna, imma biss li tippreċiża l-bażijiet tal-kalkoli tagħha. Madankollu, din tippreżenta, mingħajr l-ebda preġudizzju għall-kalkolazzjoni tal-ammont totali tal-għajnuna, li, skond l-istimi tal-Bank ibbażati fuq il-profil ta’ “investitur tipiku” (37), l-benefiċċji fiskali perċepiti bis-saħħa tat-tnaqqis tal-prezz tax-xiri tal-bastiment jippermettu dħul f’kapital ta’ 278 506 FRF għal kull lott ta’ ishma, jiġifieri għas-738 sehem mibjugħa lill-investituri, total ta’ 102 490 200 FRF, jiġifieri intensità ta’ madwar 44,8 % meta mqabbla mal-prezz tal-vapur.

    3.   Dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni

    Id-dispożizzjoni ġuridika applikabbli

    (116)

    Billi l-Kummissjoni nnutat li l-miżura in kwistjoni tikkostitwixxi Għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 (1) tat-Trattat, wieħed għandu jeżamina l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjonijiet tagħha tal-bidu li din stmat li l-għajnuna kellha tiġi analizzata fid-dawl tad-Direttiva 90/684/KEE, u b’mod aktar partikolari, minħabba l-finalità tal-għajnuna tal-Artikolu 4 (7) ta’ din id-Direttiva (38). Il-pertinenza ta’ din il-bażi ġuridika ġiet ikkontestata mill-awtoritajiet Franċiżi u l-partijiet interessati għar-raġunijiet imqajma fil-partijiet IV u V. Jaqbel għalhekk l-ewwelnett li tingħata raġuni għall-għażla ta’ din il-bażi ġuridika.

    (117)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Jannar 1993 li ma tippreżentax oġġezzjonijiet fil-qasam tal-Għajnuna mill-Istat relattivament għal loi Pons tipprevedi biċ-ċar li “l-applikazzjoni tal-għajnuna in kwistjoni hija suġġetta għar-regolamenti u strutturi tal-liġi Komunitarja fil-qasam ta’ (…) ċerti setturi ta’ attività fl-industrija …”. Għalhekk, din id-Deċiżjoni ma tkoprix l-għajnuna li qed tiġi eżaminata sakemm din tkun relattiva għall-qasam tal-applikazzjoni tad-Direttiva 90/684/KEE.

    (118)

    Franza u l-partijiet interessati jsostnu li d-Direttiva 90/684/KEE tapplika biss għall-għajnuna li jibbenefika minnha kostruttur navali u li, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx identifikat vantaġġ għat-tarzna li kienet bniet lil Levant, id-Direttiva 90/684/KEE ma tapplikax għal din il-kwistjoni. Il-Kummissjoni ma setatx taqbel ma’ dan l-argument. Fil-fatt mit-test tal-Artikolu 3 (1) tad-Direttiva 90/684/KEE jirriżulta li din tapplika għal “forom kollha ta’ għajnuna lil operaturi jew lil partijiet terzi li huma disponibbli bħala għajnuna għall-kostruzzjoni jew għall-bdil tal-vapuri”. Għalhekk mhix tant il-kwalità ta’ benefiċjarju imma l-finalità tal-għajnuna li hija determinanti għall-applikazzjoni tad-Direttiva 90/684/KEE, li tistipula l-għajnuna għall-“kostruzzjoni tal-vapuri”, u mhux il-kostrutturi tal-vapuri. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti li, bħala risposta għall-argument skond liema hija biss l-għajnuna disponibbli għall-produzzjoni tal-bastimenti, u mhux għall-użu tagħhom, kellha tiġi kkunsidrata fil-qafas tad-Direttiva 90/684/KEE, iġġudikat li d-dispożizzjonijiet tagħha huma applikabbli “mhux biss għall-forom kollha tal-għajnuna għall-produzzjoni mogħtija direttament lit-tarzni, imma wkoll għall-għajnuna stipulata fl-Artikolu 3 (2), din id-dispożizzjoni tal-aħħar tistipula l-forom kollha tal-għajnuna mogħtija lill-operaturi jew lil partijiet terzi meta din l-għajnuna fil-fatt tintuża għall-kostruzzjoni ta’ jew għax-xogħolijiet fuq il-bastimenti fit-tarzni tal-Komunità” (39).

    (119)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkonferma li l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni trid tiġi stmata fir-rigward tad-direttiva 90/684/KEE.

    L-analiżi tal-kompatibbiltà

    (120)

    Skond l-Artikolu 4 (7) tad-Direttiva 90/684/KEE, l-għajnuna marbuta mal-kostruzzjoni ta’ u max-xogħlijiet fuq il-vapuri, mogħtija bħala għajnuna għall-iżvilupp lil pajjiż li qed jiżviluppa, tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni jekk din tkun konformi mad-dispożizzjonijiet stabbilit għal dan il-għan mill-grupp ta’ ħidma Nru 6 tal-OECD fil-ftehim tiegħu dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6, 7 u 8 tal-ftehim li jikkonċerna l-krediti għall-esportazzjoni tal-bastimenti, jew kull emenda għall-ftehim imsemmi (minn issa ‘l quddiem imsejħin “il-kriterji tal-OECD”).

    (121)

    Hekk kif il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri permezz tal-ittra tagħha SG (89) D/311 tat-3 ta’ Jannar 1989, il-proġetti tal-għajnuna għall-iżvilupp iridu jissodisfaw il-kriterji tal-OECD li ġejjin:

    il-vapuri ma jridux joperaw taħt bandiera ta’ konvenjenza.;

    jekk l-għajnuna ma tistax tiġi klassifikata bħala għajnuna pubblika għall-iżvilupp fil-qafas tal-OECD, dak li jagħti l-għajnuna jrid jikkonferma li din tingħata skond ftehim bejn il-gvernijiet;

    dak li jagħti l-għajnuna jrid jagħti l-assigurazzjonijiet xierqa li l-propjetarju reali jgħix fil-pajjiż benefiċjarju u li l-impriża li ser tibbenefika mhix sussidjarja mhux operazzjonali ta’ soċjetà barranija (il-pajjiżi li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna jinkludu mhux biss il-pajjiżi li qed jiżviluppaw klassifikati bħala tali mill-OECD, imma wkoll il-pajjiżi kollha u t-territorji barra l-pajjiż assoċjati mal-Unjoni Ewropea, inkluż it-territorji Franċiżi barra l-pajjiż);

    il-benefiċjarju jrid jimpenja ruħu li ma jbiegħx il-vapur mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi.

    (122)

    Barra minn dan, l-għajnuna mogħtija trid tinkludi element ta’ liberalità ta’ mill-anqas 25 %.

    (123)

    Hekk kif diġà kien indikat, il-Kummissjoni trid tivverifika wkoll li l-proġett jinkludi tassew “komponent għall-iżvilupp”. Fil-fatt, il-Qorti (40) qieset li l-Kummissjoni trid tivverifika b’mod separat il-komponent “żvilupp” tal-proġett u r-rispett tal-kriterji tal-OECD. Għalhekk, il-Kummissjoni trid, għall-finijiet tal-istima tagħha, tivverifika li l-proġetti tassew għandhom għan ta’ żvilupp u li dawn ma jkunux possibbli mingħajr l-għajnuna (jiġifieri li din l-għajnuna tkun neċessarja).

    (124)

    Hekk kif il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjonijiet tagħha tal-bidu, l-għajnuna in kwistjoni ssodisfat il-kriterji tal-OECD, għar-raġunijiet li ġejjin:

    Le Levant jintuża taħt il-bandiera Franċiża. Għalhekk hija sodisfatta l-kundizzjoni skond liema l-bastiment ma jistax jintuża taħt bandiera ta’ konvenjenza.

    Saint-Pierre u Miquelon jidher fuq il-lista tal-pajjiżi li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għall-iżvilupp, li hija annessa mal-ittra SG (89) D/311 tal-Kummissjoni lill-Istati Membri.

    Il-Kummissjoni tirrileva li CIL hija mistennija, fit-termini tal-arranġament, li ssir l-uniku propjetarju tal-vapur, u li matul il-perjodu intermedjarju, din għandha tuża l-bastiment fl-operazzjonijiet kummerċjali tagħha bħala propjetarju de facto. Għall-finijiet tal-kundizzjoni tar-residenza tal-propjetarju, il-Kummissjoni tikkunsidra li CIL tista’ titqies bħala l-propjetarju reali tal-Levant  (41). CIL għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha f’Wallis u Futuna. Dan l-arċipelagu mhuwiex il-“pajjiż benefiċjarju” (li huwa Saint-Pierre u Miquelon). Madankollu, minħabba li ż-żewġ arċipelagi jidhru fuq il-lista tal-Kummissjoni li telenka l-pajjiżi li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għall-iżvilupp, il-Kummissjoni mhix ser tippreżenta oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward. Barra minn dan, CIL mhix sussidjarja mhux operazzjonali ta’ soċjetà barranija.

    Il-vapur ma jistax jerġa’ jinbiegħ mingħajr l-approvazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi Franċiżi minħabba li l-għajnuna hija mogħtija sakemm CIL tuża effettivament il-vapur għal tal-anqas ħames snin, prinċipalment bid-destinazzjoni u tluq minn Saint-Pierre u Miquelon.

    L-intensità tal-għajnuna hija aktar minn 25 % (ara l-punt 115).

    (125)

    Il-Kummissjoni għad trid tivverifika l-“komponent tal-iżvilupp”, jiġifieri trid tassigura ruħha li l-għajnuna tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp tat-territorju li qed jibbenefika. Din l-analiżi trid tikkunsidra ċ-ċirkostanzi u l-bżonnijiet speċifiċi tat-territorju in kwistjoni. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Franċiżi enfasizzaw li l-ekonomija ta’ Saint-Pierre u Miquelon kienet tinsab f’sitwazzjoni partikolarment diffiċli fil-mument tal-għotja tal-għajnuna. Fil-fatt, l-arċipelagu storikament kien jiddependi fuq is-sajd industrijali. Il-waqa’ f’daqqa u massiva ta’ din l-industrija fl-1993, wara l-eżitu, mhux favorevoli għal Franza, ta’ kwistjoni mal-Kanada dwar id-drittijiet tas-sajd, u għal moratorju Kanadiż dwar is-sajd għall-merluzz, ħoloq bżonn qawwi li l-ekonomija tat-territorju terġa’ tiġi orjentata. Id-daqs modest tal-arċipelagu u tal-popolazzjoni tiegħu, l-iżolament relattiv tiegħu u ċ-ċokon tal-ekonomija tiegħu jnaqqsu b’mod konsiderevoli l-possibilitajiet ta’ tali orjentament mill-ġdid. Diversifikazzjoni permezz tat-turiżmu, li tagħti valur lin-natura ppreservata tat-territorju u l-viċinanza mal-kontinent tal-Amerika ta’ Fuq, kienet tidher li hija l-aktar triq interessanti. Saint-Pierre u Miquelon ma setax jipproponi turiżmu għal soġġorn fit-tul, u għalhekk kien raġonevoli li wieħed jipprova jiżviluppa l-arċipelagu bħala port tal-kruċieri.

    (126)

    Fl-osservazzjonijiet ipprezentati wara d-deċiżjoni tal-bidu tat-2 ta’ Diċembru 1999, l-awtoritajiet Franċiżi wrew li l-użu tal-Levant kellu jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ Saint-Pierre u Miquelon, partikolarment permezz tal-ħolqien ta’ impjiegi u mill-infiq li l-użu tiegħu ser joħloq fit-territorju.

    (127)

    Fid-Deċiżjoni 2001/882/KE, il-Kummissjoni madankollu kkonkludiet li hemm nuqqas ta’ “komponent għall-iżvilupp” (42). Din l-istima hija partikolarment ibbażata fuq il-konklużjonijiet li ġejjin rigward l-impatt ekonomiku tal-għajnuna:

    Il-Kummissjoni qieset, fuq il-bażi tal-informazzjoni li kellha, li l-impatti finanzjarji tal-użu tal-Levant setgħu jitqiesu għal 5,52 miljun FRF għall-perjodu 1999-2001, jiġifieri madwar EUR 0,84 miljun.

    F’dak li jikkonċerna l-ħolqien ta’ impjiegi diretti, il-Kummissjoni qieset li ma ġie ppruvat l-ebda effett, filwaqt li l-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Franċiżi rrimarkat biss dwar il-fatt li “erba’ sajjieda anzjani tal-arċipelagu għamlu taħriġ biex jaħdmu fuq il-bastiment”.

    Fl-aħħarnett, f’dak li jikkonċerna l-effett fuq l-iżvilupp tal-infrastrutturi tal-arċipelagu u l-impatt indirett marbut mal-wasla ta’ operaturi oħra tal-kruċieri, il-Kummissjoni rrimarkat li d-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi ma kinux ġew kwantifikati u li ma kienx neċessarju li dawn jiġu kkunsidrati sabiex titqies il-miżura tal-għajnuna lil Levant.

    (128)

    Dawn il-konklużjonijiet evidentement kienu bbażati fuq l-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha fil-mument tad-deċiżjoni tagħha. Kif ħareġ b’mod ċar mid-Deċiżjoni tal-Qorti wara r-rikors għall-annullament fil-kwistjoni C-394/01 diġà msemmija (43), il-Kummissjoni setgħet tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq l-elementi li hi kellha għarfien tagħhom fil-qafas tal-proċedura formali ta’ investigazjoni mibdija mid-Deċiżjoni tagħha tat-2 ta’ Diċembru 1999, li kienet teskludi ċertu informazzjoni li l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw biss fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti.

    (129)

    Madankollu, fl-osservazzjonijiet il-ġodda li ppreżentaw wara d-deċiżjoni komplimentari tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2006, l-awtoritajiet Franċiżi u l-partijiet interssati ppreżentaw informazzjoni li l-Kummissjoni ma kellhiex fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2001/882/KE u li jagħtu stampa differenti tal-impatt ekonomiku tal-użu tal-Levant.

    (130)

    B’hekk fil-qasam tal-impjiegi, mill-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi jirriżulta li tal-anqas 14-il persuna li ġejjin minn Saint-Pierre u Miquelon ġew impjegati abbord il-Levant mill-1999 sal-25 ta’ Lulju 2001. ma’ dawn l-impjiegi fuq il-baħar jiżdiedu impjiegi fuq l-art maħluqa mill-użu ta’ fornituri u ta’ persuni li joffru s-servizzi lokali. L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-użu tal-Levant ħoloq tal-anqas 10 impjiegi fuq l-art bejn l-1999 u l-25 ta’ Lulju 2001 (44).

    (131)

    Skond l-istess informazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi, l-użu tal-Levant ħoloq EUR 1,66 miljun ta’ nfiq dirett f’Saint-Pierre u Miquelon (marbuta ma’ provvisti għall-vapur, mat-trasferimenti tal-passiġġieri, eċċ.) fil-perjodu 1999-2001 (45).

    (132)

    Kuntrarju għall-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha fl-2001, din l-informazzjoni l-ġdida tippermetti għalhekk li jiġi nnutat impatt kwantifikat fil-qasam tal-ħolqien tal-impjiegi. Dan l-effett ma jistax jiġi kkwalifikat bħala negliġibbli minħabba ċ-ċokon tas-suq tal-impjieg fit-territorju u meta dan jiġi mqabbel man-numru ta’ persuni li qed jitolbu l-impjieg (409 persuna fl-1999) (46). Dawn juru wkoll li l-ispejjeż diretti għal Saint-Pierre u Miquelon marbuta mal-użu tal-Levant huma madwar darbtejn aktar mis-somom miżmuma mill-Kummissjoni fir-raġuni tad-Deċiżjoni 2001/882/KE (47).

    (133)

    Din l-informazzjoni l-ġdida tippermetti li jiġi nnutat li l-għajnuna mogħtija lil Levant ħolqot impatt ekonomiku, b’ċerti limiti, imma madankollu jista’ jkun ta’ kontribut għall-iżvilupp ekonomiku ta’ Saint-Pierre u Miquelon.

    (134)

    L-awtoritajiet Franċizi enfasizzaw ukoll il-fatt li l-għajnuna setgħet, b’mod aktar ġenerali, tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ Saint-Pierre u Miquelon billi tistimola d-diversifikazzjoni meħtieġa tal-ekonomija tiegħu. Fuq dan l-aspett, il-proċedura ta’ investigazzjoni ppermettiet lill-Kummissjoni li tinnota li l-ekonomija ta’ Saint-Pierre u Miquelon kienet ikkaratterizzata minn dipendenza kważi esklussiva fuq is-sajd industrijali sa l-1993, u wara minn dipendenza tas-settur pubbliku u tal-akkwist pubbliku (48).

    (135)

    Il-Kummissjoni tammetti li dipendenza bħal din fuq numru tassew limitat ta’ sorsi ta’ impjiegi u ta’ dħul tista’ tikkostitwixxi impediment għall-iżvilupp tat-territorju. Minħabba l-punti speċifiċi ġeografiċi ta’ Saint-Pierre u Miquelon u l-karattru limitat tas-suq intern tiegħu, il-Kummissjoni tammetti li diversifikazzjoni ekonomika kienet utli għall-iżvilupp tiegħu u li t-turiżmu seta’ jikkostitwixxi mezz ta’ diversifikazzjoni li tipprometti tajjeb fil-ħin tal-għotja tal-għajnuna. Il-Kummissjoni taċċetta wkoll l-osservazzjonjiet tal-awtoritajiet Franċiżi skond liema d-daqs tal-arċipelagu jnaqqas il-possibilitajiet li jkun propost turiżmu bbażat fuq żjarat imtawla, imma li min-naħa l-oħra l-pożizzjoni tiegħu huwa ideali għall-izvilupp ta’ attività ta’ kruċieri.

    (136)

    Il-Kummissjoni tinnota li, skond l-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Franċiżi, in-numru ta’ persuni li jmorru fuq kruċieri li jżuru l-arċipelagu ra varjazzjonijiet qawwija fis-snin ta’ qabel l-għotja tal-għajnuna u l-bidu tas-servizz tal-Levant, imma li n-numru jidher li stabbilixxa ruħu f’livell relattivament għoli mis-sena 2000 (49).

    (137)

    Għalkemm huma reali, dawn il-kontribuzzjonijiet għall-iżvilupp ta’ Saint-Pierre u Miquelon madankollu jistgħu jidhru modesti, partikolarment meta mqabbla mal-intensità tal-għajnuna. Il-Kummissjoni tqis madankollu li l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni trid tkun apprezzata meta mqabbla mal-kontribuzzjoni li tista’ tagħti l-għajnuna għall-iżvilupp ta’ Saint-Pierre u Miquelon u l-importanza tat-tgħawwiġ tal-iskambji bejn l-Istati Membri li din tkun tista’ toħloq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li wieħed ma jistax jiċħad li l-għajnuna hija suxxettibbli li jkollha ċertu effett negattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri hekk kif muri fit-taqsima 2.4, madankollu huwa probabbli li dan l-effett ikun limitat ħafna minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tal-kwistjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqajjem dawn il-punti partikolari:

    Il-Levant huwa bastiment li ma jesax ħafna, jista’ jilqa’ biss madwar 95 passiġġier, li naturalment jillimita l-impatt tiegħu fuq is-suq.

    L-offerta tal-kruċieri tal-Levant li jitilqu minn Saint-Pierre u Miquelon (jiġifieri barra mill-ilmijiet Komunitarji) kienet prinċiparjament marbuta mas-suq tal-Amerika ta’ Fuq (50), kemm minħabba n-netwerks tal-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti minn CIL u kemm minħabba l-fatt, preċiżament minħabba l-lokalità ġeografika tal-arċipelagu, “għoqda” tal-kruċieri (madwar 4 600 kilometru minn Pariġi, imma biss 25 kilometru mill-kosta Kanadiża) (51).

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, skond l-informazzjoni li ġiet ippreżentata lilha, l-ebda operatur ieħor stabbilit fil-Komunità ma jipproponi jew qatt ma ppropona, fil-perjodu konċernat, kruċieri lejn Saint-Pierre u Miquelon u li l-kruċieri organizzati mal-Levant, li huwa lussuż ħafna u li jmur f’destinazzjonijiet mhux komuni, u li kienu jimmiraw biss għal settur żgħir ħafna, u ftit żviluppat fl-Ewropa, fis-suq tal-kruċieri.

    (138)

    Meqjus dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna in kwistjoni tista’ tagħti kontribuzzjoni għall-iżvilupp ta’ Saint-Pierre u Miquelon bil-ħolqien ta’ impjiegi u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija tal-pajjiż, u li anke modesta, din il-kontribuzzjoni hija aktar importanti mit-tgħawwiġ tal-iskambji bejn l-Istati Membri li l-għajnuna tista’ tqajjem.

    (139)

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li din l-għajnuna kienet meħtieġa. Fil-fatt, il-prospetti ta’ profitt għall-użu tal-bastiment minn Saint-Pierre u Miquelon skond it-termini l-arranġament approvat mill-awtoritajiet Franċiżi kienu tali li l-profitt tal-proġett ma setax ikun assigurat bis-saħħa tal-għajnuna. Il-proġett ta’ kostruzzjoni u tal-użu tal-Levant għalhekk ma setatx titwettaq mingħajr l-għajnuna.

    (140)

    Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni għalhekk tinnota li l-għajnuna tal-Levant tinkludi “komponent ta’ żvilupp”.

    VIII.   IL-KONKLUŻJONIJIET

    (141)

    Il-Kummissjoni tqis li Franza pprovdiet l-għajnuna in kwistjoni illegalment bi vjolazzjoni tat-termini tal-Artikolu 88 (3) tat-Trattat. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna tikkostitwixxi għajnuna għall-iżvilupp fis-sens tal-Artikolu 4 (7) tad-Direttiva 90/684/KEE u li għalhekk, din hija kompatibbli mas-suq komuni,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lill-Compagnie des Îles du Levant fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-bastiment tal-kruċiera Le Levant hija kompatibbli mas-suq komuni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Franza.

    Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Mejju 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Neelie KROES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 380 tal-31.12.1990, p. 27.

    (2)  ĠU C 33 tal-5.2.2000, p. 6 u ĠU C 23 tal-1.2.2007, p. 28.

    (3)  ĠU C 33 tal-5.2.2000, p. 6.

    (4)  ĠU L 327 tat-12.12.2001, p. 37.

    (5)  Il-kwistjoni T-34/02, EURL Le Levant 001/il-Kummissjoni, Rec. 2006, p. II-267. Qabel dan, Franza kienet bdiet rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni 2001/882/CE, li ġie rrifjutat mill-Qorti (is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2002, il-kwistjoni C-394/01, Franza/il-Kummissjoni, Rec. 2002 p. I-8245).

    (6)  ĠU C 23 tal-1.2.2007, p. 28.

    (7)  Is-soċjetà in kwistjoni talbet li l-identità tagħha ma tkunx ippubblikata. Għalhekk, f’din id-Deċiżjoni, din ser tissejjaħ biss “il-Bank”.

    (8)  Arċipelagu b’superfiċje ta’ 242 km2 u li għandu madwar 6 500 resident, Saint-Pierre u Miquelon huwa territorju barra l-pajjiż li jinstab ‘il barra mix-xtut tal-Kanada (madwar 25 km 'l bogħod minn Newfoundland).

    (9)  CIL hija sussidjarja kontrollata fil-100 % minn CIP. Din tal-aħħar tidħol bħala garanti tal-impenji kollha sottoskritti minn CIL fil-qafas tal-operazzjoni tal-finanzjament tal-Levant. Il-Kummissjoni tqis għalhekk li ma tistax issir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet, u kemm CIP u kemm CIL ser jintużaw f’din id-Deċiżjoni.

    (10)  Għall-fatti li seħħew qabel l-introduzzjoni tal-ewro, l-ammonti fi Franki Franċiżi huma mibdula, bħala indikazzjoni, bir-rata ta; 6,5 FRF għal 1 ewro.

    (11)  Għalhekk, mid-dokumenti toħroġ informazzjoni ppreżentata minn dawk li jippromwovu l-proġett “Le Levant” lill-Kummissjoni tal-Borża tas-Sigurtajiet (COB) li l-assoċjati “… fit-teorija jerġgħu jinvestu mill-ġdid kważi t-taxxi kollha li jiffrankaw, billi jissottoskrivu għal żidiet ta’ kapital annwali tas-Soċjetajiet Proprjetarji Konġunti. Dawn iż-żidiet ta’ kapital ser ikunu mwettqa b’mod li jippermettu l-bilanċ tal-flus kontanti tas-soċjetajiet, mingħajr madankollu ma jkunu eċċessivi”. F’dak li jikkonċerna l-flus kontanti tas-soċjetajiet proprjetarji konġunti, jirriżulta li “kontijiet proviżorji tal-użu tal-àkoproprjetà”, annessi mad-dokumentazzjoni ppreżentata lill-COB, li r-riżultat tal-użu previst kien negattiv għal kull sena għall-perjodu 1996-2003.

    (12)  Talba għal ftehim bejn il-Bank u CIP bid-data tad-19 ta’ Awwissu 1996 (minn issa ‘l quddiem “it-talba għal ftehim”), paġni 21-22.

    (13)  Ħlief għal żewġ EURL li ma setgħux jitneħħew għal raġunijiet tekniċi imma li ilhom inattivi mit-2 ta’ Jannar 2004.

    (14)  Għal loi Paul, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 2001 (ĠU C 30 tat-2.2.2002, p. 13) u għal loi Girardin, d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Novembru 2003 (ĠU C 16 tat-22.1.2004, p. 24).

    (15)  Id-Deċiżjoni 1999/719/KE tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 1999 rigward l-għajnuna mill-Istat li Franza kkunsidrat li tagħti bħala għajnuna għall-iżvilupp għall-bejgħ ta’ żewġ bastimenti mibnija fil-Chantiers de l’Atlantique u użati minn Renaissance Financial fil-Polineżja Franċiża (ĠU L 292, 13.11.1999, p. 23).

    (16)  Id-Deċiżjoni tal-Qorti tat-12 ta’ Novembru 1998 fil-kwistjoni C-415/96, Espagne/Commission, Rec. 1998, p. I-6993, il-punt 32.

    (17)  Għal hekk ara d-deċiżjoni tal-Qorti fil-kwistjoni diġà msemmija C-415/96, partikolarment il-punti 33 u 34.

    (18)  Ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-10 ta’ Jannar 2006 fil-kwistjoni C-222/04, Ministero dell’Economia e delle Finanze/Cassa di Risparmio di Firenze, Rec. 2006 p. I-289, il-punt 129.

    (19)  It-talba għall-ftehim, paġna 11.

    (20)  It-talba għall-ftehim, paġni 11 u 15.

    (21)  Ara r-Rapport ta’ informazzjoni ppreparat f’isem il-Kummissjoni tal-Finanzi, tal-kontroll tal-baġit u tal-kontijiet ekonomiċi tan-Nazzjon dwar it-tneħħija ta’ taxxi fid-dipartimenti u t-territorji ta’ barra l-pajjiż (is-Senat, sessjoni ordinarja tal-2002-2003, ir-Rapport Nru 51, anness mal-minuti tal-laqgħa tas-7 ta’ Novembru 2003).

    (22)  ĠU C 279 tal-25.10.1995, p. 3.

    (23)  Id-Deċiżjoni 1999/719/KE diġà msemmija.

    (24)  ĠU C 307 tas-7.10.1998, p. 6.

    (25)  Din l-istrateġija hija sostnuta wkoll mill-prattika aktar reċenti tal-Kummissjoni fil-kwistjoni msejħa “GIE fiscaux”: id-deċiżjoni 2007/256/KE tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006 rigward l-iskema tal-għajnuna mwettqa minn Franza taħt l-Artikolu 39 CA tal-kodiċi ġenerali tat-taxxa (ĠU L 112 tat-30.4.2007, p. 41), il-punti 101 sa 103.

    (26)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni diġà msemmija Cassa di Risparmio, il-punti 107 u 108.

    (27)  Id-Deċiżjoni diġà msemmija Cassa di Risparmio, il-punti 109 sa 114.

    (28)  Mandat tal-ġestjoni tal-koproprjetàà tal-bastiment Le Levant, l-Anness 4 mal-fajl ppreżentat lil COB (minn issa ‘l quddiem “il-mandat tal-ġestjoni”).

    (29)  Il-Prospectus “Sir koproprjetarju ta’ vapur tal-kruċieri “Le Levant” ”, inkluż fid-dokumenti ppreżentati lil COB (hija l-Kummissjoni li tenfasizza dan).

    (30)  Idem. Fit-termini tal-liġi marittima Franċiża, il-fatt li wieħed ikun koproprjetarju ta’ vapur ma jwassalx biex dan tal-aħħar jingħata l-kwalifika ta’ operatur. Din hija biss usppożizzjoni li tista’ tiġi kkonfermata jew le, fid-dawl tal-atti tal-ġestjoni relattivi għall-vapur in kwistjoni sabiex ikun identifikat, permezz ta’ dawn l-atti (il-ħatra tal-kaptan, ir-responsàabbiltà tal-ġestjoni nawtika u/jew tal-ġestjoni kummerċjali) min hu l-operatur tal-vapur (il-liġi Nru 69-8 tat-3 ta’ Jannar 1969 rigward il-propjetà u l-bejgħ marittimu, emendata, l-Artikoli 1).

    (31)  Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti tas-26 ta’ Settembru 1996 fil-kwistjoni C-241/94, France/Commission, Rec. 1996, p. I-4551, u tal-1 ta’ Diċembru 1998 fil-kwistjoni C-200/97, Ecotrade/Altiforni e Ferriere di Servola, Rec. 1998, p. I-7907.

    (32)  Ara, għal dan, is-sentenza tat-Tribunal fil-kwistjoni T-308/00, Salzgitter/Commission, Rec. 2004, p. II-1933, il-punt 38.

    (33)  Ara l-punt 10.

    (34)  Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000 fil-kwistjoni C-156/98, Allemagne/Commission, Rec. p. I-6857, il-punt 30, u l-ġurisprudenza msemmija.

    (35)  Ara, partikolarment, is-sentenza tal-Qorti tas-17 ta’ Setetmbru 1980 fil-kwistjoni 730/79, Philip Morris/Commission, Rec. 1979, p. 2671, il-punti 11 u 12.

    (36)  Is-sentenza tal-Qorti tal-21 ta’ Marzu 1990 fil-kwistjoni C-142/87, Belgique/Commission, Rec. 1990, p. I-959, il-punt 35.

    (37)  Ara d-Deċiżjoni komplimentari tas-6 ta’ Diċembru 2006, il-punt 72.

    (38)  Id-Direttiva 90/684/KEE waqfet milli tipproduċi l-effetti tagħha fil-31 ta’ Diċembru 1997. Madankollu, din tibqa’ pertinenti għall-analiżi ta’ din il-kwistjoni minħabba li d-dispożizzjonijiet tagħha kienu fis-seħħ fil-mument tal-għotja tal-għajnuna, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-apprezzament tal-għajnuna mill-Istat illegali (ĠU C 119 tat-22.5.2002, p. 22).

    (39)  Id-Deċiżjoni tal-Qorti tat-18 ta’ Mejju 1993 fil-kwistjonijiet konġunti C-356/90 u C-180/91, Belgique/Commission (Rec. 1993, p. I-2323), il-punt 14.

    (40)  Id-Deċiżjoni tal-Qorti tal-5 ta’ Ottubru 1994 fil-kwistjoni C-400/92, Allemagne/Commission, Rec. 1994, p. I-4701.

    (41)  Din l-analiżi hija konformi ma’ dik magħmula fil-kwistjoni “Renaissance” diġà msemmija.

    (42)  Id-Deċiżjoni 2001/882/KE, il-punt 33.

    (43)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 5.

    (44)  Skond l-awtoritajiet Franċiżi, bejn 14 u 16-il ċittadin ta’ de Saint-Pierre u Miquelon ġew impjegati abbord matul l-ewwel ħames snin tal-użu tal-“Levant”, jiġifieri bejn l-1999-2003. Matul l-istess perjodu, l-użu tal-“Levant” ħoloq bejn 11 u 12-il impjieg fuq l-art. Madankollu, għall-punti marbuta mal-prinċipju tas-sigurtà ġuridika, għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ser tikkunsidra biss il-fatti li jikkonċernaw il-perjodu ta’ qabel id-Deċiżjoni 2001/882/KE. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ser tikkunsidra biss in-numru ta; l-impjiegi l-aktar baxx.

    (45)  Dan il-perjodu jkopri s-sena 2001 kollha. Sussidjarjament, wieħed jista’ jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-ispejjeż direttament minfuqa għal Le Levant fl-2002 u fl-2003 kienu ta’ EUR 1,66 miljun fis-sena, jiġifieri madwar EUR 3,4 miljun għall-ewwel ħames snin tal-użu tal-Levant.

    (46)  In-numru ta’ nies li qed jitolbu l-impjieg fil-31 ta’ Diċembru 1999 (Il-Bank Ċentrali tat-territorji barra l-pajjiż, ir-rapport “Saint-Pierre u Miquelon fl-1999”).

    (47)  Jiġifieri, għall-perjodu 1999-2001, madwar EUR 1,66 miljun kontra madwar EUR 0,84 miljun (5,52 miljun FRF) stmati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2001/882/KE.

    (48)  B’hekk, fl-1999, is-setturi tal-BTP u tas-sajd, appoġġjati l-aktar mill-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi, kienu jirrappreżentaw 63,8 % tal-impjiegi. L-uffiċjali kienu jirrappreżentaw 25,8 % tal-popolazzjoni attiva (ara l-Bank Ċentrali tat-territorji barra l-pajjiż, ir-rapport “Saint-Pierre u Miquelon fl-1999”).

    (49)  In-numru ta’ persuni li marru fuq kruċieri kien ta’ 2 134 fl-1995, 820 fl-1996, 785 fl-1997, 2 123 fl-1997, 2 123 fl-1998, 428 fl-1999, biex tela’ għal 3 242 fl-2000 u 2 474 fl-2001. Barra minn dan, wieħed jista’ jinnota li l-livell inżamm matul il-perjodu kollu tal-użu tal-Levant b’5 120 persuna li marru fuq kruċiera fl-2002 u 3 022 fl-2003.

    (50)  Minn dan jirriżulta li t-talba tal-ftehim ippreżentata quddiem l-awtoritajiet Franċiżi mill Bank u CIP li l-proġett “Le Levant” kien jiddependi “mill-qrib mir-rabtiet eżistenti bejn CIP u Travel Dynamics […] operatur turistiku Amerikan li jispeċjalizza fl-organizzazzjoni tal-kruċieri”. CIP tenfasizza li l-proġett “Le Levant” huwa mibni fuq il-bażi tal-esperjenzi miksuba bl-ewwel bastiment tagħha, le Ponant, li “il-klijentela tiegħu … prinċiparjament mill-Amerika ta’ Fuq … illum ġejja fil-parti l-kbira mis-sħubija mwaqqfa ma’ Travel Dynamics”. CIP tgħid ukoll li din uriet li hi “kienet kapaċi li tattira klijentela mill-Amerika ta’ Fuq fuq bastiment Franċiż …”. Dan jirriżulta wkoll mir-rapport tal-Bank Ċentrali tat-territorji barra l-pajjiż, “Saint-Pierre u Miquelon fl-1999” (paġna 37) li d-destinazzjoni kienet mibjugħa fl-1999 minn ħdax-il operatur turistiku tal-Amerika ta’ Fuq kontra biss żewġ operaturi turistiċi Franċiżi.

    (51)  Il-Kummissjoni diġà nnutat, fil-qafas tad-Deċiżjoni 2003/66/KE tal-24 ta’ Lulju 2002 li tiddikjara operazzjon ita’ konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-iffunzjonar tal-ftehim ŻEE (Il-Kwistjoni COMP/M.2706 – Carnival Corporation/P & O Princess) (ĠU L 248, 30.9.2003, p. 1), li s-suq tal-kruċieri kien essenzjalment suq nazzjonali.


    Top