Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0741

    2008/741/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta' Settembru 2008 li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali japplika għall-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Polonja (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 4805) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 251, 19.9.2008, p. 35–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/741/oj

    19.9.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 251/35


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-11 ta' Settembru 2008

    li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali japplika għall-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Polonja

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 4805)

    (It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2008/741/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(4) u (6) tagħha,

    Wara li kkunsidrat it-talba sottomessa mir-Repubblika tal-Polonja permezz ta’ ittra li waslet fid-19 ta’ Mejju 2008,

    Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,

    Billi:

    I.   IL-FATTI

    (1)

    Fid-19 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni rċeviet talba mill-Polonja skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2004/17/KE, trażmessa lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra. Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-11 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni talbet għal aktar tagħrif, li l-awtoritajiet Pollakki bagħtuh bil-posta elettronika fit-28 ta’ Lulju 2008, wara l-iskadenza mogħtija għat-tweġiba.

    (2)

    It-talba sottomessa mir-Repubblika tal-Polonja tikkonċerna l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku.

    (3)

    It-talba ddaħħlet mill-awtorità nazzjonali indipendenti (Urzędu Regulacji Energetyki, l-uffiċċju regolatur tal-enerġija tal-Polonja), u b’hekk hija approvata minnu.

    II.   IL-QAFAS ĠURIDIKU

    (4)

    L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE jistipula li l-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva ma għandhomx ikunu suġġetti għad-Direttiva jekk, fl-Istat Membru li fih titwettaq, l-attività hija esposta direttament għal kompetizzjoni fuq swieq li għalihom l-aċċess m’huwiex ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, waqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat. L-aċċess jitqies li jkun mhux ristrett jekk l-Istat Membru jkun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu. Din il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness XI għad-Direttiva 2004/17/KE, li, għas-settur tal-elettriku, tirreferi għad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku (2). Id-Direttiva 96/92/KE ġiet sostitwita bid-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fl-elettriċità u li tirrevoka d-Direttiva 96/92/KE (3), li tirrikjedi livell saħansitra ogħla ta’ ftuħ tas-suq.

    (5)

    Il-Polonja implimentat u applikat mhux biss id-Direttiva 96/92/KE, imma wkoll id-Direttiva 2003/54/KE, filwaqt li għażlet is-separazzjoni legali u organizzattiva għan-netwerks tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni għajr għall-iżgħar kumpaniji tad-distribuzzjoni li, waqt li sejrin jibqgħu suġġetti għas-separazzjoni fil-kontabbiltà, huma eżenti mir-rekwiżiti tas-separazzjoni legali u organizzattiva minħabba li kellhom anqas minn 100 000 klijent jew li kienu jservu sistemi tal-elettriku b’konsum anqas minn 3 TWh fl-1996. Madankollu, huwa previst li l-Operaturi tas-Sistemi tad-Distribuzzjoni (DSOs) sejrin jibqgħu jaħdmu fi gruppi ta’ sjieda pubblika integrati vertikalment talanqas għall-2008. Konsegwentement, u f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(3), l-aċċess għas-suq għandu jiġi kkunsidrat li mhux ristrett.

    (6)

    L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni għandu jiġi evalwat abbażi ta’ indikaturi varji, li l-ebda wieħed minnhom ma hu deċiżiv fih innifsu. Fir-rigward tas-swieq ikkonċernati b’din id-deċiżjoni, is-sehem tas-suq tal-parteċipanti ewlenin f’suq partikolari jikkostitwixxi kriterju li għandu jitqies. Kriterju ieħor huwa l-livell tal-konċentrazzjoni f’dawk is-swieq. Fid-dawl tal-karatteristiċi tas-swieq ikkonċernati, għandhom jitqiesu kriterji ulterjuri bħalma huma l-funzjonament tas-suq ta’ bilanċ, il-kompetizzjoni fuq il-prezz u l-grad ta’ konsumaturi li jibdlu l-fornituri.

    (7)

    Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

    III.   VALUTAZZJONI

    (8)

    It-talba mressqa mill-Polonja tikkonċerna l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Polonja.

    (9)

    It-talba tal-Polonja tqis li s-suq ġeografiku rilevanti huwa limitat għat-territorju nazzjonali. Is-suq jippreżenta karattru unifikat, bl-ebda ostaklu għal li l-elettriku ġġenerat f’reġjun wieħed tal-pajjiż jinxtara minn persuna/entità minn reġjun ieħor (il-parti l-kbira tal-kapaċità tal-enerġija elettrika hija stallata fin-Nofsinhar tal-Polonja, imma l-enerġija minn dan ir-reġjun tinbiegħ fil-Polonja kollha kemm hi). Barra minn hekk, skont ir-Rapport ta’ Attività għall-2007 (4), “fl-2006 l-konġestjoni tas-sistema ta’ karattru strutturali.. kienet teżisti fil-fruntieri mal-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja. …” Fl-2006, 9,74 % tal-produzzjoni totali tal-elettriku kienet esportata mill-Polonja, filwaqt li fl-istess sena l-importazzjonijiet lejn il-Polonja telgħu għal 2,94 % tal-produzzjoni totali (l-esportazzjonijiet netti b’hekk irrappreżentaw 6,8 % tal-produzzjoni totali fl-2006). Ir-Rapport tal-Attività għall-2007 jikkonkludi li “l-aktar kwistjoni importanti relatata mal-iskambju tal-elettriku hija l-kapaċità limitata ta’ trasferiment fix-xibka Polakka, li tikkawża konġestjoni fl-interkonnetturi. Din hija kkawżata l-aktar minn pressjoni għolja tas-suq minħabba differenzi sinifikanti fil-prezzijiet tal-elettriku fil-Polonja u l-Ġermanja, ir-Repubblka Ċeka u l-Iżvezja.” Konsegwentement, it-territorju tar-Repubblika tal-Polonja għandu jitqies li jikkostitwixxi suq rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE.

    (10)

    Fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, ir-rapport dwar il-progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u l-elettriku (5), minn hawn ‘il quddiem ir-“Rapport tal-2005”, jistqarr li “ħafna swieq nazzjonali juru grad għoli ta’ konċentrazzjoni tal-industrija, li jtellef l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva” (6). Minħabba dan, jitqies li, fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku, “indikatur wieħed għall-grad ta’ kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali huwa s-sehem totali tas-suq tal-ikbar tliet produtturi” (7). Għall-2006, l-awtoritajiet Pollakki indikaw li l-ishma tal-akbar tliet produtturi kienu 44,2 % tal-enerġija li setgħet tintlaħaq u 52,3 % tal-produzzjoni grossa (8). Skont it-tweġiba tal-awtoritajiet Pollakki li waslet fit-28 ta’ Lulju, fl-2007 l-ishma kibru għal 51,7 % tal-enerġija li setgħet tintlaħaq u 58 % tal-produzzjoni grossa (9). Skont l-awtoritajiet Pollakki, l-ishma tas-suq tal-akbar tliet operaturi fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa laħqu 48,1 % fl-2006 u żdiedu għal 55,4 % fl-2007 (10). Għandu jkun enfasizzat li ċ-ċifri pprovduti mill-awtoritajiet Pollakki juri żieda ċara, bejn l-2006 u l-2007, tal-ishma tas-suq tal-akbar tliet operaturi f’kull settur. Dawn il-livelli ta’ konċentrazzjoni huma ogħla mill-perċentwali korrispondenti, 39 %, li għalih jirreferu d-Deċiżjonijiet 2006/211/KE (11) u 2007/141/KE (12) għar-Renju Unit. Huma simili (jew kemmxejn ogħla minn) il-livell (52,2 %) imsemmi fid-Deċiżjoni 2008/855/KE (13) fir-rigward tal-Awstrija, u l-livelli ta’ konċentrazzjoni tal-Polonja huma fl-aħħar mill-aħħar anqas mil-livelli korrispondenti msemmija fid-Deċiżjonijiet 2006/422/KE (14) u 2007/706/KE (15) li jikkonċernaw ripsettivament il-Finlandja (73,6 %) u l-Iżvezja (86,7 %). F’kull waħda mit-tliet każijiet, madankollu, dawn il-livelli ta’ konċentrazzjoni “jitpattew” bil-“pressjoni kompettitiva fuq is-suq ... imnissla mill-potenzjal li l-elettriku jiġi impurtat minn barra …” (16). Kif deskritt fil-premessa 9 hawn fuq, hemm konġestjonijiet tas-sistema u kapaċitajiet limitati ta’ trasferiment b’tali mod li l-importazzjonijiet jammontaw għal anqas minn 3 % tal-produzzjoni totali tal-Polonja meta mqabbla eż. mal-każ tal-Awstrija fejn “l-elettriku importat kien jirrappreżenta madwar kwart (17) tal-ħtiġijiet totali tagħha (18), b’mod partikolari għall-enerġija tal-bażi” (19). Barra minn hekk, skont dokument maħruġ mill-President tal-Uffiċċju Regolatorju tal-Enerġija tal-Polonja (20)“l-istruttura attwali u l-grad ta’ konċentrazzjoni tal-attività tal-industrija tal-enerġija rriżultaw l-ewwel mill-konsolidament orizzontali u mbagħad minn dak vertikali tal-kumpaniji tal-enerġija ta’ sjieda statali. Il-proċess ta’ konsolidament, li kellu effettt negattiv fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq domestiku, sejjer ikompli jaffettwa sostanzjalment l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa.” Dan il-livell ta’ konċentrazzjoni għaldaqstant ma jistax jittieħed bħala indikatur tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni tas-swieq tal-produzzjoni u tal-bejgħ bl-ingrossa.

    (11)

    Barra minn hekk, anke jekk tirrapreżenta parti żgħira mill-ammont totali tal-elettriku prodott u/jew ikkunsmat fi Stat Membru, il-funzjoni tas-swieq ta’ bilanċ xorta għandha tkun meqjusa bħala indikatur ieħor. Fil-fatt, “kull parteċipant tas-suq li ma jsibhiex faċli li jadatta l-produzzjoni tiegħu mal-karatteristiċi tal-klijenti tiegħu jissogra li jsib ruħu penalizzat mid-differenza bejn il-prezz li bih l-operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni [minn hawn ‘il quddiem TSO – transmission system operator] ibigħ l-enerġija żbilanċjata, u l-prezz li bih jixtri lura l-produzzjoni żejda. Dawn il-prezzijiet jistgħu jkunu imposti direttament mir-regolatur tat-TSO; jew inkella jintuża mekkaniżmu abbażi tas-suq, li fih il-prezz huwa ddeterminat minn offerti li jkunu għamlu produtturi oħra biex jirregolaw il-produzzjoni tagħhom ‘il fuq jew ‘l isfel […]. Diffikultà ewlenija għall-parteċipanti żgħar titfaċċa meta jkun hemm riskju ta’ differenza kbira bejn il-prezz tax-xiri mit-TSO u l-prezz tal-bejgħ. Dan jiġri f’għadd ta’ Stati Membri u x’aktarx ikun ta’ xkiel għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni. Differenza kbira tista’ tindika livell insuffiċjenti ta’ kompetizzjoni fis-suq ta’ bilanċ li jista’ jkun iddominat minn produttur wieħed jew tnejn biss” (21). Minkejja li għandu differenza relattivament baxxa (22) bejn il-prezz tax-xiri mit-TSO u dak tal-bejgħ, is-suq ta’ bilanċ Pollakk u l-karatteristiċi ewlenin tiegħu – b’mod partikolari in-nuqqas ta’ suq tal-istess jum (intra-day) jew aċċess għal-pjattaformi tas-suq li jistgħu jaħdmu bħala sostitut kif ukoll ċerti aspetti tal-ispejjeż tal-bilanċ – huma tali li “l-istruttura attwali tat-tariffi għas-servizzi tat-trażmissjoni, li skonthom il-klijenti kollha jġorru l-ispejjeż tal-bilanċ u l-immaniġġar tal-konġestjoni, lill-parteċipanti fis-suq ma jibgħatilhomx is-sinjali xierqa” (23). Il-funzjonament tas-suq ta’ bilanċ Pollakk għaldaqstant ma jistax jittieħed bħala indikatur addizzjonali li l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku huma direttament esposti għall-kompetizzjoni.

    (12)

    Minħabba l-karatteristiċi tal-prodott ikkonċernat (l-elettriku) u l-iskarsezza jew l-indisponibbiltà ta’ prodotti jew servizzi sostitwibbli adegwati, il-kompetizzjoni fil-prezzijiet u l-formazzjoni tal-prezzijiet jassumu importanza akbar fil-valutazzjoni tal-grad ta’ kompetizzjoni tas-swieq tal-elettriku. Fir-rigward tal-utenti industrijali kbar (finali), li huma l-aktar suġġetti li jixtru l-elettriku tagħhom direttament mingħand il-fornituri li huma wkoll produtturi, l-għadd ta’ konsumaturi li jibdlu l-fornitur jista’ jservi bħala indikatur għall-kompetizzjoni tal-prezz u b’hekk, indirettament, “indikatur naturali għall-effettività tal-kompetizzjoni. Jekk ftit huma l-klijenti li jaqilbu, x’aktarx li hemm problema ta’ funzjonament tas-suq, anki jekk ma għandhomx jiġu injorati l-vantaġġi implikati mill-possibilità ta’ negozjar mill-ġdid mal-fornitur storiku” (24). Barra minn hekk, “l-eżistenza ta’ prezzijiet regolati għall-utenti finali hija bla dubju fattur determinanti tal-imġiba tal-klijenti […]. Minkejja li ż-żamma tal-kontrolli tista’ tiġi ġġustifikata f’perjodu ta’ tranżizzjoni, din l-għażla se tkompli tikkawża aktar distorsjonijiet hekk kif joqrob il-bżonn ta’ investimenti” (25).

    (13)

    Skont l-aħħar tagħrif disponibbli, ir-rati ta’ bdil jammontaw għal 15,84 % għal klijenti industrijali Pollakki kbar u kbar ħafna (26), li jirrappreżentaw madwar 7,6 % tal-provvista totali (27). Dan jeħtieġlu jitqies fuq l-isfond tas-sitwazzjoni kif deskritta fid-Deċiżjonijiet preċedenti dwar is-settur tal-elettriku, li fih ir-rati ta’ bdil għal utenti industrijali kbar u kbar ħafna varja bejn aktar minn 75 % (id-Deċiżjoni 2006/422/KE dwar il-Finlandja) u 41,5 % (id-Deċiżjoni 2008/585/KE dwar l-Awstrija). Barra minn hekk, għad hemm kontrolli fuq il-prezzijiet għall-utenti aħħarija għall-klijenti fir-residenzi, li għalihom l-operaturi jeħtiġilhom jipprovdu lir-regolatur bit-tarffi li jixtiequ japplikaw. Is-sitwazzjoni fil-Polonja għalhekk mhijiex sodisfaċenti f’dak li jirrigwarda l-bdil tal-fornitur mill-utenti (aħħarija) industrijali kbar u kbar ħafna (28) u l-kontroll tal-prezz għall-utenti aħħarija, u ma tistax titqies bħala indikatur tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni.

    (14)

    Fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Polonja, is-sitwazzjoni għaldaqstant tista’ tingħata fil-qosor kif ġej: l-ishma tas-suq tal-akbar tliet produtturi u bejjiegħa bl-ingrossa huma relattivament għolja, mingħajr ma dan ikun kontrobilanċjat mid-disponibbiltà faċli ta’ elettriku importat; kif deskritt fil-premessa 11, il-funzjonament tas-suq ta’ bilanċ mhuwiex biżżejjed biex jittieħed bħala indikatur tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni, il-grad ta’ bdil huwa baxx, u għal xi klijenti għad hemm kontrolli tal-prezzijiet għall-utenti aħħarija.

    (15)

    Fl-aħħarnett, ma jistax ma jitqiesx il-kuntest globali tas-settur tal-enerġija fil-Polonja. B’hekk ir-“Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aġġornament tal-2008 tal-linji gwida wesgħin tal-politika ekonomika tal-Istati Membri u l-Komunità u dwar l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri” (29)“ittejjeb il-kompetizzjoni fl-industriji tan-netwerks, inkluż permezz ta’ reviżjoni tar-rwol tar-regolaturi, u tkompli b’mod enerġiku l-proċess tal-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-enerġija” (30), indikazzjoni oħra li l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa fil-Polonja għadhom mhumiex esposti għal kollox għall-kompetizzjoni.

    IV.   KONKLUŻJONIJIET

    (16)

    Fid-dawl tal-fatturi eżaminati fil-premessi (9) sa (15), għandu jiġi konkluż li l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Polonja attwalment mhumiex esposti direttament għall-kompetizzjoni. Għaldastant, l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE mhuwiex applikabbli għal kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet fil-Polonja. Konsegwentement, id-Direttiva 2004/17/KE tissokta tapplika meta entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti bil-għan li jippermettu li jitwettqu fil-Polonja l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku, jew meta jorganizzaw kompetizzjonijiet ta’ disinn għat-twettiq ta’ tali attivitajiet fil-Polonja.

    (17)

    Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni tad-dritt u tal-fatt minn Mejju sa Lulju 2008 kif tidher mill-informazzjoni sottomessa mir-Repubblika tal-Polonja, mir-Rapport tal-2005 u mill-Anness Tekniku għalih, mill-Komunikazzjoni tal-2007 u mid-Dokument tal-Persunal tal-2007 kif ukoll mir-Rapport Finali. Tista’ tiġi riveduta, jekk xi tibdiliet sinifikanti fis-sitwazzjoni legali jew fattwali jfissru li jintlaħqu l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE mhuwiex applikabbli għall-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Polonja. Konsegwentement, id-Direttiva 2004/17/KE għandha tissokta tapplika għall-kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u maħsuba biex jippermettulhom iwettqu t-tali attivitajiet fil-Polonja.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

    Magħmula fi Brussell, 11 ta’ Settembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Charlie McCREEVY

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

    (2)  ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20.

    (3)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.

    (4)  Verżjoni bl-Ingliż tar-Rapport ta’ Attività għall-2007, maħruġ mill-President tal-Uffiċċju Regolatorju tal-Enerġija fil-Polonja, bid-data tal-31 ta’ Ottubru 2007 u ppubblikat fl-24.4.2008 fi http://www.ure.gov.pl/portal/en/1/17/Activity_Report_2007.html

    (5)  COM(2005) 568 finali, 15.11.2005.

    (6)  Ir-Rapport tal-2005, p. 2.

    (7)  Ara r-Rapport tal-2005, p. 7.

    (8)  Cf. il-punt 5.1. tat-talba.

    (9)  Cf. il-paġna 1 tat-tweġiba.

    (10)  CF. il-punt 5.1 tat-talba u l-paġna 2 tat-tweġiba.

    (11)  ĠU L 76, 15.3.2006, p. 6.

    (12)  ĠU L 62, 1.3.2007, p. 23.

    (13)  ĠU L 188, 16.7.2008, p. 28.

    (14)  ĠU L 168, 21.6.2006, p. 33.

    (15)  ĠU L 287, 1.11.2007, p. 18.

    (16)  Ara l-premessa 12 tad-Deċiżjoni 2007/706/KE. Tabilħaqq, fil-każijiet tal-Finlandja u l-Iżvezja, tħalliet miftuħa l-eżistenza ta’ suq reġjonali, li jekk jittieħed bħala referenza, l-livelli ta’ konċentrazzjoni jġibhom għal 40 %.

    (17)  23,5 % skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Awstrijaċi.

    (18)  Jiġifieri l-kwantità tal-elettriku meħtieġa għall-konsum intern u l-esportazzjoni.

    (19)  Ara l-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2008/7585/KE.

    (20)  Il-verżjoni bl-Ingliż tar-“Roadmap of prices liberalisation for all electricity consumers — Towards the customers’ rights and effective competition in the power industry sector” bid-data Frar 2008, kienet ippubblikata fit-30.5.2008 fi http://www.ure.gov.pl/portal/en/1/18/Roadmap_of_prices_liberalisation_for_all_electricity_consumers.html, p. 10. Minn hawn ’il quddiem, id-dokument jissejjaħ “ir-Roadmap”.

    (21)  Dokument ta’ Ħidma għall-Istaff tal-Kummissjoni, Anness Teknilu għar-Rapport tal-2005, SEC(2005) 1448, minn hawn ’il quddiem “l-Anness Tekniku”, p. 67–68.

    (22)  Skont ir-Rapport Finali, paragrafu 993, tabella 52, is-suq ta’ bilanċ Pollakk jaħdem b’differenza ta’ 13, li tpoġġih fl-iżgħar nofs għax id-differenza fis-swieq ta’ bilanċ fl-UE tvarja bejn 0 u 79. Din l-analiżi tħares lejn l-effetti tal-funzjoni tas-suq ta’ bilanċ fuq il-produzzjoni tal-elettriku u mhux lejn il-grad ta’ kompetizzjoni fis-suq ta’ bilanċ innifsu. Għalhekk, għal dan l-għan mhux importanti jekk differenza żgħira hija kkawżata mill-kompetizzjoni jew mit-trażżin tal-prezz impost mir-regolatur, l-istess kif il-konċentrazzjoni għolja fuq is-suq ta’ bilanċ mhix pertinenti għal din l-analiżi.

    (23)  Ara r-Roadmap, p. 11.

    (24)  Ir-Rapport tal-2005, p. 9.

    (25)  L-Anness Tekniku, p. 17.

    (26)  Ara t-“Tabella 2. Rati Annwali ta’ Bdil bejn il-Fornituri tal-Elettriku 2006 (skont il-volum)”, p. 5 et seq. tad-“Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Dokument li jakkompanja ir-Rapport dwar il-Progress fil-Ħolqien tas-Suq Intern tal-Gass u l-Elettriku”, COM(2008) 192 finali, 15.4.2008.

    (27)  Ara r-Rapport tal-Attività għall-2007, p. 72.

    (28)  Ara r-Rapport tal-Attività għall-2007, p. 71. “L-għadd ta’ kumpaniji li jeżerċitaw dirttijiet TPS” – jiġifieri l-bdil- “ilu jikber kostantement mill-2001, imma ċ-ċifri globali xejn m'huma sodisfaċenti”.

    (29)  Il-Parti IV tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa: Rapport Strateġiku dwar il-verżjoni mġedda tal-istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi: it-tnedija taċ-ċiklu l-ġdid (2008-2010), COM(2007) 803 finali, 11.12.2007. Ippubblikat fl-indirizz http://ec.europa.eu/growthandjobs/pdf/european-dimension-200712-annual-progress-report/200712-countries-specific-recommendations_mt.pdf

    (30)  Paġna 31, il-punt 5. Dan huwa konsistenti wkoll ma’ xi stqarrijiet fir-Rapport tal-Attività għall-2007. “Fil-Polonja s-suq tal-enerġija mhuwiex żviluppat għal kollox.” (p. 2-3); “Madankollu, l-istruttura tas-suq tal-enerġija fil-Polonja xejn ma jista’ jingħad li huwa kompetittiv għal kollox” (p. 12).


    Top